Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Aragón (Spanja) fil-11 ta’ Diċembru 2020 – ASADE - Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio vs Consejería de Sanidad de la Diputación General de Aragón

(Kawża C-676/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Aragón

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ASADE - Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio

Konvenut: Consejería de Sanidad de la Diputación General de Aragón

Domandi preliminari

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mhux biss assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, għall-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali għall-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma tiġi osservata l-proċedura prevista fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE 1 u jkun liema jkun il-valur stmat, sempliċement permezz tal-kwalifika minn qabel tal-imsemmija ammonti bħala mhux ta’ natura kuntrattwali, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 49 TFUE 2 u l-Artikoli 76 u 77 (b’rabta mal-Artikolu 74 u [mal-]Anness XIV) tad-Direttiva 2014/24?

Leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-provvista ta’ servizzi ta’ interess ġenerali ta’ natura sanitarja jew soċjali, tippermetti li tiġi evitata l-proċedura ta’ kuntratti pubbliċi permezz tal-użu tat-teknika tal-azzjoni miftiehma, b’mod li tiġi ssupplimentata jew issostitwita l-ġestjoni b’riżorsi proprji, mhux għal raġunijiet ta’ konformità tat-teknika għall-provvista adegwata tas-servizz, iżda sabiex jintlaħqu għanijiet konkreti ta’ politika soċjali li jaffettwaw il-modalità ta’ provvista jew il-modalità li għandha tiġi ssodisfata mill-persuna responsabbli mill-provvista sabiex din tiġi magħżula, u dan anki meta jibqgħu fis-seħħ il-prinċipji ta’ pubbliċità, ta’ kompetenza u ta’ trasparenza, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (b’rabta mal-Artikolu 74 u [mal-]Anness XIV tad-Direttiva 2014/24?

Jekk dan ikun il-każ, il fatt li din it-teknika ta’ intervent tiġi rriżervata biss u esklużivament għal entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, mhux biss għal assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet diġà ċċitati u, barra minn hekk, mal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 3 , anki meta jiġi osservat il-prinċipju ta’ trasparenza u ta’ pubbliċità?

Fir-rigward tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva dwar is-servizzi [2006/123], l-għoti lill-awtoritajiet kontraenti tas-setgħa diskrezzjonali li jirrikorru għall-azzjoni miftiehma sabiex jafdaw il-ġestjoni ta’ servizzi ta’ natura soċjali u sanitarja lil entitajiet mingħajr skop ta’ lukru għandu jiġi interpretat bħala li huwa ekwivalenti għall-issuġġettar tal-aċċess għal dawn is-servizzi skont il-forma ġuridika? Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, hija valida, b’riferiment għall-Artikolu 15(7) tad-Direttiva dwar is-servizzi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni li fir-rigward tagħha l-Istat ma nnotifikax lill-Kummissjoni dwar l-inklużjoni tar-rekwiżit dwar il-forma ġuridika?

Fil-każ fejn ir-risposti għad-domandi preċedenti jkunu fl-affermattiv, l-Artikoli 49 u 56TFUE, l-Artikoli 76 u 77 (b’rabta mal-Artikolu 74 u [mal-]Anness XIV) tad-Direttiva 20014/24 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti, għal skopijiet ta’ għażla ta’ entità mingħajr skop ta’ ukru (mhux biss lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat) li magħha tiġi miftiehma l-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni, minbarra dawk iddikjarati fl-Artikolu 2(2)(j) tal-imsemmija direttiva, li fost il-kriterji ta’ għażla jiġi inkluż l-istabbiliment fil-lokalità jew zona ġeografika li fiha jkun ser jiġi pprovdut is-servizz?

____________

1 ĠU 2014 L 94, p. 65 u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68.

2 ĠU 2012 C 326, p. 47.

3 ĠU 2006, L 376, p. 36.