Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju) fl-10 ta’ Diċembru 2020 – Airbnb Ireland UC vs Région de Bruxelles-Capitale

(Kawża C-674/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour constitutionnelle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Airbnb Ireland UC

Konvenut: Région de Bruxelles-Capitale

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(5)(a) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizz ta’ intermedjazzjoni li għandu bħala għan, permezz ta’ pjattaforma elettronika, li jqiegħed f’kuntatt, bi ħlas, kerrejja potenzjali ma’ sidien il-kera professjonali jew mhux professjonali li joffru servizzi ta’ akkomodazzjoni għal żmien qasir, jikkomunikaw, fuq talba bil-miktub tal-amministrazzjoni fiskali u taħt piena ta’ multa amministrattiva, “id-data tal-operatur u d-dettalji tal-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika, kif ukoll in-numru ta’ ljieli u ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni operati matul is-sena li tkun għaddiet” bl-għan li jiġu identifikati l-persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni turistika u d-dħul taxxabbli tagħhom, taqa’ taħt il-“qasam tat-tassazzjoni” u għandha, b’konsegwenza, titqies bħala li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija deskritta fl-ewwel domanda preliminari? Jekk ikun il-każ, l-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal tali leġiżlazzjoni?

L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2003/31 għandu jiġi interpretat bħala li japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li hija deskritta fl-ewwel domanda preliminari u bħala li jawtorizza tali leġiżlazzjoni?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399.

2     ĠU 2006, L 376, p. 36.