Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 2018 – Pšonka vs Il-Kunsill

(Kawża T-289/18)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Artem Viktorovič Pšonka (Kramatorsk, l-Ukraina) (rappreżentant: M. Mleziva, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/333 tal-5 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/326 tal-5 ta’ Marzu 2018, sa fejn dik id-deċiżjoni u dak ir-regolament jikkonċernaw lir-rikorrent.

tiddikjara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u tikkundannah għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrent.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

Insostenn tar-rikors tiegħħu, ir-rikorrent isostni, inter alia, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma kienx diliġenti biżżejjed u ma tax attenzjoni biżżejjed fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/333 tal-5 ta’ Marzu 2018, u dan peress li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma indirizzax l-argumenti tar-rikorrent u l-provi li kien ressaq li jimmilitaw favur dan tal-aħħar, u huwa bbaża ruħu primarjament fuq is-sunt qasir tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina u ma talab ebda informazzjoni addizzjonali dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet fl-Ukraina.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li ttieħdu kontrih huma sproporzjonati, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju u jammontaw għal ksur tal-garanziji tad-dritt internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.

F’dan ir-rigward ir-rikorrent isostni li fl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi d-drittijiet tiegħu għal smigħ xieraq u għall-preżunzjoni ta’ innoċenza nkisru, bħalma nkiser id-dritt tiegħu għall-protezzjoni tal-proprjetà privata.

____________