Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Novembru 2009 - Centre national de la recherche scientifique vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-448/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Centre national de la recherche scientifique (Pariġi, Franza) (rappreżentant: N. Lenoir, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rifużjoni tal-allegat ammont riċevibbli ta' EUR 110 102.26, miżjud bl-interessi moratorji bir-rata legali, skont id-dritt Belġjan applikabbli għall-kuntratt, mitlub mill-Kummissjoni skont il-kuntratt fin-nota ta' debitu tagħha tad-29 ta' Ġunju 2009 (referenza Nru 3230906067) u li ta lok għall-att ta' tpaċija tas-17 ta' Awwissu [referenza BUDG/C3 D(2009) 10.5 - 1232];

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, is-Centre national de la recherche scientifique (CNRS) jitlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rifużjoni tal-ammont riċevibbli ta' EUR 110 102.26, kif jinsab fin-nota ta' debitu Nru 3230906573, tad-29 ta' Ġunju 2009, allegatament dovut mir-rikorrent, skont il-Kuntratt EURO-THYMAIDE dwar proġett tas-sitt programm-qafas ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, u li ta lok għall-att ta' tpaċija tas-17 ta' Awwissu 2009, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq tliet motivi bbażati:

fuq in-nonosservanza tal-kriterji ta' ġustifikazzjoni tal-infiq previsti fuq bażi kuntrattwali, sa fejn il-Kummissjoni injorat l-Artikolu II.19.1 tal- Kundizzjonijiet ġenerali tal-Kuntratt EURO-THYMAIDE dwar l-infiq eliġibbli u sussidjarjament, fuq in-nuqqas ta' osservanza tal-obbligu ta' bona fide previst mill-Artikolu 1134 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan - billi eskludiet elementi ġustifikattivi tal-infiq dirett tal-persunal involut fil-proġett li, madankollu, kienu ta' valur probatorju ċar. Dan l-approċċ wassal lill-Kummissjoni sabiex tiċħad b'mod żbaljat ċertu nfiq dirett tal-persunal u sabiex twettaq ċerti aġġustamenti, li dehru permezz tal-ammont riċevibbli kkontestat;

fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-Provvediment għal Telf ta' Impjieg (PTI) fid-dawl tal-kriterji previsti mill-Artikoli II.19.1, II.19.2.c u II.20 tal-Kundizzjonijiet ġenerali tal-Kuntratt EURO-THYMAIDE, ġaladarba, bil-kontra tal-isem qarrieqi tiegħu, il-PTI huwa nfiq tal-persunal marbut mal-assigurazzjoni kontra l-qgħad li ma jistax jinfired mill-infiq eliġibbli tal-persunal. Billi ċaħdet infiq eliġibbli, peress li l-ammonti jikkorrispondu għall-PTI miġbur fuq ir-remunerazzjoni tal-persunal temporanju tas-CNRS involut fil-Proġett, il-Kummissjoni kisret it-termini msemmija hawn fuq;

fuq l-evalwazzjoni manifestament żbaljata tas-salarji tal-leave tal-mard fid-dawl tal-kriterji ta' eliġibbiltà previsti fuq bażi kuntrattwali, sa fejn il-Kummissjoni, bil-kontra tal-Artikolu 11.19 tal-Kundizzjonijiet ġenerali tal-Kuntratt EURO-THYMAIDE, żiedet is-salarji mħallsa lill-persunal tas-CNRS involut fil-proġett matul il-leave tal-mard mal-infiq li mhuwiex eliġibbli.

____________