Language of document : ECLI:EU:T:2011:105

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

22 ta’ Marzu 2011(*)

“Aċċess għad-dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokument li jirrigwarda proċedura leġiżlattiva pendenti – Rifjut parzjali ta’ aċċess – Rikors għal annullament – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Żvelar minn terz – Nuqqas ta’ telf tal-interess ġuridiku – Identifikazzjoni tad-delegati tal-Istati Membri awturi tal-proposti – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali”

Fil-Kawża T‑233/09,

Access Info Europe, stabbilita f’Madrid (Spanja), irrappreżentata minn O. W. Brouwer u J. Blockx, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn C. Fekete u M. Bauer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u K. Boskovits, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u S. Ossowski, bħala aġenti, assistiti minn L. J. Stratford, barrister,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerta informazzjoni li hemm fin-nota tas-26 ta’ Novembru 2008, dwar proposta għal regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skont l-Artikolu 255 KE:

“1.      Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, soġġett għall-prinċipji u l-kondizzjonijiet kif definiti skond il-paragrafi 2 u 3.

2.      Il-prinċipji ġenerali u l-limiti għar-raġuni ta’ interess pubbliku jew privat li jirregolaw id-dritt ta’ l-aċċess għal dokumenti jiġu stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam.

3.      Kull istituzzjoni msemmija hawn fuq għandha telabora fir-Regoli tal-Proċedura tagħha d-dispożizzjonijiet speċifiċi rigward l-aċċess għad-dokumenti tagħha”.

2        Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt tal‑aċċess pubbliku għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previsti fl‑Artikolu 255(2) KE.

3        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jiddefinixxi diversi eċċezzjonijiet mid-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni stabbilit mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament għal kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fikiża jew ġuridika li tirresjedi jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru.

4        B’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.”

5        Skont l-Artikolu 207(3) KE:

“ Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

Għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 255(3), il-Kunsill għandu jelabora f’dawn ir-Regoli l-kondizzjonijiet li bihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill. Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-Kunsill għandu jiddefenixxi l-każijiet li fihom għandu jitqies li jkun jaġixxi fil-kapaċità leġislattiva tiegħu, bil-ħsieb li jħalli aċċess akbar għad-dokumenti f’dawk il-każijiet, waqt li fl-istess ħin jippreserva l-effettività tiegħu fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet. F’kull każ, meta l-Kunsill jaġixxi fil-kapaċita leġislattiva tiegħu, ir-riżultati tal-voti u l-ispjegazzjoni tal-voti kif ukoll l-istqarrijiet fil-minuti għandhom isiru pubbliċi.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Permezz ta’ posta elettronika tat-3 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti, l-assoċjazzjoni Access Info Europe, talbet lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, sabiex ikollha aċċess għan-nota tas-26 ta’ Novembru 2008, miktuba mis-Segretarjat Ġenerali tiegħu lill-grupp ta’ ħidma dwar l-informazzjoni stabbilit mill-Kunsill, dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dokument mitlub”). Dan id-dokument jgħaqqad flimkien il-proposti għall-emendi jew verżjonijiet ġodda kkomunikati minn diversi Stati Membri waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-25 ta’ Novembru 2008.

7        Permezz ta’ posta elettronika tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill ta aċċess parzjali lir-rikorrenti għad-dokument mitlub. Il-verżjoni kkomunikata lir-rikorrenti kien fiha l-proposti ċċitati iktar ’il fuq, mingħajr madankollu l-possibbiltà li jiġi identifikat l-Istat Membru li kien l-awtur tagħhom. Sabiex jiġġustifika r-rifjut tiegħu sabiex jikkomunika din l-informazzjoni, il-Kunsill indika li l-iżvelar tagħha kien jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali, u ma kienx meħtieġ minħabba interess pubbliku akbar, li kien jippermetti l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit mill-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

8        Permezz ta’ posta elettronika tas-16 ta’ Jannar 2009, ir-rikorrenti ressqet applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

9        Permezz ta’ deċiżjoni adottata fis-26 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kunsill ikkonferma, permezz tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu, ir-rifjut tiegħu sabiex jiżvela, fuq il-bażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-elementi tad-dokument mitlub li jippermettu li jiġu identifikati l-Istati Membri awturi tal-proposti differenti kkomunikati waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma fuq l-informazzjoni tal-25 ta’ Novembru 2008. Wara mistoqsija dwar l-istat tal-proċedura ppreżentata mir-rikorrenti, il-Kunsill ikkomunikalha d-deċiżjoni kkontestata f’posta elettronika tat-3 ta’ April 2009. F’din il-posta elettronika, il-Kunsill indika wkoll li kien diġà bagħat lir-rikorrenti kopja tad-deċiżjoni kkontestata fl-ittra mibgħuta fis-26 ta’ Frar 2009.

10      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill invoka r-raġunijiet li ġejjin sabiex jistabbilixxi li l-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti ta’ emendi differenti kien jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tiegħu, u ma kienx meħtieġ minħabba interess pubbliku akbar:

“Il-grupp ta’ ħidma ‘Informazzjoni’, il-korp preparatorju tal-Kunsill responsabbli għall-proposti, iltaqa’ diversi drabi sabiex iwettaq eżami inizjali tal-proposta [ta’ regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ppreżentata mill-Kummissjoni fir-30 ta’ April 2008 u dikussa bħalissa miż-żewġ oqsma tal-awtorità leġiżlattiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni]. Fil-kuntest tad-diskussjonijiet tagħhom, xi delegazzjonijiet esprimew l-opinjonijiet preliminari tagħhom fuq l-emendi li kien fiha l-proposta. Dawn id-diskussjonijiet għadhom f’fażi preliminari u għad ma kellna l-ebda konverġenza ta’ perspettivi, u lanqas ma wasalna għal konklużjonijiet dwar il-kwistjonijiet imqajma. Il-kontribuzzjonijiet bil-mitkub li hemm fid-dokument mitlub jirrigwardaw tliet kwistjonijiet partikolarment sensitivi fil-kuntest tad-diskussjonijiet preliminari mal-Kunsill u li għadhom ma ġewx, sa llum, eżaminati sew fi ħdan il-grupp ta’ ħidma ‘Informazzjoni’. B’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-proċess deċiżjonali għadu biss fil-fażi inizjali tiegħu, li l-kwistjonijiet delikati mqajma għadhom ma kinux is-suġġett ta’ diskussjonijiet fit-tul u li linja ta’ kondotta ċara għadha ma ġietx stabbilita dwar dawn il-kwistjonijiet, l-iżvelar tal-isem tad-delegazzjonijiet fl-oriġini tal-proposti li hemm fid-dokument mitlub jippreġudika b’mod serju l-effikaċja tal-proċess deċiżjonali tal-Kunsill peress li jikkomprometti l-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jasal għal ftehim fuq dan il-fajl u, b’mod partikolari jnaqqas il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet sabiex jilħqu kompromess fi ħdan il-Kunsill.

Fil-fatt, ir-riskju li jiġi kompromess b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kunsill huwa prevedibbli b’mod raġonevoli u ma huwiex purament ipotetiku. Kieku d-dokumenti li jirrigwardaw l-perspettiva espressa bil-miktub mid-delegazzjonijiet fuq kwistjonijiet partikolarment sensittivi jiġu żvelati fit-totalità tagħhom waqt il-proċess deċiżjonali, ċerti delegazzjonijiet jitħajru jiefqu milli jippreżentaw il-perspettivi tagħhom bil-miktub u li jwettqu biss skambji orali mal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, li ma jinvolvux il-kitba ta’ dokumenti. Dan jippreġudika b’mod kunsiderevoli l-effiċjenza tal-proċess deċiżjonali intern tal-Kunsill u jostakola d-diskussjonijiet interni kumplessi fuq l-abbozz tal-att u jippreġudika wkoll lit-trasparenza globali tal-proċess tat-teħid deċiżjonali tal-Kunsill.

Il-Kunsill wettaq bilanċ, minn naħa, bejn l-interess pubbliku dwar l-effiċjenza tal-proċess deċiżjonali intern tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-interess pubbliku fit-tisħiħ tat-trasparenza, li jiżgura li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn leġittimità akbar u li jkunu barra minn hekk responsabbli fil-konfront taċ-ċittadini, b’mod partikolari meta jaġixxu fil-kwalità ta’ leġiżlatur. Huwa preċiżament minħabba dan il-bilanċ, li s-Segretarjat Ġenerali ddeċieda, b’risposta għa[t]-talba inizjali, li jiżvela l-kontenut tad-dokument mitlub, billi jħassar l-isem tad-delegazzjonijiet ikkonċernati. Din is-soluzzjoni tippermetti, minn naħa, liċ-ċittadini sabiex jeżaminaw, skont il-prinċipji demokratiċi, l-informazzjoni li fuqha huwa bbażat l-att leġiżlattiv diskuss fi ħdan il-Kunsill, u min-naħa l-oħra, li tiġi ppreżervata l-effiċjenza tal-proċess deċiżjonali tal-Kunsill, skont it-termini espressi fl-Artikolu 207(3) KE.

Il-Kunsill eżamina wkoll il-possibbiltà li jiġi evalwat, delegazzjoni b’delegazzjoni, jekk l-isem tal-Istati Membri kkonċernati setax jiġi żvelat. Madankollu, din il-possibbiltà ġiet imwarrba, peress li twassal hija stess għal evalwazzjoni arbitrarja ħafna, li hija stess tista’ tiġi kkontestata. Is-soluzzjoni milħuqa ma tostakolax, ovvjament, lid-delegazzjonijiet ikkonċernati milli jesprimu kif jixtiequ huma b’mod pubbliku l-pożizzjoni tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fit-12 ta’ Ġunju 2009, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

12      B’digriet tat-23 ta’ Novembru 2009, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Repubblika Ellenika u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq sabiex jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

13      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill intalab sabiex jirrispondi għal diversi domandi u sabiex iressaq kopja ta’ diversi dokumenti tal-Kunsill dwar il-proposta għal regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ppreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ April 2008, li huma disponibbli għall-pubbliku f’din il-fażi tal-proċedura leġiżlattiva.

14      B’ittra tad-29 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ippreżenta r-risposti tiegħu għad-domandi tal-Qorti Ġenerali, u pproduċa d-dokumenti mitluba, li fuqhom ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà tippronunċja ruħha waqt is-seduta.

15      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010.

16      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tagħha u kif ukoll dawk tal-intervenjenti.

17      Il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad lir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

19      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 Fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

–       L-argumenti tal-partijiet

20      Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa manifestament inammissibbli peress li huwa tardiv. It-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE ma bediex fit-3 ta’ April 2009, id-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ posta elettronika, iżda fis-26 ta’ Frar 2009, id-data li fiha l-Kunsill kien ikkomunika din id-deċiżjoni permezz ta’ ittra mhux irreġistrata. Fil-kawża preżenti, id-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet adottata mill-Kunsill fis-26 ta’ Frar 2009. L-ittra mehmuża ma’ din id-deċiżjoni kienet ġiet iffinalizzata u ffirmata f’din l-istess ġurnata, u wara rreġistrata mas-servizz tal-posta, u mibgħuta mill-ewwel permezz ta’ ittra mhux irreġistrata fl-indirizz indikat mir-rikorrenti. Fi tmien snin ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill qatt ma ġie mgħarraf b’xi telf ta’ risposta. Għaldaqstant, il-Kunsill kellu kull raġuni sabiex jemmen li d-deċiżjoni kkontestata waslet għand ir-rikorrenti. Konsegwentement, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, li beda jiddekorri fis-26 ta’ Frar 2009, kien skada fis-6 ta’ Mejju 2009, fit-tmiem ta’ xahrejn flimkien mat-terminu minħabba d-distanza ta’ għaxart’ijiem, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, ir-rikors huwa tardiv peress li ġie ppreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri iktar minn ħames ġimgħat wara li skada t-terminu previst.

21      Fil-każ fejn ir-regolarità tan-notifika ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza, il-Kunsill josserva li r-rikorrenti setgħet, mis-26 ta’ Frar2009, tieħu konoxxenza tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kawża preżenti, l-abbozz ta’ risposta għall-applikazzjoni konfermatorja kien aċċessibbli mill-pubbliku mill-20 ta’ Frar 2009, permezz tar-reġistru tad-dokumenti tal-Kunsill. Barra minn hekk, dan l-abbozz kien intbagħat lir-rikorrenti bħala risposta għat-talba tagħha tat-2 ta’ Marzu 2009, filwaqt li l-informazzjoni dwar l-adozzjoni tal-imsemmi abbozz ilhom pubbliċi mis-26 ta’ Frar 2009. Peress li stenniet xahar, it-3 ta’ April 2009, sabiex titlob il-komunikazzjoni tat-test adottat fuq il-bażi tal-abbozz tar-risposta kkomunikata fit-2 ta’ Marzu, ir-rikorrenti ma osservatx dak li l-Kunsill qies li huwa terminu raġonevoli sabiex tieħu konoxxenza tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċevietx l-ittra tal-Kunsill li informataha bid-deċiżjoni kkontestata qabel it-3 ta’ April 2009, id-data li fiha rċeviet notifika tad-deċiżjoni permezz tal-posta elettronika. Fir-rigward tal-informazzjoni li permezz tagħha hija setgħet tieħu konoxxenza tad-deċiżjoni kkontestata billi tikkonsulta lir-reġistru pubbliku tal-Kunsill, ir-rikorrenti tenfassizza li r-reġistru li għalih jagħmel riferiment il-Kunsill fih biss abbozz ta’ risposta u mhux id-dokument finali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

23      Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikors għal annullament għandu jitressaq fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, jew minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent ikun sar jaf bih.

24       Skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza.

25      Mill-Artikolu 254(3) KE, jirriżulta wkoll li d-deċiżjonijiet għandhom jiġu nnotifikati lil dawk li lilhom huma indirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika.

26      Fil-kawża preżenti, ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikkomunikata mill-Kunsill lir-rikorrenti fit-3 ta’ April 2009. Din id-deċiżjoni kienet mehmuża ma’ posta elettronika tal-Kunsill li permezz tagħha s-Segretarjat Ġenerali rrisponda għal posta elettronika tar-rikorrenti li talbet sabiex tiġi informata bl-istat tal-proċedura. Ir-rikorrenti tikkonferma li saret taf b’din ir-risposta fit-3 ta’ April 2009, ħaġa li tippermetti li tistabbilixxi n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata lid-destinatarju tagħha fis-sens tat-Trattat.

27      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kunsill intiż sabiex juri n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata lir-rikorrenti fis-26 ta’ Frar 2009. Fil-fatt, il-Kunsill naqas milli jistabbilixxi li l-ittra li huwa jiggarantixxi li bagħat lir-rikorrenti waslet għand id-destinatarja tagħha qabel it-3 ta’ April 2009. Barra minn hekk, il-Kunsill jirrikonoxxi li bagħat id-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ “posta mhux irreġistrata”, li ma jippermettilhux jistabbilixxi li waslet għand ir-rikorrenti u wisq inqas id-data li fiha waslet għand id-destinatarja tagħha f’Spanja. Fin-nuqqas ta’ ittra rreġistrata b’avviż ta’ kunsinna, ta’ posta elettronika jew ta’ faks segwiti minn avviż ta’ kunsinna, l-allegazzjoni tal-Kunsill, li tipprovdi li r-rikorrenti rċeviet ir-risposta tiegħu tas-26 ta’ Frar 2009, f’dik il-ġurnata stess jew ftit wara, ma hijiex ipprovata. Għaldaqstant, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien it-3 ta’ April 2009, id-data li fiha l-Kunsill innotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ posta elettronika.

28      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tal-Kunsill li jipprovdi li r-rikorrenti kienet saret taf bil-portata tad-deċiżjoni kkontestata meta ħadet konoxxenza tal-abbozz ta’ risposta konfermatorja fit-2 ta’ Marzu 2009, hemm lok li jitfakkar li mill-kliem stess tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE jirriżulta li l-kriterju tad-data meta r-rikorrenti ssir taf dwar l-att ikkontestat bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, T-190/00, Ġabra p. II-5015, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, anki jekk jitqies li ġiet ipprovata, il-konoxxenza tar-rikorrenti tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, peress li, fil-kawża preżenti, din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lilha fit-3 ta’ April 2009, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 254(3) KE. Fil-preżenza ta’ notifika lid-destinatarju għall-kalkolu tat-terminu għal preżentata ta’ rikors previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, hija din id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, u mhux id-data tal-konoxxenza tal-att, li jseħħ biss sussidjarjament fin-nuqqas ta’ notifika. F’kull każ, fir-rigward tal-prova stess ta’ konoxxenza tal-att, ma huwiex ikkontestat bejn il-partijiet li l-uniku dokument disponibbli fir-reġistru pubbliku tal-Kunsill huwa abbozz ta’ deċiżjoni u mhux id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf bil-kontenut u l-motivi tal-att ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni konfermatorja tagħha fir-rigward tar-Regolament Nru 1049/2001.

29      Konsegwentement, peress li r-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2009, jiġifieri, fit-terminu ta’ xahrejn li beda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata fit-3 ta’ April 2009, flimkien mat-terminu minħabba d-distanza ta’ għaxart’ijiem, dan ma huwiex tardiv. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata f’dan is-sens mill-Kunsill.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

30      Fir-risposta tiegħu, il-Kunsill indika li l-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub huwa aċċessibbli mill-pubbliku fis-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch mis-26 ta’ Novembru 2008. B’risposta għad-domandi mressqa fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazjzoni tal-proċedura, il-Kunsill ippreċiża l-indirizz elettroniku li fih kien possibbli l-aċċess għal din il-verżjoni. Huwa rrefera wkoll għar-rapport tal-House of Lords Select Committee on the European Union (Kummissjoni speċjali fuq l-Unjoni Ewropea tal-House of Lords, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ‘Unjoni Ewropea’”), dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fuq il-proposta ta’ emenda tar-Regolament Nru 1049/2001, li jirreferi għal laqgħa fit-18 ta’ Marzu 2009 mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit, li fiha l-konsegwenzi tal-iżvelar iċċitat iktar ’il fuq ġew evokati. Waqt is-seduta, il-Kunsill indika li, anki jekk l-iżvelar mhux awtorizzat tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub mill-organizzazzjoni Statewatch seħħ malajr ħafna, jiġifieri, skont il-Kunsill, fit-tmiem tax-xahar ta’ Novembru 2008, huwa sar jaf bih meta adotta d-deċiżjoni inizjali tas-17 ta’ Diċembru 2008 u d-deċiżjoni konfermatorja tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-talba għal aċċess ippreżentata mir-rikorrenti.

31      Fir-replika, ir-rikorrenti tosserva li hija ma kinitx taf bil-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub meta hija ppreżentat it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti indikat ukoll li hija setgħet issir taf bil-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub f’Mejju jew f’Ġunju 2009, wara diskussjonijiet mal-assoċjazzjonijiet oħra kkonċernati fil-kwistjonijiet ta’ trasparenza. Minħabba dan l-iżvelar, ir-rikorrenti għaldaqstant illum għandha kopja tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub mill-Kunsill.

32      F’dan il-kuntest, jista’ jiġi allegat ukoll li r-rikorrenti ma hijiex affettwata realment mid-deċiżjoni kkontestata peress li diġà għandha l-informazzjoni li talbet l-iżvelar tagħha u għaldaqstant ma tistax tallega li għandha interess ġuridiku suffiċjenti sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, u fin-nuqqas ta’ dan, ikun inammissibbli. Dan is-suġġett tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok għal deċiżjoni, li jippreżupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Jekk l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma jibqax hemm matul il-proċedura, deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq il-mertu ma tistax tkun ta’ benefiċċju għaliha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C-362/05 P, Ġabra. p. I-4333, punti 42 u 43, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-kawża preżenti, l-iżvelar totali tad-dokument mitlub fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, mit-tmiem tas-sena 2008, bħal mument li fih ir-rikorrenti saret taf b’din il-verżjoni f’Mejju jew Ġunju 2009, ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li hija ma għandhiex jew ma għadx għandha interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba r-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem.

35      L-ewwel nett, fuq il-livell tal-prinċipji, hija ġurisprudenza stabbilita li rikorrent jista’ jżomm interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma sseħħx fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli għandhom ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, tali interess ġuridiku jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors imressaq mir-rikorrent (ara s-sentenza Wunenburger vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 50 sa 52, u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti, peress li, minn naħa, l-illegalità allegata mir-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001, li l-Kunsill probabbilment jirrepeti fil-każ ta’ talba ġdida u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, bħala assoċjazzjoni li għandha bħala għan li tippromwovi t-trasparenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, probabbilment fil-futur ser tippreżenta talbiet għal aċċess analogi li jirrigwardaw l-istess tip ta’ dokumenti.

36      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-awtur tal-iżvelar tal-informazzjoni kkontestata lir-rikorrenti ma huwiex il-Kunsill, li b’hekk jirrikonoxxi l-interess tal-pubbliku sabiex jikseb l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni, iżda terz li ma osservax il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika, li hija ma kinitx taf li l-informazzjoni kienet disponibbli fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, fil-mument li fih hija ppreżentat it-talba inizjali tagħha u t-talba konfermatorja ta’ aċċess għad-dokumenti, u l-Kunsill jippreċiża li kien fl-istess pożizzjoni meta rrisponda għal dawn it-talbiet. Għaldaqstant, ir-rikorrenti u lanqas il-Kunsill ma kienu jafu b’dan il-fatt meta bdiet il-proċedura amministrattiva li waslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġustament talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tippronunzja ruħha fuq din id-deċiżjoni, li tippreġudikaha, peress li tirrigwarda l-unika deċiżjoni li ġiet innotifikata biha sa llum, u li tagħtiha biss aċċess parzjali għad-dokument mitlub fuq il-bażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001. L-aġir tal-organizzazzjoni Statewatch huwa irrilevanti sabiex jiġi evalwat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti sabiex tikseb l-annullament ta’ tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II-2289, punt 69, li fil-kuntest tagħha, ir-rikorrenti diġà kellha pussess ta’ ċerti dokumenti mitluba lill-Kunsill li kienu ntbagħtula mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru).

37      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, anki jekk setgħet tikseb il-kontenut tal-informazzjoni li l-aċċess għalih ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandha interess ġuridiku sabiex tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

38      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Jaqbel li nibdew billi neżaminaw l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

39      Ir-rikorrenti tfakkar li r-Regolament Nru 1049/2001 ifittex li jiżgura parteċipazzjoni aħjar liċ-ċittadini fit-teħid deċiżjonali u li jagħti l-ikbar effett possibbli lid-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti, b’mod partikolari fil-każ fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kwalità ta’ leġiżlatur. L-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet għandu jkun il-prinċipju, u r-rifjut l-eċċezzjoni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett.

40      Fir-rigward tal-affermazzjoni li tipprovdi li l-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet titnaqqas jekk dawn jiġu identifikati, ir-rikorrenti ssostni li l-ebda spjegazzjoni ma tressqet fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi sostnuta l-fondatezza tagħha. Id-delegazzjonijiet jifformolaw opinjonijiet u emendi li jippermettu lill-Kunsill jiddefinixxi l-pożizzjoni tiegħu. L-aċċess pubbliku għal dawn il-pożizzjonijiet għaldaqstant jippermetti lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ikunu responsabbli fil-konfront taċ-ċittadini. Anki jekk jitqies li l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet toħloq ir-riskju ta’ pressjoni esterna, dan ir-riskju ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni invokata, peress li huwa inerenti għar-rekwiżit ta’ responsabbiltà u għall-prinċipju ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini li huma l-bażi tar-Regolament Nru 1049/2001. Fir-rigward tal-kristallizzazzjoni tal-pożizzjonijiet allegata mill-Kunsill, ir-rikorrenti tfakkar li s-sempliċi affermazzjoni tal-eżistenza ta’ preġudizzju ma hijiex suffiċjenti bħala prova li dan jeżisti. Il-Kunsill ma jurix kif l-iżvelar tad-dokument mitlub fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch kien ippreġudika l-ispirtu ta’ fiduċja fi ħdan id-delegazzjonijiet. Barra minn hekk, l-unika darba li l-pożizzjoni ta’ delegazzjoni għandha tinżamm sigrieta hija dik li fiha din tixtieq titkellem b’żewġ modi differenti, wieħed, meta tadotta pożizzjoni meta tipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill u l-ieħor meta tindirrizza lill-pubbliku, inklużi ċ-ċittadini tagħha stess. Issa, dan ma huwiex l-għan tar-Regolament Nru 1049/2001.

41      Fir-rigward tal-affermazzjoni li tipprovdi li l-perspettivi tad-delegazzjonijiet ma jibqgħux jiġu ppreżentati bil-miktub jekk dawn jiġu identifikati, ir-rikorrenti tenfassizza li, bħala prinċipju, dak kollu li jingħad jew jinkiteb waqt il-fażi preparatorja tal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għall-informazzjoni u kontroll. Fil-kawża preżenti, l-effetti negattivi eventwali tal-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti huma biss marġinali. Xejn ma jippermetti li jiġi sostnut li dan l-iżvelar jiddiswadi lid-delegazzjonijiet milli jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub.

42      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar, ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li l-proċess deċiżjonali jiġi kkontestat minħabba r-raġunijiet invokati mid-deċiżjoni kkontestata, dan l-interess jiġġustifika l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet nazzjonali. L-interess tal-pubbliku fl-iżvelar ma huwiex limitat għall-kapaċità ta’ kontroll fuq l-Istati Membri jew il-Kunsill, iżda jestendi wkoll fuq il-possibbiltà għaċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv. Għaldaqstant, ma huwiex suffiċjenti li jiġu ppubblikati l-pożizzjonijiet meħuda mid-delegazzjonijiet mingħajr ma jiġu identifikati.

43      Il-Kunsill, sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu li l-aċċess pubbliku għall-partijiet tad-dokument mitlub li ma ġewx ikkomunikati jnaqqas l-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet, jenfassizza li l-Artikolu 255 KE u r-Regolament Nru 1049/2001 ma jeħtiġux li l-proċess leġiżlattiv ikun is-suġġett ta’ trasparenza kompleta. Ir-regoli applikati mill-Kunsill fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi pjuttost jieħdu inkunsiderazzjoni l-ekwilibriju previst fl-Artikolu 207(3) KE, bejn aċċess akbar tal-pubbliku għall-attivitajiet tiegħu ta’ leġiżlatur u l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tiegħu. Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill jindikaw il-każijiet fejn huwa jaġixxi fil-kwalità ta’ leġiżlatur [Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom, tal-15 ta’ Settembru 2006 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, (ĠU L 285, p. 47, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”)], u liema dokumenti leġiżlattivi huma direttament aċċessibbli mill-pubbliku (Artikolu 11(5) u (6) tal-Anness II tar-Regoli tal-Proċedura). Wara l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, id-dokumenti li fihom il-pożizzjonijiet individwali tad-delegazzjonijiet ikunu aċċessibbli mill-pubbliku (ara l-Artikolu 11(6) tal-Anness II tar-Regoli tal-Proċedura). Meta d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin, il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti jkun ukoll aċċessibbli mill-pubbliku, bl-eċċezzjoni tal-isem tad-delegazzjonijiet li jagħmlu xi proposti u tal-partijiet li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001) (ara l-linji gwida approvati minn Coreper fit-8 ta’ Marzu 2002 fuq ċerti kwistjonijiet ta’ prinċipju li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001). Għalkemm id-delegazzjonijiet jafu li l-portata tal-pożizzjonijiet tagħhom fuq il-fajls leġiżlattivi ssir pubblika waqt l-eżami tagħhom, huma jippretendu madankollu li jibqa’ kunfidenzjali sakemm l-att leġiżlattiv jiġi adottat. Huwa għaldaqstant sabiex tinżamm il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet waqt id-diskussjonijiet preliminari dwar il-proposta tal-Kummissjoni, li għandu jiġu żgurat li isimhom ma jiġix żvelat lill-pubbliku. Jekk il-kontribuzzjonijiet bil-miktub ikunu aċċessibbli mill-pubbliku fil-verżjoni sħiħa tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva pendenti, dan iwassal sabiex jiġu ffriżati l-pożizzjonijiet tad-delegazzjonijiet, peress li dawn ikollhom ħafna inqas flessibbiltà sabiex jemendaw il-pożizzjoni tagħhom waqt id-dibattiti u jiġġustifikaw soluzzjoni ta’ kompromess quddiem il-pubbliku tagħhom, li tista’ tkun differenti mill-pożizzjoni inizjali tagħhom, li jikkomprometti b’mod serju l-possibbiltà li jinsab kompromess.

44      B’risposta għall-ilment dwar in-nuqqas ta’ provi li jippermettu li jiġi stabbilit kif l-iżvelar tal-isem tad-delegazzjonijiet inkwistjoni jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali pendenti, il-Kunsill – sostnut mir-Repubblika Ellenika u mir-Renju Unit – isostni li dan il-preġudizzju serju huwa pprovat suffiċjentement skont il-liġi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ riskju raġonevolament prevedibbli u mhux purament ipotetiku. L-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-diskussjonijiet li seħħew fi ħdan il-Kunsill dwar il-proposta tal-Kummissjoni ġew ikkunsidrati bħala partikolarment sensittivi. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li tirregola l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, meqjus minn ħafna bħala dritt fundamentali, tqajjem interess kunsiderevoli minn naħa tal-pubbliku. Ċerti pożizzjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni ntlaqgħu b’ostilità mill-medja, li wassal għal ħafna kritiki fi ħdan il-pubbliku. It-tieni nett, il-grupp ta’ ħidma kien għadu ma indirizzax il-proposti tad-delegazzjonijiet. Għaldaqstant, il-pressjoni pubblika jista’ jkollha impatt fuq il-kapaċità tad-delegazzjonijiet sabiex jippreżentaw u jiddefendu b’mod liberu l-pożizzjonijiet preliminari tagħhom u, konsegwentement, li toħloq distorsjoni tad-dibattitu fi ħdan il-Kunsill. Jekk id-delegazzjonijiet jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jeżeminaw fil-paċi, fil-kuntest tal-Kunsill, il-kwistjonijiet sensittivi u kontroversjali marbuta mar-Regolament Nru 1049/2001, il-Kunsill ikollu xi diffikultajiet sabiex imexxi ’l quddiem ir-reviżjoni tat-test. It-teħid ta’ pożizzjoni preliminari ppreżentati mid-delegazzjonijiet fuq livell tekniku ma jikkorrispondux neċessarjament għall-pożizzjoni difiża mill-Istat Membru kkonċernat f’fażi sussegwenti tal-proċedura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar tal-pożizzjonijiet preliminari jista’ jwassal sabiex jiġu ostakolati dibattiti miftuħa fi ħdan il-Kunsill u jwassal għal ekwivoċi.

45      Insostenn tal-affermazzjoni mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet li għamlu xi proposti tiddiswadihom milli jibqgħu jippreżentaw il-perspettivi tagħhom bil-miktub, il-Kunsill jikkonstata li, wara l-iżvelar mhux awtorizzat fuq l-internet tad-dokument mitlub mill-organizzazzjoni Statewatch, huwa possibbli li jitkejjel il-preġudizzju dirett ikkawżat lill-proċess deċiżjonali f’każ bħal dan. Fil-kawża preżenti, il-pubblikazzjoni tad-dokument mitlub kien ippreġudika l-ispirtu ta’ fiduċja fi ħdan il-grupp ta’ ħidma u d-delegazzjonijiet saru partikolarment prudenti meta jiġu biex jagħtu l-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub, b’mod partikolari meta dawn il-pożizzjonijiet jistgħu joħolqu kritiki jew kontroversji fi ħdan il-pubbliku. L-eżami ta’ proposta leġiżlattiva ma tistax isseħħ fuq il-bażi ta’ sempliċi skambji orali bejn id-delegazzjonijiet. Jekk id-delegazzjonijiet jastjenu milli jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom bil-miktub, iċ-ċittadini ma jkollhomx iktar il-posibbiltà li jwettqu kontroll fuq dawn il-pożizzjonijiet minħabba s-sempliċi raġuni li ma jkunx hemm dokument rilevanti, u dan jippreġudika b’mod serju lill-prinċipju ta’ trasparenza.

46      B’risposta għall-ilment dwar il-ħtieġa ta’ prova tal-preġudizzju kkawżat b’mod konkret lill-proċess deċiżjonali minħabba l-iżvelar tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, il-Kunsill, sostnut mir-Repubblika Ellenika u mir-Renju Unit – ifakkar li l-proposta tal-Kummissjoni ġiet ippreżentata liż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva fit-30 ta’ April 2008. Il-fajl leġiżlattiv għadu fil-fażi tal-ewwel qari. Fl-istennija li jintemm l-ewwel qari tal-Parlament, id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill ikunu limitati għall-iskambji preliminari fuq livell tekniku fi ħdan l-istanzi preparatorji, mingħajr perspettiva immedjata li jsiru n-negozjati fuq il-fajl leġiżlattiv fuq livell politiku, fejn il-Kunsill ikun jista’ jiddefinixxi l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposta tal-Kummissjoni. Id-dewmien mhux normali tal-proċess leġiżlattiv ikun viżibbli peress li l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni fil-fażi tal-ewwel qari tieħu medja ta’ 16.2 xahar. In-nuqqas ta’ progress fil-proċess leġiżlattiv ikun xhieda tan-natura estremament sensittiva u kontroversjali ta’ dan il-fajl u l-fatt li teżisti diffikultà reali sabiex jintlaħaq ftehim bejn il-pożizzjonijiet differenti.

47      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar, il-Kunsill ifakkar li r-rifjut tiegħu li jidentifika d-delegazzjonijiet fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva pendenti ma jostakolax il-kontroll eżerċitat miċ-ċittadini fuq il-gvernijiet fi ħdan l-Istati Membri. L-interess sabiex il-gvernijiet jinżammu responsabbli għall-pożizzjonijiet li jadottaw fir-rigward ta’ proposta leġiżlattiva ma jikkostitwixxix interess pubbliku akbar fis-sens tar-regolament. Barra minn hekk, ir-Renju Unit josserva li t-talbiet ġenerali fir-rigward tat-trasparenza ma humiex suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu interess pubbliku ġenerali li jiġġustifika l-iżvelar.

 Ir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

48      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali ressqet xi domandi bil-miktub lill-Kunsill, dwar, b’mod partikolari, il-konstatazzjoni li tidher fir-risposta li tipprovdi li, mis-26 ta’ Novembru 2008, il-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, li jippermetti “li jiġi kkalkolat il-preġudizzju dirett li kkawża lill-proċess deċiżjonali, l-aċċess pubbliku għall-pożizzjonijiet kollha bil-miktub tad-delegazzjonijiet li jidhru fid-dokument mitlub”. B’risposta għall-ewwel domanda ppreżentata fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tiegħu, il-Kunsill indika dak li ġej sabiex jispjega iktar fid-dettall u b’mod konkret kif l-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet li għamlu xi proposti fid-dokument mitlub tirrapreżenta dannu serju għall-proċess deċiżjonali tiegħu.

49      L-ewwel nett, il-Kunsill isostni li, wara l-iżvelar tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub, is-Segretarjat Ġenerali tiegħu qassam biss erba’ dokumenti li kien fihom proposti bil-miktub, ifformulati mid-delegazzjonijiet dwar il-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, jiġifieri, id-dokumenti Nru 8778/09, tas-17 ta’ April 2009, Nru 9716/09, tal-11 ta’ Mejju 2009, Nru 10443/09, tas-27 ta’ Mejju 2009 u Nru 11065/09, tas-16 ta’ Ġunju 2009. F’dan ir-rigward, il-Kunsill jikkonstata, li l-proposti kollha mwettqa f’dawn id-dokumenti huma intiżi sabiex jemendaw il-proposta tal-Kummissjoni permezz ta’ trasparenza ikbar. L-ebda proposta kontra dan il-prinċipju ma ġiet ifformolata wara l-iżvelar imwettaq mill-organizzazzjoni Statewatch. Issa, fl-opinjoni tal-Kunsill, id-delegazzjonijiet ma setgħux jitqiesu bħala kollha favorevoli għall-iżvantaġġ tat-trasparenza fuq il-kwistjonijiet kollha eżaminati fi ħdan tal-grupp ta’ ħidma. Dan jintwera mill-fatt li għadu ma sar l-ebda qbil bejn id-delegazzjonijiet fir-rigward ta’ pożizzjoni tal-Kunsill dwar il-proposta leġiżlattiva. Għaldaqstant, il-Kunsill jikkunsidra li d-delegazzjonijiet li l-pożizzjonijiet tagħhom jirriskjaw li jissemmew fl-opinjoni pubblika minħabba li huma kontra t-trasparenza, astjenew milli jippreżentaw il-pożizzjoni tagħhom bil-miktub, wara l-iżvelar tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch.

50      It-tieni nett, sabiex jintwera d-dannu serju lill-proċess deċiżjonali, il-Kunsill jirreferi għall-interventi tar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit quddiem il-kummissjoni “Unjoni Ewropea”, dwar l-istat tad-diskussjonijiet, fi ħdan il-Kunsill, dwar il-proposta għal regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti. B’risposta għad-domanda dwar l-“utilità” tal-iżvelar imwettaq mill-organizzazzjoni Statewatch fuq il-progress tad-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill, wieħed mir-rappreżentanti tar-Renju Unit, indika b’mod partikolari li d-dokument mitlub jikkostitwixxi “ritratt tas-sitwazzjoni” u li mhux neċessarjament jirrifletti l-koerenza tan-negozjati. Dan ir-rappreżentant żied li, għaldaqstant, ma huwiex ċert li l-pubblikazzjoni tad-diskussjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-kuntest tagħhom għandha kwalunkwe utilità. Fl-opinjoni tiegħu, l-iżvelar jiżra l-konfużjoni. Huwa żied ukoll li l-problema kienet il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Istati Membri jistgħux ikunu sinċieri jew jitkellmu mingħajr restrizzjonijiet jekk jaħsbu li fi kwalunkwe mument, ir-riflessjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward jistgħu jiġu ppubblikati. Skont il-Kunsill, minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-iżvelar totali tad-dokument mitlub kellu impatt negattiv fuq is-sinċerità u l-kompletezza tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, u pprojbixxa lid-delegazzjonijiet milli jaħsbu f’soluzzjonijiet jew emendi differenti sabiex jaslu għal konverġenza fil-fehmiet tagħhom, fuq il-kwistjonijiet l-iktar kontroversjali.

51      It-tielet nett, il-Kunsill isostni li l-livell ta’ dettall fir-rapporti tas-Segretarjat Ġenerali fuq l-istat tad-diskussjonijiet dwar il-fajl leġiżlattiv fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill kien evolva fiż-żmien. Għalkemm l-ewwel rapport tas-26 ta’ Jannar 2009 li jidher fid-dokument Nru 5671/09, jindika l-ismijiet tad-delegazzjonijiet li wettqu xi osservazzjonijiet u xi suġġerimenti fuq il-proposta tal-Kummissjoni, l-aħħar rapport tat-22 ta’ Lulju 2009, li kien is-suġġett tad-dokument 10859/1/09 REV 1, ma jippreċiżax liema kienu d-delegazzjonijiet li wettqu xi osservazzjonijiet u xi suġġerimenti oralment waqt il-laqgħat tal-grupp, iżda juża espressjonijiet bħal “ċertu numru ta’ delegazzjonijiet”, “delegazzjonijiet oħra”, “numru kbir ta’ delegazzjonijiet”, mingħajr ma jidentifika lid-delegazzjonijiet inkwistjoni. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, l-impatt dirett tal-iżvelar mhux awtorizzat tal-verżjoni totali tad-dokument mitlub fuq id-dokumenti preparatorji kollha tal-Kunsill ippreparati fil-kuntest tal-fajl leġiżlattiv inkwistjoni jista’ jiġi kkalkolat b’mod ċar. Peress li d-dokumenti preparatorji huma qabel kollox għodda ta’ xogħol għall-Kunsill, li jippermettulu jieħu konoxxenza tal-istat ta’ avvanzament tax-xogħol li jirrigwarda proċess deċiżjonali partikolari u, konsegwentement, li jiffaċilita l-kumplament tax-xogħol fuq il-fajl, huwa għaldaqstant importanti ħafna li l-kontenut tagħhom ikun komplet kemm jista’ jkun. Jekk, kif juri dan il-każ, il-Kunsill ikollu jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju tal-iżvelar mhux awtorizzat, dan jinfluwenza mingħajr dubju l-mod kif jiġu fformulati d-dokumenti preparatorji, u l-informazzjoni sensittiva – bħal dik imsemmija iktar ’il fuq – ma tibqax tidher fihom. Għaldaqstant, id-dokumenti preparatorji ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-għan prinċipali tagħhom.

52      B’risposta għat-tieni domanda ppreżentata fil-kuntest tal-miżuri tal-organizzazzjoni tal-proċedura, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali titlob lill-Kunsill sabiex jindika liema kienu l-kwistjonijiet partikolarment sensittivi ttrattati fil-proposti tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri esposti fid-dokument mitlub u kif dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu distinti mill-kwistjonijiet li jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv klassiku fejn possibbiltajiet differenti jistgħu jeżistu fil-fażi preliminari tad-diskussjonijiet, il-Kunsill josserva li n-natura sensittiva ta’ dokument tinsab fl-istatus u l-kontenut tiegħu.

53      Fir-rigward tal-istatus tad-dokument mitlub, il-Kunsill ifakkar li, sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjonijiet bil-miktub li jidhru fid-dokument mitlub ma kinux is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-fond fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill. Barra minn hekk, peress li l-proposti li jidhru fid-dokument mitlub, huma intiżi sabiex isaħħu l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, ikun raġonevolament prevedibbli li l-pressjoni esterna eżerċitata minn gruppi militanti fil-qasam tat-trasparenza tkun partikolarment ta’ preġudizzju għall-kapaċità tad-delegazzjonijiet sabiex jippreżentaw u jiddefendu b’mod ħieles il-pożizzjonijiet preliminari tagħhom, u li tippreġudika konsegwentement lis-sinċerità fid-dibattiti fi ħdan il-Kunsill.

54      Fir-rigward tal-kontenut tiegħu, il-Kunsill jirrileva li d-dokument mitlub fih proposti intiżi sabiex isaħħu l-protezzjoni tal-opinjonijiet legali, tal-proċedura ta’ ksur u tal-informazzjoni personali, billi jipprovdi esklużjoni mill-kamp tal-applikazzjoni tar-regolament propost u billi jsaħħah l-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-regolament fis-seħħ. Fl-opinjoni tal-Kunsill, dawn il-proposti huma partikolarment kontroversjali, mhux biss peress li jirriskjaw li jiġu kkritikati minħabba l-mod kif jillimitaw il-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għad-dokumenti, iżda wkoll peress li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jirrestrinġu l-interpretazzjoni wiesgħa li l-qorti tal-Unjoni tat lill-prinċipju ta’ trasparenza. Għaldaqstant, ikun estrament diffiċli li jiġu difiżi dawn il-proposti kontra l-opinjoni pubblika, b’mod partikolari jekk jinħarġu barra mill-kuntest leġiżlattiv tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

55      Fid-dawl tal-għanijiet segwiti permezz tar-Regolament Nru 1049/2001, b’mod partikolari ċ-ċirkustanza, imfakkra permezz tat-tieni premessa tar-regolament, li d-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa marbut man-natura demokratika ta’ dawn tal-aħħar u l-fatt li l-imsemmi regolament huwa intiż, kif indikat fir-raba’ premessa tiegħu u fl-Artikolu 1 tiegħu, sabiex jagħti lill-pubbliku dritt tal-akbar aċċess possibbli, l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi dritt elenkati fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati u applikati strettament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C-64/05 P, Ġabra p. I‑11389, punt 66).

56      Il-protezzjoni tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku jimplika għaldaqstant, id-dritt tiegħu sabiex jara li jiġi żvelat il-kontenut kollu tad-dokumenti mitluba, peress li dan id-dritt jista’ jiġi llimitat biss mill-applikazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001. Jekk hija biss parti mid-dokument mitlub li hija koperta minn eċċezzjoni, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-trasparenza tgħin liċ-ċittadin jieħu sehem fil-proċess deċiżjonali b’mod aktar mill-qrib u tiggarantixxi li l-amministrazzjoni tgawdi aktar leġittimità u tkun aktar effettiva u responsabbli fir-rigward taċ-ċittadin f’sistema demokratika.

57      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma, ovvjament, ta’ rilevanza li hija għal kollox partikolari meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġiżlatur, kif jirriżulta mis-sitt premessa tar-Regolament Nru 1049/2001 li tgħid li għandu jingħata iktar aċċess għad-dokumenti f’każ bħal dan. It-trasparenza f’dan ir-rigward tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini li jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta’ att leġiżlattiv. Fil-fatt, il-possibbiltà, għaċ-ċittadini, li jsiru jafu l-bażi tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni tal-eżerċizzju effettiv, minn dawn tal-aħħar, tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Lulju 2008, L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, Ġabra p. I 4723, punt 46).

58      Minbarra dan, għandu jiġi rrilevat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(3), il-Kunsill għandu l-obbligu li jiddefinixxi l-każijiet li fihom għandu jitqies li jkun jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu, bil-ħsieb li jħalli aċċess akbar għad-dokumenti f’tali każijiet (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 57 iktar ’il fuq, punt 47).

59      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li dokument jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II-1121, punt 69). Tali applikazzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument huwiex ser jippreġudika l-interess protett b’mod konkret u effettiv. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għal interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku sabiex ikun jista’ jiġi invokat (sentenza L-Isvezja u Turco vs Il-Kunsill, punt 57 iktar ’il fuq, punt 43, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, Borax Europe vs Il-Kummissjoni, T-166/05, Ġabra p. II‑0028, punt 50).

60      Fil-kawża preżenti, huwa l-Kunsill li għandu jwettaq bilanċ bejn l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas tal-iżvelar ta’ parti mid-dokument mitlub, jiġifieri, l-identità tal-awturi tal-proposti, u l-interess ġenerali sabiex dan id-dokument ikun kompletament aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw minn trasparenza ikbar tal-proċess leġiżlattiv. Ma huwiex ikkontestat li d-dokument mitlub ġie stabbilit fil-kuntest tal-attività leġiżlattiva tal-Kunsill. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura jindika b’hekk li: “[i]l-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità leġiżlattiva tiegħu skond it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 207(3) […] KE meta jadotta regoli li jorbtu legalment fi jew għall-Istati Membri, permezz ta’ regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet kwadru jew deċiżjonijiet, abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati, bl-eċċezzjoni ta’ diskussjonijiet li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżuri interni, atti amministrattivi jew baġitarji, atti dwar relazzjonijiet interistituzzjonali jew internazzjonali jew atti li ma jorbtux (bħal konklużjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew riżoluzzjonijiet)”.

61      L-eżami tad-dokument mibgħut mill-Kunsill bħala anness mar-risposta inizjali tiegħu, jippermetti li jiġi kkonstatat li d-dokument mitlub jirriproduċi in extenso l-kontenut tar-risposti mwettqa mill-grupp ta’ ħidma “Informazzjoni” tal-Kunsill minn erba’ delegazzjonijiet rappreżentanti tal-Istati Membri sabiex jiġu emendati jew ifformulati b’mod differenti, id-dispożizzjonijiet li jidhru fil-proposta tar-regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Id-dokument mitlub juri wkoll in extenso r-raġunijiet invokati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri insostenn tal-proposti tagħhom. F’din il-fażi tal-proċedura leġiżlattiva pendenti, l-unika informazzjoni li l-aċċess għaliha ġie miċħud mill-Kunsill, hija l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-erba’ Stati Membri li huma l-awturi tal-proposti ta’ emenda jew tal-formulazzjoni mill-ġdid (Anness 5 tar-rikors). Il-Kunsill josserva li, bl-applikazzjoni tal-prattika li huwa stabbilixxa, din l-informazzjoni ma hijiex, bħala prinċipju, aċċessibbli mill-pubbliku, ħlief wara l-adozzjoni tar-regolament li kien is-suġġett tal-proposta tal-Kummissjoni (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

62      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, l-eċċezzjoni invokata għar-rifjut tal-aċċess tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, li abbażi tagħha, l-aċċess għal dokument maħruġ minn istituzzjoni għal użu intern, jew mibgħut lill-istituzzjoni u li jirrigwarda kwistjoni li dwarha għadha ma ħaditx deċiżjoni, huwa miċħud fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu joħloq preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni, sakemm interess pubbliku akbar ma jiġġustifikax l-iżvelar ta’ dan id-dokument.

63      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill jinvoka diversi raġunijiet sabiex jiġġustifika l-benefiċċju ta’ din l-eċċezzjoni (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Ir-raġuni prinċipali msemmija hija bbażata fuq l-allegazzjoni li tipprovdi li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni tnaqqas il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet sabiex jilħqu kompromess, li konsegwentement, idaħħal inkwistjoni l-kapaċità tal-Kunsill sabiex jilħaq ftehim. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-Kunsill jinvoka żewġ ċirkustanzi partikolari. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-natura preliminari tad-diskussjonijiet pendenti fil-Kunsill, filwaqt li t-tieni waħda hija bbażata fuq in-natura sensittiva u delikata tal-proposti mwettqa mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Kunsill isostni wkoll li l-iżvelar tal-informazzjoni inkwistjoni, ikollu bħala effett prevedibbli li l-miktub, jitwarrab għall-mitkellem, li jippreġudika t-trasparenza globali tal-proċess deċiżjonali.

64      Barra minn hekk, hekk kif isostni l-Kunsill fin-noti tiegħu, u b’risposta għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, l-iżvelar tal-verżjoni sħiħa tad-dokument mitlub fuq is-sit internet tal-organizzazzjoni Statewatch, li seħħ mid-data tal-adozzjoni ta’ dan id-dokument, jiġifieri s-26 ta’ Novembru 2008, huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jintwerew u jiġu evalwati l-effetti li l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti jista’ jkollu b’mod konkret fuq il-proċess deċiżjonali inkwistjoni.

65      Għaldaqstant, ma huwiex l-iżvelar tal-proposti differenti mwettqa mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri waqt il-proċedura leġiżlattiva li jista’ jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali, iżda biss l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi ta’ dawn il-proposti. Dan il-preġudizzju serju, allegat mill-Kummissjoni u li jista’ jintwera wara l-iżvelar bi żball tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti, jibqa’ jeżisti biss sakemm l-att leġiżlattiv inkwistjoni jkun għadu qed jiġi diskuss. Għaldaqstant, din il-kawża tqajjem il-kwistjoni sabiex jiġi magħruf jekk, minħabba raġunijiet invokati mill-Kunsill, l-iżvelar ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti mniżżla fid-dokument mitlub f’mument meta l-Kunsill għadu ma ħax deċiżjonijiet, jippreġudikax il-proċess deċiżjonali ta’ din l-istituzzjoni.

66      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża preżenti, il-Kunsill ma stabbilixxiex suffiċjentement skont il-liġi u skont il-fatti li l-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti mwettqa fid-dokument mitlub jippreġudika b’mod serju l-proċess leġiżlattiv dwar proposta ta’ reviżjoni pendenti tar-Regolament Nru 1049/2001.

67      Fir-rigward tal-argumenti invokati mill-Kunsill sabiex jallega l-eżistenza ta’ preġudizzju serju lill-proċess leġiżlattiv pendenti minħabba li dan inaqqas il-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li dan ma jikkaratterizzax riskju suffiċjentement u raġonevolament prevedibbli sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar‑Regolament Nru 1049/2001.

68      B’mod ġenerali, il-Kunsill isostni li l-identifikazzjoni tal-delegazzjonijiet li huma l-awturi ta’ proposta ta’ emenda jew ta’ ifformular mill-ġdid f’mument fejn għadha ma ttiħditx deċiżjoni jkollu bħala effett li jiffriża l-pożizzjonijiet ta’ dawn id-delegazzjonijiet, peress li dawn ikunu jiddisponi minn marġni iżgħar sabiex jemendaw il-pożizzjonijiet waqt id-dibattiti fil-futur u sabiex jiġġustifikaw soluzzjoni li tkun differenti minn dik li kellhom fil-pożizzjoni inizjali tagħhom (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Fir-risposta tiegħu għall-ewwel domanda ppreżentata mill-Qorti Ġenerali, il-Kunsill jallega wkoll li l-iżvelar mill-organizzazzjoni Statewatch tal-ismijiet tad-delegazzjonijiet li fformulaw xi proposti fid-dokument mitlub għandu bħala konsegwenza li dawn id-delegazzjonijiet, jew oħrajn, li eventwalment jixtiequ jressqu xi proposti sabiex jillimitaw jew inaqqsu t-trasparenza, ma jibqgħux jagħmlu dan minħabba l-pressjonijiet li jistgħu jiġu kkawżati fuqhom mill-opinjoni pubblika (ara l-punt 49 iktar ’il fuq). Fi kliem ieħor, il-pressjoni mwettqa mill-pubbliku tkun tali li ma jibqax possibbli għal delegazzjoni fil-Kunsill li tippreżenta proposta li jkollha t-tendenza li tnaqqas lit-trasparenza.

69      Dawn l-argumenti ma humiex suffiċjentement sostnuti sabiex jiġġustifikaw, bħala tali, ir-rifjut taż-żvelar tal-identità tal-awturi ta’ proposti differenti li għandhom, f’sistema bbażata fuq il-prinċipju ta’ leġittimità demokratika, jirrispondu għall-atti tagħhom fil-konfront tal-pubbliku. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aċċess pubbliku għall-kontenut kollu tad-dokumenti tal-Kunsill, inkluża, fil-kawża preżenti, l-identità tal-awturi ta’ proposti differenti, jikkostitwixxi l-prinċipju, fuq kollox fil-kuntest ta’ proċedura fejn l-istituzzjonijiet jaġixxu fil-kwalità ta’ leġiżlatur, u l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod strett (ara l-punti 55 sa 57 iktar ’il fuq). Fil-fatt, l-eżerċizzju miċ-ċittadini tad-drittijiet demokratiċi tagħhom, jippresupponi l-possibbiltà tagħhom li jsegwu fid-dettall il-proċess deċiżjonali fi ħdan l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-proċeduri leġiżlattivi u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha. L-identifikazzjoni tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li jippreżentaw xi proposti fil-fażi tad-diskussjonijiet inizjali ma tidhirx ta’ natura li tostakola lil dawn id-delegazzjonijiet milli jieħdu inkunsiderazzjoni lil dawn id-diskussjonijiet sabiex jippreżentaw proposti ġodda jekk il-proposti inizjali tagħhom ma jibqgħux jaqblu mal-pożizzjonijiet tagħhom. Min-natura tagħha, proposta titwettaq sabiex tiġi diskussa, kemm jekk tkun anonima jew le, u ma hijiex intiża sabiex ma tinbidel qatt wara din id-diskussjoni meta l-identità tal-awtur tagħha tkun magħrufa. L-opinjoni pubblika għandha l-kapaċitajiet kollha sabiex tifhem li l-awtur ta’ proposta jista’ jemenda l-kontenut tagħha iktar tard.

70      L-argumenti invokati f’dan ir-rigward mill-Kunsill jibqgħu astratti wisq. Huma bbażati fuq ipoteżi inizjali li ma ġietx ipprovata, li tipprovdi li l-opinjoni pubblika hija ostili għal kull limitazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza. Issa, ir-regoli dwar it-trasparenza minn dejjem kienu bbażati fuq id-definizzjoni ta’ prinċipju, dak ta’ dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, flimkien ma’ diversi eċċezzjonijiet, li l-portata jew l-importanza tagħhom tista’ tvarja. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u l-opinjoni pubblika jieħdu inkunsiderazzjoni neċessarjament iż-żewġ elementi ta’ bilanċ, il-prinċipju u l-eċċezzjonijiet, meta jkollhom jippronunzjaw ruħhom fuq kwistjoni ta’ trasparenza. Jekk huwa possibbli sabiex jiġi kkunsidrat li delegazzjoni ta’ Stat Membru fil-Kunsill jew parti mill-opinjoni pubblika tkun pjuttost favorevoli għall-prinċipju ta’ trasparenza, huwa possibbli wkoll li jiġi kkunsidrat li delegazzjoni oħra jew parti oħra mill-opinjoni pubblika jkunu pjuttost favorevoli li jissaħħu l-eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju.

71      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma jesponi l-ebda raġuni li tippermetti li jinftiehem għalfejn huwa neċessarju li tiġi ppreżervata l-identità tad-delegazzjonijiet li jixtiequ jagħmlu xi proposti intiżi sabiex jillimitaw il-prinċipju ta’ trasparenza bil-pretest li parti tal-opinjoni pubblika ma tkunx favorevoli.

72      B’mod iktar konkret, l-eżami tad-dokumenti differenti li huma aċċessibbli mill-pubbliku fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva pendenti jippermetti li jiġi kkonstatat li diversi proposti ġew ippreżentati minn delegazzjonijiet differenti tal-Istati Membri wara l-iżvelar mhux awtorizzat mill-organizzazzjoni Statewatch ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti kkontestati. Bħala eżempju, mill-verżjoni pubblika tad-dokument Nru 9716/09, tal-11 ta’ Mejju 2009, iċċitat mill-Kunsill (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), jirriżulta li delegazzjoni mhux identifikata, ippreżentat proposta intiża sabiex titwessa’ l-eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ trasparenza dwar il-proċeduri ġuridiċi, sabiex tinkludi l-proċeduri arbitrarji u l-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ kwistjonijiet. Għaldaqstant, din il-proposta hija iktar restrittiva mit-test propost mill-Kummissjoni.

73      Barra minn hekk, fir-rigward tad-dokumenti li jistgħu jkunu bbażati fuq diskussjoni li seħħet bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju Unit u l-kummissjoni “Unjoni Ewropea”, fit-18 ta’ Marzu 2009, għandu jiġi kkunsidrat li l-kontenut ta’ din id-diskussjoni ma jippermettix li jkun ta’ sostenn għall-affermazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi li l-iżvelar mhux awtorizzat mill-organizzazzjoni Statewatch tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti kkontestati jippermetti li jintwera impatt negattiv fuq is-sinċerità u l-kompletezza tad-diskussjonijiet fi ħdan il-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill, u b’hekk jostakola lid-delegazzjonijiet milli jaslu għal ftehim (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fil-fatt, il-proposti ta’ dan ir-rappreżentant ta’ Stat Membru li jipprovdu, essenzjalment, li ma huwiex ċert li l-fatt li jinħarġu d-diskussjonijiet u l-pożizzjonijiet mill-kuntest tagħhom ikollu xi utilità u li dan jirriskja wkoll li joħloq il-konfużjoni, ma jidentifikawx tali preġudizzju fuq il-proċess deċiżjonali.

74      Barra minn hekk, l-opinjoni ppreżentata b’mod astratt u ġeneriku minn dan ir-rappreżentant tal-Gvern tar-Renju Unit ma tistax tikkaratterizza preġudizzju serju lill-proċess leġiżlattiv inkwistjoni, fid-dawl b’mod partikolari tal-importanza tal-kwistjonijiet diskussi għaċ-ċittadini tal-Unjoni u tan-nuqqas ta’ kull prova oħra prodotta fil-proċess li tippermetti li jiġu attestati r-reazzjonijiet tad-delegazzjonijiet tal-Istati Membri, tal-medja u tal-pubbliku għall-iżvelar mhux awtorizzat tal-informazzjoni dwar l-awturi tal-proposti kkontestati. B’hekk l-ebda prova fil-proċess ma tippermetti li tintwera reazzjoni ikbar minn dik li tista’ tiġi mistennija b’mod raġonevoli mill-pubbliku minn kwalunkwe membru ta’ korp leġiżlattiv li jippreżenta emenda għal abbozz ta’ liġi.

75      Fir-rigward tal-argument li jipprovdi li jkun hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura preliminari tad-diskussjonijiet pendenti sabiex tiġi evalwata s-serjetà tar-riskju marbut mat-tnaqqis tal-marġni ta’ manuvra tad-delegazzjonijiet (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), effettivament, ma jistax jiġi nnegat li l-proposti kkontestati twettqu fil-bidu ta’ proċess leġiżlattiv pendenti. Il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni tat-30 ta’ April 2008 u tal-proposti ta’ emenda jew ta’ fformular mill-ġdid ġew ikkomunikati waqt il-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2008. Id-diskussjonijiet dwar dawn il-proposti għadhom ma spiċċawx u, f’kull każ, il-Kunsill għadu ma adottax deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet li ġew trattati fihom.

76      Madankollu, in-natura preliminari tad-diskussjonijiet dwar il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni ma tippermettix li tiġi ġġustifikata, bħala tali, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma twettaqx distinzjoni skont il-progress tad-diskussjonijiet. Din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod ġenerali d-dokumenti li jittrattaw kwistjoni “fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx” mill-istituzzjoni kkonċernata, bil-kontra tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3), li jirrigwarda l-każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata tkun ħadet deċiżjoni. Fil-kawża preżenti, in-natura preliminari tad-diskussjonijiet pendenti, bħall-fatt li dawn il-proposti għadhom ma kinux is-suġġett ta’ ftehim jew ta’ kompromess fi ħdan il-Kunsill, ma jippermettux għaldaqstant li jiġi kkaratterizzat preġudizzju gravi lill-proċess deċiżjonali.

77      Fir-rigward tal-argument li jipprovdi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura partikolarment sensittiva tal-proposti mwettqa mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri fil-kawża preżenti (ara l-punt 44 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-proposti differenti ta’ emenda jew ta’ formulazzjoni mill-ġdid, imwettqa mill-erba’ delegazzjonijiet tal-Istati Membri li huma mniżżla fid-dokument mitlub, huma parti mill-andament normali tal-proċess leġiżlattiv, li jikkonċerna naturalment liċ-ċittadini li jkunu affettwati minn dan il-proċess, iktar u iktar meta tkun proposta ta’ natura leġiżlattiva li tirrigwarda lid-drittijiet taċ-ċittadini li jipparteċipaw f’dan il-proċess. Fil-fażi fejn id-delegazzjonijiet jippronunzjaw ruħhom, dawn jipprovaw biss li jsostnu l-preferenzi tagħhom jew l-ideat tagħhom fuq punt, bħan-neċessità li jiġu protetti l-pariri legali jew id-dokumenti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja.

78      Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Kunsill, mingħajr ma jipprovdi eżempji li jistgħu jipprovaw l-eżistenza ta’ reazzjoni ostili mill-medja tal-proposti inkwistjoni, jew ta’ kritiki fformulati mill-pubbliku li għalihom isir riferiment, dawn il-kwistjonijiet ma humiex “partikolarment sensittivi”, fis-sens fejn interess fundamentali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri jiddaħħal inkwistjoni mill-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kontenut tal-proposti mwettqa mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri li huwa inkwistjoni hawn, iżda biss l-identifikazzjoni ta’ dawn id-delegazzjonijiet f’din il-fażi tal-proċedura leġiżlattiva. Barra minn hekk, hija parti minn natura demokratika li proposta ta’ emenda ta’ abbozz ta’ regolament, ta’ portata ġenerali, vinkolanti fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, tista’ tkun is-suġġett ta’ kummenti kemm pożittivi kif ukoll negattivi min-naħa tal-pubbliku u tal-media. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi proċedura partikolari fl-Artikolu 9 tiegħu, meta d-dokument li għalih jintalab l-aċċess jista’ jiġi ddefinit bħala “dokument sensittiv”, u dan it-trattament ma huwiex invokat mill-Kunsill fil-kawża preżenti. Għaldaqstant, in-natura allegatament sensittiva tal-proposti ppreżentati mill-Istati Membri u mniżżla fid-dokument mitlub ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-kawża preżenti.

79      Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill, li tipprovdi li d-dewmien tiegħu sabiex tippronunzja ruħu fuq din il-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni huwa marbut mad-diffikultajiet li jiġu kkawżati mill-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti, għandu jiġi rrilevat li diversi spjegazzjonijiet oħra ta’ natura politika u ġuridika jippermettu li jiġi spjegat id-dewmien ta’ dan il-proċess leġiżlattiv, bħad-definizzjoni tal-prerogattivi tal-Kunsill u tal-Parlament fil-qasam ta’ kodeċiżjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, ir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u d-dħul fis-seħħ ta’ Kummissjoni ġdida.

80      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-riskju li tiddaħħal inkwistjoni l-marġni ta’ manuvra tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, allegat mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva pendenti, ma huwiex ta’ natura li jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kunsill abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (ara l-punt 59 iktar ’il fuq). Il-prova konkreta ta’ tali preġudizzju ma tintweriex fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma tirriżulta mill-provi fil-proċess.

81      Fir-rigward tal-argumenti li jipprovdu li l-iżvelar tal-identità tal-awturi tal-proposti jkollu bħala effett prevedibbli li jiġi mwarrab il-miktub, bi preferenza tal-mitkellem (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), hemm lok li jiġi rrilevat li l-metodu ta’ preżentazzjoni mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-proposti tagħhom ta’ emenda jew ta’ emendi għall-proposta ta’ regolament ma jkollux realment impatt fuq il-prattika tal-Kummissjoni sabiex tirraporta l-kontenut ta’ dawn il-proposti sabiex tippermetti d-diskussjoni tagħhom. Fir-rigward tal-proċedura leġiżlattiva inkwistjoni, is-Segretarjat Ġenerali qies adattat li jistabbilixxi dokument li fih il-proposti differenti ssuġġeriti mill-Istati Membri sabiex jippermetti lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill jippronunzja ruħu fuq dawn il-proposti. Bħala eżempju, l-eżami tad-dokument 10859/1/09 REV 1, iċċitat mill-Kunsill sabiex juri dak li huwa jqis l-iżvilupp tal-prattika tiegħu, juri li s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jieħu nota kemm tal-proposti bil-miktub u kemm tal-proposti orali mwettqa mid-delegazzjonijiet differenti tal-Istati Membri fid-dokumenti li huwa jibgħat sabiex juri l-iżvilupp tad-diskussjonijiet. Fil-kawża preżenti, ir-riskju li l-miktub jiġi mwarrab għall-mitkellem għaldaqstant ma huwiex ta’ natura li jippreġudika b’mod serju l-proċess deċiżjonali tal-Kunsill, abbażi tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

82      Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kunsill li tipprovdi li l-prattika tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu kienet żviluppat bejn is-26 ta’ Jannar 2009, id-data li fiha d-dokument Nru 5671/09 kien għadu jindika l-isem tad-delegazzjonijiet li għamlu l-osservazzjonijiet u s-suġġerimenti fuq il-proposta tal-Kummissjoni, u t-22 ta’ Lulju 2009, id-data li fiha d-dokument 10859/1/09 REV 1, ma baqax juri liema kienu d-delegazzjonijiet li għamlu l-osservazzjonijiet u s-suġġerimenti fuq il-proposta tal-Kummissjoni, iżda kien juża l-espressjonijiet “ċertu numru ta’ delegazzjonijiet”, “delegazzjonijiet oħra”, jew “numru kbir ta’ delegazzjonijiet” mingħajr ma jidentifika d-delegazzjonijiet inkwistjoni, wara l-iżvelar mhux awtorizzat lill-pubbliku mill-organizzazzjoni Statewatch tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti (ara l-punt 51 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija emenda fil-prattika tista’ tiġi spjegata wkoll mill-fatt li r-rikorrenti ppreżentat rikors sabiex tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li tirrifjuta l-aċċess għal din l-informazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill indika waqt is-seduta li l-bidla fil-prattika inkwistjoni ma tapplikax b’mod orizzontali fuq il-proċeduri kollha ta’ natura leġiżlattiva, iżda biss fuq il-proċedura dwar il-proposta ta’ regolament, li hija s-suġġett tad-dokument mitlub.

83      F’kull każ, ir-rabta diretta ta’ kawża u effett invokata mill-Kunsill, bejn l-iżvelar lill-pubbliku tal-isem tad-delegazzjonijiet awturi tal-proposti, u l-preġudizzju serju kkawżat lill-proċess deċiżjonali tiegħu, ma jintwera bl-ebda mod mid-dokumenti invokati fuq dan il-punt mill-Kunsill. Fil-fatt, bil-kontra għal dak li jsostni l-Kunsill, mill-eżami tad-dokument 10859/1/09 REV 1, jirriżulta li d-delegazzjonijiet tal-Istati Membri għadhom speċifikament identifikati fil-verżjoni oriġinali u moħbija fil-verżjoni pubblika u li dawn ir-riferimenti jidhru li jirreferu kemm għal riferimenti storiċi għall-proposti mwettqa pereżempju fid-dokumenti mitlub, u kemm għall-proposti kkomunikati wara minn dawn id-delegazzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrenti indikat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt mill-Kunsill, li l-użu tal-espressjonijiet iċċitati iktar ’il fuq mis-Segretarjat Ġenerali ma huwiex sistema ġdida u li qatt ma ntużat qabel.

84      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Kunsill kiser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi pprojbixxa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-identità tal-awturi tal-proposti minħabba li dan kien jirriżulta fi preġudizzju serju għall-proċess deċiżjonali minħabba r-raġunijiet invokati.

85      Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata mingħajr ma jkun hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar li jiġġustifika l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni u lanqas it-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

86      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kunsill tilef il-kawża, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu u dawk tar-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

87      Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2009 li tirrifjuta l-aċċess għal ċerta informazzjoni li hemm fin-nota tas-26 ta’ Novembru 2008, dwar proposta għal regolament dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, hija annullata.

2)      Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Access Info Europe.

3)      Ir-Repubblika Ellenika u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Marzu 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.