Language of document : ECLI:EU:C:2022:394

Kawża C600/19

MA

vs

Ibercaja Banco SA

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Audiencia Provincial de Zaragoza)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Mejju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Prinċipju ta’ ekwivalenza – Prinċipju ta’ effettività – Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Natura inġusta tal-klawżola li tistabbilixxi r-rata nominali tal-interessi moratorji u tal-klawżola ta’ eżiġibbiltà antiċipata li tinsab fil-kuntratt ta’ self – Awtorità ta’ res judicata u dekadenza – Telf tal-possibbiltà li tiġi invokata n-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt quddiem qorti – Setgħa ta’ stħarriġ ex officio tal-qorti nazzjonali”

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Assenza tal-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew ta’ proċedura sussegwenti – Effeti tal-awtorità ta’ res judicata u ta’ dekadenza – Eżami ex officio tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli matul il-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Assenza ta’ riferiment espliċitu u ta’ motivazzjoni ta’ dan l-eżami – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

(ara l-punti 37 sa 39, 41, 42, 47 sa 52, u d-dispożittiv 1)

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13 – Proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka – Assenza tal-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt wara l-finalizzazzjoni ta’ din il-proċedura u l-bejgħ tal-beni lil terz – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Possibbiltà għall-konsumatur ikkonċernat li jinvoka n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli fi proċedura sussegwenti u li jikseb kumpens għad-dannu kkawżat bl-applikazzjoni tagħhom

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 6(1) u 7(1))

(ara l-punti 55 sa 59, u d-dispożittiv 2)


Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’ħames talbiet għal deċiżjonijiet preliminari, imressqa rispettivament minn qrati Spanjoli (Ibercaja Banco, C‑600/19, u Unicaja Banco, C‑869/19), Taljani (SPV Project 1503, C‑693/19 u C‑831/19) u Rumeni (Impuls Leasing România, C‑725/19), li kollha jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti (1).

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ natura differenti. Għalhekk, it-talba fil-kawża Ibercaja Banco tikkonċerna l-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka li fiha l-konsumatur ma ressaq ebda oppożizzjoni u fejn id-dritt ta’ proprjetà fuq il-proprjetà ipotekata diġà ġie ttrasferit lil terz. Fil-kawża Unicaja Banco, it-talba tressqet fi proċedura ta’ appell miftuħa wara s-sentenza Gutiérrez Naranjo et (2). Min-naħa tagħhom it-talbiet fil-kawżi magħquda SPV Project 1503 jikkonċernaw il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni forzata bbażati fuq titoli eżekuttivi li kisbu l-awtorità ta’ res judicata. Fl-aħħar, it-talba fil-kawża Impuls Leasing România tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mwettqa abbażi ta’ kuntratt ta’ leasing li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

Permezz tal-erba’ sentenzi tagħha mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-obbligu u s-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali skont id-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti. F’dan ir-rigward, hija tagħmel preċiżazzjonijiet dwar l-interazzjoni bejn il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u d-dekadenza, minn naħa, u l-istħarriġ ġudizzjarju tal-klawżoli inġusti, min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-portata ta’ dan l-istħarriġ fil-kuntest ta’ proċeduri mħaffa ta’ rkupru ta’ djun ta’ konsumaturi kif ukoll dwar ir-rabta bejn ċerti prinċipji proċedurali stabbiliti mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-appell u s-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali.

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża r-rabta bejn il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata u s-setgħa tal-qorti tal-eżekuzzjoni li teżamina ex officio, fil-kuntest ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi ta’ din l-ordni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti (3) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, meta ordni ta’ ħlas ma tkunx is-suġġett ta’ oppożizzjoni mressqa mid-debitur, il-qorti tal-eżekuzzjoni ma tistax tistħarreġ l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli li jikkostitwixxu l-bażi ta’ din l-ordni, għar-raġuni li l-awtorità ta’ res judicata tagħha tkopri impliċitament il-validità ta’ dawn il-klawżoli. B’mod iktar partikolari, leġiżlazzjoni li tipprovdi li eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali jitqies li seħħ u li huwa kopert mill-awtorità ta’ res judicata, anki fl-assenza ta’ kull motivazzjoni f’dan is-sens fid-deċiżjoni li tordna l-ordni ta’ ħlas, tista’ xxejjen mis-sustanza tiegħu l-obbligu tal-qorti nazzjonali li twettaq eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli. F’tali każ, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jirrikjedi li l-qorti ta’ eżekuzzjoni tkun tista’ tevalwa, inkluż għall-ewwel darba, in-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li servew bħala bażi għall-ordni. Il-fatt li, fid-data li fiha l-ordni saret definittiva, id-debitur ma kienx jaf li huwa seta’ jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens ta’ din id-direttiva huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq l-interazzjoni bejn il-prinċipju tal-awtorità ta’ res judicata, id-dekadenza u s-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti (4) tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-awtorità ta’ res judicata u d-dekadenza, la tippermetti lill-qorti teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, u lanqas ma tippermetti lill-konsumatur, wara l-iskadenza tat-terminu sabiex jagħmel oppożizzjoni, jinvoka n-natura inġusta tal-imsemmija klawżoli kuntrattwali f’din il-proċedura jew fi proċedura dikjaratorja sussegwenti. Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva hija applikabbli meta l-imsemmija klawżoli jkunu diġà ġew suġġetti, fil-mument tal-ftuħ tal-proċedura ta’ infurzar ta’ ipoteka, għal eżami ex officio mingħajr ma dan l-eżami ma jissemma jew jiġi motivat espliċitament fid-deċiżjoni li tawtorizza l-infurzar tal-ipoteka, u mingħajr ma din id-deċiżjoni tindika li tali eżami ma huwiex ser ikun jista’ jiġi kkontestat iktar jekk ma ssirx oppożizzjoni. Fil-fatt, sa fejn ma ġiex informat bl-eżistenza ta’ eżami ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali fid-deċiżjoni li tawtorizza l-infurzar ta’ ipoteka, il-konsumatur ma setax jevalwa b’għarfien sħiħ il-ħtieġa li jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni. Issa, stħarriġ effikaċi tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli kuntrattwali ma jistax jiġi ggarantit jekk l-awtorità ta’ res judicata tkun marbuta wkoll mad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ma jsemmux tali stħarriġ.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, għall-kuntrarju, hija kompatibbli ma’ din l-istess direttiva (5) leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tawtorizzax lil qorti nazzjonali, li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali meta l-garanzija ipotekarja tkun ġiet eżerċitata, il-proprjetà ipotekata tkun inbiegħet u d-drittijiet ta’ proprjetà fir-rigward ta’ dan il-beni jkunu ġew ittrasferiti lil terz. Madankollu, din il-konklużjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-konsumatur li l-proprjetà ipotekata tiegħu nbiegħet ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu matul proċedura sussegwenti bil-għan li jikseb kumpens għad-dannu finanzjarju kkawżat mill-applikazzjoni tal-klawżoli inġusti.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rabta bejn ċerti prinċipji proċedurali nazzjonali li jirregolaw il-proċedura tal-appell, bħalma huma l-prinċipju ta’ delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża mill-partijiet, il-prinċipji ta’ korrelazzjoni bejn it-talbiet ifformulati fil-kuntest tar-rikors u d-deċiżjonijiet li jinsabu fid-dispożittiv u l-prinċipju ta’ projbizzjoni tar-reformatio in peius, u s-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola.

F’dan ir-rigward, hija tqis li d-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti (6) tipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali prinċipji proċedurali nazzjonali, li permezz tagħhom qorti nazzjonali, adita b’appell minn sentenza li tillimita ratione temporis il-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumatur bis-saħħa ta’ klawżola ddikjarata inġusta, ma tkunx tista’ tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni ta’ din id-direttiva u tordna l-ħlas lura totali tal-imsemmija somom, meta l-assenza ta’ kontestazzjoni ta’ din il-limitazzjoni ratione temporis mill-konsumatur ikkonċernat ma tkunx tista’ tiġi imputata lill-passività totali tiegħu. Fir-rigward tal-kawża prinċipali li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-assenza ta’ appell mill-konsumatur ikkonċernat f’terminu xieraq setgħet tiġi imputata għall-fatt li t-terminu tal-appell tiegħu kien diġà skada fil-mument tal-għoti tas-sentenza Gutiérrez Naranjo et, li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisprudenza nazzjonali li tillimita ratione temporis l-effetti restitutorji marbuta mad-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali hija inkompatibbli mal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, il-konsumatur ikkonċernat ma kienx wera passività totali billi ma ppreżentax appell. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni tal-prinċipji proċedurali nazzjonali li jċaħħduh mill-mezzi li jippermettulu jinvoka d-drittijiet tiegħu taħt id-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti tmur kontra l-prinċipju ta’ effettività, sa fejn hija ta’ natura li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

Fir-raba’ u l-aħħar lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq is-setgħa tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli ta’ titolu eżekuttiv meta jkollha quddiemha oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ dan it-titolu.

F’dan ir-rigward, hija tqis li d-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti (7) u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti ta’ eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, adita b’oppożizzjoni għal din l-eżekuzzjoni, tevalwa, ex officio jew fuq talba tal-konsumatur, in-natura inġusta tal-klawżoli ta’ kuntratt li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, meta l-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, li tkun tista’ tiġi adita b’azzjoni distinta tad-dritt ordinarju intiża sabiex tiġi eżaminata n-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt, tista’ tissospendi l-proċedura ta’ eżekuzzjoni sakemm tiddeċiedi fuq il-merti fil-każ biss li titħallas garanzija, pereżempju kkalkolata abbażi tal-valur tas-suġġett tar-rikors, ta’ livell li x’aktarx jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jintroduċi u jżomm tali rikors. Fir-rigward ta’ din il-garanzija, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-ispejjeż li azzjoni legali twassal għalihom meta mqabbla mal-ammont tad-dejn ikkontestat ma għandhomx ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu lill-konsumatur milli jadixxi lill-qorti. Issa, huwa probabbli li debitur inadempjenti ma jkollux ir-riżorsi finanzjarji neċessarji sabiex jikkostitwixxi l-garanzija meħtieġa. Dan japplika iktar u iktar jekk il-valur tas-suġġett tar-rikors ippreżentat jeċċedi sew il-valur totali tal-kuntratt, kif deher li huwa l-każ fir-rikors fil-kawża prinċipali.


1      Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-klawżoli inġusti”).


2      Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980).  F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) li timponi limitazzjoni ratione temporis għall-ħlas lura tas-somom indebitament imħallsa mill-konsumaturi lill-banek abbażi ta’ klawżola inġusta, magħrufa bl-isem ta’ “klawżola bażi”, kienet kuntrarja għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-klawżoli inġusti u li dawn tal-aħħar għalhekk għandhom dritt għall-ħlas lura totali ta’ dawn is-somom skont din id-dispożizzjoni.


3      B’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.


4      Idem.


5      Idem.


6      B’mod partikolari l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.


7      B’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.