Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad - Nesebar (il-Bulgarija) fil-5 ta’ Awwissu 2021 – “S. V.” OOD vs E. Ts. D.

(Kawża C-458/21)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Rayonen sad - Nesebar

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “S. V.” OOD

Konvenut: E. Ts. D.

Domandi preliminari

Persuni fiżiċi li jkunu l-proprjetarji ta’ proprjetà individwali f’binja rregolata minn kondominju għandhom il-kwalità ta’ “konsumatur” (fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur 1 u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 ) fir-rigward tar-relazzjonijiet legali li jidħlu fihom u li jikkonċernaw l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni tal-partijiet komuni ta’ din il-binja?

It-tnissil tal-kwalità ta’ “konsumatur” ta’ persuni fiżiċi li jkunu l-proprjetarji ta’ proprjetà individwali f’binja rregolata minn kondominju jiddependi min-natura tar-relazzjonijiet legali li jidħlu fihom (kuntratt individwali dwar l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni tal-partijiet komuni, kuntratt konkluż taħt l-Artikolu 2 taż-Zakon za upravlenie na etazhnata sobstvenost (il-Liġi dwar il-Kondominju) f’laqgħa ġenerali tal-kondominju)?

Hija konformi mad-Direttiva 2011/83 leġiżlazzjoni li tipprevedi trattament differenti (fir-rigward tal-kwalità ta’ “konsumatur”) għall-istess proprjetarji ta’ proprjetà individwali f’binja rregolata minn kondominju, skont jekk ikunux ikkonkludew kuntratt individwali dwar l-amministrazzjoni u l-manutenzjoni tal-partijiet komuni f’din il-binja jew le (f’liema każ il-laqgħa ġenerali tal-kondominju titqies li hija l-korp rappreżentattiv tagħhom)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

1     ĠU 2011, L 304, p. 64.