Language of document : ECLI:EU:T:2024:33

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

24 ta’ Jannar 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża T‑405/21,

Dexia Crédit Local, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn H. Gilliams u J.-M. Gollier, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin u C. De Falco, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, F. Louis, P. Gey u V. Del Pozo Espinosa de los Monteros, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne u O. Denkov, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. d’Ursel u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u A. Steiblytė, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Dexia Crédit Local, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

[omissis]

III. It-talbiet tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

23      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti ta’ din tal-aħħar sakemm tiġi ssostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur dekorribbli mid-data li fiha s-sentenza tkun saret definittiva.

24      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 imqajma fil-ħames u s-sitt motivi;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

[omissis]

A.      Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità tar-Regolament Nru 806/2014 u tar-Regolament Delegat 2015/63

1.      Fuq il-ħames u s-sitt motivi, ibbażati fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 fid-dawl tat-Trattati

29      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, li abbażi tagħhom il-livell fil-mira annwali u l-kontribuzzjoni ex ante tagħha ġew iddeterminati mis-SRB, huma illegali. Dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, filwaqt li jissostitwixxu lill-ARN kompetenti għad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali u tal-kontribuzzjonijiet ex ante b’aġenzija Ewropea indipendenti, is-SRB, stabbilita b’dan ir-regolament.

30      Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, id-dispożizzjonijiet li l-legalità tagħhom hija kkontestata abbażi tas-sitt motiv, jiġifieri l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, kif din tal-aħħar ippreċiżat fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub li għamlitilha l-Qorti Ġenerali, jikkostitwixxu “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE, b’tali mod li dawn ma setgħux jiġu adottati abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, sa fejn jipprevedu l-impożizzjoni tal-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante, dawn il-kontribuzzjonijiet huma ta’ natura fiskali, peress li ma jikkostitwixxux ir-remunerazzjoni reali u proporzjonali ta’ servizz iddeterminat. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tista’ tistenna ebda korrispettiv għall-ħlas tagħhom, fid-dawl tal-fatt, ikkonfermat mill-Kummissjoni u mis-SRB, li s-sitwazzjoni tagħha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tat-tqegħid tagħha taħt riżoluzzjoni, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59, u li ebda għodda ta’ riżoluzzjoni ma tista’ tintuża fil-konfront tagħha f’każ ta’ inadempjenza.

31      Bl-istess mod, il-kontribuzzjonijiet ex ante jsegwu biss għanijiet ta’ interess pubbliku, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 u 71). Issa, l-għan ta’ interess pubbliku li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja ma jibbenefikax biss lill-istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, iżda lill-atturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni.

32      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 352 TFUE biss seta’ jikkostitwixxi bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.

33      Is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw dan l-argument.

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn fosthom jinsabu l-iskop u l-kontenut tal-att (ara l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċita; is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Ftehim mal-Kazakistan), C‑244/17, EU:C:2018:662, punt 36).

35      L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 100).

36      L-ewwel nett, sabiex jiġi eżaminat jekk l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 setgħux jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet jissodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq.

37      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, mill-premessi 1 u 3 tar-Regolament Nru 806/2014 kif ukoll mill-premessa 1 tad-Direttiva 2014/59 jirriżulta, b’mod partikolari, li dan ir-regolament ġie adottat f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja, li żvelat, fir-rigward tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju ppreżentat mill-istituzzjonijiet li għandhom diffikultajiet finanzjarji, li ġiegħel lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex isostnu tali istituzzjonijiet.

39      Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta wkoll li din il-kriżi wriet it-theddid għall-funzjonament tas-suq intern tas-servizzi bankarji u r-riskju dejjem jikber ta’ frammentazzjoni finanzjarja. Dan kien sors ġenwin ta’ tħassib fi ħdan is-suq intern li fih il-banek kellhom ikunu f’pożizzjoni li jwettqu attivitajiet transkonfinali sinjifikattivi, filwaqt li kien ġie kkonstatat tibdil f’dawn l-attivitajiet, marbut ma’ biża’ ta’ kontaġju.

40      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 2 sa 4 u 12 tar-Regolament Nru 806/2014, li d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni u bejn il-prattiki amministrattivi korrispondenti kif ukoll l-assenza ta’ proċess deċiżjonali unifikat għar-riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja kienu jipprovdu nuqqas ta’ fiduċja fis-sistemi bankarji nazzjonali fil-konfront ta’ dawk tal-Istati Membri l-oħra, inklużi l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fis-SRM, u kkontribwixxew għall-instabbiltà tas-suq billi ma jiggarantixxu ebda prevedibbiltà fir-rigward tal-eżitu ta’ inademjenza ta’ bank. Dawn id-differenzi setgħu jwasslu wkoll għal spejjeż ta’ self ogħla għal ċerti banek u għall-klijenti tagħhom biss minħabba l-post ta’ stabbiliment ta’ dawn il-banek, indipendentement mis-solvenza reali tagħhom.

41      Finalment, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 9 u 19 tar‑Regolament Nru 806/2014, il-fatt li sakemm il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki fil-qasam tar-riżoluzzjoni kif ukoll il-modalitajiet ta’ qsim tal-piżijiet ma jaqbżux il-livell nazzjonali u r-riżorsi finanzjarji neċessarji għall-finanzjament tal-proċeduri ta’ riżoluzzjoni jibqgħu jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, ir-rabta bejn l-Istati Membri u s-settur bankarju ma tinkisirx totalment u s-suq intern jibqa’ frammentat. Din is-sitwazzjoni tirrestrinġi l-attivitajiet transkonfinali tal-banek, toħloq ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u toħloq distorsjoni għall-kompetizzjoni fis-suq intern.

42      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li jirrestrinġi r-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif ipperċepita, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, u kif ukoll li jpoġġi r-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu.

43      B’hekk, kif jindika l-Artikolu 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex itaffi t-theddid invokat fil-punti 38 sa 41 iktar ’il fuq.

44      Element essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura huwa s-SRF, li jippermetti, kif jirriżulta mill-Artikoli 67 u 76 tar-Regolament Nru 806/2014 u mill-premessa 107 ta’ dan ir-regolament, li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jingħata kontribut għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom.

45      Sabiex jiġu ggarantiti mezzi finanzjarji suffiċjenti fis-SRF, dan tal-aħħar huwa ffinanzjat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 38 sa 41 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet u li l-ammont tagħhom jiddependi mil-livell fil-mira finali u mill-modalitajiet prinċipali ta’ kalkolu stabbiliti mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.

46      Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, kif iddeterminat skont l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi u tal-proċedura uniformi ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. Ir-regoli li jiffissaw l-imsemmija kontribuzzjonijiet jippermettu, min-naħa tagħhom, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 19 tal-istess regolament, li jiġi evitat li prattiki nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

47      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, fil-premessi 11, 31 u 39 tar-Regolament Nru 806/2014, li l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri parteċipanti tissaħħaħ permezz tal-funzjonijiet mogħtija lis-SRB, li ġie maħsub speċifikament sabiex jiggarantixxi proċess deċiżjonali rapidu u effikaċi fil-qasam tar-riżoluzzjoni u għandu wkoll jiżgura li l-istabbiltà finanzjarja nazzjonali, l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u s-suq intern jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li s-SRB għandu jitqies bħala ARN, fis-sens tad-Direttiva 2014/59, meta jwettaq kompiti u jeżerċita setgħat mogħtija lil tali ARN. B’hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lis-SRB jaġixxi b’mod sħiħ bħala korp deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni fi ħdan l-Unjoni Bankarja u, għaldaqstant, fid-dawl ukoll tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 38 sa 41 iktar ’il fuq, għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

48      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-Artikoli 5, 69 u 70 tiegħu, għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern.

49      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, bl-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni” li tidher fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jagħtu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tal-kuntest ġenerali u taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq, b’mod partikolari f’oqsma li huma kkaratterizzati minn aspetti tekniċi kumplessi (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-għażla tiegħu tat-teknika ta’ approssimazzjoni u fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li huwa għandu fir-rigward tal-miżuri previsti fl-Artikolu 114 TFUE, jista’ jiddelega lil korp jew lil organu tal-Unjoni kompetenzi intiżi sabiex jimplimentaw l-armonizzazzjoni mfittxija. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-miżuri li għandhom ikunu bbażati fuq perizja professjonali u teknika partikolari kif ukoll fuq kapaċità reattiva ta’ tali entità (sentenza tat-22 ta’ Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 105).

51      F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 38 sa 42 iktar ’il fuq, il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-qasam tar-riżoluzzjoni għandhom ikunu bbażati fuq perizja professjonali u teknika partikolari. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 47 iktar ’il fuq, is-SRB ġie stabbilit sabiex jiggarantixxi u jsaħħaħ l-applikazzjoni tar-regoli uniformi u tal-proċedura uniformi ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jipprevedi, fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 806/2014, li s-SRB kellu jitqies bħala ARN, fis-sens tad-Direttiva 2014/59, meta jwettaq kompiti u jeżerċita setgħat mogħtija lil tali ARN u seta’ jafdalu l-kompetenzi sabiex jiffissa, skont l-Artikoli 69 u 70 ta’ dan ir-regolament, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif ukoll sabiex jamministra l-mezzi finanzjarji tas-SRF konformement mal-Artikolu 67(2) u (3) tal-imsemmi regolament.

52      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 jikkostitwixxu element essenzjali tar-regoli u tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li prattiki nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

53      Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-punt 47 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 806/2014 jinkludi miżura dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li ssaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tar-regoli u tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 jistgħu jitqiesu bħala dispożizzjonijiet dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni Bankarja.

55      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-ħolqien tas-SRB mir-Regolament Nru 806/2014 ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, EU:C:2006:279, punti 44 u 45).

56      Fis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑217/04, EU:C:2006:279), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-funzjonijiet fdati lil organu inkarigat li jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni kellhom ikunu marbuta mill-qrib mal-oqsma li kienu s-suġġett tal-atti ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri, peress li dan huwa, “b’mod partikolari”, il-każ meta l-organu stabbilit b’dan il-mod kellu jipprovdi servizzi lill-awtoritajiet nazzjonali jew lill-operaturi li kellhom effett fuq l-implimentazzjoni omoġenja tal-istrumenti ta’ armonizzazzjoni u li setgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑217/04, EU:C:2006:279, punt 45).

57      Filwaqt li għamlet dawn il-preċiżazzjonijiet tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-karatteristiċi tal-kawża mressqa quddiemha li kienu jippermettu, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li jitqies li l-funzjonijiet tal-organu inkwistjoni kienu marbuta mill-qrib mal-oqsma li huma s-suġġett tal-att ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri inkwistjoni f’din il-kawża.

58      Tali rabta stretta bejn il-funzjonijiet mogħtija lis-SRB u l-qasam li huwa s-suġġett tar-Regolament Nru 806/2014 teżisti wkoll f’din il-kawża. Fil-fatt, il-funzjonijiet fdati lis-SRB minn dan ir-regolament, kif deskritti fil-punt 51 iktar ’il fuq, jaqgħu fil-kuntest tal-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, li kienet teħtieġ regolament uniformi, komplet u ddettaljat dwar is-servizzi finanzjarji, kif indika l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 5 ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-premessa 35 tal-imsemmi regolament, is-SRB għandu rwol importanti li jiżgura l-koerenza bejn il-prattiki ta’ sorveljanza u ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 31(1) u l-Artikolu 70(2) ta’ dan l-istess regolament, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, is-SRB għandu jikkollabora mill-qrib mal-ARN, inkluż għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Il-funzjonijiet fdati lis-SRB mir-Regolament Nru 806/2014 għandhom għalhekk effett fuq l-implimentazzjoni omoġenja tal-istrumenti ta’ armonizzazzjoni u jistgħu jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma tistax tallega li l-funzjonijiet fdati lis-SRB ma humiex marbuta mill-qrib mal-oqsma li huma s-suġġett tal-atti ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri fil-qasam inkwistjoni.

60      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 114(1) TFUE.

61      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn jipprevedu l-obbligu li jitħallsu kontribuzzjonijiet ex ante, huma ta’ natura fiskali fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE u għalhekk ma jistgħux jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE.

62      L-Artikolu 114(2) TFUE jipprevedi li l-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax, b’mod partikolari, għad-“dispożizzjonijiet fiskali”.

63      F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-espressjoni “dispożizzjonijiet fiskali”, għandu jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma fihx definizzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑338/01, EU:C:2004:253, punt 63).

64      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li taxxa mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma hijiex ta’ natura fiskali f’sitwazzjoni fejn, b’mod partikolari, hija direttament allokata biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, EU:C:1989:303, punti 9 u 10).

65      Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ natura assigurattiva u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur.

66      B’hekk, fir-rigward tan-natura tal-kontribuzzjonijiet ex ante, diġà ġie rrilevat fil-punt 38 iktar ’il fuq li r-Regolament Nru 806/2014 kien ġie adottat f’kuntest ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja li kien żvela, fir-rigward tal-Unjoni, nuqqas ta’ strumenti li jippermettu li jiġi indirizzat b’mod effikaċi r-riskju ppreżentat mill-istituzzjonijiet b’diffikultajiet finanzjarji, li ġiegħel lill-Istati Membri jużaw il-mezzi finanzjarji pubbliċi sabiex isostnu tali istituzzjonijiet. Is-SRM huwa intiż sabiex jevita l-konsegwenzi dannużi tan-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet li seħħew waqt tali kriżijiet, peress li l-inadempjenza tal-istituzzjonijiet fi Stat Membru wieħed tista’ tikkomprometti l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji kollha kemm huma, kif jirriżulta mill-premessi 8 u 12 ta’ dan ir-regolament.

67      F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li huwa s-settur finanzjarju kollu li għandu jiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 100 tar-Regolament Nru 806/2014.

68      Minn din il-perspettiva, in-natura speċifika tal-kontribuzzjonijiet ex ante tikkonsisti, kif jikkonfermaw il-premessi 105 sa 107 tad-Direttiva 2014/59 u l-premessa 41 tar-Regolament Nru 806/2014, f’li jiġi żgurat, f’loġika ta’ natura assigurattiva, li s-settur finanzjarju jipprovdi riżorsi finanzjarji suffiċjenti lis-SRM sabiex dan ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113).

69      Konsegwentement, konformement mal-Artikolu 67(2) u (4) u mal-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014, il-kontribuzzjonijiet ex ante jinġabru mingħand l-operaturi ekonomiċi tas-settur finanzjarju sabiex isostnu s-SRF, li jista’ jintuża biss għall-finijiet tal-applikazzjoni effiċjenti tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u tal-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni meta tali miżuri jirriżultaw neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja ta’ dan is-settur.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014, il-miżuri msemmija fil-punt 69 iktar ’il fuq huma applikati biss favur l-istituzzjonijiet li huma obbligati jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante.

71      Ċertament, ir-Regolament Nru 806/2014 ma jistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata. Din hija r-raġuni għal xiex il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums tal-assigurazzjoni li l-pagamenti mensili u r-rimbors tagħhom ikunu possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB (T‑758/18, EU:T:2021:28, punti 70 u 73).

72      Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’mod doppju mis-SRF, li huwa ffinanzjat speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom.

73      Minn naħa, meta l-inadempjenza tal-istituzzjonijiet tkun qiegħda sseħħ jew x’aktarx ser isseħħ, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favurihom jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu wkoll issodisfatti. Tali proċedura tippermetti għalhekk li jintużaw mezzi finanzjarji tas-SRF għall-benefiċċju ta’ tali istituzzjonijiet, peress li dawn il-mezzi ġew sostnuti bil-kontribuzzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar.

74      Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet kollha jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li hija żgurata mis-SRF.

75      Fil-fatt, ir-riskju kopert mis-SRF huwa dak li s-settur finanzjarju kollu joħloq għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2021, ABLV Bank vs SRB, T‑758/18, EU:T:2021:28, punt 72).

76      Minn dan isegwi li s-SRF huwa intiż, minn perspettiva li ma hijiex ta’ natura fiskali, iżda assigurattiva, li jiggarantixxi l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi għandu l-għan li jiżgura protezzjoni kontra l-kriżi proprja tiegħu għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha.

77      Dan l-iskop ta’ natura assigurattiva huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi taxxabbli, iżda, skont l-Artikoli 102 u 103 tad-Direttiva 2014/59 u kif ukoll l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, imbagħad ta’ livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 113). Dan it-tqassim tal-livell fil-mira annwali huwa bbażat, b’mod partikolari, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 109 tar-Regolament Nru 806/2014, fuq ir-riskju li kull istituzzjoni tirrappreżenta għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u dan iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet jadottaw modi ta’ funzjonament inqas riskjużi.

78      Mill-premess jirriżulta li l-istituzzjonijiet iħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante f’loġika ta’ natura assigurattiva, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li jaqgħu taħtu dawn l-istituzzjonijiet u dawn l-ispejjeż jirriżultaw neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh fil-każ ta’ inadempjenza ta’ ċerti istituzzjonijiet u sabiex jillimitaw l-effetti ta’ kontaġju.

79      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u jispeċifikaw il-modalitajiet tal-kalkolu tagħhom, b’mod partikolari l-Artikoli 69 u 70 tiegħu, ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

80      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti tar-rikorrenti.

81      Minn naħa, għar-raġunijiet indikati fil-punti 72 sa 74 iktar ’il fuq, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li hija ma tirċievi ebda korrispettiv wara l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

82      Min-naħa l-oħra, lanqas l-argument tar-rikorrenti, li l-istabbiltà finanzjarja tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku li ma jibbenefikax biss lill-persuni suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet ex ante, ma jista’ jirnexxi. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma għandhiex effett fuq il-loġika ta’ natura assigurattiva tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-istituzzjonijiet huma direttament allokati biss għall-finanzjament tal-ispejjeż tas-settur finanzjarju li jaqgħu taħtu dawn l-istituzzjonijiet u dawn l-ispejjeż jirriżultaw neċessarji għall-funzjonament ta’ dan is-settur.

83      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 806/2014 kellu jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 352 TFUE, li huwa dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 127(6) TFUE, li kkostitwixxa l-bażi legali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63).

84      L-Artikolu 352 TFUE huwa intiż sabiex jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ setgħat ta’ azzjoni mogħtija espressament jew b’mod impliċitu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati sa fejn tali setgħat jidhru madankollu neċessarji sabiex l-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tagħha bl-għan li jintlaħaq wieħed mill-għanijiet stabbiliti minn dawn it-Trattati (Opinjoni 2/94 (Adeżjoni tal-Komunità mal-KEDB), tat-28 ta’ Marzu 1996, EU:C:1996:140, punt 29; ara, ukoll, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑166/07, EU:C:2009:499, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      Minn dan jirriżulta li, meta tkun teżisti bażi legali speċifika għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, l-użu tal-Artikolu 352 TFUE huwa eskluż.

86      Issa, minn naħa, mill-punti 38 sa 54 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożizzjonijiet li l-legalità tagħhom hija kkontestata, jiġifieri l-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014, jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 114(1) TFUE, sa fejn jinkludu, kull waħda minnhom, miżura dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari fil-qasam tar-riżoluzzjoni u sa fejn dawn għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, mill-punti 62 sa 79 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 69 u 70 ta’ dan ir-regolament, li l-legalità tagħhom hija kkontestata, ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

87      Għaldaqstant, tali miżuri jistgħu jintrabtu mal-kompetenzi mogħtija lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex jilleġiżlaw abbażi tal-Artikolu 114 TFUE bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 352 TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tal-Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014.

89      Fid-dawl ta’ dan kollu premess, il-ħames u s-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda.

[omissis]

B.      Fuq il-motivi dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

3.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 mid-deċiżjoni kkontestata

[omissis]

207    Sabiex jiġi evalwat jekk is-SRB kisirx l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014 meta ddetermina l-livell fil-mira annwali fid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali għandha qabelxejn teżamina ex officio jekk din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement motivata f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-imsemmi livell.

208    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan, b’mod partikolari, meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

209    Għal dan l-għan, il-partijiet instemgħu, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, dwar l-eventwali nuqqasijiet ta’ motivazzjoni kollha li bihom hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

210    B’dan premess, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

211    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 806/2014, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 210 iktar ’il fuq, iżda billi tittieħed debitament inkunsiderazzjoni l-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

212    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

213    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Delegat 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

214    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u skont il-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63.

215    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56.

216    Fil-premessi 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, fuq kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll fuq analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u fuq l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl‑2020, sabiex jikseb il-livell fil-mira annwali.

217    Is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jiffissa l-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata.

218    Fil-premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kostanti ta’ żieda tad-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2020 kien jammonta għal EUR 6.689 biljun.

219    Fil-premessi 40 u 41 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni mbassra tad-depożiti koperti għat-tliet snin li jifdal mill-perijodu inizjali, jiġifieri mill-2021 sal-2023. Huwa qies li r-rati annwali ta’ tkabbir tad-depożiti koperti sal-aħħar tal-perjodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

220    Fil-premessi 42 sa 45 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effett proċikliku potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Għal dan l-għan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u l-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dan ir-rigward jew il-fluss ta’ kreditu tas-settur privat bħala perċentwali tal-prodott domestiku gross.

221    Fil-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, filwaqt li kien raġonevoli li wieħed jistenna li t-tkabbir tad-depożiti koperti fi ħdan l-Unjoni Bankarja jissokta, ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir għandu jkun inqas minn dak tas-sena 2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal-2023.

222    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa, fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-koeffiċjent fil-livell ta’ 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

223    Essenzjalment, mill-ispjegazzjonijiet tas-SRB waqt is-seduta jirriżulta li huwa ddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ġej.

224    L-ewwel, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha, imbassra sal-aħħar tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 biljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, jiġifieri EUR 6.689 biljun, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ 4 % kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

225    It-tieni, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB kkalkola 1 % ta’ dawn s-7.5 biljun euro sabiex jikseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fl-31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

226    It-tielet, is-SRB naqqas minn dan l-ammont tal-aħħar ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl-2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex jikseb l-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill-2021 sal-2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun.

227    Ir-raba’, is-SRB iddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal. Il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie għalhekk iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 215 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

228    Is-SRB afferma wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien għamel pubbliċi elementi ta’ informazzjoni li fuqhom kien ibbażat il-metodu deskritt fil-punti 224 sa 227 iktar ’il fuq u li kienu jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li huwa kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, karta deskrittiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem il-“karta deskrittiva”), li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien ukoll disponibbli fuq is-sit internet tiegħu kif ukoll permezz ta’ sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

229    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew minn korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-motivi reali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

230    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar il-motivi tagħha matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il-Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat-13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il-Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

231    Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet esposti fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 181 sa 182 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkoerenza tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu l-motivi reali tad-deċiżjoni kkontestata, qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward tal-istess u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni milli tidentifika l-motivi li servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

232    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jgħarraf lill-istituzzjonijiet ikkonċernati bil-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

233    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

234    Mill-premess jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu realment applikat.

235    Madankollu, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

236    Fil-fatt, qabelxejn għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 224 sa 227 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali, u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fl-imsemmija formula matematika.

237    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, il-karta deskrittiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti eventwali tal-livell fil-mira finali u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ operazzjonijiet imsemmija fil-punt 236 iktar ’il fuq kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata lanqas biss kienet ssemmihom.

238    Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali fil-formula matematika msemmija fil-punt 237 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq it-tkabbir imbassar tad-depożiti koperti matul is-snin li jifdal tal-perijodu inizjali. Issa, dan huwa inkoerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB waqt is-seduta, li minnhom jirriżulta li dan il-koeffiċjent ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkolat dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji esposti fil-punti 224 sa 227 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, bid-diviżjoni bi tlieta tal-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF mil-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

239    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-karta deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien jinsab f’medda ta’ bejn EUR 70 u EUR 75 biljun. Issa, din il-medda tirriżulta inkoerenti mal-medda tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % – li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni medda – u li għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun – li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel medda. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ meddiet. Fil-fatt, minn naħa, il-medda li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom madankollu wasslet għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk inklużi fil-medda relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għalfejn is-SRB inkluda fil-medda relatata mal-imsemmi livell fil-mira ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun. Fil-fatt, sabiex jasal għalihom, kien neċessarju li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li madankollu ma hijiex inkluża fil-medda marbuta mar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-medda li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

240    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

241    Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’vizzji ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

242    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għal dan il-motiv, peress li tali nuqqas ta’ motivazzjoni jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli teżamina l-fondatezza tal-ewwel motiv.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Dexia Crédit Local.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn din tikkonċerna lil Dexia Crédit Local, huma miżmuma sakemm tidħol fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti minn Dexia Crédit Local.

4)      Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Jannar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.