Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija) fit-12 ta’ April 2021 – IA

(Kawża C-231/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: IA

Konvenut: Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl

Domandi preliminari

Priġunerija fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida 1 għandha tinkludi wkoll it-tqegħid tal-persuna kkonċernata fid-dipartiment psikjatriku ta’ sptar kontra jew mingħajr ir-rieda tiegħu (f’dan il-każ minħabba riskju għalih innifsu u għal oħrajn li jirriżulta mill-marda mentali tiegħu), li ġie ddikjarat permissibbli minn qorti?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

a)    Fil-każ ta’ priġunerija mill-Istat Membru li jagħmel it-talba, it-terminu stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jista’ fi kwalunkwe każ jiġi estiż għal sena, b’effett vinkolanti għall-persuna kkonċernata?

b)    Jekk le, sa liema perijodu ta’ żmien hija permessa estensjoni, pereżempju biss għal

aa)    dak il-perijodu li l-priġunerija effettivament damet, jew

bb)    dak il-perijodu totali ta’ priġunerija li mistenni jdum b’kollox, ibbażat fuq id-data li fiha l-Istat Membru kompetenti ġie informat skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz 2 ,

possibbilment flimkien ma’ limitu ta’ żmien raġonevoli għar-riorganizzazzjoni tat-trasferiment?

____________

1     ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19 Vol. 6, p. 200.