Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-555/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1(3), (4), (6) u (7), u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 1 ;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2020/1057 ma jistgħux jiġu sseparati mill-kumplament ta’ din id-direttiva mingħajr ma tiġi emendata l-essenza tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li din id-direttiva tiġi annullata fl-intier tagħha.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-annullament tal-Artikolu 1(3), (4), (6) u (7), u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2020/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli speċifiċi rigward id-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva 2014/67/UE għall-istazzjonar tax-xufiera fis-settur tat-trasport bit-triq u li temenda d-Direttiva 2006/22/KE fir-rigward ta’ rekwiżiti tal-infurzar u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012, u titlob ukoll biex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva (UE) 2020/1057 ma jistgħux jiġu sseparati mill-kumplament ta’ din id-direttiva mingħajr ma tiġi emendata l-essenza tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li d-Direttiva (UE) 2020/1057 tiġi annullata fl-intier tagħha.

Fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(3), (4), (6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2020/1057, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-motivi segwenti:

il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), minħabba stabbiliment ta’ kriterji mhux xierqa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71/KE u tad-Direttiva 2014/67/UE għall-operaturi tat-trasport;

2)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 91(2) TFUE, minħabba adozzjoni ta’ miżuri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-effett tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja u l-livell ta’ impjieg f’ċerti reġjuni, kif ukoll fuq il-funzjonament tal-infrustruttura tat-trasport;

3)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 94 TFUE minħabba adozzjoni ta’ miżuri mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi;

4)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent.

Fil-konfront tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2020/1057, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka motivi bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TFUE), tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-Artikolu 94 TFUE minħabba l-iffissar ta’ perijodu qasir wisq għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

Ir-Repubblika tal-Polonja b’mod partikolari ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fid-dawl tal-adozzjoni ta’ kriterji mhux xierqa li jiddeterminaw għal liema xufiera għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 96/71/KE u 2014/67/UE, ġew imposti obbligi eċċessivi fuq it-trasportaturi, liema obbligi ser ikollhom effett negattiv mhux biss fuq is-sitwazzjoni ta’ impriżi individwali u fuq is-suq tas-servizzi tat-trasport, iżda wkoll fuq l-ambjent. L-effetti negattivi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ser jinħassu b’mod partikolari minn impriżi li ġejjin minn pajjiżi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, is-soluzzjonijiet adottati ma humiex iġġustifikati oġġettivament fid-dawl tas-sitwazzjoni tax-xufiera. Huma lanqas ma jirriflettu n-natura speċifika tas-servizzi rregolati.

____________

1 ĠU 2020, L 249, p. 49.