Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2010 - Il-Kummissjoni vs SEMEA

(Kawża T-168/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Petrova, aġent, u E. Bouttier, avukat)

Konvenuta: Société d'économie mixte d'équipement de l'Aveyron (SEMEA) (Millau, Franza)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lil Société d'économie mixte de l'Aveyron, fil-persuna tal-mandatarju ad hoc tagħha, sabiex tħallas lir-rikorrenti ammont ta' EUR 41,012 bħala somma prinċipali, flimkien tal-interessi dovuti mill-10 ta' Marzu 1992 jew, sussidjarjament, mis-27 ta' April 1993;

tordna l-kapitalizzazzjoni tal-interessi;

tikkundanna il-kumpannija SEMEA għas-somma ta' Eur 5, 000 minħabba r-resistenza abbużiva tagħha;

tikkundanna lill-kumpannija SEMEA għall-ispejjeż f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Komunità Europea, irrapreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet fis-6 ta' Lulju 1990 ma' Société d'économie mixte d'équipement de l'Aveyron (SEMEA) kuntratt ta' kofinanzjament dwar azzjoni ta' żvilupp lokali li kien jikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta' preparazzjoni u ta' twaqqif ta' Centre Européen d'Entreprise Locale (Ċentru Eropew tal-Impriżi Lokali) f'Millau.

Il-Kummissjoni ssostni li taħt dan il-kuntratt, SEMEA kienet intrabtet twettaq prestazzjonijiet differenti u li tagħti rendikont lill-Kummissjoni permezz ta' rapporti perijodici u l-Kummissjoni, min-naħa tagħha, intrabtet sabiex tikkontribwixxi finanzjarament għat-twettiq ta' dawn ix-xogħlijiet, għal ammont massimu ta' ECU 135,000, fil-limitu ta' 50 % tal-ispejjeż ġġustifikati tax-xogħol.

F'Mejju 1991, SEMEA talbet lill-Kummissjoni sabiex dan il-kuntratt jkun jista' jiġi eżegwit minn struttura oħra, l-Association CEI12, u dan kien ġie aċċettat mill-Kummissjoni bil-preċiżjoni li dan il-ftehim ma eżonerax lil SEMEA mill-obbligi tagħha u SEMEA kkonfermat li hija kienet ser tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tajba tal-prestazzjonijiet previsti fil-kuntratt.

Wara kontroll fuq l-istat ta' progress tax-xogħol, ġie kkonstatat li t-total tal-ispejjeż eliġġibbli kienu għolew għas-somma ta' EUC 187,977 u għaldaqstant, li l-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ffissata għal 50 % ta' dan l-ammont, jiġifieri s-somma ta' ECU 93,988.

Sa fejn SEMEA diġà rċeviet is-somma ta' EUR 135,000 taħt il-kuntratt, dan ir-rikors huwa intiż li jintalab rimbors ta' dak li rċeviet żejjed.

____________