Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Settembru 2010 - Fulmen vs Il-Kunsill

(Kawża T-439/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Fulmen (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: A. Kronshagen, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-paragrafu 11 tat-Taqsima I B tal-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi kontra l-Iran, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament ta' implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 li jimplementa l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 1, kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK 2, dwar l-adozzjoni ta' miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari sa fejn ir-rikorrenti hija inkluża fil-lista ta' persuni ġuridiċi u naturali, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom huma ffriżati skont din id-dispożizzjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tgħid li d-Deċiżjoni kkontestata tal-Kunsill għandha tiġi annullata, peress li l-ebda deċiżjoni rilevanti ta' awtorità kompetenti ma tiġġustifika, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista tal-organizzazzjonijiet marbuta mal-programm nukleari u balistiku tal-Iran.

Ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tal-garanziji proċedurali peress li d-drittijiet tagħha ta' difiża u għal smigħ xieraq inkisru, inkwantu:

il-Kunsill ma motivax id-deċiżjoni tiegħu li jinkludi l-isem tar-rikorrent fuq il-lista inkwistjoni b'mod suffiċjenti;

qabel ma ngħatat id-deċiżjoni tal-Kunsill ma ġewx ikkomunikati l-provi kontra r-rikorrenti; u

ir-rikorrenti ma tqegħditx f'pożizzjoni li ssostni effettivament il-perspettiva tagħha dwar dawn il-provi.

____________

1 - Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010, tas-26 ta' Lulju 2010, li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 195, p. 25).

2 - Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK, ĠU 2010 L 195, p. 39.