Language of document : ECLI:EU:T:2014:1076

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2014 (*

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw miċ-Ċina — Eżami mill-ġdid — Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru°1225/2009 — Drittijiet tad-difiża — Żball ta’ fatt — żball manifest ta’ evalwazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑643/11,

Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd, stabbilita fi Suzhou (Iċ-Ċina),

Crown Gabelstapler GmbH & Co. KG, stabbilita f’Roding (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn K. Neuhaus, H.-J. Freund u B. Ecker, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit inizjalment minn G. Berrisch u A. Polcyn, sussegwentement minn Polcyn u D. Geradin, avocats,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.-F. Brakeland, M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, tal-10 ta’ Ottubru 2011, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali [tagħhom] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali [tagħhom] mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 268, p. 1), safejn dan ir-regolament jaffettwa lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Prek, President, I. Labucka u V. Kreuschitz (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

 Id-dritt

 1. 1. Fuq l-ammissibbiltà

[omissis]

 2. 2. Fuq il-mertu

35      F’din il-kawża, ir-rikorrenti jressqu tliet motivi. Fl-ewwel motiv, ir-rikorrenti jqisu li d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, id-drittijiet tagħhom tad-difiża u d-dritt tagħhom għal smigħ ġew miksura. Fit-tieni motiv, huma jqisu li l-Kunsill wettaq żbalji fattwali fil-premessi 58 u 60 tar-regolament ikkontestat. Fl-aħħar, fit-tielet motiv, ir-rikorrenti jqisu li l-premessi li kien jeżisti preġudizzju kif ukoll rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma allegatament suġġetti għal dumping u l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tal-preġudizzju jekk jitħassru l-miżuri antidumping, huma bbażati fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

36      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, id-drittijiet tagħhom tad-difiża u d-dritt tagħhom għal smigħ ġew miksura peress li l-Kunsill injora arbitrarjament l-evalwazzjoni tagħhom tal-preġudizzju matul il-perijodu ta’ bejn l-2007 u l-2009 li huma esponew fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2011. Dan in-nuqqas huwa mmanifestat mill-fatt li, fil-premessa 60 tar-regolament kkontestat, huwa indikat, b’mod żbaljat fl-opinjoni tar-rikorrenti, li huma eżaminaw l-evoluzzjoni tal-preġudizzju matul il-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-PIR. Skont ir-rikorrenti, id-dritt tagħhom li jesprimu l-opinjoni tagħhom ma jistax jiġi limitat għal sempliċi dritt li jingħataw l-opportunità li jifformulaw l-osservazzjonijiet, iżda jimponi fuq il-Kunsill l-obbligu li jieħu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ it-teżijiet mressqa minnhom fl-ittra tal-25 ta’ Lulju 2011. Konsegwentement, in-nuqqas mill-Kunsill, li jeżamina l-imsemmija ittra jikser mhux biss id-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, iżda wkoll it-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

37      Il-Kunsill jikkontesta li kiser id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti jew it-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

38      Sa fejn ir-rikorrenti jallegaw ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża u tad-dritt tagħhom għal smigħ, jeħtieġ li jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li d-dritt għal smigħ jikkostitwixxi parti integrali minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 1992, Il-Pajjiżi l-Baxxi et vs Il-Kummissjoni, C‑48/90 u C‑66/90, Ġabra, EU:C:1992:63, punt 44; tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni, C‑135/92, Ġabra, EU:C:1994:267, punt 39; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C‑32/95 P, Ġabra, EU:C:1996:402, punt 21; tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, Ġabra, EU:C:2012:744, punt 82, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, Ġabra, EU:C:2013:518, punt 98), li japplika għal kull persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C‑349/07, Ġabra, EU:C:2008:746, punt 36).

39      Dan id-dritt fundamentali għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża matul proċedura li tagħti lok għall-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju huwa, barra minn hekk, sanċit espressament fil-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati. Fil-fatt, b’mod partikolari, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali jindika li d-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tiġi adottata fil-konfront tagħha miżura individwali li taffettwaha b’mod mhux favorevoli.

40      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antidumping, ġie deċiż li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u għal smigħ fl-imsemmija proċeduri huwa importanti immens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, Ġabra, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Ir-rispett ta’ dawn jippreżumi li l-impriżi kkonċernati għandhom jitpoġġew f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping u tal-ħsara li tirriżulta minnha (sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 1991, Al-Jubail Fertilizer vs Il-Kunsill, C‑49/88, Ġabra, EU:C:1991:276, punt 17, u tal-11 ta’ Lulju 2013, Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill, T‑459/07, EU:T:2013:369, punt 110).

42      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jurux madankollu li huma ma tpoġġewx f’pożizzjoni li jesprimu tabilħaqq l-opinjonijiet tagħhom fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar il-provi kkunsidrati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni insostenn tat-talba tagħhom intiża sabiex jinżammu d-dazji antidumping. Barra minn dan huma ma jippreżentaw l-ebda element li ma setgħux isostnu jew li ma kellhomx l-okkażjoni li jippreżentaw quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

43      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma ħadux inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tagħhom. Madankollu, dan l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża jew ta’ dritt tagħhom għal smigħ. Fil-fatt, għalkemm ir-rispett tal-imsemmija drittijiet jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jippermettu lir-rikorrenti li jesprimu tabilħaqq l-opinjoni tagħhom, dawn l-imsemmija istituzzjonijiet ma jistgħux jiġu obbligati jaqblu magħhom. In-natura utli tal-preżentata tal-opinjoni tar-rikorrenti tirrikjedi biss li din l-opinjoni setgħet tiġi ppreżentata tempestivament sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tagħha u, bl-attenzjoni rikjesta kollha, jevalwaw ir-rilevanza tagħha għall-kontenut tal-att li jkun previst li jiġi addottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, C‑141/08 P, Ġabra, EU:C:2009:598, punti 97, 98 u 102, u Sopropé, punt 38 iktar ʼil fuq, EU:C:2008:746, punti 49 u 50).

44      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw ksur tad-drittijiet tagħhom tad-difiża jew tad-dritt tagħhom għal smigħ.

45      Sa fejn ir-rikorrenti jallegaw ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq, jeħtieġ li jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni jew il-Kunsill ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1980, van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, EU:C:1980:248, punt 81, u tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra, EU:C:1983:158, punt 7), xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni u l-Kunsill huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni matul il-proċedura amministrattiva, li jinkludu d-dritt għal amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali. B’mod partikolari, huwa dan l-aħħar imsemmi artikolu tal-imsemmija karta, u mhux l-Artikolu 47 tagħha, li jirregola l-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni u l-Kunsill fil-qasam tad-difiża kontra l-importazzjonijiet li huwa s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, Ġabra, EU:C:2013:513, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant hemm lok li l-ilment tar-rikorrenti jinftiehem bħala li jallega ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni adegwat tal-osservazzjonijiet tagħhom ifformulati fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2011. L-imsemmi dritt jippreżumi obbligu ta’ diliġenza li jimponi fuq l-istituzzjoni kompetenti l-obbligu li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra, EU:C:2008:613, punt 56, u tas-16 ta’ Settemebru 2013, ATC et vs Il-Kummissjoni, T‑333/10, Ġabra, EU:T:2013:451, punt 84).

47      F’dan il-każ, il-Kunsill indika fil-premessa 60 tar-regolament ikkontestat:

“Fil-kummenti tiegħu wara l-iżvelar, produttur esportatur Ċiniż qal li ċerti indikaturi inklużi l-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-profittabbiltà, l-użu tal-kapaċità u l-impjieg, fil-fatt ma juru l-ebda żvilupp negattiv għall-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-kumpanija kienet qieset biss l-iżvilupp bejn l-2009 u l-PIR, filwaqt li għall-valutazzjoni tal-ħsara l-iżvilupp ġenerali tal-industrija tal-Unjoni tul il-perjodu meqjus, jiġifieri bejn l-2007 u l-PIR għandu jiġi vvalutat. Kif inhu spjegat fuq (ara l-premessi (43) sa (49)), l-indikaturi kollha tal-ħsara msemmija mill-esportatur Ċiniż, żviluppaw f’direzzjoni negattiva tul il-perjodu meqjus.”

48      Fid-dawl tal-ittra tar-rikorrenti tal-25 ta’ Lulju 2011, huwa minnu li huwa biss matul il-perijodu ta’ bejn l-2009 u l-PIR li r-rikorrenti jallegaw li l-produzzjoni, il-profitabbiltà, l-użu tal-kapaċitajiet u l-użu tal-industrija tal-Unjoni ma kienu juru l-ebda evoluzzjoni negattiva iżda, għall-kuntrarju, kienu juru evoluzzjoni pożittiva.

49      Issa, it-tieni sentenza tal-premessa 60 tar-regolament ikkontestat [“Madankollu, il-kumpanija kienet qieset biss l-iżvilupp bejn l-2009 u l-PIR, filwaqt li għall-valutazzjoni tal-ħsara l-iżvilupp ġenerali tal-industrija tal-Unjoni tul il-perjodu meqjus, jiġifieri bejn l-2007 u l-PIR għandu jiġi vvalutat”] għandha tiġi moqrija u miftiehma fid-dawl tal-ewwel sentenza ta’ din il-premessa. Għalhekk, anki jekk huwa minnu li, fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti invokaw ukoll il-perijodu kkunsidrat, l-evalwazzjoni li ċerti fatturi ma taxw lok għal evoluzzjoni negattiva hija marbuta biss mal-evoluzzjoni ta’ bejn l-2009 u l-PIR.

50      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, ksur tal-obbligu ta’ diliġenza min-naħa tal-istituzzjonijiet fid-dawl tal-evalwazzjoni inkluża fil-premessa 60 tar-regolament ikkontestat.

51      Fl-aħħar, sa fejn ir-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, ksur mill-istituzzjonijiet tal-obbligu ta’ diliġenza u ksur tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku, peress li dawn ma ħadux inkunsiderazzjoni l-elementi l-oħra tal-osservazzjonijiet inklużi fl-ittra tal-25 ta’ Lulju 2011, jeħtieġ li jitfakkar li, skont din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, il-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti kollha u debitament iddokumentati ppreżentati inkonnessjoni mal-kwistjoni dwar jekk it-tħassir tal-miżuri antidumping hijiex jew le ta’ natura li tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew il-ħruġ mill-ġdid tad-dumping u tal-preġudizzju.

52      Għar-raġunijiet riprodotti iktar ʼil fuq, l-istituzzjonijiet ma naqsux milli jieħdu inkunsiderazzjoni fir-regolament ikkontestat l-assenza ta’ evoluzzjoni negattiva, allegata mir-rikorrenti fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2011, tal-produzzjoni, tal-profitabbiltà, tal-użu tal-kapaċitajiet u tal-użu tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-premessa 59 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni l-profitabbiltà, l-produzzjoni, l-volum tal-bejgħ, ir-rata tal-użu tal-kapaċitajiet, il-livell tal-użu u l-profitabbiltà fl-Unjoni bejn l-2007 u l-PIR. Għalhekk, l-istituzzjonijiet ħadu inkunsiderazzjoni l-imsemmija elementi matul il-perijodu kkunsidrat. Sa fejn ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni żbaljata tal-imsemmija elementi fid-dawl tal-osservazzjonijiet tagħhom fl-ittra tagħhom tal-25 ta’ Lulju 2011, għandu jiġi kkonstatat li din il-konstatazzjoni hija marbuta mal-fondatezza tal-evalwazzjoni inkluża fir-regolament ikkontestat, li hija s-suġġett tat-tielet motiv, u, konsegwentement, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-legalità esterna tal-imsemmi regolament. Isegwi li l-ilment tar-rikorrenti li l-istituzzjonijiet kisru l-obbligu ta’ diliġenza tagħhom u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku peress li ma ħadux debitament inkunsiderazzjoni l-elementi tal-osservazzjonijiet tagħhom inklużi fl-ittra tal-25 ta’ Lulju 2011 għandu jiġi miċħud.

53      Għar-raġunijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li jiġi miċħud l-ewwel motiv tar-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt

 Introduzzjoni

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

[omissis]

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

[omissis]

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

[omissis]

 Konklużjoni

[omissis]

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti tal-evalwazzjoni

 Introduzzjoni

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

 – – Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 3(2), (6) u (7) tar-regolament bażiku

[omissis]

 – – Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

[omissis]

 – – Konklużjoni

[omissis]

 Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

 – – Introduzzjoni

[omissis]

 – – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessi 58 u 59 tar-regolament ikkontestat

[omissis]

 – – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat

[omissis]

 – – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat

[omissis]

 – – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat 

[omissis]

 – – Konklużjoni

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

Tiddikjara u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Crown Equipment (Suzhou) Co. Ltd u Crown Gabelstapler GmbH & Co. KG għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż proprji tagħhom, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kunsill għandu jbati wieħed minn ħamsa tal-ispejjeż proprji tiegħu.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

Prek

Labucka

Kreuschitz

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2014.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. 1. Fuq l-ammissibbiltà

2. 2. Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ fatt

Introduzzjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv

Konklużjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti tal-evalwazzjoni

Introduzzjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

– – Fuq l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 11(2) u tal-Artikolu 3(2), (6) u (7) tar-regolament bażiku

– – Fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

– – Konklużjoni

Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

– – Introduzzjoni

– – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessi 58 u 59 tar-regolament ikkontestat

– – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 61 tar-regolament ikkontestat

– – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 62 tar-regolament ikkontestat

– – Fuq l-evalwazzjonijiet inklużi fil-premessa 64 tar-regolament ikkontestat

– – Konklużjoni

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.