Language of document : ECLI:EU:T:2024:33

(Kawża T405/21)

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Dexia Crédit Local

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tal-24 ta’ Jannar 2024

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal‑istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Marġni ta’ evalwazzjoni tas-SRB – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Bażi legali għar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni”

1.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Miżuri intiżi għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern fil-qasam finanzjarju – Leġiżlazzjoni dwar l-approssimazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tarriżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni Bankarja – Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Awtorizzazzjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) sabiex jiffissa l-kontribuzzjonijiet ex ante u sabiex jiġġestixxi l-mezzi finanzjarji tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Bażi legali – Artikolu 114 TFUE

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 5, 69 u 70)

(ara l-punti 35, 37, 46, 48 sa 50, 54, 56, 58, 59)

2.      Politika ekonomika u monetarja – Politika ekonomika – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Natura – Assenza ta’ natura fiskali – Loġika ta’ natura assigurattiva intiża sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu – Finanzjament mis-settur finanzjarju kollu kemm hu – Kontribuzzjonijiet allokati direttament biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u li huma neċessarji għall-funzjonament tiegħu – Bażi legali – Artikolu 114(2) TFUE

(Artikolu 114(2) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 67(2) u (4), 69 u 70)

(ara l-punti 64 sa 69, 71, 76 sa 79)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Provvista mill-awtur ta’ spjegazzjonijiet dwar il-motivi tal-att matul il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Assenza ta’ kontradizzjonijiet u obbligu ta’ koerenza tal-ispjegazzjonijiet mal-imsemmija motivi

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 229, 230)


Sunt

Adita b’rikors għal annullament, li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha għall-ewwel darba dwar il-konformità tar-Regolament Nru 806/2014 (1) mal-Artikolu 114(1) u (2) u mal-Artikolu 352 TFUE, billi għamlet preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet fiskali”, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kontribuzzjonijiet ex ante. Barra minn hekk, hija ġeddet il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Dexia Crédit Local (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) hija istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fi Franza.

Fl-14 ta’ April 2021, is-SRB adotta deċiżjoni li fiha ffissa (2) l-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment, fosthom ir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) (3).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-motivi bbażati fuq eċċezzjonijiet ta’ illegalità ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, ir-rikorrenti kkontestat b’mod partikolari l-bażi legali, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE, li abbażi tagħha ġew adottati d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-imsemmi regolament (4), minn naħa, u l-għażla li jiġi applikat il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, meta l-kontribuzzjonijiet ex ante huma ta’ natura fiskali, u għalhekk jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kontestazzjoni tal-bażi legali ribadita, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li fosthom huma inklużi l-għan u l-kontenut ta’ dan l-att. L-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 114(1) TFUE għandhom, minn naħa, jinkludu miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, għandu jkollhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tar-Regolament Nru 806/2014 jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet tal-aħħar.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, hija ppreċiżat li l-Artikolu 114 TFUE jista’ jintuża bħala bażi legali biss meta jkun jirriżulta oġġettivament u effettivament mill-att legali li dan tal-aħħar ikollu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern. Issa, mill-premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jirrestrinġi r-rabta eżistenti bejn is-sitwazzjoni baġitarja ta’ kull Stat Membru, kif ipperċepita, u l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-banek u tal-impriżi stabbiliti fih, u kif ukoll li jpoġġi r-responsabbiltà tal-finanzjament tal-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja fuq is-settur finanzjarju kollu kemm hu. B’hekk, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li għandhom jiġu applikati mis-SRB, u dan sabiex itaffi t-theddid involut. Element essenzjali ta’ dawn ir-regoli u ta’ din il-proċedura huwa s-SRF, li jippermetti li jiġi żgurat l-eżerċizzju effiċjenti tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni u li jingħata kontribut għall-finanzjament tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni billi tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tagħhom. Sabiex jiġu ggarantiti mezzi finanzjarji suffiċjenti fis-SRF, dan tal-aħħar huwa ffinanzjat, b’mod partikolari, mill-kontribuzzjonijiet ex ante mħallsa mill-istituzzjonijiet u li l-ammont tagħhom jiddependi mil-livell fil-mira finali u mill-modalitajiet prinċipali ta’ kalkolu stabbiliti mill-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014. Konsegwentement, il-ħlas ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli uniformi u tal-proċedura uniformi ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza li l-applikazzjoni uniformi tas-sistema ta’ riżoluzzjoni fl-Istati Membri parteċipanti tissaħħaħ permezz tal-funzjonijiet mogħtija lis-SRB, li ġie maħsub speċifikament sabiex jiggarantixxi proċess deċiżjonali rapidu u effikaċi fil-qasam tar-riżoluzzjoni u għandu wkoll jiżgura li l-istabbiltà finanzjarja nazzjonali, l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u s-suq intern jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni. F’dan il-kuntest, dan ir-regolament jipprevedi li s-SRB għandu jitqies bħala awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”), meta jwettaq kompiti u jeżerċita setgħat mogħtija lil tali ARN. B’hekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lis-SRB jaġixxi b’mod sħiħ bħala korp deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni fi ħdan l-Unjoni Bankarja u, għaldaqstant, għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-istabbiliment u tal-funzjonament tas-suq intern.

Fit-tieni lok, hija fakkret li, permezz tal-espressjoni “miżuri għall-approssimazzjoni” li tinsab fl-Artikolu 114 TFUE, l-awturi tat-Trattat FUE riedu jikkonferixxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, skont il-kuntest ġenerali u skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-qasam li għandu jiġi armonizzat, marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tat-teknika ta’ approssimazzjoni l-iktar xierqa sabiex jintlaħaq ir-riżultat mixtieq. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jiddelega lil korp jew lil organu tal-Unjoni kompetenzi intiżi għall-implimentazzjoni tal-armonizzazzjoni mfittxija. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkonkludiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jipprevedi li s-SRB kellu jitqies bħala ARN, meta jeżegwixxi kompiti u jeżerċita setgħat mogħtija lil tali ARN u li huwa seta’ jafdalu l-kompetenzi sabiex jiffissa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante kif ukoll sabiex jiġġestixxi l-mezzi finanzjarji tas-SRF. Barra minn hekk, l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 jikkostitwixxu element essenzjali tar-regoli u tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet, li jikkontribwixxi sabiex jiġi evitat li prattiki nazzjonali diverġenti jostakolaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Bl-istess mod, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 806/2014 jinkludi miżura dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li ssaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tar-regoli u tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn it-tliet dispożizzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala dispożizzjonijiet dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Unjoni Bankarja. Hija ppreċiżat li l-funzjonijiet fdati lis-SRB huma marbuta mill-qrib mal-qasam li huwa s-suġġett tar-Regolament Nru 806/2014.

It-tieni nett, fir-rigward tal-għażla li jiġi applikat l-Artikolu 114(1) TFUE, meta l-kontribuzzjonijiet ex ante huma ta’ natura fiskali u għalhekk jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 114(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikoli 69 u 70 tar-Regolament Nru 806/2014 li jobbligaw lill-istituzzjonijiet iħallsu kontribuzzjonijiet ex ante u jispeċifikaw il-modalitajiet tal-kalkolu tagħhom ma jikkostitwixxux “dispożizzjonijiet fiskali” fis-sens tal-Artikolu 114(2) TFUE.

Fil-fatt, hija fakkret li taxxa mħallsa mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari ma hijiex ta’ natura fiskali f’sitwazzjoni fejn, b’mod partikolari, hija direttament allokata biss għall-finanzjament tal-ispejjeż ta’ dan is-settur u fejn dawn l-ispejjeż huma neċessarji għall-funzjonament ta’ dan tal-aħħar sabiex, b’mod partikolari, jistabbilizzawh. Issa, dan ir-raġunament japplika wkoll fil-każ tal-kontribuzzjonijiet ex ante, li jsegwu loġika ta’ natura assigurattiva u li jitħallsu mill-operaturi ekonomiċi ta’ settur partikolari sabiex jiffinanzjaw esklużivament l-ispejjeż ta’ dan is-settur.

Ċertament, peress li r-Regolament Nru 806/2014 ma jistabbilixxi ebda rabta awtomatika bejn il-ħlas tal-kontribuzzjoni ex ante u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata, il-kontribuzzjonijiet ex ante ma jistgħux jitqiesu bħala primjums ta’ assigurazzjoni li l-pagamenti mensili u r-rimbors tagħhom huma possibbli. Xorta jibqa’ l-fatt li l-istituzzjonijiet jibbenefikaw b’mod doppju mis-SRF, li huwa ffinanzjat speċifikament mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom. Minn naħa, meta l-inadempjenza tal-istituzzjonijiet tkun fis-seħħ jew tkun x’aktarx ser isseħħ, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom tkun tista’ tiġi rregolarizzata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tista’ tinbeda favurihom. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet kollha jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet ex ante tagħhom permezz tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li hija żgurata mis-SRF.

Minn dan isegwi li s-SRF huwa intiż, minn perspettiva li ma hijiex ta’ natura fiskali, iżda assigurattiva, sabiex jiggarantixxi l-istabbiltà tas-settur finanzjarju kollu kemm hu, billi għandu l-għan li jiżgura protezzjoni kontra l-kriżi proprja tiegħu għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet kollha. Barra minn hekk, dan l-għan ta’ natura assigurattiva huwa rifless ukoll fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, peress li dawn ma jirriżultawx mill-applikazzjoni ta’ rata partikolari għal bażi ta’ stima, iżda mid-definizzjoni ta’ livell fil-mira finali, u sussegwentement minn livell fil-mira annwali, li sussegwentement jinqasam bejn l-istituzzjonijiet.

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livel fil-mira annwali, li huwa ta’ ordni pubbliku u li hija laqgħet, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabelxejn, li, konformement mal-leġiżlazzjoni applikabbli, fi tmiem il-perijodu inizjali ta’ tmien snin b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016 (iktar ’il quddiem il-“perijodu inizjali”), il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF għandhom jilħqu l-livell fil-mira finali, li jikkorrispondi għal mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti. Sussegwentement, matul il-perijodu inizjali, il-kontribuzzjonijiet ex ante għandhom jitqassmu b’mod uniformi kemm jista’ jkun matul iż-żmien sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira finali. Barra minn hekk, kull sena, il-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri kollha parteċipanti ma għandhomx jaqbżu 12.5 % tal-livell fil-mira finali. Iktar minn hekk, fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, is-SRB għandu jiddetermina l-ammont tagħhom abbażi tal-livell fil-mira annwali, filwaqt li jqis il-livell fil-mira finali, u abbażi tal-ammont medju tad-depożiti koperti tas-sena preċedenti, ikkalkolat kull tliet xhur, għall-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti. Fl-aħħar nett, is-SRB jikkalkola l-kontribuzzjoni ex ante għal kull istituzzjoni abbażi tal-livell fil-mira annwali, li għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-livell fil-mira finali u konformement mal-metodu espost fir-Regolament Delegat 2015/63 (5).

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, is-SRB stabbilixxa, għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021, l-ammont tal-livell fil-mira annwali għal EUR 11 287 677 212.56. Fl-imsemmija deċiżjoni, huwa spjega, essenzjalment, li l-livell fil-mira annwali kellu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi dwar l-evoluzzjoni tad-depożiti koperti matul is-snin preċedenti, fuq kull żvilupp rilevanti tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll fuq analiżi dwar l-indikaturi relatati mal-fażi taċ-ċiklu ta’ attività u fuq l-effetti li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi għandhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet. Is-SRB qies li kien xieraq li jiffissa koeffiċjent li kien ibbażat fuq din l-analiżi u fuq il-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF (iktar ’il quddiem il-“koeffiċjent”) u applika dan il-koeffiċjent għal wieħed minn tmienja tal-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020, sabiex jinkiseb il-livell annwali fil-mira. Sussegwentement, huwa espona l-approċċ segwit sabiex jiġi stabbilit il-koeffiċjent. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, is-SRB stabbilixxa l-valur tal-koeffiċjent għal 1.35 %. Sussegwentement huwa kkalkola l-ammont tal-livell fil-mira annwali, billi mmultiplika l-ammont medju tad-depożiti koperti fl-2020 b’dan il-koeffiċjent u billi ddivida r-riżultat ta’ dan il-kalkolu bi tmienja.

F’dan ir-rigward, għalkemm is-SRB huwa obbligat li jipprovdi lill-istituzzjonijiet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, spjegazzjonijiet dwar il-metodu ta’ determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom ikunu koerenti mal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB matul il-proċedura ġudizzjarja u għandhom jirrigwardaw il-metodu realment applikat. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

Fil-fatt, jirriżulta, essenzjalment, mill-ispjegazzjonijiet li s-SRB għamel waqt is-seduta, li huwa kien iddetermina l-livell fil-mira annwali għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021 billi segwa metodu f’erba’ stadji, li l-aħħar tnejn minnhom ikkonsistew fit-tnaqqis mil-livell fil-mira finali tal-mezzi finanzjarji disponibbli fi ħdan is-SRF, bl-għan li jiġi kkalkolat l-ammont li kien għad irid jinġabar sat-tmiem tal-perijodu inizjali u billi ddivida dan l-ammont tal-aħħar bi tlieta.

Issa, il-Qorti Ġenerali osservat li l-aħħar żewġ stadji ta’ dan il-kalkolu ma huma bl-ebda mod espressi fil-formola matematika ppreżentata, fid-deċiżjoni kkontestata, bħala l-bażi tad-determinazzjoni tal-ammont tal-livell fil-mira annwali.

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dikjarazzjoni tas-SRB li huwa ppubblika, f’Mejju 2021, l-iskeda deskrittiva, li kienet tinkludi medda li tindika l-ammonti possibbli tal-livell fil-mira finali, u, fuq is-sit internet tiegħu, l-ammont tal-mezzi finanzjarji disponibbli fis-SRF. Fil-fatt, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti kinitx effettivament taf b’dawn l-ammonti, dawn tal-aħħar ma kinux, waħedhom, ta’ natura li jippermettulha tifhem li l-aħħar żewġ stadji tal-kalkolu kienu ġew effettivament applikati mis-SRB, filwaqt li huwa ppreċiżat, barra minn hekk, li l-formola matematika lanqas biss kienet issemmihom.

Inkoerenzi simili jaffettwaw ukoll il-mod li bih ġie ffissat il-koeffiċjent ta’ 1.35 %, li madankollu għandu rwol primordjali f’din il-formola matematika. Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mis-SRB waqt is-seduta jirriżulta li dan il-koeffiċjent kien ġie stabbilit b’mod li jkun jista’ jiġġustifika r-riżultat tal-kalkolu tal-ammont tal-livell annwali fil-mira, jiġifieri wara li s-SRB ikkalkola dan l-ammont b’applikazzjoni tal-erba’ stadji tal-metodu realment applikat. Issa, dan l-approċċ bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata.

Barra minn hekk, jirriżulta li l-medda li fiha kien jinsab, skont l-iskeda deskrittiva, l-ammont tal-livell fil-mira finali stmat hija inkoerenti mal-medda tar-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ bejn 4 % u 7 % li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-SRB indika waqt is-seduta li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-livell annwali fil-mira, huwa kien ħa inkunsiderazzjoni r-rata ta’ tkabbir tad-depożiti koperti ta’ 4 % - li kienet l-iktar rata baxxa tat-tieni medda - u li huwa għalhekk kien kiseb il-livell fil-mira finali stmat ta’ EUR 75 biljun - li kien jikkostitwixxi l-ogħla valur tal-ewwel medda. B’hekk jirriżulta li jeżisti nuqqas ta’ qbil bejn dawn iż-żewġ meddiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina l-mod kif is-SRB kien uża l-medda li tirrigwarda r-rata ta’ evoluzzjoni ta’ dawn id-depożiti sabiex jasal għall-kalkolu tal-livell fil-mira finali stmat.

Il-Qorti Ġenerali qieset li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali, il-metodu realment applikat mis-SRB, kif spjegat waqt is-seduta, ma jikkorrispondix għal dak deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-motivi reali, li fid-dawl tagħhom ġie ffissat dan il-livell fil-mira, ma setgħux jiġu identifikati abbażi tad-deċiżjoni kkontestata la mill-istituzzjonijiet u lanqas mill-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk ivvizzjata b’difetti ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-livell fil-mira annwali.

Fid-dawl tal-kapijiet ta’ illegalità li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti.

Madankollu, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hija ddeċidiet li żżomm fis-seħħ l-effetti tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF tar-rikorrenti għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2021.


1      Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).


2      Skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 806/2014.


3      Deċiżjoni SRB/ES/2021/22 tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-14 ta’ April 2021 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2021 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.


4      Artikoli 5, 69 u 70 tar-Regolament (KE) Nru 806/2014.


5      Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).