Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-14 ta’ Settembru 2022 fil-Kawża T-775/20, PB vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-721/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Baquero Cruz, B. Araujo Arce, J. Estrada de Solà, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: PB, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla l-ewwel punt u t-tielet punt tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fl-14 ta’ Settembru 2022 fil-Kawża T-775/20;

Tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu fir-rigward tar-rikors għal annullament; u

Tikkundanna lil PB għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju għal annullament ibbażat fuq żball ta’ liġi.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tikkunsidra, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, abbażi tar-raġunament tal-punti 51 sa 64 ta’ din is-sentenza, li r-Regolament PIF “għalhekk ma jistax jikkostitwixxi waħdu l-bażi legali rilevanti għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri amministrattivi intiżi għall-irkupru tal-ammonti miġbura indebitament [...]”.

Il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi, peress li l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament PIF jikkostitwixxu bażi awtonoma u suffiċjentement preċiża sabiex jiġu adottati miżuri amministrattivi ta’ rkupru, li ma humiex sanzjoni.

Fil-punt 69 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali fl-aħħar nett ikkonkludiet li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002 u tal-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament PIF ma jippermettux l-adozzjoni ta’ miżura kontra r-rikorrent fl-ewwel istanza, sa fejn ma kienx il-benefiċjarju dirett tal-pagamenti.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali twettaq żball ta’ liġi, peress li l-Artikolu 7 tar-Regolament PIF 1 , applikat flimkien mal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament u mal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju tal-2002, jikkostitwixxi dispożizzjoni suffiċjentement ċara u preċiża sabiex tippermetti l-irkupru kontra r-rikorrent fl-ewwel istanza, anki jekk ma kienx il-benefiċjarju dirett tal-pagamenti inkwistjoni.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).