Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta' April 2012 - Samskip Multimodal Container Logistics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-166/10) 

("Rikors għal annullament - Deċiżjoni li tagħti għajnuna finanzjarja Komunitarja intiża sabiex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija - Programm Marco Polo II - Rexissjoni tal-ftehim ta' sussidju u abbandun definittiv tal-proġett - Estinzjoni tal-interess ġuridiku - Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni")

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Multimodal Container Logistics BV ('s-Gravenzande, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: K. Platteau, Y. Maasdam u P. Broers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Simonsson, aġent, assistit minn J. Grayston u P. Gjørtler, avukati)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 580, tas-27 ta' Jannar 2010, dwar l-għoti ta' għajnuna finanzjarja għall-proposti għal azzjonijiet sottomessi fil-kuntest tal-proċedura ta' għażla 2009, fil-programm tal-Unjoni "għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija" (il-programm Marco Polo II), sa fejn tagħżel il-proposta TREN/B4/SUB/01-2009 MP-II/6, dwar il-proġett G2G@2XL, għal finanzjament li jammonta għal EUR 2 190 539.

Dispożittiv

Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati erbgħa minn ħames partijiet tal-ispejjeż ta' Samskip Multimodal Container Logstics BV u erbgħa minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha.

Samskip Multimodal Container Logistics għandha tbati parti minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni u parti minn ħamsa tal-ispejjeż tagħha.

____________

1 - ĠU C 209, 31.07.2010.