Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-23 ta’ Lulju 2021 – E, F vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-456/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats ‘s-Hertogenbosch

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: E, F

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-kwalifika”) għandu jiġi interpretat fis-sens li normi, valuri u aġir effettiv tal-Punent li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jadottaw waqt li jirresjedu fit-territorju tal-Istat Membru filwaqt li jieħdu sehem b’mod sħiħ fis-soċjetà matul parti sostanzjali tal-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha jifformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala sfond komuni, li ma jistax jinbidel, jew jikkostitwixxu karatteristiċi tant essenzjali għall-identità li l-persuni kkonċernati ma jistgħux ikunu meħtieġa jirrinunzjaw għalihom?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tingħata fl-affermattiv, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu adottaw normi u valuri tal-Punent analogi, indipendentement mir-raġunijiet għal dan, billi rrisjedew de facto fl-Istat Membru matul il-fażi tal-ħajja tagħhom li fiha huma fformaw l-identità tagħhom, għandhom jitqiesu bħala “membri ta’ grupp soċjali partikolari” fis-sens tal-Artikolu 10(1)(d) tad-Direttiva dwar il-kwalifika? Il-kwistjoni dwar jekk hemmx “grupp [li] għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti” għandha tiġi evalwata f’dan ir-rigward mill-perspettiva tal-Istat Membru jew din l-espressjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva dwar il-kwalifika, għandha tiġi interpretata fis-sens li jingħata piż deċiżiv lill-kapaċità tal-persuna barranija li turi li hija meqjusa, fil-pajjiż ta’ oriġini, li tappartjeni għal grupp soċjali partikolari jew mill-inqas li din l-appartenenza hija attribwita lilha? Huwa konformi mal-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar il-kwalifika, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ non-refoulement u mad-dritt għal ażil, ir-rekwiżit li l-adozzjoni ta’ normi u valuri tal-Punent tista’ twassal għall-istatus ta’ refuġjat biss jekk din tkun ibbażata fuq raġunijiet reliġjużi jew politiċi?

Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha awtorità deċiżjonali teżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tevalwa l-aħjar interessi tal-minuri mingħajr ma tiddetermina (jew titlob li jiġi ddeterminat) konkretament dawn l-interessi tal-minuri minn qabel (f’kull proċedura) hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u b’mod iktar partikolari mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) moqri flimkien mal-Artikolu 51(1) tal-Karta? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti jekk l-Istat Membru għandu jeżamina applikazzjoni għall-ammissjoni għar-residenza abbażi ta’ raġunijiet ordinarji u għandu jiddeċiedi fuq din l-applikazzjoni billi jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri?

Fid-dawl tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, b’liema mod u f’liema fażi tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u jiġu evalwati l-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod iktar partikolari, il-ħsara li minuri jkun ġarrab minħabba li rrisjeda de facto għal żmien twil fi Stat Membru? Ir-regolarità ta’ din ir-residenza de facto hija rilevanti f’dan ir-rigward? Huwa rilevanti għall-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tal-minuri fl-imsemmi eżami jekk l-Istat Membru ddeċidiex fuq l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fit-termini stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, jekk obbligu ta’ ħruġ mit-territorju impost qabel ġiex osservat u jekk l-Istat Membru wettaqx it-tneħħija wara l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħruġ mit-territorju b’tali mod li r-residenza tal-minuri fl-Istat Membru setgħet tkompli de facto?

Prassi legali nazzjonali li bis-saħħa tagħha ssir distinzjoni bejn l-ewwel applikazzjoni u l-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjoni fis-sens li r-raġunijiet ordinarji ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-applikazzjonijiet sussegwenti għal protezzjoni internazzjonali hija konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 7 tal-Karta moqri flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-Karta?

____________

1     ĠU 2011, L 337, p. 9.