Language of document : ECLI:EU:T:2024:31

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

24 ta’ Jannar 2024 (*)

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal smigħ – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis”

Fil-Kawża T‑347/21,

Hypo Vorarlberg Bank AG, stabbilita f’Bregenz (l-Awstrija), irrappreżentata minn G. Eisenberger, A. Brenneis u J. Holzmann, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. Kerlin, D. Ceran u C. Flynn, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenut,

sostnut minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Etienne, M. Menegatti u G. Bartram, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Bauerschmidt, J. Haunold u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere, D. Petrlík (Relatur), K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Hypo Vorarlberg Bank AG, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal‑14 ta’ April 2021, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernaha.

[omissis]

III. Ittalbiet talpartijiet

18      Ir-rikorrenti titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata, inkluż l-annessi tagħha, sa fejn tikkonċernaha;

–        tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

19      Is-SRB jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, f’każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, iżżomm l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni sakemm din tiġi ssostitwita jew, tal-inqas, għal perijodu ta’ sitt xhur mid-data meta s-sentenza ssir definittiva.

20      Il-Parlament Ewropew jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors sa fejn huwa bbażat fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-Direttiva 2014/59 u tar-Regolament Nru 806/2014;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV.    Iddritt

[omissis]

B.      Fuq ilmotivi dwar illegalità tadDeċiżjoni kkontestata

1.      Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur tarrekwiżiti formali essenzjali minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata

145    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(1) u (2)(c) tal-Karta.

146    It-tieni motiv huwa fformulat, essenzjalment, f’ħames partijiet

a)      Osservazzjonijiet preliminari

147    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE jipprovdi li l-atti legali għandhom ikunu motivati. Bl-istess mod, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, jipprevedi l-obbligu, għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-organi tal-Unjoni, li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom.

148    Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari inkwantu tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk hijiex biħsiebha tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Tali motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Sabiex jiġi eżaminat jekk din il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti fil-kuntest ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jiġi dedott li l-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus għandha neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    It-tieni nett, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa, b’mod partikolari, stabbilit fl-Artikolu 339 TFUE, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    It-tielet nett, li jiġi kkunsidrat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għandha neċessarjament tippermetti lill-istabbilimenti jivverifikaw l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom li jimplika, neċessarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jiġi pprojbit milli jistabbilixxi metodu ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li jintegra data li n-natura kunfidenzjali tagħha hija protetta mid-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li titnaqqas b’mod eċċessiv is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li dan il-leġiżlatur għandu jkollu għal dan il-għan, billi jiġi prekluż, b’mod partikolari, milli jagħżel metodu li jista’ jiżgura adattament dinamiku tal-finanzjament tas-SRF skont l-iżviluppi tas-settur finanzjarju, permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni komparattiv, b’mod partikolari, tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull istituzzjoni awtorizzata fit-territorju ta’ Stat Membru parteċipanti fis-SRF (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 118).

153    Ir-raba’ nett, għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB għandu jiġi bbilanċjat, minħabba l-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tas-SRF u tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mal-obbligu tas-SRF li josserva s-sigriet kummerċjali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati, xorta jibqa’ l-fatt li dan l-aħħar obbligu ma għandux jiġi interpretat b’mod tant wiesa’ li jċaħħad lill-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 120).

154    Madankollu, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali ma jistax jitqies li motivazzjoni għal deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-elementi kollha li jippermettu li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus neċessarjament tippreġudika, fil-każijiet kollha, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 121).

155    Fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li tiffissa kontribuzzjonijiet ex ante, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jitqies li ġie osservat meta l-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni, filwaqt li ma tingħatalhomx data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mis-SRB u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati l-oħra kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

156    F’każ bħal dan, dawn il-persuni huma, fil-fatt, f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk il-kontribuzzjoni ex ante tagħhom ġietx stabbilita b’mod arbitrarju, billi tkun ġiet injorata r-realtà tas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew billi tkun intużat data dwar il-kumplament tas-settur finanzjarju li ma tkunx plawżibbli. L-imsemmija persuni jistgħu, għalhekk, jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom u jevalwaw jekk jidhirx utli li jiġi ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, b’tali mod li jkun eċċessiv li s-SRB jintalab jikkomunika kull waħda miċ-ċifri li fuqhom huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni kkonċernata (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 123).

157    Minn dan isegwi, ċertament, li s-SRB ma huwiex, b’mod partikolari, obbligat li jipprovdi lil istituzzjoni data li tippermettilha tivverifika, b’mod komplet, l-eżattezza tal-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament, peress li din il-verifika tippreżupponi li dak li jkun ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu data koperta mis-sigriet kummerċjali dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 135).

158    Min-naħa l-oħra, huwa s-SRB li għandu jippubblika jew jibgħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, f’forma kollettiva u anonimizzata, l-informazzjoni dwar dawn l-istituzzjonijiet, użata sabiex tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata mingħajr ma jiġi ppreġudikat is-sigriet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 166).

159    Fost l-informazzjoni li għandha għalhekk titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet hemm, b’mod partikolari, il-valuri limitu ta’ kull bin u dawk tal-indikaturi ta’ riskju relatati miegħu, li abbażi tagħhom il-kontribuzzjoni ex ante tal-istituzzjonijiet ġiet adattata għall-profil tar-riskju tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 167).

160    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni motiv.

b)      Fuq lewwel parti, dwar ilmotivazzjoni taddeterminazzjoni tallivell filmira annwali

161    Skont ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx debitament motivata f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali. Ir-raġuni għalfejn is-SRB ma adottax, fid-dawl tar-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 għas-settur bankarju, livell fil-mira annwali inqas għoli, bħas-snin preċedenti, ma hijiex, b’mod partikolari, ċara.

162    F’dan ir-rigward, is-SRB illimita ruħu għal affermazzjonijiet sterjotipiċi u ġenerali kif ukoll għal elenku ta’ indikaturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, mingħajr ma spjega kif huwa kien evalwa dawn l-indikaturi. B’mod partikolari, hija ma spjegatx b’liema mod hija evalwat l-eventwali effetti proċikliċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u l-konsegwenzi ta’ din l-evalwazzjoni fuq id-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

163    Konsegwentement, id-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lir-rikorrenti tevalwa jekk l-iffissar tal-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1.35 %, minflok 1 %, tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 josservax ir-rekwiżit tal-leġiżlazzjoni applikabbli li l-livell fil-mira annwali ma għandux jaqbeż wieħed minn tmienja tal-livell fil-mira finali.

164    Is-SRB jirribatti li huwa għandu neċessarjament jibbaża ruħu, fid-dawl tan-natura kemm prospettiva kif ukoll eżawrjenti tal-kalkolu tal-livell fil-mira finali, fuq ċerti ipoteżijiet u fuq l-għarfien espert tiegħu sabiex iwettaq projezzjonijiet waqt id-determinazzjoni ta’ tali livell f’kull perijodu ta’ kontribuzzjoni. Sussegwentement, mill-premessi 43 sa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB ħa debitament inkunsiderazzjoni l-pandemija tal-COVID-19 fl-analiżi tiegħu tal-fażi taċ-ċiklu ekonomiku u tal-effetti proċikliċi potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante seta’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

165    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinjora n-natura dinamika tal-livell fil-mira finali, li tirriżulta mill-fatt li s-somma tad-depożiti koperti użata bħala valur referenzjarju fi tmiem il-perijodu inizjali tkun, min-natura tagħha, magħrufa biss fil‑31 ta’ Diċembru 2023 u tista’ tkun biss pronostikata qabel din id-data. F’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata anki mingħajr indikazzjoni espliċita ta’ ammont preċiż tal-livell fil-mira finali. Fil-fatt, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li, minn April 2021, id-depożiti koperti kellhom ikomplu jiżdiedu sa tmiem il-perijodu inizjali. Għaldaqstant, għandu jkun ċar għar-rikorrenti li l-iffissar tal-livell fil-mira annwali għal wieħed minn tmienja ta’ 1 % tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 ma kienx ippermetta li jiġi osservat ir-rekwiżit previst fl-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014 li jintlaħaq, fi tmiem il-perijodu inizjali, livell fil-mira finali ta’ mill-inqas 1 % tad-depożiti koperti.

166    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, fi tmiem il-perijodu inizjali, il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fuq it-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

167    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regolament Nru 2016/63, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun fiż-żmien sakemm jintlaħaq dan il-livell fil-mira finali msemmi fil-punt 166 iktar ’il fuq, iżda bil-kunsiderazzjoni dovuta tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista’ jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet.

168    L-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jippreċiża li, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali.

169    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprevedi li s-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, fid-dawl tal-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti.

170    Bl-istess mod, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fir-rigward tal-livell fil-mira finali u konformement mal-metodu espost fir-Regolament ta’ Delega 2015/63.

171    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56.

172    Fil-punti 36 u 37 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, fuq kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika u fuq analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u fuq l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sussegwentement, is-SRB qies xieraq li jiġi ffissat koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”). Is-SRB applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, sabiex jinkiseb il-livell fil-mira annwali.

173    Is-SRB espona l-approċċ segwit sabiex jiġi ffissat il-koeffiċjent fil-premessi 38 sa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata.

174    Fil-punt 38 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonstata tendenza kostanti ta’ żieda tad-depożiti koperti għall-istituzzjonijiet kollha tal-Istati Membri parteċipanti. B’mod partikolari, l-ammont medju ta’ dawn id-depożiti, ikkalkolat kull tliet xhur, għas-sena 2020 kien jammonta għal EUR 6 689 biljun.

175    Fil-premessi 40 u 41 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ippreżenta l-evoluzzjoni pronjostikata tad-depożiti koperti għat-tliet snin li jifdal tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill-2021 sal-2023. Huwa qies li r-rati ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti sal-aħħar tal-perijodu inizjali kienu bejn 4 % u 7 %.

176    Fill-premessi 42 sa 45 tad-Deċiżjoni kkontestata s-SRB ippreżenta evalwazzjoni tal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u tal-effetti proċikliċi potenzjali li l-kontribuzzjonijiet ex ante jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Sabiex jagħmel dan, huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni diversi indikaturi, bħall-previżjoni tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross tal-Kummissjoni u l-projezzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) f’dan ir-rigward jew il-fluss ta’ kreditu tas-settur privat f’perċentwali tal-prodott domestiku gross.

177    Fil-punt 46 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB ikkonkluda li, għalkemm kien raġonevoli li wieħed jistenna li jkompli t-tkabbir tad-depożiti koperti fi ħdan l-Unjoni Bankarja, ir-ritmu ta’ dan it-tkabbir huwa inqas minn dak tas-sena 2020. F’dan ir-rigward, is-SRB indika, fil-premessa 47 tad-Deċiżjoni kkontestata, li adotta “approċċ prudenti” fir-rigward tar-rati ta’ tkabbir tad-depożiti koperti għas-snin li ġejjin sal-2023.

178    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa, fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 b’dan il-koeffiċjent u billi qasam ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja, konformement mal-formula matematika li ġejja, li tinsab fil-premessa 48 tal-imsemmija deċiżjoni:

“Mira0 [ammont tal-livell fil-mira annwali] = Total tad-depożiti koperti2020 * 0.0135 * ⅛ = EUR 11 287 677 212.56”.

179    Madankollu, waqt is-seduta, is-SRB indika li kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ġej.

180    L-ewwel nett, abbażi ta’ analiżi prospettiva, is-SRB stabbilixxa l-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti, pronostikat għat-tmiem tal-perijodu inizjali, għal madwar EUR 7.5 biljun. Sabiex jasal għal dan l-ammont, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, jiġifieri EUR 6.689 biljun, rata ta’ tkabbir annwali tad-depożiti koperti ta’ 4 %, kif ukoll in-numru ta’ perijodi ta’ kontribuzzjoni li jifdal sat-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri tlieta.

181    It-tieni nett, konformement mal-Artikolu 69(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkalkola 1 % ta’ dawn s-EUR 7.5 biljun sabiex jinkiseb l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali li kellu jintlaħaq fil-31 ta’ Diċembru 2023, jiġifieri madwar EUR 75 biljun.

182    It-tielet nett, is-SRB naqqas minn dan l-aħħar ammont ir-riżorsi finanzjarji diġà disponibbli fis-SRF fl-2021, jiġifieri madwar EUR 42 biljun, sabiex jikseb l-ammont li kien baqa’ jirċievi matul il-perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal qabel it-tmiem tal-perijodu inizjali, jiġifieri mill-2021 sal-2023. Dan l-ammont tela’ għal madwar EUR 33 biljun.

183    Ir-raba’ nett, is-SRB qasam dan l-aħħar ammont bi tlieta sabiex iqassmu b’mod uniformi bejn l-imsemmija tliet perijodi ta’ kontribuzzjoni li kien fadal. Il-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 ġie għalhekk iffissat għall-ammont imsemmi fil-punt 171 iktar ’il fuq, jiġifieri madwar EUR 11.287 biljun.

184    Is-SRB afferma wkoll, waqt is-seduta, li huwa kien għamel pubbliċi elementi ta’ informazzjoni li kien ibbażat fuqhom il-metodu deskritt fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq u li kienu jippermettu lir-rikorrenti tifhem il-metodu li permezz tiegħu ġie ddeterminat il-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, huwa ppreċiża li huwa kien ippubblika fis-sit internet tiegħu, f’Mejju 2021, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, iżda qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors, skeda deskrittiva msejħa “Fact Sheet 2021” (iktar ’il quddiem l-“iskeda deskrittiva”) li kienet tindika l-ammont stmat tal-livell fil-mira finali. Bl-istess mod, is-SRB afferma li l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF kien disponibbli wkoll fuq is-sit internet tiegħu, kif ukoll fuq sorsi pubbliċi oħra, u dan ferm qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

185    Sabiex jiġi eżaminat jekk is-SRB osservax l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, għandu qabelxejn jitfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jew li għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et (C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tista’, jew saħansitra għandha, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll nuqqasijiet oħra ta’ motivazzjoni minbarra dawk invokati mir-rikorrenti, u dan b’mod partikolari meta dawn jirriżultaw matul il-proċedura.

186    Għal dan l-għan, il-partijiet instemgħu, matul il-fażi orali tal-proċedura, dwar l-eventwali nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li bihom hija vvizzjata d-Deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-livell fil-mira annwali. B’mod partikolari, mistoqsi speċifikament u diversi drabi dwar dan, is-SRB iddeskriva, pass pass, il-metodu li kien realment segwa sabiex jiddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, kif sostnut fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq.

187    F’dak li jirrigwarda, sussegwentement, il-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni meħuda minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni għandha tkun, b’mod partikolari, nieqsa minn kontradizzjonijiet sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-motivi reali ta’ din id-deċiżjoni, sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti kompetenti, u sabiex din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 20 u 45 sa 47, u tas-16 ta’ Diċembru 2015, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑241/13, EU:T:2015:982, punt 56).

188    Bl-istess mod, meta l-awtur tad-Deċiżjoni kkontestata jipprovdi ċerti spjegazzjonijiet dwar il-motivi tagħha matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-kunsiderazzjonijiet esposti f’din id-deċiżjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2005, Suproco vs Il‑Kummissjoni, T‑101/03, EU:T:2005:336, punti 45 sa 47, u tat‑13 ta’ Diċembru 2016, Printeos et vs Il‑Kummissjoni, T‑95/15, EU:T:2016:722, punti 54 u 55).

189    Fil-fatt, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet iċċitati fid-Deċiżjoni kkontestata ma humiex koerenti ma’ tali spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura ġudizzjarja, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata ma tissodisfax il-funzjonijiet imfakkra fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, tali inkoerenza tipprekludi, minn naħa, lill-persuni kkonċernati milli jkunu jafu l-motivi reali tad-Deċiżjoni kkontestata, qabel il-preżentata tar-rikors, u milli jippreparaw id-difiża tagħhom fir-rigward tagħhom u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni milli tidentifika l-motivi li servew bħala bażi legali vera għal din id-deċiżjoni u milli teżamina l-konformità tagħhom mar-regoli applikabbli.

190    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, meta s-SRB jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi kontribuzzjonijiet ex ante, huwa għandu jinforma lill-istituzzjonijiet ikkonċernati l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 122).

191    L-istess għandu japplika għall-metodu ta’ determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, peress li dan l-ammont għandu importanza essenzjali fl-istruttura ta’ tali deċiżjoni. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/81, il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jikkonsisti fit-tqassim tal-imsemmi ammont bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha, b’tali mod li żieda jew tnaqqis ta’ dan l-istess ammont iwassal għal żieda jew tnaqqis korrispondenti tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

192    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, għalkemm is-SRB huwa obbligat jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u li jirrigwardaw il-metodu realment applikat.

193    Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża inkwistjoni.

194    Fil-fatt, qabel kollox għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni kkontestata esponiet, fil-premessa 48, formula matematika li hija ppreżentat bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali. Issa, jirriżulta li din il-formula ma tinkludix l-elementi tal-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq, is-SRB kiseb l-ammont tal-livell fil-mira annwali, fil-kuntest ta’ dan il-metodu, billi naqqas mil-livell fil-mira finali l-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF, sabiex jikkalkola l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi qasam dan l-aħħar ammont bi tlieta. Issa, dawn iż-żewġ stadji tal-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fl-imsemmija formula matematika.

195    Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, l-iskeda deskrittiva, li kienet tinkludi firxa li tindika l-ammonti eventwali tal-livell fil-mira finali, u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli għas-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma humiex, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li ż-żewġ operazzjonijiet imsemmija fil-punt 194 iktar ’il fuq ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formula matematika prevista fil-premessa 48 tad-Deċiżjoni kkontestata lanqas biss issemmihom.

196    Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali fil-formola matematika msemmija fil-punt 178 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dan il-koeffiċjent jista’ jinftiehem fis-sens li huwa bbażat, fost parametri oħra, fuq it-tkabbir pronostikat tad-depożiti koperti matul is-snin li jifdal tal-perijodu inizjali. Issa, kif irrikonoxxa s-SRB waqt is-seduta, dan il-koeffiċjent ġie ffissat b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell fil-mira annwali, jiġifieri wara li s-SRB ikun ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji esposti fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, mid-diviżjoni bi tlieta tal-ammont li jirriżulta mit-tnaqqis tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF tal-livell fil-mira finali. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Deċiżjoni kkontestata.

197    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat kien jinsab f’firxa bejn is-EUR 70 sa 75 biljun. Issa, din il-firxa tirriżulta inkoerenti mal-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti bejn 4 % sa 7 % li tinsab fil-premessa 41 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, huwa ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % — li hija l-iktar rata baxxa tat-tieni firxa — u li b’hekk kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun — li jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel firxa. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ firxiet. Fil-fatt, minn naħa, il-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni tad-depożiti koperti tinkludi wkoll valuri ogħla mir-rata ta’ 4 %, li l-applikazzjoni tagħhom madankollu wasslet għal ammont stmat tal-livell fil-mira finali ogħla minn dawk inklużi fil-firxa relatata ma’ dan il-livell fil-mira. Min-naħa l-oħra, huwa impossibbli għar-rikorrenti li tifhem ir-raġuni għalfejn is-SRB inkluda fil-firxa relatata mal-imsemmi livell fil-mira ammonti ta’ inqas minn EUR 75 biljun. Fil-fatt, sabiex dan jirnexxi, kien neċessarju li tiġi applikata rata ta’ inqas minn 4 %, li madankollu ma hijiex inkluża fil-firxa tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-firxa li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

198    Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma huwiex koerenti ma’ dak deskritt fid-Deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-Deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali.

199    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

200    Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. Fid-dawl tal-kwistjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-kawża, huwa madankollu fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jitkompla l-eżami tal-motivi l-oħra tar-rikors.

[omissis]

d)      Fuq ittielet parti, dwar ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata firrigward tannuqqas ta’ applikazzjoni ta’ ċerti indikaturi ta’ riskju

212    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-assenza ta’ applikazzjoni ta’ ċerti indikaturi ta’ riskju għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

213    Fil-fatt, is-SRB ma applikax, f’din id-deċiżjoni, erba’ indikaturi u subindikaturi tar-riskju li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprevedi madankollu għall-finijiet tal-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri l-indikatur “proporzjon ta’ finanzjament nett stabbli” (iktar ’il quddiem l-“indikatur RFNS”), l-indikatur “fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli miżmuma mill-istituzzjoni lil hinn mir-rekwiżit minimu ta’ fondi proprji u obbligazzjonijiet jew obbligazzjonijiet eliġibbli” (iktar ’il quddiem l-“indikatur EMEE”) u s-subindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà”.

214    Fin-nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti, huwa impossibbli li jkun magħruf sa fejn l-assenza ta’ applikazzjoni tal-imsemmija indikaturi u subindikaturi ta’ riskju ġiet riflessa b’mod pożittiv jew negattiv fuq il-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, ir-raġuni għalfejn istituzzjoni, bħar-rikorrenti, għandha tiġi ppenalizzata minħabba l-fatt li istituzzjoni oħra ma kkomunikatx ċerta data bil-mod meħtieġ, li wassal għall-assenza ta’ applikazzjoni tal-indikaturi u subindikaturi ta’ riskju kkonċernati, ma hijiex ċara.

215    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

216    Għandu jiġi rrelevat, qabel xejn, li l-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jipprevedi li “[m]eta l-informazzjoni meħtieġa minn indikatur speċifiku kif imsemmi fl-Anness II [ta’ dan ir-regolament ta’ delega] ma tkunx inkluża fir-rekwiżit tar-rappurtar superviżorju applikabbli msemmi fl-Artikolu 14 għas-sena ta’ referenza, dak l-indikatur tar-riskju ma japplikax qabel li dak ir-rekwiżit ta’ rappurtar superviżorju jsir applikabbli”.

217    F’dan il-każ, is-SRB indika, fil-premessi 21 sa 29 tad-Deċiżjoni kkontestata, li huwa ma kienx applika l-indikaturi RFNS u EMEE u lanqas is-subindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà” għar-raġuni li, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, l-informazzjoni meħtieġa taħt dawn l-indikaturi u subindikaturi ta’ riskju ma kinitx disponibbli f’forma armonizzata għall-istituzzjonijiet kollha.

218    B’mod partikolari, fir-rigward tal-indikatur RFNS, is-SRB innota li “l-ebda standard vinkolanti armonizzat tar-RFNS ma [kien] applikat [fl-Unjoni] u għalhekk il-Bord ma setax jidentifika indikaturi fil-livell nazzjonali”. Fir-rigward tal-indikatur EMEE, is-SRB ippreċiża li “peress li r-rekwiżiti relatati mal-EMEE [kienu] ġew implimentati b’mod gradwali, [huwa] ma [kellux] data li tippermettilu japplika dan l-indikatur fil-livell ta’ kull istituzzjoni li tikkontribwixxi għas-[SRF]”. Fir-rigward tas-subindikaturi “kumplessità” u “riżolvibbiltà”, is-SRB spjega li “d-data meħtieġa għal [dawn is-subindikaturi] ma [kinitx] disponibbli f’forma armonizzata għall-istituzzjonijiet kollha fl-Istati Membri parteċipanti għas-sena referenzjarja 2019”.

219    Tali motivazzjoni tippermetti lir-rikorrenti tifhem il-motivi li għalihom is-SRB ma applikax l-indikaturi u s-subindikaturi ta’ riskju kkonċernati u b’hekk tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 148 u 149 iktar ’il fuq.

220    Barra minn hekk, mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tippermettix lis-SRB jieħu inkunsiderazzjoni r-riperkussjonijiet tal-assenza ta’ applikazzjoni ta’ indikatur ta’ riskju fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante ta’ kull istituzzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lis-SRB li ma weriex tali kunsiderazzjonijiet fid-Deċiżjoni kkontestata.

221    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

e)      Fuq irraba’ parti, dwar ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata firrigward ta’ ċerti għażliet diskrezzjonali tasSRB filkuntest taliffissar talparametri talkalkolu talkontribuzzjonijiet ex ante

222    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti sa fejn ma tippreċiżax il-mod li bih is-SRB eżerċita l-marġni ta’ evalwazzjoni mogħti lilu mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 u li jirrigwarda diversi aspetti tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

223    B’mod partikolari, is-SRB għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-iffissar tal-ammont tal-EPI u r-raġunijiet li għalihom huwa llimita l-parti tal-EPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante individwali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati ma humiex ċari.

224    Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(5) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u mill-premessi 94 sa 101, 106, 108 u 112 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB għandu marġni ta’ evalwazzjoni sabiex jiddefinixxi indikaturi ta’ riskju addizzjonali u sabiex jikklassifika mill-ġdid id-diversi indikaturi ta’ riskju fil-każ ta’ assenza ta’ applikazzjoni ta’ wħud minn dawn l-indikaturi. F’dan ir-rigward, il-kuntest ġuridiku ma joffrix ċarezza suffiċjenti dwar il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u dwar il-kriterji determinanti ta’ dan il-metodu.

225    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

226    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessi 145 sa 153 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB espona, b’mod iddettaljat u bir-reqqa, ir-raġunijiet li għalihom huwa llimita l-użu tal-EPI għal 15 % tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante individwali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Issa, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx kif dawn l-ispjegazzjonijiet huma insuffiċjenti sabiex jinftiehmu l-motivi li wasslu lis-SRB jimponi tali limitu. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti ma jinkludi ebda element ta’ natura li juri li d-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjentement motivata f’dan ir-rigward.

227    L-istess japplika fir-rigward tal-indikaturi ta’ riskju addizzjonali, tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tad-diversi indikaturi ta’ riskju kif ukoll ta’ aspetti oħra tal-kalkolu, imsemmija mir-rikorrenti. Fil-fatt, is-SRB ippreċiża fil-premessi 98 sa 101 tad-Deċiżjoni kkontestata il-mod kif kien iddefinixxa l-indikaturi u s-subindikaturi ta’ riskju applikati fil-pilastru ta’ riskju IV. Huwa espona wkoll, fil-premessi 20 sa 29 u 94 sa 96 tad-Deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn kien qies neċessarju li ma japplikax ċerti indikaturi ta’ riskju (ara l-punti 217 u 218 iktar ’il fuq) u li ssir il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-indikaturi differenti ta’ riskju li jirriżultaw minn dan. Fl-aħħar nett, is-SRB indika, fil-premessi 108 u 112 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-mod li bih huwa kien ikklassifika mill-ġdid l-indikaturi ta’ riskju gross konformement mal-Anness I, taħt it-titolu “Stadju 3”, tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u l-mod kif kien applika sinjal negattiv jew pożittiv għal kull indikatur tar-riskju konformement mal-Anness I, taħt it-titolu “Stadju 4”, ta’ dan ir-regolament ta’ delega. Issa, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom il-motivazzjoni li tinsab fil-premessi ċċitati iktar ’il fuq tad-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjenti.

228    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma huwiex suffiċjentement ċar fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u tal-kriterji determinanti ta’ dan il-metodu. Anki jekk jitqies li dan l-ilment jista’ jiġi interpretat fis-sens li, permezz tiegħu, ir-rikorrenti teċċepixxi l-illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 kif ukoll tal-Anness I ta’ dan ir-regolament ta’ delega, hija ma tispjegax fiex tikkonsisti l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan ir-rigward, l-affermazzjoni tar-rikorrenti, bl-ebda mod sostnuta, li l-imsemmi regolament ta’ delega jagħti lis-SRB marġni ta’ kunsiderazzjoni kunsiderevoli ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tikkontesta l-legalità tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

229    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

f)      Fuq ilħames parti, dwar ilmotivazzjoni tadDeċiżjoni kkontestata firrigward ta’ aspetti oħra talkalkolu talkontribuzzjonijiet ex ante tarrikorrenti

230    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li l-mod kif is-SRB ikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħha ma huwiex trasparenti u komprensibbli.

231    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

1)      Fuq innatura allegatament inkomprensibbli u mhux verifikabbli talkalkolu talkontribuzzjonijiet ex ante

232    L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata hija limitata għal kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar il-metodu ta’ ġbir ta’ data u ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għalhekk, it-test ta’ din id-deċiżjoni ma jinkludi ebda element relatat mal-kalkolu konkret tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti. B’mod iktar partikolari, l-annessi tal-imsemmija deċiżjoni jinkludu biss riżultati finali, li jagħmel il-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni inkomprensibbli u mhux verifikabbli. Id-data li tinsab f’dawn l-annessi hija barra minn hekk irrilevanti, għaliex ma hijiex probatorja, u ma għandha ebda valur spjegattiv u ġustifikattiv minħabba varjazzjonijiet inspjegabbli ta’ ċerti valuri minn sena għall-oħra. Minħabba f’hekk, il-Qorti Ġenerali u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ma jkunux jistgħu jistħarrġu l-kalkolu mwettaq mis-SRB. Għalhekk, l-awtorità ta’ sorveljanza tas-swieq finanzjarji ma mmotivatx, fl-avviż ta’ ġbir, il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante iżda sempliċement irreferiet għad-Deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, hija kkonfermat li hija ma fehmitx hija stess din id-deċiżjoni.

233    F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 15 iktar ’il fuq, l-Anness I tad-Deċiżjoni kkontestata jinkludi l-iskeda individwali tar-rikorrenti, li tesponi mhux biss id-data komuni ddeterminata mis-SRB billi żżid jew tikkombina d-data tal-istituzzjonijiet kollha, iżda wkoll id-data individwali kollha tar-rikorrenti użata fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, bħall-ammont tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha, il-valuri tal-indikaturi ta’ riskju tagħha kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħha fil-bins rispettivi skont dawn il-valuri. Barra minn hekk, mill-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li r-rikorrenti kienet informata bin-numru ta’ bins li jikkorrispondu għal kull indikatur ta’ riskju kif ukoll bil-valuri ta’ limitu ta’ dawn il-bins. Skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 159 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienet għalhekk, b’mod partikolari, f’pożizzjoni li tivverifika, fid-dawl tad-data tal-Anness I tal-imsemmija deċiżjoni, moqrija flimkien mad-data tal-Anness II ta’ din l-istess deċiżjoni, kieku hija kinitx tpoġġiet fil-bins korretti meta mqabbla mal-istabbilimenti l-oħra kollha.

234    Dan jgħodd iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li s-SRB bagħat lir-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, għodda ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante sabiex hija tkun tista’ twettaq minn qabel il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Din l-għodda kienet tinkludi, minn naħa, l-algoritmi użati mis-SRB sabiex iwettaq il-kalkoli preliminari u, min-naħa l-oħra, id-data komuni ddeterminata mis-SRB billi tiżdied jew tiġi kkombinata d-data individwali tal-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha. Għalhekk, ir-rikorrenti, billi tinserixxi d-data individwali tagħha fil-kampijiet xierqa tal-imsemmija għodda, setgħet tikkalkola, pass pass, il-kontribuzzjoni ex ante individwali tagħha, konformement mal-kalkoli preliminari mwettqa mis-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

235    Huwa minnu li, fir-rigward tad-data tal-istituzzjonijiet l-oħra użata mis-SRB fil-kuntest tal-istadji ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, dwar id-“diskrezzjoni tal-indikaturi” (stadju 2), l-“integrazzjoni tas-sinjal affettwat” (stadju 4) u l-“kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali” (stadju 6), l-Annessi I u II tad-Deċiżjoni kkontestata jinkludu biss id-data komuni ddeterminata mis-SRB billi tiżdied jew tiġi kkombinata d-data individwali tal-istituzzjonijiet kkonċernati. Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 157 iktar ’il fuq jirriżulta li s-SRB ma huwiex obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet bil-kalkolu sħiħ użat sabiex tinkiseb din id-data komuni, peress li dan jippreżupponi l-iżvelar tad-data koperta mis-sigriet kummerċjali dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull wieħed mill-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati.

236    Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li d-data li tinsab fl-annessi tad-Deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn kull “valur spjegattiv u ġustifikattiv”, minħabba varjazzjonijiet allegatament inkomprensibbli, minn sena għall-oħra, ta’ ċerti valuri, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li ċerti valuri, li jinkisbu billi tinġabar flimkien jew tiġi kkombinata d-data ta’ numru kbir ta’ stabbilimenti, jistgħu jvarjaw minn sena għal oħra ma jistax jikkontesta l-kredibbiltà, għall-istabbilimenti kkonċernati, tad-data kollha li tinsab fl-Annessi I u II tad-Deċiżjoni kkontestata.

237    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha u tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha ma jinftehimx. F’dan ir-rigward, il-valur ta’ dan il-multiplikatur huwa eċċessivament għoli minkejja l-evalwazzjonijiet internazzjonali eċċellenti tar-rikorrenti, il-profil ta’ riskju tagħha aħjar mill-medja tal-istituzzjonijiet u l-mudell ekonomiku ta’ kumplessità relattivament limitata. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom il-livell tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha kkalkolat fuq il-bażi nazzjonali huwa għoli, [kunfidenzjali] (2).

238    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament jirriżulta minn kalkolu li huwa bbażat fuq il-metodu deskritt fl-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 u li huwa ddettaljat fil-premessi 93 sa 121 tad-Deċiżjoni kkontestata, kif ukoll fl-iskeda individwali tar-rikorrenti, li tagħmel parti mill-Anness I ta’ din id-deċiżjoni. Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentat lill-Qorti Ġenerali ebda element konkret li permezz tiegħu hija tfittex li turi natura inkomprensibbli jew inkoerenti ta’ dan il-metodu u tad-data li tinsab fl-imsemmija premessi tad-Deċiżjoni kkontestata jew fl-iskeda individwali.

239    Fi kwalunkwe każ, peress li l-indikaturi ta’ riskju, kif iddettaljati fil-premessi 93 sa 100 tad-Deċiżjoni kkontestata, huma ponderati fi ħdan kull wieħed mill-erba’ pilastri ta’ riskju u li dawn l-erba’ pilastri ta’ riskju huma, huma wkoll, ponderati, ċerti indikaturi ta’ riskju għandhom piż inqas sinjifikattiv għar-riżultat tal-kalkolu tal-multiplikatur ta’ aġġustament mill-oħrajn. [kunfidenzjali] F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti twettaq żball meta ssostni li l-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha huwa għoli b’mod inspjegabbli.

240    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata sa fejn ma tippermettix li wieħed jifhem għal liema raġuni l-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 żdiedet b’[kunfidenzjali] meta mqabbla mal-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2020, filwaqt li l-ammont tad-depożiti koperti fl-Awstrija żdied biss b’5.08 %, li l-ammont tad-depożiti koperti tar-rikorrenti żdied biss b’[kunfidenzjali], li l-indizji ta’ aġġustament għar-riskju tagħha żdiedu biss b’[kunfidenzjali], li l-ammont finali tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Unjoni Bankarja kollha żdied biss bi 13 % u li l-attività kummerċjali tar-rikorrenti baqgħet identika.

241    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 149 iktar ’il fuq jirriżulta li l-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni ma għandhiex tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti. B’mod partikolari, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu s-SRB ma jestendix sal-punt li jimponilu obbligu li jiġġustifika r-raġunijiet li għalihom kontribuzzjoni ex ante żdiedet meta mqabbla mas-sena preċedenti.

242    Barra minn hekk, mill-istruttura tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante jirriżulta li l-ammont tagħhom jiddependi, b’mod partikolari, mill-ammont tad-depożiti koperti mill-istituzzjonijiet awtorizzati kollha fuq it-territorju tal-Istati Membri parteċipanti kollha kif ukoll tal-profil ta’ riskju ta’ dan l-istituzzjonijiet kollha. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni r-rikorrenti, iż-żieda tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha minn sena għall-oħra ma hijiex neċessarjament proporzjonali għaż-żieda tad-depożiti koperti fl-Awstrija, tad-depożiti koperti tagħha jew tal-multiplikatur ta’ aġġustament tagħha.

243    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġunijiet eżatti li wasslu għaż-żieda tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti, minkejja ċ-ċirkustanzi msemmija minn din tal-aħħar, ma jistgħux jitqiesu bħala informazzjoni li mingħajrha ma jkunx possibbli li wieħed jifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq.

244    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-assenjazzjoni tal-istabbilimenti lill-bins ma tinftehimx u li hija tipproduċi distorsjonijiet kunsiderevoli u riżultati żbaljati. B’mod partikolari, ir-raġuni għalfejn l-istess numru ta’ istituzzjonijiet ma ġiex attribwit lil kull bin fil-kuntest tal-indikatur tar-riskju “proporzjon ta’ lieva” ma hijiex ippreċiżata. It-tqassim tal-istabbilimenti fil-bins huwa wkoll inkomprensibbli fir-rigward tal-indikatur tar-riskju “assi ponderati skont ir-riskju tas-suq, diviżi bil-fondi proprji bażiċi ta’ kategorija l”, li jaqa’ taħt il-pilastru ta’ riskju IV, peress li l-istituzzjonijiet lanqas ma huma maqsuma f’dan il-bin b’mod ugwali u ġustifikabbli. L-istess japplika għal indikaturi oħra tar-riskju, bħal “assi ponderati skont ir-riskju tas-suq, diviżi bl-assi totali”. Għalhekk, huwa impossibbli li jiġi evalwat b’mod definittiv jekk id-definizzjoni tal-bins u t-tqassim tal-istituzzjonijiet f’dawn il-bins twettqux b’mod korrett mis-SRB u jekk il-klassifikazzjoni tar-rikorrenti hijiex realistika.

245    B’mod iktar konkret, is-SRB kellu jiżvela, eventwalment f’forma anonimizzata, id-data ta’ kull istituzzjoni użata għall-kalkolu tal-indikaturi grossi, sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tivverifika jekk istituzzjonijiet li pprovdew data paragunabbli kienux ġew assenjati lil bins simili.

246    F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fatt li l-istess numru ta’ istituzzjonijiet ma ġiex assenjat lil kull bin f’dak li jikkonċerna l-indikatur tar-riskju “proporzjon ta’ lieva”, għandu jiġi rrilevat li s-SRB spjega b’mod suffiċjenti, fil-premessa 106 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-motivi ta’ tali tqassim, billi indika li din hija intiża sabiex jiġi evitat li istituzzjonijiet li għandhom l-istess valur għal indikatur ta’ riskju gross jiġu assenjati lil bins differenti, b’tali mod li istituzzjonijiet li għandhom l-istess valur għal tali indikatur ġew assenjati lill-istess bin, li seta’ jwassal sabiex numru differenti ta’ istituzzjonijiet jiġi assenjat lil kull bin.

247    Sussegwentement, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li s-SRB kellu jippermettilha tivverifika, b’mod komplet, id-determinazzjoni tan-numru ta’ bins u l-assenzjazzjoni tal-istituzzjonijiet għal dawn il-bins, peress li tali approċċ jimplika li data ta’ stabbilimenti oħra koperti mis-sigriet kummerċjali kienet ġiet ikkomunikata lilha.

248    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ma huwiex obbligat li jiżvela, għal kull istituzzjoni kkonċernata, id-data kollha pprovduta lilu minn din tal-aħħar u lanqas l-assenjazzjoni tagħha lill-bins differenti fi ħdan kull indikatur ta’ riskju, billi sempliċement jissostitwixxi l-isem ta’ kull istituzzjoni bi psewdonimu. Fil-fatt, kif spjega s-SRB, mingħajr ma ġie serjament kontradett dwar dan il-punt, tali aġir ma jistax jiggarantixxi li l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu identifikati abbażi tad-data kkomunikata b’dan il-mod. Effettivament ma huwiex eskluż li ċerti stabbilimenti, anki jekk psewdonimizzati, jistgħu madankollu jiġu identifikati minħabba data individwali li diġà saret pubblika, b’mod partikolari fil-każ ta’ stabbilimenti kbar u ta’ Stati Membri li għandhom biss xi stabbilimenti.

249    Barra minn hekk, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar allegati distorsjonijiet oħra fit-tqassim skont il-bins fi ħdan id-diversi pilastri ta’ riskju, anki jekk jitqiesu ammissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 27 sa 30 iktar ’il fuq, jaqgħu taħt kwistjoni ta’ mertu u mhux taħt il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

2)      Fuq lassenza ta’ provvista ta’ data individwali ta’ stabbilimenti oħra

250    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata hija insuffiċjenti sa fejn din ma tipprovdix id-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra, li mingħajrha jkun impossibbli għaliha li tikkontrolla l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Id-data kkomunikata mill-istabbilimenti konformement mal-Anness II tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma hijiex, fir-realtà, data kunfidenzjali, peress li hija aċċessibbli għall-pubbliku jew tirriżulta minn informazzjoni ppubblikata, bħal rapporti ta’ attività ta’ dawn l-istabbilimenti.

251    Għalhekk, is-SRB ma bbilanċjax bir-reqqa l-obbligu ta’ motivazzjoni u r-rekwiżit ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, meta ppreveda, pereżempju, proċedura ta’ konsultazzjoni tal-fajls xierqa li kienet tippermetti komunikazzjoni kompleta tad-data użata fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għaldaqstant, ir-rikorrenti stiednet lill-Qorti Ġenerali titlob lis-SRB jippreżenta d-dokumenti rilevanti kollha għal dan il-kalkolu.

252    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tqis li s-SRB ma osservax ir-rekwiżiti skont l-obbligu ta’ motivazzjoni ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601), peress li ma pprovdilhiex l-elementi kollha tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha li huwa seta’ jibgħat mingħajr ma jikser is-sigriet kummerċjali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlitx lista eżawrjenti tal-elementi kollha li s-SRB għandu jiżvela.

253    Skont ir-rikorrenti, huwa qabelxejn is-SRB li għandu juri n-natura kunfidenzjali ta’ kull data li huwa ma żvelax u li hija neċessarja sabiex jiġi vverifikat il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante.

254    Sussegwentement, fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, ma jeżisti, għal ċerta data mhux ikkomunikata mis-SRB, ebda riskju ta’ preġudizzju għall-interessi tal-istituzzjonijiet ikkonċernati li jirriżulta mit-trażmissjoni tagħha. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-multiplikaturi tal-aġġustament ta’ kull istituzzjoni.

255    Barra minn hekk, id-data li fuqha huwa bbażat il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 tmur lura għas-sena 2019, jiġifieri kważi tliet snin qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li hija tilfet kull natura kunfidenzjali. Fil-fatt, id-data ddikjarata mill-istabbilimenti tvarja ħafna minn sena għall-oħra u hija, minħabba f’hekk, nieqsa minn interess prattiku għall-evalwazzjoni tal-pożizzjoni ekonomika tal-istabbilimenti.

256    Fl-aħħar nett, id-data li ma tippermettix l-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet, inkluża d-data aggregata kollha użata fl-istadji differenti tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, għandha fi kwalunkwe każ tiġi żvelata. B’mod partikolari, is-SRB seta’ jikkomunika l-passiv totali ta’ kull istituzzjoni kif ukoll il-multiplikatur tal-aġġustament tagħha billi jneħħi l-isem tal-istituzzjoni kkonċernata, mingħajr ma jiżvela data kunfidenzjali. Hekk, l-istituzzjonijiet kienu jistgħu jagħmlu paragun ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ daqs simili, sabiex jevalwaw jekk l-aġġustament skont il-profil ta’ riskju jikkorrispondix għas-sitwazzjoni ekonomika reali tagħhom u sabiex jivverifikaw l-allokazzjoni tal-istituzzjonijiet għall-bins.

257    Fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB osserva li “s-sigrieti kummerċjali tal-istituzzjonijiet — jiġifieri l-informazzjoni kollha dwar l-attività professjonali tal-istituzzjonijiet li, fil-każ ta’ żvelar lil kompetitur u/jew pubbliku usa’, jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-interessi tal-istituzzjoni — [kienu] meqjusa bħala informazzjoni kunfidenzjali”. Huwa żied li, “[f]il-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, l-informazzjoni individwali pprovduta mill-istituzzjonijiet permezz tal-formola tagħhom ta’ [dikjarazzjoni], li fuqha [huwa] jibbaża ruħu sabiex jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante tagħhom, [kienet] meqjusa bħala sigrieti kummerċjali”.

258    Barra minn hekk, fil-premessi 90 sa 92 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB irrileva li huwa kien ipprojbit milli “jiżvela l-punti tad-data ta’ kull istituzzjoni, li [kienet] tikkostitwixxi l-bażi tal-kalkoli fl-[imsemmija deċiżjoni]”, filwaqt li kien awtorizzat biss li “jiżvela l-punti tad-data kkombinata u komuni, sa fejn din id-data [kienet] akkumulata”. Madankollu, l-istituzzjonijiet kienu jibbenefikaw, skont l-imsemmija deċiżjoni, “minn trasparenza totali rigward il-kalkolu tal-[kontribuzzjoni annwali bażika] u l-multiplikatur tal-aġġustament tagħhom” għall-istadji ta’ kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni li kienu jirrigwardaw il-“kalkolu tal-indikaturi grossi” (stadju 1), il-“klassifikazzjoni mill-ġdid tal-indikaturi” (stadju 3) u l-“kalkolu tal-indikatur kompost” (stadju 5). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet kienu f’pożizzjoni li jiksbu “punti ta’ data komuni użati mingħajr distinzjoni mis-SRB għall-istituzzjonijiet kollha aġġustati skont il-profil ta’ riskju tagħhom” għall-istadji ta’ kalkolu dwar id-“diskrezzjoni tal-indikaturi” (stadju 2), l-“integrazzjoni tas-sinjal affettwat” (stadju 4) u l-“kalkolu tal-kontribuzzjonijiet annwali” (stadju 6).

259    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-prinċipju stess tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, kif jirriżulta mid-Direttiva 2014/59 u mir-Regolament Nru 806/2014, jimplika l-użu, mis-SRB, ta’ data koperta mis-sigriet kummerċjali li ma tistax tiġi riprodotta fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 114).

260    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq is-SRB li jinkludi, fid-Deċiżjoni kkontestata, kunsiderazzjonijiet iddettaljati li juru, in-natura kunfidenzjali ta’ kull kategorija ta’ data pprovduta mill-istituzzjonijiet.

261    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 149 iktar ’il fuq, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni ta’ att tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li l-persuni kkonċernati mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet.

262    Issa, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-SRB qies li d-data kollha ddikjarata minn kull istituzzjoni kienet koperta, fl-intier tagħha, mis-sigriet kummerċjali, peress li l-iżvelar ta’ din id-data lil kompetitur jew lil pubbliku ikbar jista’ jippreġudika serjament l-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata.

263    Min-naħa l-oħra, peress li r-rikorrenti pprovdiet id-data tagħha stess għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, hija kellha għarfien sħiħ tan-natura u tal-karatteristiċi ġenerali ta’ kull kategorija ta’ din id-data. B’hekk hija kienet, b’mod partikolari, f’pożizzjoni li tevalwa sa fejn kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ data setgħet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.

264    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tifhem u, jekk ikun il-każ, tikkontesta r-raġunijiet li għalihom is-SRB kien qies li d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra kienet koperta mis-sigriet kummerċjali. Hija setgħet b’mod partikolari tikkontesta, fid-dawl tan-natura u tal-karatteristiċi ġenerali ta’ kull kategorija ta’ din id-data, l-evalwazzjoni tas-SRB li tinsab fil-premessa 88 tad-Deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-imsemmija data hija ta’ natura sigrieta u l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika serjament l-interessi tal-istituzzjoni kkonċernata. Għalhekk, hija kellha l-elementi kollha neċessarji sabiex tkun tista’ tikkontesta n-nuqqas ta’ osservanza mis-SRB tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, kif imfakkra fil-punti 155, 158 u 159 iktar ’il fuq.

265    It-tielet nett, il-provi li r-rikorrenti pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali ma humiex biżżejjed sabiex juru li d-data individwali tal-istabbilimenti ma hijiex, fir-realtà, data kunfidenzjali, peress li din tinsab fid-dominju pubbliku.

266    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti indikat, insostenn tal-argument tagħha, li numru kbir ta’ data kkomunikata mill-istituzzjonijiet jiġu żvelati matul it-testijiet tal-istress ippubblikati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), pereżempju “data dwar il-kapital (kapital proprju, fondi proprji, proporzjon ta’ fondi proprji bażiċi, eċċ.), ir-rata tad-dejn, kif ukoll diversi ammonti ta’ pożizzjoni ta’ riskju (riskju ta’ kreditu, titolizzazzjoni, riskju tas-suq, riskju tal-operat, eċċ.)”. Barra minn hekk, l-ABE twettaq, skont ir-rikorrenti, eżerċizzji annwali ta’ trasparenza fil-livell tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħhom din l-awtorità tippubblika b’mod partikolari “l-informazzjoni dettaljata ta’ kull istituzzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni tas-suq tagħhom, l-ammonti tal-pożizzjonijiet ta’ riskju [jew] il-proporzjonijiet ta’ fondi proprji”.

267    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li t-test tal-istress imwettaq mill-ABE fl-2018 fuq il-livell tal-Unjoni u s-snin annwali ta’ trasparenza, li għalihom tirreferi r-rikorrenti, jirrigwardaw biss numru limitat ta’ istituzzjonijiet, kif ukoll numru limitat ta’ data, ħafna inqas numeruża minn dik ikkomunikata fil-kuntest tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, fatt li barra minn hekk ir-rikorrenti rrikonoxxiet fis-seduta. Għalhekk, ir-rikorrenti ma wrietx li d-data ppubblikata fil-kuntest tal-attivitajiet tal-ABE tikkonċerna l-istituzzjonijiet kollha suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ex ante.

268    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti rreferiet għall-fatt li l-eżerċizzji annwali ta’ trasparenza msemmija fil-punt 267 iktar ’il fuq kienu intiżi li jikkompletaw il-pubblikazzjonijiet tad-data mill-istituzzjonijiet stess abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 431 sa 455 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1) kif ukoll tal-Artikolu 106 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338). Issa, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kkuntentat ruħha b’sempliċi riferiment għal dawn id-dispożizzjonijiet, mingħajr ma spjegat liema data individwali konkreta tal-istituzzjonijiet użati fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kienet tinsab obbligatorjament, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fid-dominju pubbliku fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

269    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma sostnietx, u wisq inqas uriet, li d-data kollha użata għad-determinazzjoni ta’ mill-inqas indikatur ta’ riskju wieħed, li l-kalkolu tiegħu jirrikjedi l-kombinazzjoni ta’ diversi kategoriji ta’ data, kienet fid-dominju pubbliku fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

270    Ir-raba’ nett, il-fatt li d-data użata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 hija relatata mas-sena 2019 ma jfissirx li din id-data ma kinitx iktar, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, koperta mis-sigriet kummerċjali. Bl-istess mod, ma huwiex stabbilit li l-iżvelar, permezz tad-Deċiżjoni kkontestata, tad-data kollha ddikjarata minn kull stabbiliment ma setax, minħabba s-sempliċi fatt li għadda ż-żmien, jippreġudika s-sigriet kummerċjali. F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li din id-data hija suġġetta għal varjazzjonijiet minn sena għal oħra ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-imsemmija data kienet tilfet, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, in-natura kunfidenzjali tagħha.

271    Barra minn hekk, ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-informazzjoni li setgħet tikkostitwixxi sigrieti kummerċjali f’ċertu perijodu tkun ilha ħames snin jew iktar, bħala prinċipju din titqies, minħabba li għadda ż-żmien, bħala storika u li tkun tilfet, minħabba dan il-fatt, in-natura sigrieta tagħha sakemm, b’mod eċċezzjonali, il-parti li tinvoka din in-natura ma turix li, minkejja li hija antika, din l-informazzjoni għadha tikkostitwixxi elementi essenzjali tal-pożizzjoni kummerċjali tagħha jew ta’ dik ta’ terzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, id-data użata għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kienet tmur lura, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, għal inqas minn tliet snin.

272    Il-ħames, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-SRB kellu jiżvela, f’forma anonimizzata, il-valuri tal-multiplikatur ta’ aġġustament u tat-total tal-passiv ta’ kull istituzzjoni, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tad-data tal-istituzzjonijiet l-oħra, is-SRB huwa obbligat iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata informazzjoni suffiċjenti sabiex din tkun tista’ tifhem, essenzjalment, b’liema mod ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħha, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha. B’mod iżjed konkret, huwa s-SRB li għandu jippubblika jew jibgħat lill-imsemmija istituzzjoni, f’forma ikkombinata u anonimizzata, l-informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ikkonċernati, użata sabiex tiġi kkalkolata din il-kontribuzzjoni, sa fejn din l-informazzjoni tista’ tiġi kkomunikata mingħajr ma jiġi ppreġudikat is-sigriet kummerċjali.

273    Issa, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-valuri tat-total tal-passiv u tal-multiplikatur tal-aġġustament ta’ kull istituzzjoni kinux koperti mis-sigriet kummerċjali, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li t-total tal-passiv ta’ kull istituzzjoni jikkostitwixxi data neċessarja għall-ewwel fażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jiġifieri d-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni annwali bażika, konformement mat-tieni inċiż tal-Artikolu 70(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, peress li din il-kontribuzzjoni għandha, sussegwentement, tiġi aġġustata skont il-profil ta’ riskju ta’ kull istituzzjoni abbażi ta’ data individwali oħra tal-istituzzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-multiplikatur ta’ aġġustament jikkostitwixxi valur intermedju li jirriżulta minn diversi stadji ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u li jintegra l-indikaturi ta’ riskju kollha użati mis-SRB waqt dan il-kalkolu. Dan il-multiplikatur jirrappreżenta għalhekk il-profil ta’ riskju globali ta’ kull istituzzjoni, li huwa bbażat fuq l-indikaturi ta’ riskju kollha u li, barra minn hekk, ma għandu l-ebda rabta diretta mal-ammont tat-total tal-passiv tal-istituzzjoni.

274    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżvelar tal-valuri tat-total tal-passiv u tal-multiplikatur ta’ aġġustament ta’ kull stabbiliment ma kienx jippermetti, mingħajr ma tiġi żvelata d-data individwali l-oħra kollha tal-istituzzjonijiet, li jintlaħaq l-għan, imfittex mir-rikorrenti, li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni tagħha u dik tal-istituzzjonijiet l-oħra ta’ daqs simili sabiex jiġi vverifikat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni annwali bażika tagħha aġġustata skont il-profil ta’ riskju tagħha. Bl-istess mod, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-iżvelar ta’ dawn il-valuri biss ma kienx jippermetti li tiġi vverifikata l-allokazzjoni tal-istabbilimenti għall-bins.

275    Konsegwentement, il-valur tal-multiplikatur ta’ aġġustament u t-total tal-passiv ta’ kull istituzzjoni ma jistgħux jitqiesu bħala elementi li mingħajrhom l-istituzzjonijiet ma jistgħux jifhmu, essenzjalment, b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħhom ittieħdet inkunsiderazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha kkonċernati.

276    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li d-Deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti sa fejn din ma tipprovdix data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra li tippermetti li jiġi vverifikat il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

3)      Fuq iddifferenzi bejn lIstati Membri parteċipanti firrigward tarrelazzjoni bejn ilkomponent tal-ammont totali talkontribuzzjonijiet ex ante talistituzzjonijiet talIstat Membru kkalkolat fuq ilbażi nazzjonali u lkomponent talimsemmi ammont ikkalkolat abbażi talUnjoni

277    Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni kkontestata ma tiġġustifikax, fir-rigward tal-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju ta’ kull Stat Membru parteċipanti, id-differenzi bejn dawn l-Istati Membri fir-rigward tar-relazzjoni bejn, minn naħa, il-komponent ta’ dan l-ammont ikkalkolat fuq il-bażi nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-komponent tal-imsemmi ammont ikkalkolat abbażi tal-Unjoni. Fil-fatt, għal uħud mill-imsemmija Stati Membri, il-komponent li jaqa’ taħt il-bażi nazzjonali huwa ogħla, fi gradi varjabbli, mill-komponent li jaqa’ taħt il-bażi tal-Unjoni, u viċi versa għal oħrajn. Barra minn hekk, l-analiżi tal-valuri aggregati tippermetti li jiġi preżunt li xi Stati Membri jiffinanzjaw il-parti l-kbira tal-kontribuzzjonijiet ikkalkolati fuq il-bażi tal-Unjoni.

278    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-SRB spjega, fil-premessa 60 tad-Deċiżjoni kkontestata, li “[g]ħall-kalkolu tal-parti tal-kontribuzzjonijiet annwali li jaqgħu taħt il-bażi nazzjonali, [...] il-livell fil-mira użat għal dan il-kalkolu [kien ġie] stabbilit fuq bażi nazzjonali b’kont meħud biss tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fit-territorju tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat”, filwaqt li d-data tal-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti l-oħra ma ġietx ikkunsidrata.

279    Min-naħa l-oħra, skont il-premessa 61 tad-Deċiżjoni kkontestata, “[g]ħall-kalkolu tal-parti tal-kontribuzzjonijiet annwali [li jaqgħu taħt il-bażi tal-Unjoni] [...], il-livell annwali fil-mira huwa definit fuq il-bażi tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti”.

280    Minn dan jirriżulta li d-differenzi u d-diskrepanzi msemmija mir-rikorrenti huma spjegati mill-fatt li l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante fuq il-bażi nazzjonali u l-kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet abbażi tal-Unjoni huma bbażati kull wieħed fuq data differenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq is-SRB ma jasalx sal-punt li jimponilu jispjega iktar id-differenzi bejn il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fuq il-bażi nazzjonali u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet fuq il-bażi tal-Unjoni.

4)      Fuq ilmotivazzjoni li tikkonċerna lkorrezzjonijiet taddata talistabbilimenti loħra

281    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-Deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-istituzzjonijiet jivverifikaw l-impatt tal-korrezzjonijiet tad-data tal-istituzzjonijiet l-oħra fuq il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, peress li s-SRB ma jiżvelax, b’mod partikolari, In-numru ta’ istituzzjonijiet li nnotifikaw data li ġiet ikkoreġuta sussegwentement u lanqas ir-riperkussjonijiet li l-korrezzjonijiet kellhom fuq l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante. F’dan ir-rigward, il-kalkoli tas-SRB faċli jwasslu għal żball. Fil-fatt, ċerti istituzzjonijiet saħansitra indikaw li “forsi” kienu kkomunikaw data mhux korretta, li jfisser li l-kalkolu tas-SRB huwa bbażat fuq data mhux eżatta. Anki jekk il-korrezzjonijiet eventwali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni a posteriori fil-perijodu kontributorju sussegwenti, l-istituzzjonijiet ma humiex informati b’tali korrezzjonijiet u bir-raġunijiet għal dawn tal-aħħar, u dan isaħħaħ l-opaċità u n-natura mhux verifikabbli tal-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Għalhekk, id-differenza bejn, minn naħa, l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ikkalkolat għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u aġġustat għall-istituzzjonijiet li għadhom kif ġew issorveljati u, min-naħa l-oħra, l-ammont finali ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet wara t-tnaqqis ta’ tali kontribuzzjonijiet stabbiliti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2015 u l-aġġustamenti li jirriżultaw mir-ritrattamenti u mir-reviżjonijiet tad-data hija nieqsa mit-trasparenza.

282    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tagħha jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Issa, il-komunikazzjoni tal-korrezzjonijiet a posteriori li jikkonċernaw stabbilimenti oħra jew il-motivi ta’ dawn tal-aħħar timplika l-komunikazzjoni lir-rikorrenti ta’ data tal-istituzzjonijiet l-oħra koperti mis-sigriet kummerċjali.

283    Sussegwentement, fir-rigward tal-assenza ta’ informazzjoni, fid-Deċiżjoni kkontestata, dwar in-numru ta’ istituzzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmija korrezzjonijiet, ir-rikorrenti ma spjegatx kif tali informazzjoni kienet neċessarja għaliha sabiex tifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni mis-SRB għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.

284    Fir-rigward tal-argument dwar l-allegata tendenza għall-iżball fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif ukoll l-użu mis-SRB ta’ data żbaljata, dan jaqa’ taħt kwistjoni fil-mertu u mhux taħt il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma ppreżentat lill-Qorti Ġenerali ebda prova konkreta li tippermetti lil din tal-aħħar teżamina tali argument fil-mertu.

285    Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

g)      Konklużjoni dwar ittieni motiv

286    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi milqugħha u li t-tieni sal-ħames parti tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

2.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 41(1) u (2)(a) talKarta minħabba nnuqqas ta’ rispett taddritt għal smigħ

287    Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ konsultazzjoni organizzata mis-SRB qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma rrispettatx id-dritt għal smigħ tagħha, stabbilit fl-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta, peress li hija ma ppermettitilhiex tippreżenta, b’mod effettiv, osservazzjonijiet dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha.

288    Fil-fatt, il-perijodu ta’ ġimagħtejn li matulu seħħet l-imsemmija proċedura huwa insuffiċjenti sabiex tingħata opinjoni dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni kkontestata u l-istatistika kkombinata kif ukoll għall-verifika u l-analiżi ta’ din tal-aħħar, iktar u iktar peress li d-data kkomunikata ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat il-proċess ta’ kalkolu u l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti. F’dan ir-rigward, id-data ta’ kull istituzzjoni li sservi bħala bażi għall-kalkolu tad-data komuni, li hija determinanti għat-tqassim ta’ kull istituzzjoni fil-bins u għalhekk għall-klassifikazzjoni tal-istituzzjonijiet skont kull indikatur ta’ riskju, ma ġietx żvelata. Konsegwentement, is-SRB ma ppermettiex lir-rikorrenti tesprimi ruħha dwar il-kwistjonijiet materjali u legali rilevanti għall-kontribuzzjoni ex ante tagħha u li tivverifika l-eżattezza ta’ din il-kontribuzzjoni. Barra minn hekk, anki jekk is-SRB qiegħed għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, għodda ta’ kalkolu interattiv tal-kontribuzzjonijiet ex ante, din l-għodda lanqas ma tippermetti lill-istituzzjonijiet jevalwaw jekk l-aġġustament tagħhom skont il-profil tar-riskju huwiex plawżibbli meta mqabbel mal-istituzzjonijiet l-oħra kollha u jekk is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom ġietx evalwata b’mod korrett.

289    Barra minn hekk, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tmexxiet b’mod purament formali, fatt li huwa muri b’mod partikolari mill-fatt li s-SRB ma ħa inkunsiderazzjoni ebda waħda mill-osservazzjonijiet ifformulati mill-istituzzjonijiet. Id-dubji espressi minn ċerti istituzzjonijiet ġew esklużi, diversi drabi, mis-SRB permezz ta’ riferiment għall-kuntest ġuridiku u għall-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata.

290    Id-difetti msemmija iktar ’il fuq huma iktar u iktar serji peress li s-SRB għandu marġni ta’ kunsiderazzjoni kunsiderevoli fl-iffissar tal-kontribuzzjonijiet ex ante, b’tali mod li r-rispett tad-dritt għal smigħ għandu importanza partikolari.

291    Is-SRB jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

292    Id-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jiggarantixxi lil kwalunkwe persuna l-possibbiltà li jsemma’, b’mod utli u effettiv, l-fehma tiegħu matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

293    F’dan il-każ, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, is-SRB wettaq, bejn il‑5 u d‑19 ta’ Marzu 2021, proċedura ta’ konsultazzjoni li fil-kuntest tagħha huwa kkomunika abbozz ta’ Deċiżjoni kkontestata lill-istituzzjonijiet ikkonċernati u stedinhom, permezz ta’ formola online, jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-kontenut ta’ dan l-abbozz.

294    Barra minn hekk, il-Bord bagħat lill-istituzzjonijiet ikkonċernati d-dokumenti li ġejjin:

–        għodda ta’ kalkolu interattiva li tippermetti lill-istituzzjonijiet jikkalkulaw il-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 abbażi tar-riżultati tal-kalkoli intermedji tagħha;

–        l-opinjoni tagħha SRB/ES/2021/13, tat‑3 ta’ Marzu 2021, dwar il-kalkolu preliminari tagħha tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u t-tnedija tal-konsultazzjonijiet mal-istituzzjonijiet;

–        dokument intitolat “Statistika aggregata” li jinkludi l-istatistika tal-kalkoli għall-istituzzjonijiet kollha f’forma mqassra u kollettiva; u

–        gwida dwar kif jiġu kkalkolati l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu tal-kontribuzzjoni 2021 bl-użu tal-għodda ta’ kalkolu.

295    F’dan il-kuntest, minn naħa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 150 sa 159 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ma kienx obbligat jikkomunikalha d-dokumenti u d-data kollha dwar kull istituzzjoni sabiex tkun tista’ tivverifika, b’mod komplet, l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. B’mod partikolari, is-SRB ma kienx obbligat jikkomunikalha d-dokumenti li kienu jinkludu d-data individwali tal-istituzzjonijiet l-oħra u li kienu koperti mis-sigriet kummerċjali.

296    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti b’mod partikolari ma kkontestatx li hija kienet informata bil-metodoloġija għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 kif ukoll bir-riżultat provviżorju tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha li għandha titħallas, b’tali mod li hija kienet f’pożizzjoni li timla l-formola pprovduta mis-SRB billi tinvoka b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħha dwar kull wieħed mill-istadji ta’ dan il-kalkolu.

297    F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jindika li r-rikorrenti ma kellhiex aċċess għall-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha u li s-SRB kien obbligat jikkomunikalha.

298    Sussegwentement, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tieħu pożizzjoni fuq dawn l-elementi permezz tal-formola online msemmija fil-punt 293 iktar ’il fuq. Hija setgħet għalhekk tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-għażliet diskrezzjonali tas-SRB fil-kuntest tal-imsemmi kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, bħad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali jew il-preċiżjoni ta’ ċerti indikaturi ta’ riskju tal-pilastru ta’ riskju IV, u hija kienet f’pożizzjoni li tikkalkola provviżorjament il-kontribuzzjoni ex ante tagħha billi tuża l-għodda ta’ kalkolu pprovduta mis-SRB.

299    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li formola prevista sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom lill-awtorità kompetenti hija, bħala prinċipju, ta’ natura li tippermettilhom jesprimu ruħhom b’mod iddettaljat dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-awtorità kompetenti u jesponu, jekk iqisu li dan ikun utli, informazzjoni jew evalwazzjonijiet differenti minn dawk diġà sottomessi lill-awtorità kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2017, M (C‑560/14, EU:C:2017:101, punti 39 u 40).

300    Dan huwa l-każ hawnhekk.

301    Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, is-SRB stieden lill-istituzzjonijiet jifformulaw, minn naħa, osservazzjonijiet dwar tlettax-il suġġett iddefinit minn qabel li jagħtuhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar diversi aspetti tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, inkluż il-metodu u r-riżultati ta’ dan il-kalkolu. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tema 14, l-istituzzjonijiet setgħu jqajmu kwalunkwe kwistjoni oħra li huma jqisu rilevanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 u li ma kinitx diġà koperta mit-temi ddefiniti minn qabel. Konsegwentement, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet dwar kull element tal-imsemmi kalkolu jew tal-proċedura ta’ elaborazzjoni ta’ dan l-istess kalkolu.

302    Barra minn hekk, fir-rigward tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsultazzjoni, f’dan il-każ ta’ ġimagħtejn, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma spjegatx sa fejn dan it-terminu kiser id-dritt tagħha għal smigħ. F’dan ir-rigward, hija sempliċement sostniet li kien “utopiku” li wieħed jassumi li l-abbozz ta’ deċiżjoni u l-istatistika aggregata setgħu jiġu vverifikati u analizzati f’terminu daqshekk qasir, mingħajr ma għamlet riferiment għal aspetti konkreti ta’ dawn id-dokumenti u lanqas għal diffikultajiet prattiċi li kienu jipprekluduha milli tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, fit-terminu stabbilit, fuq l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha, bħal dawk imsemmija fil-punti 296 u 298 iktar ’il fuq. L-uniku element konkret li r-rikorrenti semmiet f’dan il-kuntest huwa l-fatt li d-data kkomunikata mis-SRB ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi vverifikat il-proċess ta’ kalkolu u l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha. Issa, kif ġie kkonstatat fil-punti 295 sa 297 iktar ’il fuq, ma ntweriex li s-SRB kien obbligat jikkomunika lir-rikorrenti dokumenti oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt 294 iktar ’il fuq, b’tali mod li dan il-fatt ma jippermettix li jiġi stabbilit li t-terminu ta’ ġimagħtejn kien insuffiċjenti fir-rigward tad-dritt għal smigħ.

303    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti għandha l-obbligu li tħallas il-kontribuzzjonijiet ex ante mill-2016, b’tali mod li l-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 huwa s-sitt wieħed li fih hija pparteċipat. Minn dan jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ konsultazzjoni mwettqa mis-SRB, hija diġà kellha għarfien tajjeb tal-proċess ta’ kalkolu ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari invokati mir-rikorrenti, xejn ma jindika li t-terminu mogħti sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet kien insuffiċjenti.

304    F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, it-tweġibiet tas-SRB għall-osservazzjonijiet ifformulati mill-istituzzjonijiet, ir-rikorrenti ma identifikat ebda osservazzjoni speċifika li għaliha s-SRB ma rrispondiex.

305    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li s-SRB finalment iddeċieda li ma jemendax id-Deċiżjoni kkontestata meta mqabbel mal-abbozz ta’ deċiżjoni li huwa kien ikkomunika lill-istituzzjonijiet, sabiex jagħti segwitu għall-osservazzjonijiet tagħhom, ma jippermettix li jintwera li l-proċedura ta’ konsultazzjoni kisret id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. Fil-fatt, b’konformità ma’ dak li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2015, Slovenská pošta vs Il‑Kummissjoni, T‑556/08, mhux ippubblikata, EU:T:2015:189, punt 89), tali ċirkustanza tirriżulta minn nuqqas ta’ qbil dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tas-SRB, iżda ma tistax tikkostitwixxi ksur tad-dritt għal smigħ ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

306    Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti ma jippermettix li jintwera li din tal-aħħar ma kellhiex il-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha dwar il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi kollha li jikkostitwixxu l-bażi tad-Deċiżjoni kkontestata.

307    Fid-dawl ta’ dan li ntqal iktar ’il fuq, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), tal14 ta’ April 2021, dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni hija annullata sa fejn din tikkonċerna lil Hypo Vorarlberg Bank AG.

2)      L-effetti tad-Deċiżjoni SRB/ES/2021/22, sa fejn tikkonċerna lil Hypo Vorarlberg Bank, għandhom jinżammu sakemm tidħol fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għall-Fond uniku ta’ riżoluzzjoni ta’ din l-istituzzjoni għas-sena 2021.

3)      Is-SRB għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk esposti minn Hypo Vorarlberg Bank.

4)      Il‑Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Jannar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.


2 Informazzjoni kunfidenzjali ommessa.