Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta' Settembru 2010 minn Christian Kurrer mis-sentenza mogħtija fit-8 ta' Lulju 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-139/06, Kurrer vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-441/10 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Christian Kurrer (Watermael-Boitsfort, il-Belġju) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni Europea

Talbiet tal-appellant

Is-sentenza mogħtija fil-Kawża F-139/06, Kurrer vs Il-Kummissjoni tiġi annullata.

Id-deċiżjoni tas-27 ta' Marzu 2006 tiġi annullata fil-parti fejn tikklassifika lill-appellant bħala uffiċjal bi prova fil-grad A* 6, skala 2.

Sussidjarjament, il-kawża tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għas-sentenza.

L-appellata tiġi kkundannata għall-ispejjeż inklużi dawk tal-proċedura fll-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP), tat-8 ta' Lulju 2010, mogħtija fil-kawża Kurrer vs Il-Kummissjoni, F-139/06, li tiċħad ir-rikors li bih l-appellant, ex membru tal-persunal temporanju klassifikat fil-grad A*8, kien talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li biha din tal-aħħar i) kienet taħtar lill-appellant bħala amministratur bi prova wara kompetizzjoni miftuħa ppubblikata qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-ġodda, inkwantu din id-deċiżjoni kienet tikklassifikah fil-grad A*6, skala 2, skont ir-regoli l-ġodda tar-Regolamenti tal-Persunal, u ii) ma kinitx iżżomm il-punti ta' promozzjoni tiegħu.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni li l-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri tal-persunal temporanju kollha li jkunu għaddew minn kompetizzjoni interna jew miftuħa għandhom iżommu l-grad tagħhom meta jiġu kklassifikati bħala uffiċjali titolari, filwaqt li t-TSP iddeċieda li dan il-benefiċċju għandu jkun riżervat biss għall-membri tal-persunal temporanju li jidħlu f'kategorija superjuri matul il-ħatra tagħhom.

F'dan il-kuntest, l-appellant isostni erba' aggravji ibbażati fuq:

nuqqas ta' motivazzjoni u żball ta' liġi, peress li t-TSP iddeċieda b'mod marġinali ħafna dwar id-diskriminazzjoni bejn membri tal-persunal temporanju impjegati mill-Kummissjoni Ewropea u membri tal-persunal temporanju impjegati mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea fejn, matul il-klassifikazzjoni tagħhom, dawn tal-aħħar żammew il-grad tagħhom u l-anzjanità tagħhom indipendentement mill-klassifikazzjoni prevista fl-avviż tal-kompetizzjoni li jkunu għaddew minnha;

    

ksur tar-regoli dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, sa fejn l-interpretazzjoni mogħtija mit-TSP la hija bbażata fuq il-kliem u lanqas fuq l-għan tal-Artikolu 5(4) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal;

ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u żball ta' liġi, peress li l-interpretazzjoni mogħtija mit-TSP tikser il-prinċipju li żewġ sitwazzjonijiet li ma humiex essenzjalment differenti ma jistgħux jiġu ttrattati b'mod differenti sa fejn ma jkunx hemm differenzi sostanzajli bejn membri tal-persunal temporanju maħtura li jkunu biddlu l-kategorija u membri tal-persunal temporanju kklassifikati bħala uffiċjali wara kompetizzjoni miftuħa; barra minn hekk, ċerti membri tal-persunal temporanju li saru uffiċjali wara kompetizzjoni miftuħa żammew il-punti ta' promozzjoni tagħhom, għall-kuntrarju tal-każ tar-rikorrent;

ksur tad-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, prospetti raġonevoli ta' karriera u l-prospetti raġonevoli tal-membri tal-persunal temporantu li jsiru uffiċjali.

____________