Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Ġunju 2012 - Vestel Iberia vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-249/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Vestel Iberia, SL (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: P. De Baere u P. Muñiz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COM (2010) 22 finali, tat-18 ta' Jannar 2010, li tistabbilixxi li t-teħid inkunsiderazżzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni hija ġġustifikata u li l-maħfra ta' dawk id-dazji ma hijiex iġġustifikata f'każ partikolari (REM 20/08), li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-12 ta' April 2012;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv jallega

li d-dazji fuq l-importazzjoni ġew inklużi fil-kont bi ksur tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (iktar 'il quddiem il-"KDK") , peress li l-konvenuta kkunsidrat b'mod żbaljat li r-regoli antidumping adottati fir-rigward ta' importazzjonijiet minn pajjiżi terzi huma applikabbli awtomatikament għal oġġetti f'moviment liberu fl-unjoni doganali UE-Turkija, u li konsegwentement, il-konvenuta b'mod żbaljat naqset milli tinforma lin-negozjanti li r-Regolament antidumping ikkonċernat kien applikabbli wkoll għal oġġetti f'moviment liberu fl-unjoni doganali UE-Turkija. Alternattivament, l-awtoritajiet Torok wettqu żball meta kkonfermaw li d-dazji antidumping imposti fuq oġġetti minn pajjiżi terzi ma kinux applikabbli għal oġġetti f'moviment liberu fl-unjoni doganali UE-Turkija. Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali Spanjoli ukoll wettqu żball peress li assumew li l-oġġetti li kienu koperti minn ċertifikat A.TR ma setgħux jiġi suġġetti għal dazji addizzjonali jew għal miżuri għall-protezzjoni tan-negozju, u naqsu milli jinformaw lill-operaturi ekonomiċi li l-importazzjonijiet tagħhom mit-Turkija setgħu jiġu suġġetti għal miżuri ta' negozju, anki jekk tali oġġetti kienu f'moviment liberu.

It-tieni motiv jallega

li l-iżball mwettaq mill-awtoritajiet doganali kompetenti ma setgħax jiġi raġjonevolment innotat mill-persuna responsabbli għall-ħlas, meta din tkun aġixxiet in bona fede u tkun osservat id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali.

It-tielet motiv jallega

li r-rikorrenti tinsab fis-sitwazzjoni speċjali tal-Artikolu 239 KDK, u li hija ma tista' tiġi attribwita bl-ebda qerq jew negliġenza ovvja skont l-Artikolu 239 KDK.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).