Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Marzu 2012 - ANKO vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-118/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: ANKO Anonymos Etairia Antiprosopeion Emporiou kai Viomichanias (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tipproċedix għall-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna finanzjarja mogħtija lir-rikorrenti skont il-kuntratt "PERceptive Spaces promoting iNdependent Aging (PERSONA)", tal-ammont ta' EUR 6 752.74, tikkostitwixxi ksur tal-obbligi kuntrattwali tagħha;

tordna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta' EUR 6 752.74, għall-ispejjeż li din tal-aħħar kellha ssostni waqt ir-raba' perjodu ta' referenza tal-proġett PERSONA, flimkien mal-interessi previsti fil-klawżola II.28(7) tal-Anness II tal-kuntratt, mid-data tan-notifika ta' dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-kuntratt Nru°045459 dwar l-implementazzjoni tal-proġett "PERceptive Spaces promoting iNdependent Aging (PERSONA)", skont l-Artikolu 272 TFUE.

Konkretament, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-Kummissjoni Ewropea wettqet l-obbligi kuntrattwali tagħha fl-intier tagħhom u kif suppost, hija ssospendiet il-ħlas favur ANKO, mingħajr ma kienet awtorizzata li tagħmel dan u bi ksur tal-kuntratt iċċitat iktar 'il fuq kif ukoll tal-prinċipju ta' bona fide. Għal din ir-raġuni, ANKO ssostni li l-Kummissjoni Ewropea għandha tħallasha l-ammont ta' EUR 6 752.74, flimkien mal-interessi previsti fil-klawżola II.28(7) tal-Anness II tal-kuntratt prinċipali.

____________