Language of document : ECLI:EU:T:2012:435

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

19 ta’ Settembru 2012 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Kuntratt ta’ sussidju li jikkonċerna żvilupp lokali li jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ preparazzjoni u ta’ twaqqif ta’ Ċentru Ewropew għan-negozju lokali f’Millau (Franza) – Rimbors ta’ parti mill-antiċipi mħallsa – Ammissibbiltà ta’ rikors kontra kumpannija stabbilita taħt il-liġi Franċiża li tneħħiet mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji – Applikazzjoni tad-dritt Franċiż – Kuntratt amministrattiv – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament – Preskrizzjoni – Infurzabbiltà ta’ klawżola ta’ arbitraġġ – Irkupru ta’ dejn – Teorija tal-aċċessorji – Stipulazzjoni għal oħrajn”

Fil-Kawżi T‑168/10 u T‑572/10,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn S. Petrova, bħala aġent, assistita minn E. Bouttier, avukat,

rikorrenti,

vs

Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA), stabbilita f’Millau (Franza), irrappreżentata minn L. Hincker u F. Bleykasten, avukati,

konvenuta fil-Kawża T‑168/10,

Commune de Millau (Franza), irrappreżentata minn Hincker u Bleykasten, avukati,

konvenuta fil-Kawża T‑572/10,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-ħlas lura tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 imħallsa mill-Kummissjoni bħala garanzija mogħtija minnha fil-kuntest tal-finanzjamenti mogħtija lil SEMEA, miżjuda bl-interessi li ddekorrew u li għandhom jiddekorru, kif ukoll b’kull ammont ieħor mogħti bħala kumpens għad-danni subiti minnha,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduti tad-29 ta’ Frar 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis-6 ta’ Lulju 1990, il-Komunità Ekonomika Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ikkonkludiet kuntratt ta’ sussidju ma’ Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA), li minnha l-muniċipalità ta’ Millau (Franza) kellu 50 % tal-kapital.

2        Dak il-kuntratt kien jikkonċerna żvilupp lokali li jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ preparazzjoni u ta’ twaqqif ta’ Ċentru Ewropew għan-negozju lokali f’Millau (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”).

3        L-Artikolu 2 tal-kuntratt kien jistabbilixxi:

“Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew f’perijodu ta’ 18-il xahar li jibda jiddekorri mill-iffirmar ta’ dan il-kuntratt.”

4        Skont l-Artikolu 4 tal-kuntratt, SEMEA tobbliga ruħha li twettaq diversi prestazzjonijiet u li tagħti rendikont tagħhom lill-Kummissjoni permezz ta’ rapporti perjodici, il-Kummissjoni min-naħa tagħha tobbliga ruħha li tikkontribwixxi finanzjarjament favur l-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet sas-somma massima ta’ ECU 135 000, fil-limitu ta’ 50 % tal-ispiża ġġustifikata tax-xogħlijiet.

5        L-Artikolu 6 tal-kuntratt kien jipprovdi:

“Dan il-kuntratt huwa suġġett għal-liġi Franċiża.”

6        L-Artikolu 10 tal-kuntratt kien redatt kif ġej:

“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ krediti jew ta’ disponibbiltà insuffiċjenti sabiex jiġi eżegwit dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrexxindi dan il-kuntratt mingħajr ebda proċedura ġudizzjarja jew li taddatta l-kuntratt għad-disponibbiltà baġitarja l-ġdida.”

7        L-Artikolu 9(1) tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt kien jistabbilixxi:

“Fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni mill-kontraenti ta’ wieħed mill-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt u indipendentement mill-konsegwenzi previsti mil-liġi applikabbli għall-kuntratt, dan tal-aħħar jista’, għall-finijiet kollha tal-liġi, jiġi mħassar jew rexiss mill-Kummissjoni mingħajr il-bżonn li ssegwi ebda formalità ġudizzjarja, wara intimazzjoni nnotifikata lill-kontraenti permezz ta’ ittra rreġistrata, fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni wara terminu ta’ xahar.”

8        L-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt kien jipprovdi:

“Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni amikevoli, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni li tikkonċerna l-kuntratt u li tinqala’ bejn il-partijiet kontraenti.”

9        Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 1991, SEMEA talbet lill-Kummissjoni sabiex il-kuntratt ikun jista’ jiġi eżegwit permezz ta’ struttura oħra, iċ-Ċentru Ewropew għan-negozju u l-innovazzjoni (iktar ’il quddiem l-“assoċjazzjoni CEI 12 ”), li l-Kummissjoni aċċettat permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Lulju 1991 fejn ippreċiżat li dak il-ftehim ma kienx jeżonera lil SEMEA mill-obbligi tagħha. Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 1991, SEMEA kkonfermat li hija kienet ser tidħol garanti għall-eżekuzzjoni tajba tal-prestazzjonijiet previsti fil-kuntratt.

10      Matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju tal-1992, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu stħarriġ dwar l-istat tal-progess tax-xogħlijiet, li warajh ġie kkonstatat li t-total tal-ispejjeż eliġibbli kien jammonta għas-somma ta’ ECU 187 977 u li l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni kellha tkun ta’ 50 % ta’ dak l-ammont, jiġifieri s-somma ta’ ECU 93 988.

11      Peress li SEMEA kienet diġà rċeviet ECU 135 000 skont il-kuntratt, il-Kummissjoni talbitha r-rimbors ta’ ECU 41 012 (iktar ’il quddiem id-“dejn inkwistjoni”) permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 1993. SEMEA baqgħet inadampjenti fir-rigward ta’ dik it-talba.

12      Fis-17 ta’ Frar 1997, il-laqgħa ġenerali straordinarja tal-azzjonisti ta’ SEMEA ddeċidiet favur ix-xoljiment bikri bi qbil reċiproku ta’ SEMEA mill-31 ta’ Marzu 1997 u favur in-nomina ta’ stralċjarju bi qbil reċiproku.

13      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ reċezzjoni tat-18 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni għal darba oħra talbet mingħand SEMEA il-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

14      Fil-11 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet lil SEMEA nota ta’ debitu li tammonta għas-somma ta’ EUR 41 012.

15      Permezz ta’ risposta fil-forma ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2006, l-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA indika li l-kontijiet tiegħu ma kinux jippermettu l-ħlas ta’ tali somma, li huwa kellu l-obbligu li jiddepożita l-bilanċ u li d-dejn inkwistjoni kellu jiġi kkunsidrat bħala preskritt skont id-dritt Franċiż, peress li dan tal-aħħar ma jippermettix l-irkupru ta’ ammonti li ma jintalbux għal iktar minn erba’ snin u li l-aħħar ilment tal-Kummissjoni sar fis-27 ta’ April 1993, jiġifieri iktar minn tnax il-sena qabel.

16      Permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma ta’ reċezzjoni tas-16 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni min-naħa tagħha talbet formalment it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dejn inkwistjoni fl-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni kif ukoll l-inklużjoni tiegħu fil-passiv.

17      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2006, SEMEA informat lill-Kummissjoni li l-laqgħa ġenerali straordinarja tal-kumpannija kienet ddeċidiet li tipposponi d-depożitu tal-bilanċ u għamlet riferiment għal rapport tal-assoċjazzjoni CEI 12 li jindika li l-Kummissjoni kienet finalment waqfet milli teżiġi l-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

18      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2006, il-Kummissjoni wasslet, permezz tal-avukat tagħha, intimazzjoni fil-konfront ta’ SEMEA għar-rimbors tad-dejn inkwistjoni. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija qatt ma kellha l-intenzjoni li tirrinunzja għal tali dejn.

19      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2007, l-avukat tal-Kummissjoni ħareġ initmazzjoni ġdida għall-ħlas tad-dejn inkwistjoni u min-nuqqas ta’ azzjoni ta’ SEMEA huwa ddeduċa l-istat ta’ waqfien mill-ħlasijiet ta’ din tal-aħħar.

20      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Frar 2007, SEMEA indikat li hija ma kinitx fi stat ta’ waqfien mill-ħlasijiet.

21      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Frar 2007, SEMEA bagħtet il-kopja tad-deliberazzjoni tal-assoċjazzjoni CEI 12 li tikkonstata li l-Kummissjoni kienet waqfet milli titlob il-ħlas tad-dejn inkwistjoni.

22      Fis-26 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni innotifikat, permezz ta’ marixxal, ittra uffiċjali interpellatorja fir-residenza tal-istralċjarju ta’ SEMEA.

23      Fl-10 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni innotifikat, permezz ta’ marixxal, ittra uffiċjali interpellatorja fis-sede tal-istralċjarju bi qbil reċiproku tal-kumpannija.

24      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Diċembru 2007, mibgħuta lill-marixxal li kien innotifika l-ittra uffiċjali għall-ħlas, l-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA tenna t-talba tiegħu għal informazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tabbaduna l-ħlas tad-dejn inkwistjoni. Fl-ittra tiegħu, huwa jiddikjara li l-azzjonijiet il-ġodda u l-istralċjarju ma kinux infurmati bl-impenji li jorbtu lil SEMEA mal-assoċjazzjoni CEI 12.

25      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Jannar 2008, l-avukat tal-Kummissjoni kkontesta l-allegazzjonijiet tal-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA, intimah mill-ġdid għall-ħlas tad-dejn inkwistjoni u bagħat kopja ta’ dik l-ittra lill-prosekutur tar-Repubblika sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-aġir tal-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA, partikolarment fid-dawl tar-reat tal-frodi.

26      B’risposta għal din l-aħħar intimazzjoni, l-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA sostna li d-dejn inkwistjoni seta’ kien preskritt. F’din l-ittra, huwa jfakkar li huwa obbliga ruħu lejn l-aħħar tas-sena 2007, matul laqgħa mal-avukat tal-Kummissjoni, sabiex jirrimborsa d-dejn inkwistjoni mill-mument li tkun ingħatat risposta għad-domandi relatati mal-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar.

27      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Frar 2008, l-avukat tal-Kummissjoni bagħat l-aħħar initmazzjoni lil SEMEA sabiex tħallas id-dejn inkwistjoni.

28      Fil-21 ta’ Novembru 2008, il-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ SEMEA kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Komun ta’ Millau, l-azzjonist prinċipali tagħha, li jieħu lura l-attiv u l-passiv tiegħu u ddeċidiet li tħallas somma ta’ EUR 82 719.76, li tirrappreżenta l-fondi disponibbli ta’ SEMEA, lill-Komun ta’ Millau. Skont ir-rapport ta’ likwidazzjoni ippreżentat mill-istralċjarju bi qbil reċiproku, li kien jirreferi għad-dejn inkwistjoni, l-operazzjonijiet kollha li saru b’mandat kienu kkunsidrati bħala likwidati.

29      Fid-9 ta’ Diċembru 2008, l-istralċjarju bi qbil reċiproku ta’ SEMEA għalaq l-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni u neħħa lil SEMEA mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji.

30      Fit-18 ta’ Diċembru 2008, il-kunsill muniċipali tal-komun ta’ Millau ħa nota tat-teħid lura tal-patrimonju ta’ SEMEA. Il-passiv ta’ din tal-aħħar kien jinkludi b’mod espliċitu l-kwistjoni mal-Kummissjoni Ewropea.

31      Wara t-talba tal-Kummissjoni, it-tribunal tal-kummerċ ta’ Rodez, fit-12 ta’ Frar 2010, ħatar mandatarju ad hoc sabiex jirrappreżenta lil SEMEA.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

A –  Fil-Kawża T‑168/10

32      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2010, il-Kummissjoni talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lil SEMEA, irrappreżentata mill-amministratur ad hoc tagħha, sabiex tħallasha ammont prinċipali ta’ EUR 41 012, flimkien mal-interessi bir-rata legali annwali applikabbli fi Franza dekorribbli mill-10 ta’ Marzu 1992 jew, sussidjarjament, dekorribbli mis-27 ta’ April 1993;

–        tordna l-kapitalizzazzjoni tal-interessi;

–        tikkundanna lil SEMEA għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000, abbażi tan-nuqqas ta’ ħlas abbużiv;

–        tikkundanna lil SEMEA għall-ispejjeż.

33      Dak ir-rikors kien ippreżentat kontra SEMEA, “irrappreżentata mill-amministratur ad hoc tagħha”, M. C. G. Peress li dan tal-aħħar ma kienx il-mandatarju ad hoc, iżda l-president tat-tribunal tal-kummerċ ta’ Rodez li ħatar il-mandatarju ad hoc, ir-reġistratur, fl-4 ta’ Mejju 2010 innotifika lill-Kummissjoni bin-nuqqas ta’ notifika tar-rikors lil SEMEA u stabbilixxa data bħala terminu għall-komunikazzjoni ta’ indirizz ġdid għall-finijiet tan-notifika. Il-Kummissjoni irrispondiet għal din it-talba billi indikat l-isem u l-indirizz tal-mandatarju ad hoc ta’ SEMEA. Ir-rikors seta’ jiġi nnotifikat f’dak l-indirizz.

34      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2010, SEMEA talbet li l-Qorti Ġenerali:

–        tiddikjara t-talba bħala inammissibbli;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35      Fl-osservazzjonijiet tagħha fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali:

–        tiċħad il-kawżi ta’ inammissibblità allegati minn SEMEA u tiddikjara t-talba bħala ammissibbli;

–        tordona s-sospensjoni tal-proċedura sakemm tiġi ppreżentata kawża kontra l-komun ta’ Millau;

–        tikkundanna lil SEMEA għall-ispejjeż.

36      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti mill-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u SEMEA irrispondew, permezz ta’ ittri rreġistrati lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-8 u tad-9 ta’ Novembru 2010 rispettivament, għad-domandi u għat-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti tal-Qorti Ġenerali.

37      Permezz ta’ digriet tal-president tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2010, il-proċedura fil-Kawża T‑168/10 ġiet sospiża sal-31 ta’ Jannar 2011.

38      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-24 ta’ Mejju 2011, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet magħquda mal-mertu.

39      Fir-risposta tagħha, li ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Lulju 2011, SEMEA essenzjalment talbet lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad it-talba tal-Kummissjoni;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba għal rimbors tal-Kummissjoni:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil SEMEA somma ta’ EUR 41 012 flimkien ma’ ammont li jikkorrispondi għal dak tal-interessi u l-aċċessorji li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-Kummissjoni fis-sentenza tagħha;

–        tiċħad it-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interessi u l-kapitalizzazzjoni tagħhom għall-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 2005;

–        tiċħad kull talba oħra tal-Kummissjoni;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

40      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fis-seduta tad-29 ta’ Frar 2012, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

B –  Fil-Kawża T‑572/10

41      Peress li fil-kuntest tal-proċedura fil-Kawża T‑168/10, il-Kummissjoni saret taf li l-komun ta’ Millau kien iddeċieda li jieħu lura l-attiv u l-passiv kollu minn SEMEA, il-Kummissjoni ppreżentat rikors kontra l-komun ta’ Millau permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010.

42      Il-Kummissjoni talbet, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-komun ta’ Millau, in solidum ma’ SEMEA, għall-ħlas lill-Kummissjoni tal-ammont prinċipali ta’ EUR 41 012, flimkien mal-interessi dovuti sa mill-10 ta’ Marzu 1992 jew, sussidjarjament, sa mis-27 ta’ April 1993;

–        tordna l-kapitalizzazzjoni tal-interessi;

–        tikkundanna lill-komun ta’ Millau, in solidum ma’ SEMEA, għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 5 000 abbażi tan-nuqqas ta’ ħlas abbużiv ta’ SEMEA;

–        tikkundanna lil komun ta’ Millau għall-ispejjeż, in solidum ma’ SEMEA ;

–        tordona l-għaqda tal-Kawżi T‑168/10 u T‑572/10.

43      Min-naħa tiegħu, il-komun ta’ Millau talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni u tirrinvija lill-Kummissjoni quddiem il-qrati Franċiżi li għandhom il-ġurisdizzjoni;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba tal-Kummissjoni bħala infondata;

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba għal rimbors tal-Kummissjoni:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tħallsu s-somma ta’ EUR 41 012 flimkien ma’ ammont li jikkorrispondi għal dak tal-interessi u l-aċċessorji li l-Qorti Ġenerali tagħti lill-Kummissjoni fis-sentenza tagħha;

–        tiċħad it-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-interessi u l-kapitalizzazzjoni tagħhom għall-perijodu ta’ qabel it-18 ta’ Novembru 2005;

–        tiċħad kull talba oħra tal-Kummissjoni;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

44      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fis-seduta tad-29 ta’ Frar 2012, instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

 Id-dritt

45      Wara li nstemgħu l-partijiet, il-Kawżi T‑168/10 u T‑572/10 ingħaqdu għall-finijiet ta’ din is-sentenza, minħabba l-konnessjoni ta’ bejniethom.

A –  Fuq il-Kawża T‑168/10

46      Il-Kawża T‑168/10 għandha bħala suġġett ir-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA u l-kontrotalba ta’ din tal-aħħar.

1.     Fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

a)     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

47      Skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 272 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi bis-saħħa ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt ta’ dritt pubbliku jew dritt privat li sar mill-Unjoni Ewropea jew għan-nom tagħha.

48      Skont l-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar kull kwistjoni li tikkonċerna l-kuntratt u li tinqala’ bejn il-partijiet kontraenti.

49      Għaldaqstant skont l-Artikoli 272 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u skont l-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt, il-Qorti Ġenerali għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali huwa redatt b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex ikpori it-talbiet kollha tal-Kummissjoni li jirrigwardaw il-kuntratt, dawk ibbażati direttament fuq l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll dawk ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet sussidjarji tad-dritt applikabbli li jirrigwardaw il-kuntratt, bħad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.

50      Fil-kuntest tal-eċċezzjoni tagħha ta’ inammissibbiltà, SEMEA invokat żewġ motivi ta’ inammissibbiltà, ibbażati, minn naħa, fuq it-tħassir ta’ SEMEA mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji u, min-naħa l-oħra, fuq ir-rappreżentazzjoni ta’ SEMEA. F’din il-kawża ser jiġi eżaminat l-ewwel motiv biss peress li SEMEA irrinunzjat għat-tieni motiv waqt is-seduta.

51      Ir-rappreżentant ta’ SEMEA jikkunsidra li l-personalità ġuridika ta’ din tal-aħħar spiċċat wara l-clearance tal-kontijiet tagħha fil-21 ta’ Novembru 2008 u t-tħassir tagħha mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, li sar fid-9 ta’ Diċembru 2008. Konsegwentement, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa inammissibbli.

52      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors kontra kumpannija huwa inammissibbli jekk, fid-data meta jiġi ppreżentat, din il-kumpannija la kellha personalità ġuridika u lanqas locus standi in judicio. Il-liġi applikabbli f’dan ir-rigward hija dik li tirregola l-kostituzzjoni tal-kumpannija inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 2005, Il‑Kummissjoni vs AMI Semiconductor Belgium et, C‑294/02, Ġabra p. I‑2175, punt 60).

53      F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi rrilevat li SEMEA ġiet stabbilita fil-forma ta’ kumpannija pubblika b’sehem privat lokali rregolata mid-dritt Franċiż, u b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu L 1522‑1 tal-Kodiċi Ġenerali tal-Kollettivitajiet Territorjali, li jipprovdi li l-kumpanniji pubbliċi b’sehem privat lokali jaqgħu taħt il-forma legali tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, irregolati mill-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Kummerċ. Għaldaqstant huwa fid-dawl ta’ dik il-liġi li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk SEMEA kellhiex, fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-personalità ġuridika u l-locus standi in judicio.

54      Issa, fid-dritt Franċiż, għalkemm l-Artikolu L 237‑2(2) tal-Kodiċi tal-Kummerċ, li huwa applikabbli għall-kumpanniji kummerċjali bħal SEMEA, jipprovdi li l-personalità ġuridika tal-kumpannija tissussisti biss għall-bżonnijiet tal-likwidazzjoni u biss sal-għeluq ta’ dan tal-aħħar, il-ġurisprudenza Franċiża rrikonoxxiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-possibbiltà ta’ risorġiment tal-personalità ġuridika, anki wara l-għeluq tal-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għeluq.

55      B’mod iktar preċiż, il-qorti tal-kassazzjoni ddeċidiet li l-personalità ġuridika ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Franċiż tissussisti sakemm jiġu llikwidati d-drittijiet u l-obbligi ta’ natura soċjali (Cass. com., 12 ta’ April 1983, Nru 81‑14055, Bull. com., Nru 113 ; Cass. 3e civ., 31 ta’ Mejju 2000, Nru 98‑19435, Bull. 2000, III, n° 120, p. 80). Għalhekk, il-personalità ġuridika ta’ kumpannija li tkun ġiet xolta tissussisti meta hija tkun għadha tifforma parti minn proċess pendenti (Cass. Com., 26 ta’ Jannar 1993, Nru 91-11285, Bull. civ. 1193, IV, Nru 33) jew meta terz jasserixxi kreditu kontra l-kumpannija li jkun joriġina minn attività soċjali (Cass. Com., 2 ta’ Mejju 1985, Nru 83-17409, Bull. civ. 1985, IV, Nru 139). Għaldaqstant huwa il-kreditur, li jikkunsidra li ntlaqat b’mod negattiv u li jkollu l-intenzjoni li jiftaħ mill-ġdid il-proċess li jwassal għal likwidazzjoni, li għandu jitlob ġudizzjarjament in-nomina ta’ mandatarju ad hoc sabiex jirrappreżenta l-kumpannija fil-proċedura mibdija kontriha.

56      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-ittri tas-27 ta’ April 1993, tat-18 ta’ Novembru 2005, tas-16 ta’ Frar 2006, tad-29 ta’ Novembru 2006, tat-30 ta’ Jannar 2007, tas-26 ta’ Ottubru 2007, tal-10 ta’ Diċembru 2007, tas-7 ta’ Jannar 2008 u tal-21 ta’ Frar 2008, il-Kummissjoni talbet mingħand SEMEA l-ħlas tad-dejn inkwistjoni (ara l-punti 11 sa 27 iktar ’il fuq). Għalhekk, il-Kummissjoni pproċediet kontra SEMEA b’mod ripetut matul l-operazzjonijiet ta’ xoljiment bi qbil reċiproku, u anki suċċessivament. Madankollu, fid-9 ta’ Diċembru 2008 tmexxa l-għeluq tal-likwidazzjoni u t-tħassir ta’ SEMEA mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji, u dan meta it-talbiet għal rimbors imressqa mill-Kummissjoni baqgħu ma ġewx sodisfatti u anki meta l-kwistjoni ma’ din tal-aħħar kienet għadha ma ngħalqetx. Għaldaqstant, id-drittijiet u l-obbligi ta’ natura soċjali ta’ SEMEA ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala likwidati.

57      Konsegwentment, il-personalità ġuridika ta’ SEMEA għandha tissussisti għall-bżonnijiet tal-kawża odjerna. Għaldaqstant il-motiv ta’ inammissibbiltà bbażat fuq it-tħassir tagħha mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji għandu jiġi miċħud.

58      Għaldaqstant ir-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA huwa ammissibbli.

b)     Fuq il-fondatezza tar-rikors

59      Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali li tikkundanna lil SEMEA għar-rimbors tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012, għall-ħlas tal-interessi kif ukoll għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni subiti.

 Fuq it-talba għar-rimbors tas-somma prinċipali

60      Fl-ewwel parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob fl-ewwel lok li SEMEA tiġi kkundannata għar-rimbors ta’ somma ta’ EUR 41 012. Hija tqis li dik is-somma hija dovuta lilha.

–       Fuq is-sistema legali applikabbli

61      Qabelxejn għandha tiġi ddeterminata s-sistema applikabbli.

62      Mill-Artikolu 6 tal-kuntratt jirriżulta li dan tal-aħħar huwa suġġett għad-dritt Franċiż. Issa, id-dritt Franċiż jipprevedi sistemi legali distinti għall-kuntratti li jaqgħu taħt id-dritt ċivili minn naħa, u dawk li jaqgħu taħt id-dritt amministrattiv, min-naħa l-oħra. Peress li l-Artikoli 272 TFUE u 340 TFUE ma jipprekludux il-possibbiltà li kuntratt mal-Unjoni jista’ jkun suġġett għal sistema ta’ dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 2003, Il‑Parlament vs SERS u Ville de Strasbourg, C‑167/99, Ġabra p. I‑3269, punt 113), jeħtieġ qabelxejn li tiġi ddeterminata n-natura, privata jew amministrattiva tal-kuntratt inkwistjoni bil-għan li tiġi ddeterminata s-sistema legali applikabbli għal dan il-każ.

63      Il-ġurisprudenza tat-Tribunal des conflits u tal-Conseil d’État jissuġġettaw, fil-prinċipju, in-natura amministrattiva ta’ kuntratt għall-konglomerazzjoni ta’ żewġ kundizzjonijiet, waħda organika u l-oħra materjali. B’riżerva għall-attribuzzjonijiet tal-kompetenza legali, kuntratt ikun wieħed amministrattiv jekk fuqu tkun qiegħda tidher tal-inqas persuna pubblika waħda u li, ikun jinkludi klawżoli li jeċċedu d-dritt komuni (Conseil d’État, 31 ta’ Lulju 1912, Nru 30701, Ġabra p. 909; Tribunal des conflits, 21 ta’ Mejju 2011, Nru 3228), ikun jirrigwarda l-eżekuzzjoni stess tas-servizz pubbliku (Conseil d’État, 20 ta’ April 1956, Nru 98637, Ġabra p. 167, u 20 ta’ April 1956, Nru 33961, Ġabra p. 168; Tribunal des conflits, 29 ta’ Diċembru 2004, Nru 3437), jew li jkun jassoċja l-parti kokontraenti jew l-amministrazzjoni ma’ dik l-eżekuzzjoni.

64      Tkun klawżola eċċessiva dik li tkun tagħti lill-persuna pubblika drittijiet u li tkun timponi fuq il-parti kokontraenti obbligi li min-natura tagħhom huma estranji għal dawk li jistgħu jingħataw minn kwalunkwe persuna fil-kuntest tal-liġijiet ċivili u kummerċjali (Conseil d’État, 20 ta’ Ottubru 1950, Ġabra p. 505 ; Tribunal des conflits, 15 ta’ Novembru 1999, Nru 03144). Għalhekk huma eċċessivi l-klawżoli li ma humiex legalment prevedibbli f’kuntratti tad-dritt privat, peress li dawn jimmanifestaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika.

65      F’dan il-każ, il-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż bejn, minn naħa, il-Komunità, li tikkostitwixxi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuna ta’ dritt pubbliku fis-sens tad-dritt Franċiż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Parlament vs SERS u Ville de Strasbourg, punt 62 iktar ’il fuq, punti 2 u 113), u, min-naħa l-oħra, SEMEA, persuna ta’ dritt privat Franċiż.

66      Barra minn hekk, skont id-dritt amministrattiv Franċiż, huwa kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt is-servizz pubbliku kull att intiż għall-eżekuzzjoni tas-sustanza anki ta’ politika pubblika, u partikolarment ta’ politika tal-Unjoni bħall-politika reġjonali. Issa, mill-Artikolu 1 tal-kuntratt jirriżulta li dan tal-aħħar huwa marbut mal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mill-Komunità skont il-politika reġjonali tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ preparazzjoni u ta’ twaqqif ta’ ċentru ewropew għan-negozju lokali f’Millau. Għalhekk, dak il-kuntratt jirrigwarda l-eżekuzzjoni nnifisha tas-servizz pubbliku li tikkostitwixxi l-politika reġjonali tal-Komunità.

67      Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tal-kuntratt jipprevedi l-possibbiltà ta’ rexissjoni unilaterali tal-kuntratt fil-każ ta’ nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ krediti jew ta’ disponibbiltà insuffiċjenti. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, ċertament, setgħa ta’ rexissjoni unilaterali ma tikkaratterizzax neċessarjament l-eżistenza ta’ klawżola li teċċedi d-dritt komuni (Tribunal des conflits, 20 ta’ Frar 2008, Nru 3623). Kollox jiddependi fuq il-karatteristiċi u fuq is-suġġett tal-kuntratt (ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tar-relatur pubbliku M. Da Costa fil-Conseil d’État, 19 ta’ Novembru 2010, Nru 331837). Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt, imsemmi fil-punt preċedenti, tali klawżola tidher li teċċedi d-dritt komuni, sa fejn hija tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tittermina r-relazzjonijiet kuntrattwali sempliċiment minħabba raġunijiet ta’ natura finanzjarja.

68      Jirriżulta li l-kuntratt huwa ta’ natura amministrattiva.

–       Fuq il-kreditu tal-Unjoni kontra SEMEA

69      Sussegwentement, jeħtieġ li tiġi ddeterminata l-bażi legali li fuqha l-Kummissjoni tista’ tibbaża t-talba tagħha għal rimbors.

70      F’dak il-kuntest, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 4 tal-kuntratt il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni ma għandhiex teċċedi l-50 % tal-ispiża ġġustifikata tax-xogħlijiet. Għaldaqstant, dak l-artikolu jirregola l-ammont dovut minnha. Madankollu, il-kuntratt ma jinkludi l-ebda stipulazzjoni fuq ir-rimbors tal-ammonti mħallsa indebitament. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu applikati r-regoli dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament.

71      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili huma ta’ portata ġenerali u japplikaw kemm għall-persuni pubbliċi kif ukoll għal persuni privati (Conseil d’État, l-1 ta’ Diċembru 1961, Ġabra p. 675). Skont dik ir-regola, persuna li tirċievi bi żball jew xjentement dak li ma huwiex dovut lilha mill-amministrazzjoni hija obbligata li troddulha lura.

72      Dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti f’dan il-każ. Il-Kummissjoni kienet ħallset ammont totali ta’ ECU 135 000 lil SEMEA. Kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tal-kuntratt, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni ma setgħetx teċċedi l-50 % tal-ispiża ġġustifikata tax-xogħlijiet. Issa, wara stħarriġ li twettaq f’Ġunju tal-1992, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li l-ispejjeż dovuti kienu jammontaw biss għal ECU 187 977. Peress li dik il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata minn SEMEA, il-ħlasijiet tal-Unjoni lil SEMEA kienu ġġustifikati biss sal-limitu ta’ ECU 93 988.

73      Fl-aħħar, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, tas-17 ta’ Ġunju 1997, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-Euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 81) kull riferiment għall-ECU għandu jiġi ssostitwit permezz ta’ riferiment għall-Euro bir-rata ta’ Euro għal kull ECU.

74      Għaldaqstant SEMEA kienet obbligata tirrimborsa lill-Unjoni s-somma rċevuta indebitament ta’ EUR 41 012.

–       Fuq l-oġġezzjonijiet imqajma minn SEMEA

75      SEMEA ma tikkontestax li d-dejn inkwistjoni tnissel, iżda ssostni li l-Kummissjoni ma għadhiex tista’ tipprevalixxi ruħha minnu. Qabel xejn, hija tqis li d-dejn inkwistjoni spiċċa minħabba rinunzja jew remissjoni min-naħa tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija ġiet illiberata mid-dejn tagħha wara li ttieħdet mill-komun ta’ Millau. Barra minn hekk, id-dejn inkwistjoni huwa preskritt. Fi kwalunkwe każ, hija ma tistax tkun responsabbli għad-dejn inkwistjoni minħabba t-tħassir tagħha mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji.

76      Dawk l-oġġezzjonijiet huma infondati.

77      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-oġġezzjoni ta’ SEMEA bbażata fuq rinunzja jew fuq remissjoni min-naħa tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-elementi tal-proċess ma jippermettux li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ tali att. Fil-fatt, il-fatt ewlieni li r-rapport ta’ Frar 1995 tal-assoċjazzjoni CEI 12 jindika li l-Kummissjoni finalment irrinunzjat għall-ħlas tal-kreditu tagħha ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rinunzja jew ta’ remissjoni tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, mill-fatti stabbiliti jirriżulta li hija ma waqfitx titlob il-ħlas tad-dejn inkwistjoni (ara b’mod partikolari l-punti 11, 13, 14, 16, 18, 19, 22, 23, 25 u 27 iktar ’il fuq).

78      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jinċaħad l-argument ta’ SEMEA li t-teħid tad-dejn tagħha mill-komun ta’ Millau illiberha minn dan tal-aħħar. Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 1165 tal-Kodiċi Ċivili, il-kuntratti għandhom effett biss bejn il-partijiet kontraenti u, min-naħa l-oħra, li dawn la jistgħu jkunu ta’ ħsara u lanqas ta’ benefiċċju għal terzi ħlief fil-każ previst mill-Artikolu 1121 tal-Kodiċi Ċivili. Għalhekk, debitur ma jistax jillibera ruħu mid-dejn tiegħu permezz ta’ kuntratt konkluż ma’ terz mingħajr il-kunsens tal-kreditur (ara Cass. 1re civ., 2 ta’ Ġunju 1992, n 90‑17499, Bull. 1992, I, Nru 168, p. 115 ; Cass. 1re civ., 30 ta’ April 2009, Nru 08-11093, Bull. 2009, I, Nru 82). Issa, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma tatx il-kunsens tagħha għat-teħid tad-dejn ta’ SEMEA mill-komun ta’ Millau.

79      Barra minn hekk, SEMEA ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-Artikolu 1844‑5(3) tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi li, “[f’] każ ta’ xoljiment, dan iwassal għat-trasferiment universali tal-patrimonju tal-kumpannija lis-soċju ewlieni, mingħajr ma ssir likwidazzjoni”, peress li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik id-dispożizzjoni ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, mill-minuti tal-laqgħa ġenerali straordinarja ta’ SEMEA tal-21 ta’ Novembru 2008 jirriżulta li l-komun ta’ Millau ma kienx is-soċju ewlieni ta’ SEMEA.

80      Fl-aħħar, l-Artikolu L 2131‑1 tal-Kodiċi Ġenerali tal-Kollettivitajiet Territorjali, moqri flimkien mal-Artikolu L 2132‑2 tal-istess kodiċi, jipprovdi li ċerti atti adottati mill-awtoritajiet komunali, li huma enumerat b’mod eżawrjenti, jsiru eżekuttivi skont il-liġi minn meta dawn jiġu ppublikati, imxandra jew innotifikati lill-persuni kkonċernati kif ukoll mit-trażmissjoni tagħhom lir-rappreżentant tal-Istat fid-dipartiment jew lid-delegat tiegħu fil-provinċja. Il-komun ta’ Millau ttrażmetta għall-istħarriġ tal-legalità d-deliberazzjoni, fit-18 ta’ Diċembru 2008, li permezz tagħha huwa, minn naħa, “innota l-istralċ ta’ SEMEA” u, min-naħa l-oħra, “ħa lura l-attiv u l-passiv ta’ dik il-kumpannija”. Madankollu, huwa ma setax ukoll jillibera lil SEMEA mid-dejn tagħha mal-Komunità. Fil-fatt, is-sempliċi trażmissjoni ta’ wieħed mill-atti tagħha għall-istħarriġ tal-legalità ma hijiex ta’ natura li tawtorizza kollettività territorjali sabiex tidderoga mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi msemmija fil-punt 78 iktar ’il fuq, li skonthom, fin-nuqqas tal-kunsens tal-kreditur, it-teħid tad-dejn minn terz ma jilliberax lid-debitur fil-konfront tal-kreditur.

81      Fit-tielet lok, SEMEA issostni li d-dejn inkwistjoni huwa preskritt. Dan ikun suġġett għall-preskrizzjoni ta’ għaxar snin skont l-Artikolu L 100‑4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2008-561 tas-17 ta’ Ġunju 2008 li rriformat il-preskrizzjoni fil-qasam ċivili (JORF tat-18 ta’ Ġunju 2008, p. 9856), li daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Ġunju 2008 (iktar ’il quddiem il-“liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008”). Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dejn inkwistjoni huwa suġġett għal preskrizzjoni ta’ tletin sena u għaldaqstant ma huwiex preskritt.

82      F’dak il-kuntest, jeħtieġ li jiġi eżaminat, qabel xejn, jekk id-dejn inkwistjoni huwiex suġġett għall-preskrizzjoni ta’ għaxar snin prevista mill-Artikolu L 110‑4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008. Skont dik id-dispożizzjoni, l-obbligazzjonijiet li jitnisslu fil-kummerċ bejn negozjanti jew bejn negozjanti u persuni mhux negozjanti jiġu preskritti wara d-dekors ta’ għaxar snin, sakemm dawn ma jkunux suġġetti għal preskrizzjonijiet speċjali iqsar.

83      Issa, jeħtieġ li jitfakkar li l-kuntratt kien intiż għall-għoti ta’ sussidju, mill-Kummissjoni, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni stess ta’ servizz pubbliku li tikkostitwixxi l-politika reġjonali tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-obbligi li jirriżultaw minnu, li fosthom hemm id-dejn inkwistjoni, ma jistgħux jitqiesu bħala li tnisslu bejn il-Kummissjoni u SEMEA fl-okkażjoni ta’ kummerċ ta’ bejniethom. Isegwi li l-preskrizzjoni ta’ għaxar snin stabbilita mill-Artikolu L 110‑4 tal-Kodiċi tal-Kummerċ fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008 ma tistax tolqot id-dejn inkwistjoni (Conseil d’État, 31 ta’ Lulju 1992, Nru 69661, RTD 1993, p. 87).

84      Sussegwentement, hemm lok li jiġi stabbilit li d-dejn inkwistjoni, li ma huwiex suġġett, iktar iktar, għal preskrizzjoni speċjali oħra, ma huwiex preskritt.

85      Fil-fatt, fil-mument li hija saret responsabbli, l-iktar kmieni f’Ġunju tal-1992, ix-xahar li matulu d-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu stħarriġ li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-prestazzjonijiet previsti fil-kuntratt, id-dejn inkwistjoni kien suġġett għall-preskrizzjoni ta’ tletin sena b’appplikazzjoni tal-prinċipji li minnhom huwa ispirat l-Artikolu 2262 tal-Kodiċi Ċivili fis-seħħ f’dak iż-żmien (Conseil d’État, 8 ta’ Lulju 2005, Nru 247976, Ġabra Dalloz 2005, p. 3075). Issa dak it-terminu ta’ tletin sena ma kienx għadu skada fil-ġurnata meta ġie ppreżentat ir-rikors.

86      Ċertament huwa veru li l-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008, minn naħa, ħassret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2262 tal-Kodiċi Ċivili, imsemmi iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, daħħlet fis-seħħ l-Artikolu l-ġdid 2224, li jistabbilixxi li l-obbligazzjonijiet jiġu preskritti, fil-prinċipju, wara ħames snin li jibdew jiddekorru minn meta it-titolari ta’ dritt ikun sar jaf jew kellu jsir jaf il-fatti li jippermettulu li jeżerċitah.

87      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li dik il-preskrizzjoni ta’ ħames snin hija applikabbli għad-dejn inkwistjoni, jeħtieġ li jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 2222(2) tal-Kodiċi Ċivili, fil-verżjoni tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008, dan it-terminu l-ġdid jiddekorri mill-jum tad-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-17 ta’ Ġunju 2008, jiġifieri mid-19 ta’ Ġunju 2008, b’tali mod li fid-data tal-preżentata tar-rikors il-preskrizzjoni kienet għadha ma skadietx.

88      Għaldaqstant id-dejn inkwistjoni ma huwiex preskritt.

89      Fir-raba’ lok, hemm lok li tiġi miċħuda l-oġġezzjoni ta’ SEMEA li l-għeluq tal-likwidazzjoni tagħha u t-tneħħija tagħha mir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpanniji rriżultaw konsegwentement fl-annullament tad-dejn inkwistjoni. Fil-fatt, kif ġie espost (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), il-personalità ġuridika ta’ SEMEA tissussisti anki wara t-tneħħija tagħha sa fejn id-dejn inkwistjoni ma kienx għadu ġie llikwidat.

90      Għaldaqstant SEMEA għandha tiġi kkundannata għar-rimbors ta’ EUR 41 012.

 Fuq it-talba għall-ħlas tal-interessi moratorji

91      Fl-ewwel parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob fit-tieni lok li SEMEA tiġi kkundannata għall-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata annwali applikata fi Franza. Prinċipalment, hija titlob li SEMEA tiġi kkundannata għall-ħlas tal-interessi minn wara l-10 ta’ Marzu 1992 skont l-Artikolu 1378 tal-Kodiċi Ċivili u, sussidjarjament, għall-ħlas tagħhom mis-27 ta’ April 1993 skont l-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili. Fit-tieni parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-interessi għandhom jakkumulaw l-interessi tagħhom stess skont l-Artikolu 1154 tal-Kodiċi Ċivili.

92      Fir-rigward tat-talba għall-ħlas tal-interessi mill-10 ta’ Marzu 1992, jiġifieri mid-data tal-aħħar ħlas min-naħa tal-Kummissjoni, jeħtieġ li jitfakkar li huwa biss meta l-parti li tirċievi l-ħlas indebitu tkun in mala fede li l-interessi jibdew jiddekorru mid-data ta’ dawk il-ħlasijiet. F’dak il-każ, jeħtieġ li tittieħed ispirazzjoni mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1378 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi li “jekk il-parti li tirċievi tkun in mala fede, din tkun obbligata li trodd lura, kemm il-kapital kif ukoll l-interessi jew il-frott, mill-jum tal-ħlas”. Fin-nuqqas ta’ mala fede, għandha titġi applikata r-regola ġenerali stabbiliti mill-Artikolu 1153 tal-istess kodiċi (Conseil d’État, 4 ta’ Frar 2000, Nru 202981, Ġabra p. 31).

93      Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tinvoka l-ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li SEMEA kienet in mala fede qabel it-talba għal rimbors tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jeħtieġ li tiġi miċħuda t-talba prinċipali tal-Kummissjoni li SEMEA tiġi kkundannata għall-ħlas tal-interessi moratorji mill-10 ta’ Marzu 1992.

94      Fir-rigward tat-talba għall-ħlas tal-interessi mis-27 ta’ April 1993, jeħtieġ li jitfakkru t-termini tal-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili: “Fl-obbligi li huma limitati għall-ħlas ta’ ċertu ammont, id-danni li jirriżultaw mid-dewmien fl-eżekuzzjoni qatt ma jkunu jikkonsistu f’xejn iktar ħlief fil-kundanna għall-interessi bir-rata legali […].” Meta dawk ikunu intalbu, u tkun xi tkun id-data ta’ dik it-talba, l-interessi moratorji dovuti skont l-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili jibdew jiddekorru mill-jum li fih it-talba għall-ħlas tal-ammont prinċipali tasal għand id-debitur jew, fin-nuqqas ta’ tali talba qabel ma tiġi assunta l-ġurisdizzjoni tal-qorti, mill-jum li fih il-qorti tassumi dik il-ġurisdizzjoni (Conseil d’État, 13 ta’ Diċembru 2002, Nru 203429, Ġabra p. 460).

95      F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet il-ħlas tad-dejn inkwistjoni għall-ewwel darba fis-27 ta’ April 1993. Għaldaqstant jeħtieġ li SEMEA tiġi kkundannata tħallas l-interessi moratorji bir-rata legali annwali applikata fi Franza minn dik id-data.

96      Fl-aħħar, skont l-Artikolu 1154 tal-Kodiċi Ċivili, “l-interessi dovuti tal-kapital jistgħu jipproduċu interessi, jew peremezz ta’ talba ġudizzjarja, jew permezz ta’ ftehim speċjali, sakemm, fit-talba jew fil-kuntratt, is-suġġett ikun l-interessi dovuti tal-inqas għal sena sħiħa”. Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet suesposti, il-kapitalizzazzjoni tal-interessi tista’ tintalab f’kull mument quddiem il-qorti tal-ewwel grad. Madankollu dik it-talba jkollha effett l-iktar kmieni fid-data li fiha hija tiġi mressqa u sakemm f’dik id-data s-suġġett ikun l-interessi dovuti tal-inqas għal sena sħiħa. Fejn ikun xieraq, il-kaptializzazzjoni issir mill-ġdid malli tiskadi kull skadenza annwali ulterjuri mingħajr il-bżonn li titressaq talba ġdida (Conseil d’État, 13 ta’ Diċembru 2002, punt 94 iktar ’il fuq).

97      F’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet il-kapitalizzazzjoni tal-interessi fir-rikors tagħha li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2010. F’dik id-data, l-interessi kienu dovuti tali-inqas għal sena sħiħa. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi ordnat li l-interessi jakkumulaw huma stess l-interessi kemm f’dik id-data kif ukoll f’kull skadenza annwali li tibda tiddekorri minn dik id-data.

 Fuq it-talba għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens

98      Fit-tielet parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob li SEMEA tiġi kkundannata għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni subiti. Hija tqis li skont l-Artikolu 1147 tal-Kodiċi Ċivili dik is-somma hija dovuta lilha għall-preġudizzju subit minħabba n-nuqqas ta’ ħlas abbużiv ta’ SEMEA. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet kostretta li tqabbad numru kbir ta’ persuni sabiex twassal id-diversi ittri, intimazzjonijiet u atti oħra bil-għan li tikkonvinċi lil SEMEA dwar il-fondatezza tal-pretenzjonijiet tagħha. Għall-kuntrarju, SEMEA ma waqfitx tinvoka argumenti infondati u inutli sabiex tevita l-obbligi tagħha jew tittardja l-eżekuzzjoni tagħhom.

99      F’dak il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53(1) tal-istess Statut u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lil-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr, jekk ikun il-każ, il-bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

100    Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni llimitat ruħha sabiex titlob ammont ta’ EUR 5 000 euros, mingħajr ma stabbiliet liema ammont jikkorrispondi għas-somma tal-partijiet differenti tal-preġudizzju li tipprevalixxi ruħha minnhom. Għaldaqstant jeħtieġ li dik it-talba tiġi miċħuda bħala fondata fuq argument li ma huwiex preċiż biżżejjed.

c)     Konklużjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

101    Konsegwentement jeħtieġ li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni li SEMEA tiġi kkundannata għar-rimbors tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 u li tiġi kkundannata għall-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali annwali applikata fi Franza wara s-27 ta’ April 1993 sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma prinċipali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ordnat li l-interessi moratorji jakkumulaw interessi huma stess kemm fil-15 ta’ April 2010 kif ukoll f’kull skadenza annwali li tibda tiddekorri minn dik id-data.

102    Il-kumplament tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-kontrotalba ta’ SEMEA

103    Fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal rimbors, SEMEA ressqet kontrotalba. Din il-kontrotalba hija bbażata fuq l-Artikolu 340 TFUE u l-Artikolu 41(3) tal-Karat tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2007, C 303, p. 1). Għaldaqstant din tikkostitwixxi talba fondata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

104    SEMEA tqis li l-Kummissjoni kisret il-kompitu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ ċertezza legali billi stenniet tnax-il sena wara t-talba tagħha għal rimbors tas-27 ta’ April 1993 qabel ma pproċediet mill-ġdid fil-konfront tagħha fit-18 ta’ Novembru 2005. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata tħallas bħala kumpens is-somma li għaliha kkundannata l-Qorti Ġenerali.

105    Il-Qorti Ġenerali tqis li jeħtieġ li qabel xejn tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din il-kontrotalba (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52, u tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑233/02, Ġabra p. I‑2759, punt 26).

106    Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fir-rigward huwa meħtieġ li jkunu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir imputat kontra l-istituzzjoni, l-eżistenza dannu reali u ċerta u l-eżistenza ta’ rabta kawżali diertta bejn l-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu allegat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-Qorti Ġenerali tas-9 ta’ Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il‑Kummissjoni, T‑231/97, Ġabra p. II‑2403, punt 29).

107    Fil-każ li ma tiġix sodisfatta xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikors għandu jiġi miċħud kompletament mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra tal-imsemmija responsabbiltà (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I-4199, punt 81, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Diċembru 2009, Antwerpse Bouwwerken vs Il‑Kummissjoni, T‑195/08, Ġabra p. II‑4439, punt 91).

108    F’dan il-każ, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li ma teżistix rabta diretta ta’ kawżalità bejn l-aġir tal-Kummissjoni u d-dannu allegat.

109    Fil-fatt, fir-rigward tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 li SEMEA għandha tirrimborsa lill-Kummission, huwa suffiċjenti li jingħad li dan huwa dejn ibbażat fuq l-irkupru ta’ ammont imħallas indebitament u li, peress li dan id-dejn ma huwiex preskritt, SEMEA kellha tħallsu fi kwalunkwe każ, anki li kieku il-Kummissjoni ma stennietx tnax-il sena sabiex tipproċedi mill-ġdid fil-konfront tagħha.

110    Fir-rigward tal-ħlas tal-interessi moratorji, jeħtieġ li jitfakkar li l-akkumulazzjoni tal-interessi hija konsegwenza diretta tal-aġir ta’ SEMEA, li baqgħet inadampjenti fir-rigward tar-rimbors tal-Kummissjoni. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda rabta diretta ta’ kawżalità bejn l-aġira tal-Kummissjoni u dan id-dannu.

111    Għaldaqstant jeħtieġ li l-kontrotalba ta’ SEMEA tiġi miċħuda mingħajr il-bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħha.

B –  Fuq il-Kawża T‑572/10

112    Il-Kawża T‑572/10 għandha bħala suġġett ir-rikors tal-Kummissjoni kontra l-komun ta’ Millau u l-kontrotalba ta’ dan tal-aħħar.

1.     Fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

113    Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors tagħha kontra l-komun ta’ Millau wara li saret taf li dan tal-aħħar kien iddeċieda li jieħu lura l-attiv u l-passiv kollu ta’ SEMEA.

a)     Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

114    Il-Kummissjoni tqis li l-komun ta’ Millau huwa suġġett għal klważola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE. Għall-kuntrarju, mingħajr ma tqajjem b’mod formali eċċezzjoni minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni permezz ta’ att separat skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-komun ta’ Millau jsostni li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jinċaħad peress li ġie ippreżentat quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisimgħu. Huwa jqis li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka fir-rigward tiegħu klawżola li tagħti ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE.

115    F’dak il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar, qabel xejn, li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, kawżi fil-qasam kuntrattwali miġjuba quddiemha biss permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, għaliex fin-nuqqas ta’ dan hija tkun qiegħda testendi l-ġurisdizzjoni tagħha li hinn minn dawk il-kawżi li huma rriżervati għaliha b’mod limitattiv mill-Artikolu 272 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Ottubru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, T‑186/96, Ġabra p. II‑1633, punt 47, u tat-12 ta’ Diċembru 2005, Natexis Banques Populaires vs Robobat, T‑360/05, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 12).

116    Peress li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 272 TFUE hija deroga mid-dritt komuni, hija għandha tiġi interpretata restrittivament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, Ġabra p. 4057, punt 11). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tista tiddeċiedi kawża kuntrattwali biss fil-każ li tiġi espressa l-volontà tal-partijiet li jagħtuha din il-ġurisdizzjoni (digriet Mutual Aid Administration Services vs Il‑Kummissjoni, punt 115 iktar ’il fuq, punt 46, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, T‑259/09, Ġabra p. II‑284, punt 39). Għaldaqstant huma biss dawk li jkunu partijiet f’klawżola ta’ arbitraġġ li jistgħu jkunu partijiet f’kawża ppreżentata abbażi tal-Artikoli 272 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 1976, Pellegrini vs Il‑Kummissjoni u Flexon-Italia, 23/76, Ġabra p. 1807, punt 31, u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Arci Nuova associazione comitato di Cagliari u Gessa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

117    Sussegwentement, fir-rigward tad-dritt li abbażi tiegħu jeħtieġ jiġi vverifikat jekk ġietx konkluża klawżola ta’ arbitraġġ valida bejn il-partijiet fil-kawża, hemm lok li jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ kawża li tikkonċerna kuntratt abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ għandha tiġi evalwata, fil-prinċipju, fid-dawl biss tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 272 TFUE u tal-istipulazzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ innifisha.

118    Dan l-approċċ huwa konfromi ma’ prinċipju tad-dritt ġeneralment ammess, li jistabbilixxi li kull qorti għandha tapplika r-regoli tal-proċedura tagħha, inklużi dawk dwar il-ġurisdizzjoni. Id-dritt proċedurali tal-Qorti Ġenerali jinkludi l-Artikolu 272 TFUE u mhux id-dispożizzjonijiet proċedurali korrispondenti tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikolu 272 TFUE għandu jiġi kkunsidrat bl-istess mod mill-qrati kollha bħala dispożizzjoni speċifika li għandha prijorità fuq id-dritt nazzjonali li jiddevja minnha (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 1992, Il‑Kummmissjoni vs Feilhauer, C‑209/90, Ġabra p. I‑2613, I‑2622, punt 18).

119    Din ir-regola tapplika anki fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tkun mitluba tapplika d-dritt nazzjonali l jirregola l-kuntratt fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Zoubek, punt 116 iktar ’il fuq, punt 10; Il‑Kummissjoni vs Feilhauer, punt 118 iktar ’il fuq, punt 13, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2006, Il‑Kummissjoni vs Trends, T‑449/04, Ġabra p. II‑24, punt 29).

120    Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza suesposta li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tar-rikors tal-Kummissjoni kontra l-komun ta’ Millau tistax tkun ibbażata fuq klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE.

 Fuq it-teorija tal-aċċessorji

121    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-komun ta’ Millau huwa marbut b’klawżola ta’ arbitraġġ prevista mill-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt peress li huwa assuma d-dejn ta’ SEMEA u li skont id-dritt Franciż il-klawżola ta’ arbitraġġ ġiet trasferita skont il-liġi bħala aċċessorju tad-dejn. Għall-kuntrarju, il-komun ta’ Millau jsostni li l-klawżola ta’ arbitraġġ ma hijiex aċċessorju indissoċjabbli mid-dejn tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ma kien hemm ebda proċedura pendenti fil-mument li ġie trasferit id-dejn.

122    Peress li l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq applikazzjoni tad-dritt Franċiż, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, qabel xejn, id-dritt applikabbli.

123    Kif ġie espost, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tisma’ kawża li tikkonċerna kuntratt abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ tiġi evalwata, fil-prinċipju, fid-dawl biss tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 272 TFUE u tal-istipulazzjonijiet tal-klawżola ta’ arbitraġġ stess (ara l-punt 117 iktar ’il fuq).

124    Madankollu, f’dak il-kuntest, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ klawżoli li jagħtu l-ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam ċivili kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet relatati mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda għal dik il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), li tapplika wkoll għall-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 4, p. 42). Minn dik il-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-validità ta’ klawżola li tagħti ġurisdizzjoni hija rregolata unikament mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mill-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kwistjoni dwar jekk klawżola li tagħti ġurisdizzjoni mifthema bejn trasportatur u speditur, li tiġi inserita f’polza ta’ kargu, tipproduċix l-effetti tagħha fir-rigward ta’ terz li jikseb il-polza ta’ kargu li, billi jkun kiseb din tal-aħħar, ikun assuma d-drittijiet u l-obbligi tal-ispeditur, għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dritt applikabbli għall-kuntratt (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1984, Russ, 71/83, Ġabra p. 2417, punt 24; tas-16 ta’ Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, Ġabra p. I‑1597, punt 41, u tad-9 ta’ Novembre 2000, Coreck, C‑387/98, Ġabra p. I‑9337, punti 22 sa 27).

125    Fil-prinċipju, hemm lok li jiġi eżaminat jekk din il-ġurisprudenza, li tistabbilixxi li d-dritt applikabbli għall-kuntratt għandu jirregola l-kwistjonijiet dwar is-suċċessjoni tad-drittijiet u l-obbligi, tistax tiġi applikata f’dan il-każ. Dan ikun jeżiġi applikazzjoni analoga doppjament. Fil-fatt, tinqala’, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk hija tistax tiġi applikata mhux biss fil-konfront ta’ terz li jkun kiseb polza ta’ kargu, iżda wkoll fil-konfront ta’ terz li, minħabba teħid ta’ dejn, ikun issuċċieda d-debitur oriġinali u ħa għall-finijiet kollha tal-liġi l-aċċessorji ta’ dan id-dejn. Min-naħa l-oħra tinqala’ l-kwistjoni dwar jekk dik il-ġurisprudenza li tikkonċerna l-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17 tal-konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001 hijiex applikabbli wkoll għal klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE.

126    Madankollu, għall-bżonnijiet ta’ dan il-każ, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dawn il-mistoqsijiet. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku kien applikabbli d-dritt Franċiż, il-klawżola ta’ arbitraġġ konkluża bejn SEMEA u l-Kummissjoni ma ġietx trasferita lill-komun ta’ Millau bħala element aċċessorju tad-dejn ta’ SEMEA.

127    Fil-fatt, kif ġie espost (ara l-punt 78 iktar ’il fuq) fin-nuqqas tal-kunsens tal-Kummissjoni, it-teħid eventwali tad-dejn ta’ SEMEA mill-komun ta’ Millau ma jkollux l-effett li jillibera lil SEMEA mid-dejn tagħha fil-konfront tal-Kummissjoni u li hija tiġi suċċeduta bħala debitriċi mill-komun ta’ Millau. Sa fejn it-teħid tad-dejn mill-komun ta’ Millau nissel dejn ta’ dan tal-aħħar fil-konfront tal-Unjoni, din tista’ ssir biss permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz. Issa, tali stipulazzjoni tnissel obbigu ġdid tal-komun ta’ Millau li huwa legalment distint mill-obbligu li hija marbuta bih SEMEA. Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ trasferiment tad-dejn ta’ SEMEA lill-komun ta’ Millau, il-klawżola ta’ arbitraġġ li torbot lil SEMEA ma setgħetx ġiet trasferita bħala element aċċessorju tad-dejn ta’ SEMEA.

128    Ċertament, id-dritt Franċiż ma jipprekludix, fil-prinċipju, li l-komun ta’ Millau bħala parti promettenti u li SEMEA bħala parti awtriċi ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz jibbażaw il-kontenut u s-sistema ta’ dejn tal-komun ta’ Millau fil-konfront tal-Unjoni fuq dawk tad-dejn ta’ SEMEA fil-konfront tal-Unjoni. Madankollu, f’dan il-każ, it-teħid tal-klawżola ta’ arbitraġġ ma jkollux il-konsegwenza tas-suċċessjoni tad-drittijiet u tal-obbligi fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, iżda tirriżulta mill-volontà tal-partijiet. Konsegwentement, din il-kwistjoni ma hijiex irregolata mid-dritt Franċiż, iżda direttament mill-Artikolu 272 TFUE (ara l-punti 117 u 118 iktar ’il fuq).

 Fuq il-konklużjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ

129    Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li l-komun ta’ Millau aċċetta klawżola ta’ arbitraġġ kif prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt billi assuma d-dejn ta’ SEMEA.

130    Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-komun ta’ Millau u l-Kummissjoni ma kkonkludew l-ebda kuntratt u, konsegwentement, l-ebda klawżola ta’ arbitraġġ.

131    Sussegwentement, hemm lok li jingħad li skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq (ara l-punti 115 sa 119 iktar ’il fuq) il-fatt ewlieni li, skont id-dritt Franċiż applikabbli għall-kuntratt, SEMEA u l-komun ta’ Millau jkunu eventwalment responabbli in solidum u konġuntement għad-dejn ma jistax iservi bħala bażi għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Hellenic Ventures et, T‑44/06, Ġabra p. II‑127, punt 54).

132    Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, tqum il-kwistjoni dwar jekk, permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz bejn SEMEA u l-komun ta’ Millau, dan tal-aħħar issuġġettax ruħu għal klawżola ta’ arbitraġġ favur l-Unjoni.

133    Ċertament, il-kliem tal-Artikolu 272 TFUE jipprovdi biss għall-possibbiltà li l-klawżola ta’ arbitraġġ tiġi integrata f’kuntratt preċedenti tal-Unjoni. Għaldaqstant dan ma jipprovdix b’mod espliċitu li tali klawżola tista’ tiġi stipulata għal terz. Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 272 TFUE għandha tiġi interpretata restrittivament (ara l-punt 116 iktar ’il fuq).

134    Madankollu, peress li klawżola ta’ arbitraġġ hija ta’ natura konvenzjonali, xejn ma jostakola l-eżami tal-eżistenza ta’ tali klawżola billi jittieħed kont tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti li jirriżulta mis-sistemi legali tal-Istati Membri. Fil-fatt, anki jekk wieħed minn dawk il-prinċipji jiddikjara li kuntratt jorbot biss lil dawk il-partijiet, dak il-prinċipju ma jipprekludix il-possibbiltà li żewġ partijiet jistgħu, permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz, jagħtu dritt lil terz.

135    Barra minn hekk, l-inklużjoni, fil-kuntratt bejn il-komun ta’ Millau u SEMEA, ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tippermetti lill-Unjoni li tippreżenta kawża bejnha u bejn il-komun ta’ Millau quddiem il-Qorti Ġenerali ma hijiex kuntrarja għar-rekwiżit tal-Artikolu 272 TFUE, li jistabbilixxi li tali klawżola għandha tkun inkluża f’kuntratt preċedenti mill-Unjoni jew għan-nom tagħha. Fil-fatt, minn naħa, stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz tista’ tiġi kkunsidrata bħala stipulazzjoni għan-nom tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, ċertament, jeħtieġ li dak ir-rekwiżit tal-Artikolu 272 TFUE jiġi interpetat b’tali mod li huwa jopponi li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali għal kawżi li jikkonċernaw kuntratt tkun tista’ tiġi stabbilita kontra l-volontà tal-Unjoni. Issa, fil-każ ta’ klawżola ta’ arbitraġġ stipulata unikament favur l-Unjoni, din ma tistax tiġi imposta fuqha kontra l-volontà tagħha.

136    Fl-aħħar, in-natura proċedurali ta’ klawżola ta’ arbitraġġ ma tipprekludix li tali klawżola tiġi stipulata għal terz. Fil-fatt, fir-rigward tal-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17 tal-konvenzjoni ta’ Brussell u tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat tali klawżola (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1983, Gerling Konzern Speziale Kreditversicherung et, 201/82, Ġabra p. 2503, punti 10 sa 20).

137    Għaldaqstant, f’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk SEMEA u l-komun ta’ Millau ftehmux li dan tal-aħħar kellu jkun suġġett għal klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, stipulata favur l-Unjoni.

138    Mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti jirriżulta li l-eżistenza ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz tista’ tirriżulta minn ftehim espress bejn il-parti awtriċi u dik promettenti li jkun intiż sabiex jagħti dritt lil terzi. L-eżistenza ta’ tali stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz tista’ tiġi inferita wkoll mill-għan tal-kuntratt jew miċ-ċirkustanzi tal-każ.

139    F’dan il-każ, miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżultaw, b’mod partikolari, punti ta’ fatt u ta’ liġi stabbiliti mill-fajl tal-kunsill muniċipali tal-komun ta’ Millau tat-18 ta’ Diċembru 2010, li l-komun ta’ Millau u SEMEA kkonkludew ftehim li jistabbilixxi li l-komun ta’ Millau kellu jieħu l-passiv ta’ SEMEA u bħala kontroparti jirċievi l-attiv ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta minn dan il-fajl li l-komun ta’ Millau ġie informat dwar il-kwistjoni ta’ SEMEA mal-Unjoni u kellu jassumi d-dejn ta’ SEMEA “b’konjizzjoni sħiħa tal-kwistjoni”. Min-naħa l-oħra, minn dan il-fajl jirriżulta li bħala kontroparti SEMEA kellha tittrasferixxi somma ta’ EUR 82 719.76, li tikkorrispondi għall-attiv tagħha, lil komun ta’ Millau bil-għan li dan tal-aħħar jkun jista’ jilqa’ għar-riskju tal-kwistjoni li tirriżulta mit-teħid tad-dejn tagħha.

140    Ċertament, ftehim li jirrigwarda l-ħlas tad-dejn ta’ parti minn parti oħra ma għandux neċessarjament il-konsegwenza li jitnissel dritt ġdid favur il-kreditur. Jista’ jkun hemm teħid purament intern jew indikazzjoni tal-ħlas. Madankollu, f’dan il-każ, mill-għan tal-ftehim bejn SEMEA u l-komun ta’ Millau kif ukoll miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li dawn iż-żewġ partijiet riedu jnisslu dejn tal-Unjoni kontra l-komun ta’ Millau. Fil-fatt, fl-ewwel lok, hemm lok li jingħad li l-għan segwit minn SEMEA u mill-komun ta’ Millau kien li jiddirezzjonaw il-kredituri reali u potenzjali ta’ SEMEA lejn il-komun ta’ Millau. Fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li, bħala kontroparti għat-teħid tad-dejn tagħha mill-komun ta’ Millau, SEMEA ittrasferiet l-attiv kollu tagħha lill-komun ta’ Millau, jiġifieri EUR 82 719.76. Kif jirriżulta mill-fajl suespost, il-ħlas ta’ din is-somma għandu jippermetti lill-komun ta’ Millau li jilqa’ għar-riskju tal-kwistjoni li tirriżulta mit-teħid tad-dejn, u dan juri wkoll it-tnissil ta’ dejn tal-komun ta’ Millau fil-konfront tal-Unjoni. Fl-aħħar, ma jistax jiġi preżunt li l-komun ta’ Millau, li huwa marbut mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kellu l-intenzjoni li jieħu l-attiv kollu ta’ SEMEA u li b’hemm iħalli lil SEMEA ssir debitriċi mingħajr ebda mezzi, mingħajr ma jobbliga ruħu fil-konfront tal-Unjoni sabiex iħallas id-dejn ta’ SEMEA.

141    Fir-rigward tat-teħid tal-klawżola ta’ arbitraġġ, il-komun ta’ Millau isostni li huwa aċċetta biss li jassumi d-dejn ta’ SEMEA, iżda mhux il-klawżola ta’ arbitraġġ. Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li mill-għan tal-ftehim ta’ bejn SEMEA u l-komun ta’ Millau u miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li fil-mument tat-teħid il-komun ta’ Millau kellu l-intenzjoni li jissuġġetta ruħu għal klawżola ta’ arbitraġġ bħal dik inkluża fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt. Fil-fatt, kif ġie espost iktar ’il fuq, il-komun ta’ Millau ħa d-dejn ta’ SEMEA fil-konfront tal-Unjoni b’konjizzjoni sħiħa tal-kwistjoni, u għaldaqstant b’konjizzjoni tal-kwistjoni bejn SEMEA u l-Unjoni dwar id-dejn inkwistjoni. Għaldaqstant huwa obbliga ruħu li jħallas dejn li l-kontenut u s-sistema tiegħu kienu bbażati fuq dawk tad-dejn ta’ SEMEA. Peress li din tal-aħħar kienet marbuta bi klawżola ta’ arbitraġġ prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt għall-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-kuntratt, il-komun ta’ Millau għaldaqstant issuġġetta ruħu wkoll għal tali klawżola. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li la l-komun ta’ Millau u lanqas SEMEA ma invokaw elementi li jistabbilixxu li huma esprimew riżerva fir-rigward tat-teħid tal-klawżola ta’ arbitraġġ mill-komun ta’ Millau qabel il-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA. Barra minn hekk, element ieħor li jixhed favur l-issuġġettar tal-komun ta’ Millau għal klawżola ta’ arbitraġġ huwa l-fatt li SEMEA u l-komun ta’ Millau ma setgħux jistennew b’mod leġittimu li l-kredituri reali jew potenzjali ta’ SEMEA jaċċettaw li jipproċedu kontra l-komun ta’ Millau jekk il-kontenut jew is-sistema tal-kreditu tagħhom kontra l-komun ta’ Millau kienu inqas favorevoli meta mqabbla ma dawk tal-kreditu tagħhom kontra SEMEA.

142    Fl-aħħar, din l-interpretazzjoni tal-intenzjonijiet ta’ komun ta’ Millau u ta’ SEMEA ma tistax tiġi opposta billi jingħad li huma kellhom l-intenzjoni li jittrasferixxu d-dejn ta’ SEMEA lill-komun ta’ Millau b’ effett liberatorju għal SEMEA u li fin-nuqqas ta’ tali effett il-komun ta’ Millau ma kienx jaċċetta li jissuġġetta ruħu għall-klawżola ta’ arbitraġġ. Tali żball ikun wieħed mhux skużabbli, peress li, għal raġunijiet evidenti ta’ protezzjoni tal-kredituri, tali trasferiment ta’ dejn ma setax isir mingħajr il-kunsens tal-Unjoni.

143    Konsegwentment, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-komun ta’ Millau u SEMEA ftehmu favur l-Unjoni li din tal-aħħar tista’ tipprevalixxi ruħha minn klawżola ta’ arbitraġġ bħal dik prevista fl-Artikolu 10 tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt fil-konfront tal-komun ta’ Millau.

144    L-eżistenza ta’ tali klawżola ta’ arbitraġġ ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-komun ta’ Millau kkontesta l-eżistenza tagħha wara l-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni. Ċertament, il-parti awtriċi u dik promettenti ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, iħassru jew jemendaw il-klawżola li tagħti d-dritt inkwistjoni. Madankollu, b’applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti, dan ma jibqax iktar possibbli wara li t-terz benefiċjarju jkun innotifka lill-parti promettenti jew dik awtriċi li huwa jrid jeżerċita d-dritt tiegħu.

145    Fir-rigward tal-forma rikjesta għal klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix bħala rekwiżit xi forma speċjali. Madankollu, l-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE għandu jkun akkumpanjat minn eżempju tal-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-klawżola ta’ arbitraġġ fil-prinċipju għandha tiġi stipulata bil-miktub.

146    Issa, jeħtieġ li jitfakkar li dan l-artikolu tar-Regoli tal-Proċedura għandu l-għan ta’ prova u li l-formalità li huwa jipprevedi għandha għaldaqstant titqies li tkun kompluta meta d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti jippermettu lill-Qorti Ġenerali tikseb konjizzjoni suffiċjenti tal-ftehim li sar bejn il-partijiet fil-kawża li jneħħu l-kontroversja bejniethom rigward il-kuntratt mill-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali sabiex iressquha quddiem il-qrati tal-Unjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 2007, Citymo vs Il‑Kummissjoni, T‑271/04, Ġabra p. II‑1375, punt 56).

147    F’dan il-każ, il-Kummissjoni daħħlet f’anness mar-rikors tagħha, minn naħa, il-fajl tat-18 ta’ Diċembru 2008 li minnu jirriżulta li l-komun ta’ Millau u SEMEA kienu ddeċidew li l-komun ta’ Millau kellu jieħu l-passif ta’ SEMEA, u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt, li minnu jirriżulta l-kontenut tal-klawżola ta’ arbitraġġ konkluża bejn l-Unjoni u SEMEA. Għaldaqstant hija segwiet il-formalità imposta mill-Artikolu 44(5)a tar-Regoli tal-Proċedura.

148    Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tal-komun ta’ Millau li l-Artikolu 2060 tal-Kodiċi Ċivili u l-Artikolu 48 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprekludu li huwa jiġi ssuġġettat għal klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE, ikun suffiċjenti li jitfakkar li, anki li kieku kien jeżisti kunflitt bejn dawn il-liġijiet, l-Artikolu 272 TFUE għandu jiġi kkunsidrat bl-istess mod mill-qrati kollha bħala dispożizzjoni speċifika li għandha prijorità fuq id-dritt nazzjonali li jiddevja minnha (ara l-punti 117 u 118 iktar ’il fuq).

149    Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi konkluż li l-Kummissjoni tista’ tipprevalixxi ruħha minn klawżola ta’ arbitraġġ fil-konfront tal-komun ta’ Millau u li l-Qorti Ġenerali b’hekk għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni kontra l-komun ta’ Millau b’applikazzjoni tal-Artikoli 272 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE.

b)     Fuq il-fondatezza tar-rikors

150    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lil Qorti Ġenerali li tikkundanna lill-komun ta’ Millau għar-rimbors tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012, għall-ħlas tal-interessi kif ukoll għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni subiti.

 Fuq it-talba għar-rimbors tas-somma prinċipali

151    Fl-ewwel parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob fl-ewwel lok li l-komun ta’ Millai jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ EUR 41 012.

152    Peress li l-istess talba saret fil-konfront ta’ SEMEA (punti 60 sa 89 iktar ’il fuq), tqum biss il-kwistjoni dwar jekk, skont id-dritt Franciż, il-komun ta’ Millau huwiex ukoll responsabbli għad-dejn ta’ SEMEA.

153    Fin-nuqqas tal-kunsens tal-Unjoni għat-teħid tad-dejn ta’ SEMEA mill-komun ta’ Millau, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-komun ta’ Millau obbligax ruħu mal-Unjoni li jħallas id-dejn ta’ SEMEA permezz ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz.

154    Ċertament, l-Artikolu 1165 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li l-kuntratti għandhom effett biss bejn il-partijiet kontraenti. Madankollu, minn dak l-artikolu jirriżulta wkoll li l-kuntratti jistgħu jkunu jagħtu benefiċċju lil terz fil-każ ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz prevista fl-Artikolu 1121 tal-Kodiċi Ċivili (Conseil d’État, 20 ta’ Diċembru 1989, Nru 50815; Conseil d’État, 20 ta’ Jannar 1992, Nru 46624; Conseil d’État, 19 ta’ Lulju 2010, Nru 318126, u Cour administrative d’appel de Marseille, 21 ta’ Ottubru 2011, Nru 09MA00782).

155    F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitfakkar, qabel xejn, li mill-punti 139 u 140 iktar ’il fuq jirriżulta li l-komun ta’ Millau u SEMEA taw il-kunsens tagħhom sabiex jitnissel kreditu ġdid tal-Unjoni fil-konfront tal-komun ta’ Millau.

156    Sussegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet addizzjonali rikjesti mill-Artikolu 1121 tal-Kodiċi Ċivili għall-konklużjoni ta’ stipulazzjoni fir-rigward ta’ terz huma sodisfatti. Fil-fatt, sa fejn għadu rikjest interess dirett u immmedjat min-naħa tal-parti awtriċi, interess sempliċi, kif ukoll morali jkun suffiċjenti (Cass. 1re civ., 26 ta’ Frar 1962, Bull. civ. I, Nru 124, p. 119 ; Cass. com., Cass. 1re civ., 5 ta’ Ġunju 1984, Bull. civ. I, Nru 182). F’dan il-każ, tali interess jinsab fil-fatt li SEMEA tista’ titlob lil komun ta’ Millau jħallas id-dejn tagħha fil-konfront tal-Unjoni.

157    Barra minn hekk, il-validità tat-teħid tad-dejn mill-komun ta’ Millau ma tistax tiġi kkontestata abbażi ta’ nuqqas ta’ kawża minħabba n-nuqqas ta’ effett liberatorju ta’ dak it-teħid għal SEMEA. Fil-fatt, nuqqas ta’ kawża jikkostitwixxi biss nullità relattiva u l-komun ta’ Millau ma sostniex li t-teħid tad-dejn ta’ SEMEA huwa null. Barra minn hekk, il-kawża ta’ dak it-teħid tad-dejn tinsab fil-fatt li l-attiv kollu ta’ SEMEA wkoll ġie trasferit lil komun ta’ Millau.

158    Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 1121 tal-Kodiċi Ċivili l-komun ta’ Millau obbliga ruġu li jħallas id-dejn ta’ SEMEA. Għaldaqstant it-talba tal-Unjoni kontra l-komun ta’ Millau li tirrigwarda r-rimbors ta’ EUR 41 012 hija fondata.

 Fuq it-talba għall-ħlas tal-interessi

159    Fl-ewwel parti tat-talbiet tagħha, il-Kumissjoni titlob fit-tieni lok il-kundanna tal-komun ta’ Millau għall-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali annwali applikata fi Franza. Prinċipalment, hija titlob li l-komun ta’ Millau jiġi kkundannat għall-ħlas tal-interessi mill-10 ta’ Marzu 1992 skont l-Artikolu 1378 tal-Kodiċi Ċivili u, sussidjarjament, għall-ħlas tagħhom mis-27 ta’ April 1993 skont l-Artikolu 1153 tal-Kodiċi Ċivili. Fit-tieni parti tat-talbiet tagħha, hija titlob li jiġi ordnat li l-interessi jakkumulaw interessi huma stess skont l-Artikolu 1154 tal-Kodiċi Ċivili.

160    Minħabba r-raġunijiet suesposti (ara l-punti 152 sa 158 u 92 sa 95 iktar ’il fuq), jeħtieġ li tinċaħad it-talba għall-ħlas tal-interessi moratorji mill-10 ta’ Marzu 1992 u li l-komun ta’ Millau jiġi kkundannat iħallashom mis-27 ta’ April 1993.

161    Fir-rigward tat-talba għall-kapitalizzazzjoni tal-interessi skont l-Artikolu 1154 tal-Kodiċi Ċivili, jeħtieġ qabel xejn li jsir riferiment għall-punt 97 iktar ’il fuq. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-komun ta’ Millau, it-talba sabiex tiġi ordnata l-kapitalizzazzjoni tal-interessi tressqet biss fir-rikors tal-Kummissjoni li ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Diċembru 2010. F’din id-data, l-interessi kienu dovuti tal-inqas għal sena sħiħa. Fuq din il-bażi legali, il-Kummissjoni ma tistax titlob il-kapitalizzazzjoni tal-interessi ħlief sal mill-21 ta’ Diċembru 2010.

162    Issa, minħabba t-teħid tad-dejn ta’ SEMEA mill-komun ta’ Millau, il-Kummissjoni tista’ titlob il-kapitalizzazzjoni tal-interessi sa mid-data tal-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA, jiġifieri sa mill-15 ta’ April 2010. Fil-fatt, mill-għan tal-ftehim ta’ bejn il-komun ta’ Millau u SEMEA kif ukoll miċ-ċirkustanzi tal-każ jirriżulta li l-komun ta’ Millau huwa obbligat iħallas l-interessi kollha dovuti minn SEMEA. Minn naħa, il-komun ta’ Millau impenja ruħu mal-Unjoni li jħallas id-dejn ta’ SEMEA. Min-naħa l-oħra, peress li l-attiv kollu ta’ SEMEA ġie trasferit lil komun ta’ Millau, SEMEA ma għadhiex kapaċi li teżegwixxi t-talbiet tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat minħabba r-raġunijiet suesposti (punti 139 u 140 iktar ’il fuq) li mill-intenzjoni ta’ komun ta’ SEMEA u mill-komun ta’ Millau li dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jħallas l-interessi kollha dovuti minn SEMEA u b’hekk li jħallas ukoll il-kapitalizzazzjoni tal-interessi sa mill-preżentata tar-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA.

163    Għaldaqstant għandu jiġi ordnat li l-interessi għandhom jakkumulaw interessi huma stess kemm fid-data li fiha ġie ppreżentat ir-rikors tal-Kummissjoni kontra SEMEA, jiġifieri l-15 ta’ April 2010, kif ukoll f’kull skadenza annwali sa minn din id-data.

 Fuq it-talba għall-ħlas ta’ somma kumpensatorja

164    Fit-tielet parti tat-talbiet tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-komun ta’ Millau jiġi kkundannat għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 5 000 bħala kumpens għad-danni subiti minħabba n-nuqqas ta’ ħlas abbużiv ta’ SEMEA.

165    Minħabba r-raġunijiet indikati fil-punt 98 sa 100 jeħtieġ li din it-talba tiġi miċħuda.

c)     Konklużjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

166    Konsegwentement jeħtieġ li jintlaqgħu t-talbiet tal-Kummissjoni li l-komun ta’ Millau jiġi kkundannat għar-rimbors tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 u għall-ħlas tal-interessi moratorji bir-rata legali annwali applikata fi Franza sa mis-27 ta’ April 1993 sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma prinċipali. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi ordnat li l-interessi moratorji għandhom jakkumulaw interessi huma stess kemm fil-15 ta’ April 2010 kif ukoll f’kull skadenza annwali sa minn din id-data.

167    Il-kumplament tar-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq il-kontrotalba tal-komun ta’ Millau

168    Il-Komun ta’ Millau ressaq kontrotalba fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal rimbors. Din it-talba hija bbażata fuq l-Artikolu 340 TFUE u l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant din tikkostitwixxi talba bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

169    Il-komun ta’ Millau jikkunsidra li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ ċertezza legali billi stenniet tnax-il sena mit-talba inizjali tagħha għal rimbors tas-27 ta’ April 1993 qabel ma pproċediet mill-ġdid fil-konfront ta’ SEMEA fit-18 ta’ Novembru 2005. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata li tagħti bħala kumpens is-somma li l-Qorti Ġenerali kkundannata għaliha.

170    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li jeħtieġ qabel xejn li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ din il-kontrotalba (sentenza Il‑Kunsill vs Boehringer, punt 105 iktar ’il fuq, punti 51 u 52, u Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 105 iktar’il fuq, punt 26).

171    Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 106 sa 110 iktar ’il fuq, il-kontrotalba tal-komun ta’ Millau ma hijiex fondata.

172    Għaldaqstant jeħtieġ li l-kotrotalba tal-komun ta’ Millau tiġi miċħuda.

C –  Fuq ir-responsabbiltà in solidum u konġunta

173    Peress li SEMEA u l-komun ta’ Millau huma t-tnejn obbligati li jirrimborsaw is-somma prinċipali miżjuda bl-interessi moratorji u peress li l-Kummissjoni għandha dritt għal ħlas wieħed biss, jeħtieġ li SEMEA u l-komun ta’ Millau jiġu kkundannati konġuntement u in solidum għall-ħlas, kif titlob il-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

174    Skont l-Artikolu 87(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba, u, jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha taqsam l-ispejjeż. Peress li SEMEA u l-komun ta’ Millau essenzjalment tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Kawżi T‑168/10 u T‑572/10 ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza.

2)      Société d’économie mixte d’équipement de l’Aveyron (SEMEA) u l-komun ta’ Millau (Franza) huma kkundannati in solidum u konġuntement għall-ħlas tas-somma prinċipali ta’ EUR 41 012 lill-Kummissjoni Ewropea, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata legali annwali applikata fi Franza sa mis-27 ta’ April 1993 sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma. L-interessi dovuti fid-data tal-15 ta’ April 2010, u sussegwentment f’kull skadenza annwali sa minn din id-data, għandhom jiġi kkapitalizzati sabiex jakkumulaw interessi huma stess.

3)      Il-kumplament tar-rikorsi tal-Kummissjoni fil-Kawżi T‑168/10 u T‑572/10 huwa miċħud.

4)      Il-kontrotalba ta’ SEMEA fil-Kawża T‑168/10 u l-kontrotalba tal-komun ta’ Millau fil-Kawża T‑572/10 huma miċħuda.

5)      SEMEA għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑168/10.

6)      Il-komun ta’ Millau għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑572/10.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Settembru 2012.

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

A –  Fil-Kawża T‑168/10

B –  Fil-Kawża T‑572/10

Id-dritt

A –  Fuq il-Kawża T‑168/10

1.  Fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

a)  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

b)  Fuq il-fondatezza tar-rikors

Fuq it-talba għar-rimbors tas-somma prinċipali

–  Fuq is-sistema legali applikabbli

–  Fuq il-kreditu tal-Unjoni kontra SEMEA

–  Fuq l-oġġezzjonijiet imqajma minn SEMEA

Fuq it-talba għall-ħlas tal-interessi moratorji

Fuq it-talba għall-ħlas ta’ somma bħala kumpens

c)  Konklużjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

2.  Fuq il-kontrotalba ta’ SEMEA

B –  Fuq il-Kawża T‑572/10

1.  Fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

a)  Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

Fuq it-teorija tal-aċċessorji

Fuq il-konklużjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ

b)  Fuq il-fondatezza tar-rikors

Fuq it-talba għar-rimbors tas-somma prinċipali

Fuq it-talba għall-ħlas tal-interessi

Fuq it-talba għall-ħlas ta’ somma kumpensatorja

c)  Konklużjoni fuq ir-rikors tal-Kummissjoni

2.  Fuq il-kontrotalba tal-komun ta’ Millau

C –  Fuq ir-responsabbiltà in solidum u konġunta

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.