Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Diċembru 2011 - European Dynamics Belgium et vs L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

(Kawża T-638/11)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: European Dynamics Belgium SA (Brussell, il-Belġju), European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu), Evropaïki Dynamiki-Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai TilEMAtikis AE (Ateni, il-Greċja), European Dynamics UK Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentant: V. Christianos, avukat)

Konvenut: L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni Nru EMA/787935/2011 tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (iktar 'il quddiem l-"EMA"), innotifikata lir-rikorrenti fit-3 ta' Ottubru 2011, li permezz tagħha l-EMA irrifjutat l-offerta mressqa minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni;

tannulla d-Deċiżjoni Nru EMA/882467/2011 tad-direttur eżekuttiv li jaġixxi f'isem l-EMA, tad-9 ta' Novembru 2011, li tiċħad it-talba tar-rikorrenti li jiġu informati bil-kompożizzjoni tal-kumitat ta' evalwazzjoni;

tikkundanna lill-EMA għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti jridu jiksbu l-annullament tal-atti segwenti: fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Nru EMA/787935/2011 tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, innotifikata lir-rikorrenti fit-3 ta' Ottubru 2011, li permezz tagħha l-EMA rrifjutat l-offerta mressqa minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tas-sejħa għal offerti bil-miftuħ EMA/2011/05/DV u, fit-tieni lok, id-Deċiżjoni Nru EMA/882467/2011 tad-direttur eżekuttiv li jaġixxi f'isem l-EMA, tad-9 ta' Novembru 2011, li permezz tagħha l-EMA ċaħdet it-talba konfermattiva tar-rikorrenti għall-aċċess għad-dokumenti tas-sejħa għal offerti relatati mal-kompożizzjoni tal-kumitat ta' evalwazzjoni.

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata minħabba ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u, b'mod partikolari, minħabba nuqqas jew insuffiċjenza ta' motivazzjoni kif ukoll minħabba nuqqas assolut ta' motivazzjoni peress li a) l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma kinitx tinkludi u għadha ma tinkludix motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-motivi għal rifjut tal-offerta tagħhom u, f'kull każ, il-motivazzjoni hija vvizjata. B'mod partikolari, ir-rikorrenti josservaw li l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma tikkummentax dwar il-punti li fuqhom l-offerta tagħhom kienet inqas vantaġġuża kif ukoll fuq il-punti li fuqhom l-offerti tal-offerenti l-oħra kienu aħjar; b) l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma kinitx tinkludi u għadha ma tinkludix motivazzjoni fir-rigward tal-formola matematika (algorithm) użata sabiex jinkisbu l-marki preċiżi (sat-tieni punt deċimali) attribwiti lir-rikorrenti; ċ) l-ewwel deċiżjoni kkontestata ma kinitx tinkludi u għadha ma tinkludix motivazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn l-offerta finanzjarja mressqa minn wieħed mill-offerenti ma ġietx ikkunsidrata bħala anormalment baxxa.

Ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, b'mod konformi mal-Artikolu 263 TFUE, minħabba li din tikser regola tad-dritt tal-Unjoni u b'mod iktar preċiż ir-Regolament Nru 1049/2001, kif ippreċiżat mid-dispożizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' dan ir-regolament lill-EMA, peress li l-EMA ċaħdet it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għall-ismijiet u d-dettalji tal-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni tas-sejħa għal offerti inkwistjoni.

____________