Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' April 2010 - Samskip Multimodal Container Logistics vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-166/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Multimodal Container Logistics BV ('s-Gravenzande, l-Olanda) (rappreżentanti: K. Platteau, Y. Maasdam u P. Broers, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 580, tas-27 ta' Jannar 2010, dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja għall-proposti għal azzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta' għażla 2009, fil-programm tal-Unjoni Ewropea għall-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija (Marco Polo II) 1, sa fejn hija tagħżel il-Proposta Nru TREN/B4/SUB/01-2009 MP-II/6, il-proġett G2G@2XL, għal finanzjament li jammonta għal EUR 2 190 539;

tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq iż-żewġ motivi li ġejjin.

Fl-ewwel motiv ir-rikorrenti ssostni li l-finanzjament ikkontestat jikser il-kundizzjonijiet għal finanzjament u r-rekwiżiti tal-Article 5(2) tar-Regolament Nru 1692/2006 inkwantu

jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni li hija inaċċettabbli u li tmur kontra l-interess komuni fis-suq tas-servizzi ta' trasport tal-merkanzija bil-mezzi alternattivi ta' trasport proposti mill-proġett G2G@2XL, jiġifieri bil-ferroviji u trasport marittimu ta'distanzi qosra mill-Italja, l-Isvizzera u l-Awstrija lejn ir-Renju Unit; u

il-proġett G2G@2XL mhux ser jibqa' vijabbli wara l-perijodu previst ta' 36 xahar.

Fit-tieni motiv ir-rikorrenti sssostni li l-finanzjament ikkontestat jikser l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1692/2006 peress li ma jikkontribwixxix għall-għanijiet tal-interess komuni tal-programm Marco Polo II. Il-finanzjament ikkontestat ser iwassal biss għal bidla mill-operatur multimodali eżistenti għal ieħor u mhux mit-trasport bit-triq għal transport bil-ferrovija. Konsegwentement, ebda traffiku tal-merkanzija trasportata bit-triq mhuwa ser jinbidel għal mezzi li huma iktar favur l-ambjenti. Għaldaqstant, il-finanzjament ikkontestat mhux ser jikkontribwixxi għal tnaqqis reali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u għalhekk la ser inaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u lanqas mhuwa ser jikkontribwixxi għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport mixtieq (jiġifieri l-għanijiet tal-interess komuni tal-programm Marco Polo II u li huma pprovduti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1692/2006).

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1692/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 2006, li jistabbilixxi t-tieni programm "Marco Polo" għall-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Komunità biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport tal-merkanzija ("Marco Polo II"), u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1382/2003, ĠU L 328, p. 1