Language of document : ECLI:EU:T:2015:687

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

24 ta’ Settembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Servizz pubbliku tax-xandir – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna implementata mill-awtoritajiet Daniżi favur ix-xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark – Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Kompatibbiltà ta’ għajnuna – Sentenza Altmark”

Fil-Kawża T‑125/12,

Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’West Drayton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn S. Kalsmose-Hjelmborg u M. Honoré, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn C. Vang u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, sussegwentement minn Pasternak Jørgensen, assistita minn K. Lundgaard Hansen, avukat, u fl-aħħar nett minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn Lundgaard Hansen u R. Holgaard, avukat,

u minn

TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka) irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President, N. J. Forwood u C. Wetter, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 L-isfond u l-kuntest fattwali tat-tilwima

1        Dan ir-rikors għandu bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn hija tikkonstata li l-imsemmija miżuri, għalkemm jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huma madankollu kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. Huwa ppreżentat minn Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ʼil quddiem ir-“rikorrenti” jew “Viasat”), li hija kumpannija ta’ xandir televiżiv kummerċjali attivi fis-suq Daniż u kompetitur dirett tal-kumpannija tax-xandir Daniża TV2/Danmark A/S (iktar ʼil quddiem “TV2 A/S”).

2        TV2 A/S inħolqot sabiex tissostitwixxi, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, l-impriża Statali awtonoma TV2/Danmark (iktar ʼil quddiem “TV2”), stabbilita fl-1986, permezz tal-Lov n° 335 om ændring af Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed, tal-4 ta’ Ġunju 1986 (liġi li temenda l-liġi dwar is-servizz tax-xandir). TV2 A/S, bħalma kienet il-predeċessur tagħha, TV2, hija t-tieni stazzjon tat-televiżjoni pubblika fid-Danimarka, peress li l-ewwel wieħed kien Danmarks Radio (iktar ʼil quddiem “DR”).

3        Il-missjoni ta’ TV2 A/S, bħal dik, preċedentement, ta’ TV2, hija li tipprovdi u tiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. Regoli li jikkonċernaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 A/S u, preċedentement, ta’ TV2, huma stabbiliti mill-Ministru tal-Kultura Daniż.

4        Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, il-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar ʼil quddiem “SBS”).

5        TV2 ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ DR, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-dritt tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal DR, TV2 ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar.

6        Wara lment imressaq fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting AS vs TvDanmark, xandar kummerċjali ieħor preżenti fis-suq Daniż, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2 kienet is-suġġett ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-Deċiżjoni tagħha fid-Deċiżjoni tagħha 2004/217/KE tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur [TV2] (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq it-tariffa, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2 (Fondi TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2 waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tat-tariffa dovuta minn TV2 għall-użu tal-frekwenza ta’ trażmissjoni nazzjonali (iktar ʼil quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri rilevanti”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2 sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom.

7        Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni kkonkludiet li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE). Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni li biha l-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tissodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjoni stabbiliti minn il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza Altmark” u, fir-rigward tal-kundizzjonijiet imsemmija iktar ʼil fuq, il-“kundizzjonijiet Altmark”, EU:C:2003:415).

8        Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2, fil-forma ta’ dħul mil-liċenzji u ta’ miżuri oħra deskritti fid-deċiżjoni TV2 1, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 86(2) KE (li sar l-Artikolu 106(2) TFUE) bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun li hija kklassifikat bħala kumpens żejjed (premessa 163 u Artikolu 1 tad-Deċiżjoni TV2 I). Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi minn TV2 A/S (Artikolu 2 tad-Deċiżjoni TV2 I) li ssostitwixxiet sadanittant TV2 (ara l-punt 2 iktar ʼil fuq).

9        Peress li l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni TV2 I irrenda lil TV2 A/S insolventi, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, b’ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, pjan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ din tal-aħħar. Fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mill-Istat, dan il-pjan kien jipprovdi, minn naħa, kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ DKK (kroner Daniż) 440 miljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni f’kapital ta’ self mill-Istat ta’ DKK 394 miljun. Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (2004) 3632 finali, tas-6 ta’ Ottubru 2004, fil-każ dwar għajnuna mill-Istat Nru 313/2004, relattiv għar-rikapitalizzazzjoni ta’ TV2 A/S (ĠU 2005, C 172, p. 3, iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni”), il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ miżuri maħsuba favur TV2 A/S kienu “neċessarji sabiex jiġi rrikostitwit il-kapital li TV2 [A/S], wara t-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata, għandha [kellha] bżonn sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku” (premessa 53 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li kull element ta’ għajnuna mill-Istat li jista’ jkun marbut mar-rikapitalizzazzjoni prevista ta’ TV2 A/S huwa kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE (premessa 55 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni).

10      Id-Deċiżjoni TV2 I kienu is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2 A/S (Kawża T-309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T-317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2 A/S, Viasat (Kawża T-329/04) u SBS (Kawża T-336/04).

11      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, Ġabra, iktar ʼil quddiem is-“sentenza TV2 I”, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annulla id-deċiżjoni TV2 I. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li kien ġustament li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-missjoni tas-servizz pubbliku fdat lil TV2 kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir (sentenza TV2 I, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:T:2008:457, punt 124). Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizjaw id-deċiżjoni TV2, li, finalment, wasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

12      B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ntiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996 bħala riżorsi tal-Istat (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:457, punti 160 sa 167). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:457, punti 224 sa 233). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 86(2) KE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizzjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (sentenza TV2 I, punt 11 iktar ʼil fuq, EU:T:2008:457, punti 192 u 197 sa 203).

13      Id-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati minn SBS u Viasat. Permezz ta’ żewġ digrieti mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni TV2 u tar-rabta mill-qrib li hemm bejn l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna li jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni u l-miżuri koperti mid-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi ċċitati iktar ʼil fuq (digrieti tal-24 ta’ Settembru 2009, SBS TV u SBS Danish Television/Commission, T 12/05, EU:T:2009:357, u Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T 16/05 , EU:T:2009:358).

14      Insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2 A/S u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi.

15      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid tagħha tal-miżuri kkonċernati fid-deċiżjoni kkontestata, li hija koperta wkoll minn rikors ieħor ippreżentat minn Viasat Broadcasting UK (Kawża T-125/10, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni) li l-Qorti Ġenerali iddeċidiet b’sentenza tal-lum.

16      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2 bejn l-1995 u l-2002 Madankollu, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fl-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I.

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur TV2 (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel nett, hija qieset li d-dħul tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kien jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I hija kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun kienu jikkostitwixxu kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 86(2) KE, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2 A/S. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej:

“Artikolu 1

Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur [TV2] bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]”.

18      Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi nnutat li r-Renju tad-Danimarka ħadet miżuri għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ TV2 A/S. B’hekk, minn naħa, fis-16 ta’ Ġunju 2008, hija nnotifikat proġett ta’ għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu, maħsuba li tingħata lil TV2 A/S. Din l-għajnuna kienet approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha C (2008) 4224 finali, tal-4 ta’ Awwissu 2008, fil-Każ Nru 287/2008, relatata mal-għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil TV2 A/S (ĠU 2009, C 9, p. 1). Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet is-suġġett ta’ rikors minn Viasat. Permezz ta’ digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, il-Qorti Ġenerali, wara li kkonstatat li l-għajnuna approvata bid-deċiżjoni inkwistjoni kienet irrimborsata fl-intier tagħha, iddeċidiet li r-rikors kien mingħajr suġġett u li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni (digriet tat-22 ta’ Marzu 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T 114/09, EU:T:2012:144).

19      Min-naħa l-oħra, fl-4 ta’ Frar 2009, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ TV2 A/S. Fid-deċiżjoni tagħha 2012/109/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar għajnuna mill-Istat C 19/09 (ex N 64/09), li d-Danimarka biħsiebha timplementa fir-rigward tar-ristrutturar ta’ [TV2 A/S] (ĠU 2012, L 50, p. 21), il-Kummissjoni qieset li dan il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, taħt ċerti kundizzjonijiet, waħda minnhom tkun il-projbizzjoni tal-ħlas ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-imsemmi pjan, għar-raġuni li s-sitwazzjoni tal-kumpannija benefiċjarja tjiebet. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Viasat. Peress li Viasat irtirat ir-rikors tagħha, il-kawża tħassret mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali bid-digriet tal-10 ta’ Diċembru 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (T 210/12, EU:T:2012:660).

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ġunju 2012, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2012, TV2 A/S talbet li tintervjeni, f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2012, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.

24      TV2 A/S ippreżentat nota ta’ intervent fit-30 ta’ Novembru 2012. Fl-istess jum, ir-Renju tad-Danimarka ppreżenta nota ta’ intervent.

25      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-noti ta’ intervent fid-19 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni ma ppreżentatx nota ta’ osservazzjonijiet fuq in-noti ta’ intervent.

26      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat, bħal President, lis-Sitt Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

28      Peress li membru tal-Awla ma setax jassumi postu, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

29      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015. Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-partijiet ħadu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ għajbien eventwali tas-suġġett tat-tilwima f’din il-kawża, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata wara r-rikors ippreżentat fil-Kawża T‑674/11, TV2 Danmark vs Il-Kummissjoni.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      Ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

33      Peress li r-rikorrenti ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi vverifikat jekk għandhiex locus standi fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

34      Skont ġurisprudenza stabbilita, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod simili bħalma jkun individwalizzat id-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra, EU:C:1963:17, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-387/06, Ġabra, EU:C:2008:757, punt 26). Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi status partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (EU:C:1963:17), b’mod partikolari, lir-rikorrenti meta l-pożizzjoni tagħha fis-suq tkun affetwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, EU:C:2008:757, punt 30).

35      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżuri li, matul l-1995 sal-2002, jikkostitwixxu prattikament il-finanzjament kollu ta’ TV2. Issa, mill-proċess jirriżulta li TV2 kienet l-ikbar attur u l-kompetitur prinċipali dirett tar-rikorrenti fis-suq Daniż tar-reklamar televiżiv u fis-suq bl-ingrossa Daniż li fih ix-xandara joffru l-kanali tagħhom lid-distributuri. Hemm lok, għaldaqstant, li jitqies li, f’dan il-każ, il-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq tkun affetwata sostanzjalment mill-għajnuna li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar ʼil fuq.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, kif ukoll tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda għajnuna mill-Istat diġà mħallsa u meqjusa bħala li hija kompatibbli mas-suq intern, hemm lok li jitqies li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

37      B’dan ir-rikors, ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata li biha l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2 kienu kompatibbli mas-suq intern.

38      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessi 155 sa 159 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern, għall-Artikolu 106(2) TFUE u għall-komunikazzjoni tagħha tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar l-applikazzjoni tar-regoli tax-xandir tas-servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat (ĠU C 320, p. 5, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001”), li stabbilixxiet il-prinċipji u l-metodi li beħsiebha tibda tapplika sabiex tiżgura l-osservanza mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106(2) TFUE.

39      Għandu jiġi osservat li, fit-2 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni ġdida dwar l-applikazzjoni tar-regoli tax-xandir tas-servizz pubbliku dwar għajnuna mill-Istat (ĠU C 257, p. 1, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009”). Madankollu, dan l-aħħar att jippreċiża, fil-punt 100, li l-Kummissjoni ser tapplika għal għajnuna mhux nnotifikata mogħtija qabel il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bħall-għajnuniet inkwistjoni, il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir fl-2001.

40      Fil-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għall-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern, il-Kummissjoni qieset, qabel kollox, li d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kellhom jiġu eżegwiti minn TV2 kienet wiesgħa, iżda jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 106(2) TFUE, moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet interpretattivi ta’ dan l-artikolu mdaħħla fil-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri anness mat-Trattat FUE, magħrufa taħt l-isem ta’ Protokoll ta’ Amsterdam (premessi 171 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed (liġi dwar ix-xandir) tat uffiċjalment lil TV2 biss il-missjoni ta’ televiżjoni tas-servizz pubbliku. Madankollu, skont il-Kummissjoni, it-tnedija ta’ kwalunkwe attività supplimentari minn TV2 kienet teħtieġ mandat ġdid sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 106(2) TFUE (premessi 174 u 175 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni eżaminat il-proporzjonalità tal-għajnuna tal-Istat lil TV2 billi ffokat l-eżami tagħha fuq żewġ aspetti: minn naħa, hija kkalkolata l-ispiża netta tas-servizz pubbliku fdat lil TV2 u vverifikat jekk din l-ispiża kinitx kumpens żejjed, min-naħa l-oħra, hija eżaminat l-aġir ta’ TV2 fis-suq tar-reklamar, sabiex tivverifika jekk TV2 ma kinitx tipprattika prezzijiet artifiċjalment baxxi għar-reklamar tagħha għad-detriment tal-kompetituri tagħha. Hija kkonkludiet li l-miżuri kkonċernati kienu kompatibbli mas-suq intern.

41      Ir-rikorrenti tikkritika din l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, taħt angolu metodoloġiku definit b’mod preċiż. Hija ssostni, fil-fatt, li, meta l-Kummissjoni applikat l-Artikolu 106(2) TFUE, it-termini ta’ din id-dispożizzjoni kienu jeżiġu li l-istituzzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark sabiex jiġi vverifikat jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-trattat jostakolawx it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 u jekk l-għajnuna taffettwax il-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni Ewropea.

42      Ir-rikorrenti ma tirrileva ebda żball li wettqet il-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tagħha. B’mod partikolari, hija ma tallegax li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir fl-2001 kienet ivvizzjata minn żball ta’ evalwazzjoni.

43      Ir-rikors huwa magħmul minn żewġ mezzi, li bihom ir-rikorrenti tallega, minn naħa, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern li skont l-Artikolu 106(2) TFUE, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ma tatx raġunijiet għaliex l-Artikolu 106(2) TFUE ġie applikat f’dan il-każ, filwaqt li t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinux issodisfatti, li kien jirrappreżenta ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

44      Hemm lok li tiġi rrilevata r-rabta diretta u stretta bejn dan ir-rikors u r-rikors ippreżentat minn TV2 A/S, suċċessur tal-benefiċjarju tal-miżuri kkonċernati, fil-Kawża T‑674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni li fiha r-rikorrenti intervjeniet insostenn tal-Kummissjoni. Ir-rikors ta’ TV2 A/S kellu l-għan tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni, li kkonstatat li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark, ikkunsidra li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u li kienu għajnuna ġdida.

45      Fis-sentenza mogħtija llum fil-Kawża T‑674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors ta’ TV2/Danmark u annullat id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar għall-1995 u l-1996 mogħtija lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Wara dan l-annullament, dan ir-rikors sar mingħajr suġġett, sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fejn din tal-aħħar ikklassifikat id-dħul mir-reklamar għall-1995 u 1996 riċevut permezz tal-Fond TV2 bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha msemmija iktar ʼil fuq, it-trasferiment ta’ dan id-dħul lanqas ma kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hekk li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ tali għajnuna mas-suq intern ma qamitx. Madankollu, peress li r-rikorrenti tinvoka l-istess motivi u argumenti fir-rigward tal-miżuri kollha kklassifikati bħal għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-motivi u argumenti għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu eżaminati fid-dawl tal-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata.

46      Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tal-lum fil-Kawża T‑674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (punti 88 et seq), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien wara żball ta’ liġi li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tieni kundizzjoni Altmark ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ. Madankollu, ma ġiex deċiż li kienet tiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija qieset li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinitx ġiet issodisfatta f’dan il-każ ma kinitx ivvizzjata bi żball. Fil-fatt, din l-aħħar konklużjoni kienet, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-konklużjoni li tgħid li l-miżuri kkonċernati (bl-eċċezzjoni ta’ dak imsemmi fil-punt 45 iktar ʼil fuq) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

47      Peress li, fl-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ma tiddistingwix bejn it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark, iżda ssostni, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li l-fatt li huma ma kinux issodisfatti kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tivvaluta l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat kontenzjuża, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 46 iktar ʼil fuq ma kellux l-effett li jrendi inutli l-eżami ta’ wieħed jew iktar mill-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha.

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

48      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), taffettwa neċessarjament il-mod kif il-Kummissjoni għandha tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

49      Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-Artikolu 106(2) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett u jiġi applikat biss meta r-regoli tat-Trattat, inkluż l-Artikolu 107 TFUE “jostakolaw” it-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kkonċernat. Barra minn hekk, konformement mal-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 106(2) TFUE, jista’ jiġi applikat biss jekk din l-applikazzjoni ma tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark huma parti mill-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn jiddefinixxu l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. B’hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma eżaminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-applikazzjoni tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark hijiex ser “tostakola t-twettiq” tal-missjoni ta’ servizz pubbliku jew “taffettwax il-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni.”

50      Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni.

51      Permezz tar-regoli tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 106(2) TFUE, hemm lok li jinftiehem, b’mod partikolari, li hemm il-projbizzjoni li l-impriżi jingħataw l-għajnuna mill-Istat, li tirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE, li jipprovdi li, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

52      L-argumenti mqajma mir-rikorrenti jqajmu, essenzjalment, il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet Altmark u, min-naħa l-oħra, il-kondizzjonijiet li taħthom għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża responsabbli tat-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE.

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-eżami tan-natura kompatibbli ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern tippresupponi li l-miżura li qiegħda tiġi eżaminata jkollha n-natura ta’ għajnuna. Issa, la mill-Artikolu 106(2) TFUE, u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ma jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn l-Istat juża r-riżorsi finanzjarji tiegħu sabiex tiżgura l-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, huwa jagħti għajnuna mill-Istat lill-impriża li tipprovdi dan is-servizz.

54      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-Istat teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 107(1) KE jiġu ssodisfatti. Għandu jitfakkar li dan l-artikolu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat ; it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri ; it-tielet nett, għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu; ir-raba’ nett, għandha twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li tgħid li l-intervent inkwistjoni jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu, għandu jiġi rrilevat li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata), jitqiesu bħala għajnuna, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu li huma vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

56      Minn dan isegwi li, meta l-Istat, sabiex jiżgura l-provvista ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, jagħti lill-impriża li tiżgura dan is-servizz korrispettiv finanzjarju li jikkorrispondi għall-prezz ta’ dan is-servizz taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, dan ma huwiex vantaġġ li l-impriża inkwistjoni ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, lanqas ma hija kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, peress li waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għal tali klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni hija nieqsa.

57      Din hija preċiżament il-kwistjoni ta’ jekk servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali huwiex ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq li huma mfassla sabiex jissodisfaw il-kundizzjonijiet Altmark.

58      Dawn il-kundizzjonijiet huma dawn li ġejjin : l-ewwel nett, l-impriża benefiċjarja trid tkun effettivament inkarigata sabiex twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku, u tali obbligi jridu jkunu ddefiniti b’mod ċar; it-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti; it-tielet nett, il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż sostnuti minħabba t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul relattiv kif ukoll qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawn l-obbligi; ir-raba’ nett, f’każ fejn l-impriża li għandha twettaq l-obbligi tas-servizz pubbliku, f’każ speċifiku, ma tintgħażilx skont proċedura ta’ xiri pubbliku li tippermetti li jingħażel dak l-offerent li jista’ jipprovdi dawk is-servizzi bl-inqas spiża possibbli għall-komunità, il-livell ta’ kumpens meħtieġ irid jiġi stabbilit abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika, immexxija tajjeb u mgħammra kif xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa tas-servizz pubbliku, kien ikollha tagħmel biex twettaq dawk l-obbligi, filwaqt li jitqies id-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi (sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq, EU:C:2003:415, punti 89 sa 93).

59      Kif jirriżulta mill-punt 94 tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), sa fejn dawn il-kundizzjonijiet huma kollha ssodisfatti, ma hemmx kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens li l-impriża kkonċernata ma kisbitx vantaġġ li hija ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

60      Madankollu, kif diġà ġie rrilevat, il-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, hija bbażata fuq il-premessa li skontha l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna. Fi kliem ieħor, fil-każ ta’ impriża li tiżgura servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, tali klassifikazzjoni neċessarjament tippreżupponi li l-impriża inkwistjoni tikseb, bħala korrispettiv għall-provvista ta’ dan is-servizz, vantaġġ li hija ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

61      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, hemm lok li titfakkar li l-ġurisprudenza stabbilita (ara s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra, U:T:2008:228, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata) tliet kundizzjonijiet jiġu sodisfatti sabiex għajnuna mill-Istat mogħtija bħala kumpens għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. L-ewwel kundizzjoni, relatata mad-definizzjoni tas-servizz pubbliku, tirrikjedi li s-servizz inkwistjoni għandu jkun effettivament servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li għandu jkun kjarament iddefinit bħala tali mill-Istat Membru. It-tieni kundizzjoni, relatata mal-mandat ta’ servizz pubbliku, tirrikjedi li l-impriża benefiċjarja għandha tkun ġiet espliċitament inkarigata mill-Istat Membru għall-provvista tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Fl-aħħar nett, it-tielet kundizzjoni hija bbażata fuq il-kunċett ta’ proporzjonalità. Skont din il-kundizzjoni, il-finanzjament ta’ impriża responsabbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku għandu jitqies bħala kompatibbli mas-suq intern sa fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-FUE – f’dan il-każ il-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat – għandha tostakola t-twettiq tal-funzjoni partikolari assenjata lil din l-impriża, u d-deroga ma għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

62      F’diversi kawżi deċiżi mill-Qorti Ġenerali l-partijiet irrilevaw ċertu xebh bejn il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE u wħud mill-kundizzjonijiet ifformulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415). Dawn huma, b’mod partikolari, kawżi li taw lok għas-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punti 160, 162 u 224), SIC vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ʼil fuq (EU:T:2008:228, punti 134 sa 136), tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni (T‑354/05, Ġabra, EU:T:2009:66, punti 116 sa 118), tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il-Kummissjoni (T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra, U:T:2010:272, punt 128), tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni (T‑137/10, Ġabra, EU:T:2012:584) u tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il-Kummissjoni (T‑275/11, EU:T:2013:535, punt 122).

63      Madankollu, ma jistax jintnesa li, anki jekk il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern għandhom ċertu xebh mal-kundizzjonijiet Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, din qed twieġeb għal mistoqsija fundamentalment differenti, li diġà tippreżupponi tweġiba fl-affermattiv għall-mistoqsija li tikkonċerna s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), li hija distinta u tinsab upstream għall-kwistjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni.

64      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti differenti mressqa mir-rikorrenti.

65      Ir-rikorrenti tressaq diversi raġunijiet għaliex, skontha, it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern, fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, ta’ miżura li ġiet ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

66      Minn naħa, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Altmark, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tafferma li, sabiex tissodisfa l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni tirrikjedi l-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet li jistgħu jkunu purament formali, bħad-definizzjoni preċiża tal-mandat ta’ servizz pubbliku. Issa, jekk tali rekwiżiti formali huma neċessarji sabiex tiġi ssodisfatta din id-dispożizzjoni, ikun jidher loġiku, skont ir-rikorrenti, li din id-dispożizzjoni tinkludi wkoll ir-rekwiżit li l-Istati Membri jistabbilixxu minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, il-parametri tal-kalkolu tal-kumpens tas-servizz pubbliku.

67      It-tieni nett, ir-rikorrenti tindika li t-tieni kundizzjoni Altmark diġà tinsab fil-komunikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għad-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Qafas Komunitarju ta’ għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku” 2005 (ĠU C 297, p. 4, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni SIEĠ 2005”) u għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [106], (2), [TFUE] għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi responsabbli mit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, p. 67, iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni SIEĠ 2005”), kif ukoll żewġ atti li abrogaw u ssostitwew iż-żewġ atti msemmija iktar ʼil fuq, jiġifieri, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (ĠU 2012 C 8, p. 15, iktar ʼil quddiem il-“komunikazzjoni SIEG 2011”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 7, p. 3, iktar ʼil quddiem id-“Deċiżjoni SIEG 2011”). Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dokumenti jipprovdu li, sabiex l-Artikolu 106(2) TFUE japplika, l-att li jagħti l-mandat ta’ servizz pubbliku għandu jindika l-parametri ta’ kalkolu, ta’ kontroll u ta’ reviżjoni tal-kumpens, kif ukoll il-modalitajiet għar-rimbors ta’ kumpens żejjed eventwali u l-mezzi sabiex jiġi evitat dan il-kumpens żejjed.

68      It-tielet nett, ir-rikorrent jindika li l-komunikazzjoni dwar ix-xandir 2009 jinkludi, fil-punt 51 tiegħu, rekwiżit simili għat-tieni kundizzjoni Altmark. Dan il-punt jistipula, fil-fatt, li, sabiex ikun konsistenti mal-Artikolu 106(2) TFUE, l-att tal-mandat għandu jiddeskrivi l-kundizzjonijiet applikati għall-kumpens u l-modalitajiet previsti sabiex jiġi evitat il-ħlas ta’ kumpens għal ammont ikbar minn dak li huwa strettament neċessarju għall-implementazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku.

69      Fl-aħħar nett, ir-raba’ nett, skont ir-rikorrenti, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tax-Xandir fl-2001, ma hemm ebda motiv konvinċenti li jostakola lill-Kummissjoni milli tapplika f’dan il-każ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE li hija għamlet fil-Komunikazzjonijiet SIEĠ 2005 u 2011, id-Deċiżjonijiet SIEĠ 2005 u 2011 u l-Komunikazzjoni tax-Xandir tal-2009.

70      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-impatt tar-raba’ kundizzjoni Altmark dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE, ir-rikorrenti tirrileva li, qabel kollox, li d-definizzjoni wiesgħa tas-servizz pubbliku tinkludi r-riskju li l-kumpens tas-servizz pubbliku jkun użat bħala għajnuna għas-salvataġġ u għajnuna operattiva. Sabiex jiġi evitat dan ir-riskju u jiġi żgurat bilanċ bejn is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fil-qasam tad-definizzjoni u l-għoti ta’ missjonijiet ta’ servizz pubbliku, minn naħa, u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tista’ tuża, meta tapplika l-Artikolu 106(2) TFUE, ir-rekwiżit ta’ effiċjenza jirriżulta mir-raba’ kundizzjoni Altmark. Sussegwentement, ir-rikorrenti tafferma ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali t-Tribunal li tgħid li l-kriterju ta’ effikaċità huwa irrilevanti għall-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern sar fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza preċedenti għas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415) u, fi kwalunkwe każ, jista’ jiġi kkritikat. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-Kummissjoni stess tirrikonoxxi l-importanza tal-kriterju tal-effikaċità fil-Komunikazzjoni SIEĠ 2011 u fil-Komunikazzjoni tal-2011 lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna statali applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali [dokument COM (2011) 146 finali]. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE jirriżulta li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza jipprekludu li awtorità pubblika tassenja konċessjoni ta’ servizzi pubbliċi lil kumpannija mingħajr sejħa għal kompetizzjoni.

71      Ir-rikorrenti tikkonkludi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark huma parti mit-test ta’ kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern stabbilit bl-Artikolu 106(2) TFUE. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għandhom neċessarjament jaffettwa l-mod kif il-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ kompatibbiltà fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE.

72      Bħala konklużjoni, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni ma ġibditx il-konsegwenzi meħtieġa mill-konstatazzjoni li l-kumpens tas-servizz pubbliku mħallas lil TV2 ma jissodisfax it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark.

73      Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm ir-rikorrenti ssostni diversi motivi li għalihom it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark kellhom neċessarjament jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, ta’ miżura li ġiet ikkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, hija ma tippreċiżax in-natura u l-estensjoni ta’ din l-influwenza allegata.

74      Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ppreżentati mir-rikorrenti fl-atti tagħha, hemm lok li jitqies li, permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn il-Kummissjoni qieset il-miżuri kkonċernati bħala kompatibbli mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, għalkemm dawn il-miżuri ma jissodisfawx it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark.

75      Tali motiv ma jistax jintlaqa’.

76      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li l-miżuri kkonċernati ma jissodisfawx it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ma jipprekludix li jitqies li dawn il-miżuri, ikklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, huma kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

77      Fis-sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq, (EU:T:2009:66, punti 130 u 140), il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod partikolari li mill-kliem mingħajr ebda ambigwità tas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), li l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti f’dik is-sentenza kellha bħala l-unika għan il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar speċifiku, li tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ u li dawn il-kundizzjonijiet ma għandhomx ikunu konfużi mal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, li l-għan tagħhom kien sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

78      Fl-istess sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq (EU:T:2009:66, punti 132 sa 139), il-Qorti Ġenerali qieset li mis-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415, punt 105), jirriżulta li l-Artikolu 106(2) TFUE kien kompla japplika fil-każijiet fejn kumpens kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet Altmark. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-ġurisprudenza sussegwenti għas-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EUS:C:2003:415), bl-ebda mod ma eskludiet l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, għall-kumpens imħallas lill-impriżi responsabbli mill-obbligi ta’ servizz pubbliku, li kienu jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat peress li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet Altmark.

79      Ir-rikorrenti tiddefendi ruħha billi tistaqsi lill-Qorti Ġenerali sabiex tibdel il-pożizzjoni adottata fis-sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq (EU:T:2009:66). Hija tafferma, għall-kuntrarju, li, f’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx il-mistoqsija jekk is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), kinitx affetwat b’xi mod l-eżami li għandu jsir fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE, fil-każ ta’ tas-servizz pubbliku. Din is-sentenza ma jipprekludix, għaldaqstant, li tqis li s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), għandha neċessarjament taffettwa l-mod kif il-Kummissjoni tapplika l-kriterju ta’ kompatibbiltà fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm is-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), tidentifika erba’ kundizzjonijiet separati, dawn ma humiex kompletament indipendenti minn xulxin. Rigward l-aħħar tlieta, hemm koerenza interna u, f’dan is-sens, ċerta interdipendenza.

81      Fil-fatt, l-istabbiliment ta’ parametri oġġettivi u trasparenti għall-kalkolu tal-kumpens, kif tirrikjedi t-tieni kundizzjoni Altmark, jikkostitwixxi rekwiżit neċessarju sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk dan il-kumpens jaqbiżx, jew le, dak li huwa neċessarju sabiex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti minnhom magħmula fl-implementazzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, kif tirrikjedi t-tielet kundizzjoni Altmark. Sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk il-kumpens jaqbiżx dak li huwa neċessarju, qabel kollox għandu jiġi ddeterminat jekk dan huwiex neċessarju. Issa, sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tat-tielet kundizzjoni Altmark, din għandha tkun ibbażata fuq parametri oġġettivi u trasparenti, kif tirrikjedi t-tieni kundizzjoni Altmark.

82      Rigward ir-raba’ kundizzjoni Altmark, din tikkompleta t-tieni kundizzjoni Altmark. Ma huwiex biżżejjed li l-parametri stabbiliti għall-kalkolu tal-kumpens li għandu jitħallas lil impriża responsabbli mill-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku tkun oġġettiva u trasparenti, kif tirrikjedi t-tieni kundizzjoni Altmark. Ħlief fil-każ fejn l-għażla tal-impriża inkwistjoni ssir fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku għall-għażla tal-kandidat kapaċi li jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-komunità, ir-raba’ kundizzjoni Altmark tirrikjedi li dawn ilk-parametri jkunu bbażati fuq l-eżempju ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku.

83      Ma jistax jintilef l-għan tat-test li fih saret l-analiżi tal-osservanza tal-erba’ kundizzjonijiet Altmark, li huwa li jiġi evitat li l-kumpens li jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq l-impriżi kompetituri (sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq, EU:C: 2003: 415, punt 90). B’hekk, kif diġà ġie rrilevat (punt 57 iktar ʼil fuq), irid jiġi ddeterminat jekk servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali kienx ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq, f’liema każ il-korrispettiv finanzjarju mħallas lill-impriża li tipprovdi dan is-servizz ma jikkostitwixxix vantaġġ li din l-impriża ma setgħetx tikseb f’tali ċirkustanzi, lanqas, konsegwentement, għajnuna mill-Istat (punt 59 iktar ʼil fuq).

84      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, huwa ċertament minnu li, fis-sentenza tagħha BUPA et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq (EU:T:2008:29, punt 224), il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-tielet kundizzjoni Altmark taqbel fil-parti l-kbira mal-kriterju ta’ proporzjonalità kif stabbilit mill-ġurisprudenza fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

85      Għandu, madankollu, jiġi ppreċiżat li, għalkemm, fiż-żewġ każijiet, huwa, essenzjalment, l-istess kriterju li huwa applikat, il-kuntest u l-għan tal-applikazzjoni tiegħu huma, f’kull każ, differenti.

86      Fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, ma hijiex iktar kwistjoni li jiġi ddeterminat jekk servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ikunx ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippresupponi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat li jfisser, permezz tad-definizzjoni (ara l-punt 83 iktar ʼil fuq), li s-servizz in kwistjoni ma jkunx ipprovdut f’tali kundizzjonijiet.

87      Kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 140 tas-sentenza tagħha M6 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq (EU:T:2010:272), dak li l-Artikolu 106(2) TFUE huwa ntiż li jipprevjeni, bl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna hija li l-operatur inkarigat mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jibbenefika minn finanzjament li jaqbeż l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Minn dan isegwi li l-kwistjoni dwar jekk impriża inkarigata mis-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir tistax tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ servizz pubbliku bl-inqas spiża hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-finanzjament mill-Istat ta’ dan is-servizz fir-rigward tar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat.

88      Fi kliem ieħor, l-ispejjeż ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, huma l-ispejjeż reali ta’ dan is-servizz, kif huma, u mhux kif setgħu jew għandhom ikunu, fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ kalkolu oġġettivi u trasparenti, ibbażati fuq l-eżempju ta’ impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra.

89      F’dan il-kuntest, il-kriterju ta’ proporzjonalità huwa meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġu stmati l-ispejjeż reali tas-servizz ta’ interess ekonomiku jekk, fin-nuqqas ta’ provi disponibbli għall-Kummissjoni li jippermetti kalkolu eżatt ta’ dawn l-ispejjeż, din tal-aħħar għandha tagħmel stima. B’mod iktar ġenerali, huwa skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità li għandu jiġi konkluż li għajnuna ntiża li tkopri l-ispejjeż ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, sa fejn l-ammont tagħha ma jaqbiżx l-ispejjeż reali ta’ dan is-servizz.

90      Huwa għalhekk li l-eventwali nuqqas ta’ osservanza tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark, għalkemm rilevanti għall-eżami tal-kwistjoni jekk tali servizz ikunx ipprovdut f’kundizzjonijiet normali tas-suq, ma huwiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE. Fil-fatt, it-teżi tar-rikorrenti twassal tar-rikorrent, b’mod definittiv, li tirrikjedi li s-servizzi ekonomiċi ta’ interess ġenerali jkunu dejjem ipprovduti taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. Issa, jekk tali rekwiżit ġie aċċettat, l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni tista’ tfixkel it-twettiq de jure jew de facto tal-missjoni partikolari assenjata lill-impriżi responsabbli mit-tmexxija ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, li l-Artikolu 106(2) TFUE huwa ntiż preċiżament sabiex jipprevjeni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M6 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq, EU:T:2010:272, punt 136).

91      Barra minn hekk, tali teżi twassal għal impass loġiku, sa fejn hija timplika li, sabiex għajnuna tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 106(2) TFUE, il-kundizzjonijiet Altmark kollha għandhom jiġu rrispettati, f’liema każ il-miżura kkonċernata lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna (sentenza TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ʼil fuq, EU:T:2013:535, punt 144).

92      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 76 sa 91 iktar ʼil fuq, hemm lok li jinċaħdu, bħala irrilevanti, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq it-testi tal-Komunikazzjonijiet SIEĠ 2005 u 2011 u tad-Deċiżjonijiet SIEĠ 2005 u 2011. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-preambolu u mill-Artikoli 1 tad-Deċiżjonijiet SIEĠ 2005 u 2011, kif ukoll mill-aħħar sentenza tal-punt 2 tal-komunikazzjoni SIEĠ 2005 u mill-punt 7 tal-komunikazzjoni SIEĠ 2011, dawn it-testi kollha jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kumpensi, peress li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet Altmark, għandhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, ir-riferiment, f’dawn it-testi, għal kunċetti li jistgħu jidhru simili għal dawk użati fil-formulazzjoni tat-tieni u tar-raba’ kundizzjoni Altmark ma jistax jiġi interpretat bħala li jindika li, meta teżamina l-kompatibbiltà tal-kumpens li, fin-nuqqas li jissodisfa l-kundizzjonijiet Altmark, ġie kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ osservanza għal dawn iż-żewġ kundizzjonijiet.

93      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, li ebda waħda minn dawn it-testi ma huwa, fi kwalunkwe każ, applikabbli għall-kumpens imħallas lil TV2. Fil-fatt, minn naħa, f’dak li jikkonċerna l-Komunikazzjonijiet SIEĠ 2005 u 2011, huma espliċitament jeskludu, l-ewwel nett fil-punt 3 u t-tieni nett fil-punt 8, is-settur tax-xandir ta’ servizz pubbliku fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-Deċiżjonijiet SIEĠ 2005 u 2011, l-ammont ta’ għajnuna mogħtija lil TV2 jaqbeż il-limiti li taħthom japplikaw dawn id-deċiżjonijiet.

94      Bl-istess mod, il-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2009 ma hijiex applikabbli f’dan il-każ (ara l-punt 39 iktar ʼil fuq).

95      It-test applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE f’dan il-każ huwa l-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001. Issa, dan it-test ma fih ebda rekwiżit ta’ kompatibbiltà li jista’ jkun simili għat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamlet il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka u TV2 A/S, li r-rikorrenti ma kkontestatx il-validità tal-komunikazzjoni tal-2001 fir-rigward tal-istandards ta’ grad ogħla.

96      Għandu jitfakkar, fl-aħħar nett, li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni mhux biss ma għandhiex tkun imnebbħa mid-dispożizzjonijiet ta’ komunikazzjonijiet u ta’ deċiżjonijiet adottati wara l-2005 li hija tiċċita fir-rikors, iżda lanqas ma setgħet tagħmel dan.

97      Fil-fatt, meta l-Kummissjoni għandha, kif inhu l-każ fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija tista’ tadotta linji gwida fil-qasam li fuqhom ser tapplika d-dispożizzjoni kkonċernata f’settur jew tip partikolari ta’ għajnuna.

98      Madankollu, għandu jiġi osservat li, bl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma tinstab fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra, EU:C:2008:482, punt 60).

99      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li l-Artikoli 49 u 56 TFUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza jipprekludu li awtorità pubblika tassenja konċessjoni ta’ servizz pubbliku lil kumpannija mingħajr kompetizzjoni, għandu jitfakkar li s-sentenza Altmark, punt 7 iktar ʼil fuq (EU:C:2003:415), stess ma teskludix li missjoni ta’ servizz pubbliku tista’ tiġi fdata lil kumpannija mingħajr kompetizzjoni. Fil-fatt, din is-sentenza tistabbilixxi metodu ta’ verifika tal-livell tal-kumpens applikabbli meta l-għażla tal-kumpannija responsabbli mill-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ konkret, ma saritx fil-qafas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku. Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 106(2) FUE ma, jinkludix, bħala waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu, rekwiżit li l-Istat Membru għandu jkun segwa proċedura ta’ offerti kompetittiva għall-allokazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SIC vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ʼ il fuq, EU:T:2008:228, punti 145 u 146).

100    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri kkonċernati kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, minkejja l-konklużjoni tagħha li dawn l-istess miżuri ma ssodisfawx it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark.

101    Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE

102    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet għall-approvazzjoni tal-għajnuna mogħtija lil TV2 fid-dawl tal-Artikolu 106(2) TFUE, minkejja l-fatt li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark. Mill-premessi 159 et seq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet biss, f’dan il-każ, eżami tal-kompatibbiltà, “standard”, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tax-Xandir tal-2001, li jikkonsisti fi tliet passi. Madankollu, hija ma qisitx jekk id-deroga mit-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark kinux konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE, u b’mod partikolari, jekk l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet neċessarjament tistax tostakola t-twettiq tas-servizz pubbliku.

103    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-silenzju tad-deċiżjoni dwar ir-rwol tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern ma huwiex dovut għal żball ta’ raġunament tal-Kummissjoni jew għal difett ta’ motivazzjoni li jivvizjaw id-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-fatt li din id-deċiżjoni tapplika qafas ta’ analiżi differenti minn dak li tiffavorixxi r-rikorrenti.

104    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessi 157 sa 270 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ippreżentat motivazzjoni ddettaljata sabiex tiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern fid-dawl tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001 u li r-rikorrenti ma fformulat ebda lment fir-rigward ta’ din il-motivazzjoni.

105    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

106    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ta’ fondi allokati għall-finanzjament ta’ stazzjonijiet reġjonali ta’ TV2

107    Fir-replika, ir-rikorrenti tressaq argumenti li permezz tagħhom hija trid tirrispondi għad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-risposta ppreżentata fil-Kawża T‑674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, fejn ir-rikorrenti intervjeniet insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

108    Id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 107 iktar ʼil fuq huma maħsuba sabiex iwieġbu l-tielet motiv tar-rikors ippreżentat minn TV2 A/S fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni. Permezz ta’ dan il-motiv, TV2 A/S sostniet li mill-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata rriżulta li, skont il-Kummissjoni, id-dħul mid-dritt tal-liċenzji li TV2 rċeviet, bejn l-1997 u l-2002, mill-Fond TV2 u li sussegwentement tat lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur tagħha. TV2 A/S sostniet li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-imsemmija premessa, TV2 ma kinitx benefiċjarja tad-dħul mid-dritt tal-liċenzji li ġej mid-dħul tal-liċenzji li kienet tat lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha. TV2 kienet, fil-fatt, aġixxiet bħala “kanal ta’ ħlas” meta ttrasferiet somom ta’ flus tal-Fond TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali.

109    Fid-difiża tagħha ppreżentata fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni sostniet li TV2 A/S kienet b’mod żbaljat interpretat il-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, sostniet li TV2 ma kinitx il-benefiċjarja tal-fondi ttrasferiti lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha u, b’hekk, aċċettat il-motiv imressaq fil-kawża iċċitata iktar ʼil fuq minn TV2 A/S. Skont il-Kummissjoni, dan ikun temm it-tilwima fuq dan il-punt.

110    Viasat tbiegħdet mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha ippreżentata fil-Kawża T-674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni. Hija madankollu rrilevat li, meta intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, ma setgħatx tikkontesta l-perspettiva ta’ din tal-aħħar. Hija ma setgħetx titlob lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-fondi ttrasferiti minn TV2 lill-istazzjonijiet reġjonali tagħha, peress li, wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, TV2 A/S talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad it-tielet motiv tagħha bħala mingħajr suġġett. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għażlet li tippreżenta l-argumenti tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża.

111    Fil-mertu, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat, fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata li l-fondi allokati minn TV2 fl-istazzjonijiet reġjonali tagħha ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Hija tafferma li TV2 ma kinitx sempliċi intermedjarja li permezz tagħha riżorsi tal-Istat kienu diretti lejn l-istazzjonijiet reġjonali, iżda benefiċjarja effettiva ta’ dawn ir-riżorsi.

112    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors promotur għandu jindika s-suġġett tat-tilwima u għandu jkollu assunt tal-motivi mressqa u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sa kemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

113    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li ma jistax jitqies bħala motiv ibbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li tqajmu matul il-proċedura bil-miktub, motiv ibbażat fuq allegata illegalità li setgħet tkun magħrufa u li seta’ jitqajjem sa mill-introduzzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, Ġabra, EU:C:1982:322, punt 25, u tat-2 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, T‑70/05, Ġabra, EU:T:2010:55, punt 120).

114    F’din il-kawża, għandu, qabel kollox, jiġi kkonstatat li, fir-rikors, ir-rikorrenti ma tressqet ebda motiv dwar il-klassifikazzjoni, jew l-assenza ta’ klassifikazzjoni, ta’ għajnuna mill-Istat ta’ fondi allokati lil TV2 u ttrasferiti minnha lil dawn l-istazzjonijiet reġjonali. Għaldaqstant, dan il-motiv ma jistax jitqies bħala l-amplifikazzjoni ta’ motiv imressaq fir-rikors, iżda jikkostitwixxi motiv ġdid, invokat fil-mori tal-proċeduri. L-ammissibbiltà tiegħu tiddependi, għaldaqstant, mill-eżistenza ta’ eventwali punti ta’ liġi jew ta’ fatt irrivelati matul il-proċeduri.

115    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li huma d-dikjarazzjonijiet dwar l-għajnuna inkwistjoni, li jinsabu fid-difiża tal-Kummissjoni fil-Kawża T‑674/11, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, li jikkostitwixxu element li ġie rrivelat matul il-proċedura.

116    Issa, permezz ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tippreżenta l-perspettiva tagħha stess dwar l-interpretazzjoni tal-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-premessa kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi kienu magħrufa lir-rikorrenti waqt il-preżentata tar-rikors promotur. Għaldaqstant, dan il-motiv, ippreżentat fil-mori tal-proċeduri, mingħajr ma l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali produzzjoni, kif previsti fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ikunu ssodisfatti, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

117    Peress li l-motivi tar-rikors kollha ġew miċħuda, għandu jiġi konkluż li, sakemm dan ir-rikors iżomm is-suġġett tiegħu (ara l-punt 45 iktar ʼil fuq), għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

118    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

119    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

120    Minħabba l-fatt li TV2 A/S ma talbitx formalment għall-kundanna tar-rikorrenti li jbati l-ispejjeż tal-intervent, hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, sa fejn huwa ntiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark, sa fejn il-Kummissjoni qieset li d-dħul mir-reklamar għall-1995 u 1996 mogħti lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Viasat Broadcasting UK Ltd għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

4)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

5)      TV2/Danmark A/S għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gratsias

Forwood

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Settembru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.