Language of document : ECLI:EU:T:2021:206

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

21 ta’ April 2021 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjonijiet ta’ dħul fi, u ta’ tranżitu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea – Lista tal-persuni li huma suġġetti għar-restrizzjonijiet ta’ dħul u ta’ tranżitu mit-territorju tal-Unjoni – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑322/19,

Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi, residenti fi Muskat (Oman), irrappreżentata minn S. Bafadhel, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiż għall-annullament, fl-ewwel lok, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/497 tal‑21 ta’ Marzu 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2017, L 76, p. 25), u tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/374 tal‑5 ta’ Marzu 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2020, L 71, p. 14), sa fejn dawn iżommu isem ir-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal‑31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2015, L 206, p. 34), u, fit-tieni lok, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/489 tal‑21 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament [tal-Kunsill] (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2017, L 76, p. 3), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/371 tal‑5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2020, L 71, p. 5), sa fejn iżommu isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat‑18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 6, p. 10), u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-Kunsill astjena b’mod illegali milli jinnotifika lir-rikorrenti l-atti inkwistjoni fil-mument tal-adozzjoni tagħhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Spielmann, President, U. Öberg u O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi, għandha nazzjonalità Libjana u hija bint l-ex mexxej Libjan, Muammar Kadhafi.

2        Fis‑26 ta’ Frar 2011, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“il-Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 1970 (2011), li tistabbilixxi miżuri restrittivi fil-konfront tal-Libja u fil-konfront ta’ persuni u entitajiet li pparteċipaw fit-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni, inkluż f’attakki, bi ksur tad-dritt internazzjonali, kontra popolazzjonijiet jew faċilitajiet ċivili.

3        Fit‑28 ta’ Frar u fit‑2 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, rispettivament, id-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 53, rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31), u r-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU 2011, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 87, p. 31) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal-2011”).

4        L-Artikolu 5(1)(a) tad-Deċiżjoni 2011/137 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fi, jew it-transitu mit-territorji tagħhom tal-persuni msemmija fir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) jew indikati skont din tal-aħħar, li isimhom jidher fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

5        L-Artikolu 6(1)(a) tad-Deċiżjoni 2011/137 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 204/2011, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar, jipprovdu, essenzjalment, li għandhom jiġu ffriżati l-fondi, assi finanzjarji oħra u r-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil, li huma miżmuma minn jew taħt il-kontroll dirett jew indirett tal-persuni indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà maħluq bis-saħħa tal-paragrafu 24 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tas-Sanzjonijiet”), skont il-punt 22 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), li isimhom jidher fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni u fl-Anness II ta’ dan ir-regolament rispettivament.

6        Ir-rikorrenti tagħmel parti mill-persuni kkonċernati mir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) u inklużi, konsegwentement, fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 204/2011, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u l-motivazzjoni li ġejja:

“Qadhafi, Aisha Muammar [.] Data tat-twelid: 1978. Post tat-twelid: Tripli, il-Libja. Bint Muammar QADHAFI. Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim. Data tal-indikazzjoni tan-NU: 26 [ta’ Frar] 2011.”

7        Fis‑17 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill adotta r-Riżoluzzjoni 1973(2011), li stabbilixxiet miżuri restrittivi ġodda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja. Fit‑22 ta’ Jannar 2013, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 50/2013 li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU 2013, L 20, p. 29) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/45/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU 2013, L 20, p. 60), li emendaw l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni li tikkonċerna lir-rikorrenti li tinsab fl-atti tal-2011 sabiex jiġi speċifikat li din tal-aħħar kienet preżunta li tinsab fl-Alġerija.

8        Fit‑23 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill adotta, rispettivament, id-Deċiżjoni 2014/380/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2011/137 (ĠU 2014, L 183, p. 52), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 689/2014, li jimplimenta l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 204/2011 (ĠU 2014, L 183, p. 1) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal-2014”). L-emendi magħmula permezz ta’ dawn l-atti ma kinux jikkonċernaw lir-rikorrenti, li isimha għalhekk inżamm fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 204/2011, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-inklużjoni ta’ isimha f’dawn il-listi ġiet emendata meta mqabbla ma’ dik li tinsab fl-atti tal-2011.

9        Fis‑27 ta’ Awwissu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 2174 (2014), li kkundannat il-ġlied li kien għaddej bejn gruppi armati u l-inċitament għall-vjolenza fil-Libja u li introduċiet miżuri restrittivi ġodda fil-konfront ta’ persuni u entitajiet li kienu jwettqu, jew kienu jagħtu sostenn, lil atti li kienu jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà fil-Libja, jew li kienu jostakolaw jew jikkompromettu t-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tagħha.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors, irreġistrat bin-numru T‑681/14, intiż għall-annullament tal-atti tal-2014 sa fejn dawn iżommu isem ir-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 204/2011.

11      Fit‑18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill bagħat ittra lir-rappreżentanti tar-rikorrenti li fiha kien jindika li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet kien informa lis-servizzi kompetenti tal-Unjoni Ewropea li r-rikorrenti ma kinitx osservat il-projbizzjoni tagħha li tivvjaġġa, u b’hekk kisret id-dispożizzjonijiet tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011).

12      Fis‑27 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 2213 (2015), li, b’mod partikolari, ġabet ċerti emendi għall-kriterji għall-inklużjoni fil-listi.

13      Fl‑4 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill bagħat ittra lir-rappreżentanti tar-rikorrenti, akkumpanjata minn sensiela ta’ dokumenti (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015”). Fiha l-Kunsill irrileva li, fl-2011 u fl-2013, ir-rikorrenti kienet għamlet pubblikament dikjarazzjonijiet li kienu jseħju sabiex l-awtoritajiet Libjani stabbiliti wara l-waqgħa tar-reġim stabbilit minn missierha jiġu mġarrfa u sabiex titwettaq vendetta għall-mewt ta’ dan tal-aħħar.

14      Fis‑26 ta’ Mejju 2015, il-Kunsill adotta, rispettivament, id-Deċiżjoni 2015/818/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2011/137 (ĠU 2015, L 129, p. 13), u r-Regolament (UE) 2015/813, li jemenda r-Regolament Nru 204/2011 (ĠU 2015, L 129, p. 1), bil-għan, b’mod partikolari, li jiġu estiżi l-kriterji ta’ indikazzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi stabbiliti fl-atti tal-2011.

15      Sussegwentement, il-Kunsill wettaq eżami mill-ġdid sħiħ tal-listi ta’ ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet li jinsabu fl-Annessi II u IV tal-atti tal-2011.

16      Dan l-eżami mill-ġdid intemm bl-adozzjoni, fil‑31 ta’ Lulju 2015, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1333/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137 (ĠU 2015, L 206, p. 34), u, fit‑18 ta’ Jannar 2016, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament Nru 204/2011 (ĠU 2016, L 12, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 6, p. 10).

17      L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni 2015/1333 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni indikati u soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 22 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), il-paragrafu 23 tar-Riżoluzzjoni 1973 (2011), il-paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni 2174 (2014) u l-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 2213 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li isimhom jidher fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni.

18      L-Artikolu 9(1) tad-Deċiżjoni 2015/1333 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament 2016/44, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan tal-aħħar, essenzjalment jipprevedu li l-fondi, l-assi finanzjarji l-oħra u r-riżorsi ekonomiċi, li huma l-proprjetà ta’, fil-pussess ta’, miżmuma minn, jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn persuni indikati u suġġetti għal iffriżar tal-assi mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 22 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), mal-paragrafi 19, 22 jew 23 tar-Riżoluzzjoni 1973 (2011), mal-paragrafu 4 tar-Riżoluzzjoni 2174 (2014) u mal-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 2213 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà, li isimhom jidher fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni u fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu ffriżati.

19      Ir-rikorrenti ġiet inkluża fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2015/1333 u fl-Anness II tar-Regolament 2016/44 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”), flimkien mal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u l-motivazzjoni li ġejja:

“ [...] AISHA MUAMMAR MUHAMMED ABU MINYAR QADHAFI [...] Data tat-Twelid: 1978 [.] Post tat-Twelid: Tripli, il-Libja. Psewdonimu affidabbli: Aisha Muhammed Abdul Salam [...] Indirizz: Is-Sultanat tal-Oman (Status/Post preżunt: Is-Sultanat tal-Oman) [.] Elenkat fi: 26 ta’ Frar 2011[.] Informazzjoni oħra: Elenkat skont il-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 [(2011)] (Projbizzjoni fuq Vjaġġar, Iffriżar tal-Assi). Informazzjoni addizzjonali Assoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim. Ivvjaġġat bi ksur tal-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni 1970 [(2011)], kif deskritt mill-Bord ta’ Esperti dwar il-Libja fir-Rapport Interim tiegħu tal-2013.”

20      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2016 indirizzata lill-Kunsill mill-avukata tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2016”), din informat lill-Kunsill li, wara l-mewt tal-avukat preċedenti tagħha, ir-rikorrenti kienet indikat li hija xtaqet tkompli tiġi rrappreżentata minnha u minn wieħed mill-kollegi tagħha, u dan ġie kkonfermat mill-mandat li hija annettiet ma’ din l-ittra, u li, konsegwentement, kull korrispondenza kellha issa tiġi indirizzata lilha.

21      Fil‑21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (PESK) 2017/497, li timplimenta d-Deċiżjoni 2015/1333 (ĠU 2017, L 76, p. 25), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/489, li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament 2016/44 (ĠU 2017, L 76, p. 3). (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal-2017”), li jemendaw il-listi kontenzjużi, sabiex jieħu kont tal-informazzjoni aġġornata pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

22      Iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi ġiet akkumpanjata mill-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u mill-motivazzjoni segwenti:

“AISHA [...] MUAMMAR MUHAMMED [...] ABU MINYAR [...] QADHAFI [...] Data tat-Twelid: 1978 [.] Post tat-Twelid: Tripli, il-Libja[.] Psewdonimu affidabbli: Aisha Muhammed Abdul Salam [...] Indirizz: is-Saltna tal-Oman (Status/post preżunt: is-Saltna tal-Oman)[.] Elenkata fi: 26 ta’ Frar 2011 (emendata fil-11 ta’ Novembru 2016, 26 ta’ Settembru 2014, 21 ta’ Marzu 2013, 2 ta’ April 2012)[.] Informazzjoni oħra: Elenkat skont il-paragrafi 15 u 17 tar-riżoluzzjoni 1970[(2011)] (Projbizzjoni fuq l-Ivvjaġġar, Iffriżar tal-Assi). Link għas-sit [tal-Internet] tal-Avviż Speċjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU-INTERPOL: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/5525815”.

23      Permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), li saret definittiva fl-assenza ta’ appell, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li ddeċidiet fuq ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kontra l-atti tal-2014 (ara l-punt 10 iktar ’il fuq), qieset li l-kundizzjoni li l-Kunsill kien obbligat li jgħarraf lir-rikorrenti bir-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom huwa kien jikkunsidra li l-miżuri restrittivi kellhom jinżammu fir-rigward tagħha ma kinitx issodisfatta f’dan il-każ. Minn naħa, hija kkonstatat li l-atti tal-2014 kienu jinkludu biss indikazzjonijiet li jikkorrispondu għall-motivi tal-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kkonċernati, annessi mal-atti tal-2011, u qieset li dawn il-motivi kienu insuffiċjenti sabiex jiġġustifikaw iż-żamma tagħha f’dawn il-listi peress li l-kuntest kien sostanzjalment differenti; min-naħa l-oħra, hija qieset li l-motivi addizzjonali mressqa mill-Kunsill kienu manifestament irrilevanti sa fejn ma kinux jinsabu fost il-motivi li abbażi tagħhom kienu ġew adottati l-atti tal-2014 u li dawn kienu tressqu għall-attenzjoni tal-Kunsill wara d-data tal-adozzjoni tagħhom. Għaldaqstant, hija annullat l-imsemmija atti sa fejn dawn kienu jżommu isem ir-rikorrenti fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2011/137 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 204/2011.

24      Fil‑5 ta’ Frar 2019, l-avukata tar-rikorrenti kkuntattjat lill-Kunsill sabiex ittenni t-talba tagħha li jinnotifikaha bil-korrispondenza kollha li tikkonċerna lir-rikorrenti kif ukoll id-deċiżjonijiet u r-regolamenti adottati kontra din tal-aħħar.

25      Fil‑25 ta’ Marzu 2019, permezz ta’ ittra mibgħuta mill-Kunsill lill-avukata tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑25 ta’ Marzu 2019”), il-Kunsill informaha li huwa kien adotta l-atti tal-2017 abbażi tal-informazzjoni aġġornata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, b’tali mod li isem ir-rikorrenti kien inżamm fil-listi kontenzjużi.

 Fatti li seħħew wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors

26      Fil‑11 ta’ Frar 2020, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-Riżoluzzjoni 2509 (2020), li fiha afferma mill-ġdid in-neċessità għall-Istati li jadottaw miżuri ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tagħhom jew ta’ tranżitu minnu kontra l-persuni kollha indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, skont, b’mod partikolari, il-paragrafi 15 u 16 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), u afferma mill-ġdid li huwa kellu l-intenzjoni jiżgura li l-assi ffriżati skont il-paragrafu 17 ta’ din ir-riżoluzzjoni jitqiegħdu, fi stadju ulterjuri, għad-dispożizzjoni tal-poplu Libjan u użati għall-benefiċċju tiegħu.

27      Fil‑5 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/374, li timplimenta d-Deċiżjoni 2015/1333 (ĠU 2020, L 71, p. 14), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/371, li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament 2016/44 (ĠU 2020, L 71, p. 5). (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti tal-2020”), li permezz tagħhom isem ir-rikorrenti nżamm fil-listi kontenzjużi, u dan mingħajr ma l-motivazzjoni tal-indikazzjoni tagħha nbidlet meta mqabbla ma’ dik tal-atti tal-2017.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

29      Fl‑14 ta’ Awwissu 2019, il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

30      Ir-replika u l-kontroreplika ġew iddepożitati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Ottubru u fit‑28 ta’ Novembru 2019 rispettivament.

31      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla.

32      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti talbet li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali.

33      B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Jannar 2020, il-kawża preżenti ġiet attribwita lil Imħallef Relatur ġdid, wara impediment tal-Imħallef Relatur inizjalment maħtur.

34      Il-Qorti Ġenerali adottat miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li għalihom il-partijiet wieġbu fit-terminu stabbilit.

35      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, adattat ir-rikors b’mod li dan sar intiż mhux biss għall-annullament tal-atti tal-2017 iżda wkoll għal dak tal-atti tal-2020 (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati”), sa fejn dawn jikkonċernawha. Fit‑28 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill iddepożita l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

36      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

37      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2020. Fi tmiem is-seduta, il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet u l-kawża tħalliet għad-deliberazzjoni.

38      Wara l-adattament tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti kkontestati sa fejn isimha nżamm fil-listi kontenzjużi;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

39      Wara l-osservazzjonijiet relatati man-nota ta’ adattament, il-Kunsill essenzjalment jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        iktar sussidjarjament, fil-każ fejn l-atti kkontestati jiġu annullati f’dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, iżżomm l-effetti tad-deċiżjonijiet ikkontestati sal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew, jekk appell ikun ġie ppreżentat f’dak il-perijodu, sa meta jiġi miċħud;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà tal-argumenti li jinsabu fil-punti 3 sa 12 tat-talba sabiex tinżamm seduta u l-irtirar mill-proċess tal-Annessi E.1 sa E.4 mehmuża ma’ din it-talba

40      Waqt is-seduta, il-Kunsill sostna li l-argumenti li jinsabu fil-punti 3 sa 12 tat-talba tar-rikorrenti dwar iż-żamma ta’ seduta u d-dokumenti li jikkostitwixxu l-Annessi E.1 sa E.4 ta’ din it-talba huma inammissibbli, skont l-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura.

41      Ir-rikorrenti ddikjarat li qiegħda tirtira mill-proċess l-imsemmija Annessi E.1 sa E.4, filwaqt li żammet l-argumenti mressqa fil-punti 3 sa 12 tat-talba tagħha għal seduta.

42      Għandu jitfakkar li l-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tinkludi l-ewwel skambju ta’ noti, skont l-Artikoli 76 u 81 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li, skont l-Artikolu 83 ta’ dawn ir-regoli, jista’ jiġi segwit mit-tieni u l-aħħar skambju ta’ noti, meta l-Qorti Ġenerali tqis li dan huwa neċessarju sabiex jiġi kkompletat il-kontenut tal-proċess tal-kawża.

43      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti li jinsabu fil-punti 3 sa 12 tat-talba għal seduta ma jikkostitwixxux motivi li għalihom ir-rikorrenti tixtieq tinstema’. Barra minn hekk, f’dawn il-punti, ir-rikorrenti tiżviluppa argumenti diġà ppreżentati fis-sottomissjonijiet bil-miktub preċedenti tagħha u għandha l-intenzjoni li twieġeb għall-osservazzjonijiet li jinsabu fil-kontroreplika. Għaldaqstant, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-punti 3 sa 12 tat-talba għal seduta u li d-dokumenti li jikkostitwixxu l-Annessi E.1 sa E.4 jiġu rtirati mill-proċess tal-kawża.

 Fuq ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE

 Fuq l-ammissibiltà

44      Mingħajr ma jqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kunsill, fir-risposta u fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament, jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, minħabba tardività.

45      Huwa jsostni li bl-ebda mod ma kien obbligat jinnotifika l-atti kkontestati lir-rikorrenti, sa fejn la d-Deċiżjoni 2015/1333 u lanqas ir-Regolament 2016/44 ma jinkludu xi dispożizzjoni li minnha jirriżulta li huwa għandu jinnotifika, lill-persuni jew lill-entitajiet li jinsabu fil-listi kontenzjużi, l-atti li permezz tagħhom huwa jemenda l-informazzjoni li tikkonċernahom. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-ittra tiegħu tal‑25 ta’ Marzu 2019 hija tweġiba għall-ittra tal-avukata tar-rikorrenti tal‑5 ta’ Frar 2019 u li ma jistax jitqies li kien bis-saħħa ta’ din l-ittra li r-rikorrenti saret taf bl-atti tal-2017, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li ħadet konjizzjoni tal-atti tal-2020 permezz tar-risposta tal-Kunsill għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li ġiet innotifikata lilha permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat‑13 ta’ Lulju 2020. Fil-fatt, it-teħid ta’ konjizzjoni ta’ att minn persuna kkonċernata jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament biss fil-każ fejn dan l-att la jkun ġie ppubblikat u lanqas innotifikat. Issa, f’dan il-każ, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-atti kkontestati beda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li seħħet fit‑22 ta’ Marzu 2017 f’dak li jirrigwarda l-atti tal-2017 u fis‑6 ta’ Marzu 2020 f’dak li jirrigwarda l-atti tal-2020.

46      Waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill ippreċiża li, għalkemm, fil-kuntest ta’ ċerti sistemi ta’ sanzjonijiet, il-Kunsill huwa espliċitament obbligat jinnotifika lill-persuni kkonċernati kull emenda għall-inklużjoni f’lista, b’espożizzjoni tal-motivi, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-reġim ta’ sanzjonijiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja.

47      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha kien jissodisfa l-kriterji ta’ ammissibbiltà previsti fl-Artikolu 263 TFUE, b’mod partikolari dak li jikkonċerna t-terminu għall-preżentata tiegħu. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikors ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Mejju 2019, jiġifieri fit-terminu ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu fiss għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem previst fl-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, min-notifika tal-atti tal-2017 lir-rikorrenti, li saret permezz tal-ittra tal‑25 ta’ Marzu 2019 (ara l-punt 25 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, in-nota ta’ adattament intiża għall-annullament tal-atti tal-2020 ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ xahrejn, miżjud bit-terminu fiss għal raġuni ta’ distanza ta’ għaxart ijiem, minn meta r-rikorrenti saret taf bl-adozzjoni ta’ dawn l-atti, imsemmija fit-tweġiba tal-Kunsill għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, peress li l-imsemmija tweġiba ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat‑13 ta’ Lulju 2020 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

48      Hija ssostni li jeżisti obbligu ta’ notifika għall-Kunsill anki f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet ta’ emenda tad-deċiżjonijiet ta’ inklużjoni, u dan anki meta ma jkunux tressqu motivi ġodda. Ir-rikorrenti ssostni li, kieku l-Kunsill ma kellux l-obbligu li jinnotifikaha l-atti kkontestati, l-uniku mezz li bih hija kienet tkun informata bl-adozzjoni tagħhom kien ikun permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, li kien ikollu l-konsegwenza li l-possibbiltà tagħha li tadixxi lill-Qorti Ġenerali fit-terminu xieraq kien ikun indebitament limitat. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tinjora l-ġurisprudenza li tgħid li ma huwiex liberu li jagħżel b’mod arbitrarju l-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni kkonċernati. Peress li kellu l-indirizz tal-avukata mqabbda mir-rikorrenti, kif turi l-ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2016, li huwa kkonferma li rċieva, l-atti kkontestati kellhom jiġu kkomunikati lilha permezz ta’ dan il-mezz. Tali notifika saret biss fir-rigward tal-atti tal-2017, permezz tal-ittra tal‑25 ta’ Marzu 2019. Barra minn hekk, hija saret taf bl-atti tal-2020, indirettament, permezz tal-ittra tar-Reġistru tat‑13 ta’ Lulju 2020 (ara l-punt 45 iktar ’il fuq). Ir-rikors u n-nota ta’ adattament, fejn din tal-aħħar ġiet ippreżentata konformement mal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ġew għalhekk ippreżentati fit-terminu previst fl-Artikolu 263 TFUE.

49      Qabelxejn, għandu jitfakkar ukoll li, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn minn, skont il-każ, il-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat, in-notifika tiegħu lir-rikorrenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, il-jum li din saret taf bih.

50      Skont l-Artikolu 86(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.

51      Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika li l-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta jew iżżomm miżuri restrittivi individwali fil-konfront ta’ persuna jew ta’ entità, bħal f’dan il-każ, għandha tikkomunika l-motivi li fuqhom ikunu bbażati dawn il-miżuri, jew fil-mument meta jiġu adottati dawn il-miżuri jew, minn tal-inqas, mill-iktar fis possibbli wara l-adozzjoni tagħhom, sabiex dawn il-persuni jew entitajiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ azzjoni legali tagħhom (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Malayeh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Din is-sitwazzjoni tirriżulta min-natura partikolari tal-atti li jimponu miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità, li fl-istess ħin jikkostitwixxu kemm atti ta’ portata ġenerali, sa fejn jipprojbixxu, lil kategorija ta’ destinatarji ddeterminati b’mod ġenerali u astratt, b’mod partikolari, milli jqiegħdu fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tal-persuni u tal-entitajiet li isimhom ikun jinsab fil-listi li jinsabu fl-annessi tagħhom, u kif ukoll sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn il-persuni u ta’ dawn l-entitajiet (ara s-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:T:2013:258, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      F’dan il-każ, issir applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 2015/1333, li fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu rispettivament jipprovdi li “[f]ejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat [tas-Sanzjonijiet] jelenka persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi tali persuna jew entità fl-Anness I jew III [tal-imsemmija deċiżjoni]” u li “[i]l-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu [lil din il-]persuna jew [lil din l-]entità [...], inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ notifika, u jipprovdi lil tali persuna jew entità opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet”.

54      L-Artikolu 21(1) u (3) tar-Regolament 2016/44 għandu dispożizzjonijiet simili.

55      Minn dan jirriżulta li, minkejja li, ċertament, id-dħul fis-seħħ ta’ atti bħall-atti kkontestati jseħħ permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jibda jiddekorri, għal kull waħda mill-imsemmija persuni u entitajiet, sa mid-data tal-komunikazzjoni li għandha ssirilha (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2015, Oil Turbo Compressor vs Il‑Kunsill, T‑552/13, EU:T:2015:805, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, it-terminu għat-tressiq ta’ talba intiża biex tikkontesta jew testendi t-talbiet u l-motivi ta’ att li jżomm dawn il-miżuri jibda jiddekorri biss mid-data tal-komunikazzjoni ta’ dan l-att ġdid lill-persuna jew lill-entità kkonċernata (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Għandu jiġi rrilevat li l-atti tal-2017, bħall-atti tal-2020, huma atti li permezz tagħhom il-Kunsill żamm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Huwa minnu, kif isostni l-Kunsill, li d-Deċiżjoni 2015/1333 u r-Regolament 2016/44, li l-annessi tagħhom jinkludu dawn il-listi, ma jipprevedux l-obbligu espress, fir-rigward tiegħu, li jinnotifika lill-persuni jew lill-entitajiet ikkonċernati l-atti li permezz tagħhom huwa jżomm l-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom fl-imsemmija listi.

57      Madankollu, tali obbligu ta’ notifika jirriżulta mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-Kunsill huwa obbligat jinnotifika kull żamma tal-inklużjoni f’lista b’espożizzjoni tal-motivi lill-persuni kkonċernati, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiddeċiedi dwar din iż-żamma, il-Kunsill ibbażax ruħu fuq elementi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 57).

58      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, l-atti li jżommu l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna fil-listi kontenzjużi ma humiex adottati f’intervalli regolari. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tal-adozzjoni tagħhom li tirriżulta minn dan il-fatt, jekk it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni tagħhom waħedha, minn dan jirriżulta li persuna bħar-rikorrenti jkollha l-oneru li tivverifika kontinwament il-Ġurnal Uffiċjali, li jkun ta’ natura li jostakola l-aċċess tagħha għall-qorti tal-Unjoni.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, il-Kunsill ma jistax validament jallega li t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament kontra l-atti kkontestati previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE beda jiddekorri fir-rigward tar-rikorrenti mid-data tal-pubblikazzjoni rispettiva tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.

60      Sussegwentement, sabiex tiġi stabbilita d-data tal-komunikazzjoni li minnha bdew jiddekorru t-termini li r-rikorrenti kellha tosserva sabiex tikkontesta l-atti kkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu ddefiniti l-modalitajiet li bihom il-Kunsill kien obbligat li jikkomunikalha dawn l-atti.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kunsill ma huwiex liberu li jagħżel il-metodu ta’ komunikazzjoni, lill-persuni kkonċernati, tal-atti li permezz tagħhom huwa jissuġġettahom għal miżuri restrittivi. Fil-fatt, mill-punt 61 tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill (C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258), jirriżulta li komunikazzjoni indiretta ta’ tali atti permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali hija awtorizzata biss fil-każijiet fejn ikun impossibbli għall-Kunsill li jwettaq komunikazzjoni individwali. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Kunsill ikun jista’ faċilment jaħrab mill-obbligu tiegħu ta’ komunikazzjoni individwali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑10 ta’ Ġunju 2016, Pshonka vs Il‑Kunsill, T‑381/14, EU:T:2016:361, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 61 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni 2015/1333 u l-Artikolu 21(3) tar-Regolament 2016/44 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-Kunsill ikollu l-indirizz ta’ persuna suġġetta għal miżuri restrittivi, fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni diretta tal-atti li jinkludu dawn il-miżuri, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors li din il-persuna għandha tosserva sabiex tikkontesta dawn l-atti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jibdiex jiddekorri. Għaldaqstant, huwa biss meta jkun impossibbli li jikkomunika b’mod individwali lill-parti kkonċernata l-atti li permezz tagħhom jiġu adottati jew miżmuma miżuri restrittivi fir-rigward tagħha li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tagħti l-bidu għad-dekorrenza ta’ dan it-terminu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑35/10 u T‑7/11, EU:T:2013:397, punt 59, u tal‑4 ta’ Frar 2014, Syrian Lebanese Commercial Bank vs Il‑Kunsill, T‑174/12 u T‑80/13, EU:T:2014:52, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill jista’ jitqies li ma kienx possibbli għalih li jikkomunika individwalment lil persuna fiżika jew ġuridika jew lil entità att li jinvolvi miżuri restrittivi li jikkonċernawha kemm meta l-indirizz ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità ma jkunx pubbliku u ma jkunx ingħatalu, kif ukoll meta l-komunikazzjoni mibgħuta fl-indirizz li l-Kunsill ikollu ma tasalx, minkejja l-isforzi li għamel, bid-diliġenza kollha meħtieġa, sabiex iwettaq tali komunikazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il‑Kunsill, T‑307/12 u T‑408/13, EU:T:2014:926, punt 61).

64      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, bħala prinċipju, il-Kunsill ma jistax jissodisfa l-obbligu ta’ komunikazzjoni lill-persuna kkonċernata ta’ att li jinkludi miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi jindirizza n-notifika ta’ dan l-att lill-avukati li jirrappreżentawha. In-notifika lir-rappreżentant ta’ rikorrent tiswa bħala notifika lid-destinatarju biss meta tali forma ta’ notifika tkun prevista b’mod espress minn leġiżlazzjoni, meta jkun jeżisti ftehim f’dan is-sens bejn il-partijiet, jew meta l-avukat ikun debitament awtorizzat sabiex jirċievi tali notifika f’isem il-klijent tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill, T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227, punti 31 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, fil‑21 ta’ Marzu 2017, li hija d-data tal-adozzjoni tal-atti tal-2017, bħal fil‑5 ta’ Marzu 2020, li hija d-data tal-adozzjoni tal-atti tal-2020, il-Kunsill kellu, kif ikkonferma waqt is-seduta, l-indirizz tal-avukata tar-rikorrenti u tal-mandat li din tal-aħħar kienet tatha, kif ikkomunikati permezz tal-ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2016, li l-Kunsill ikkonferma li rċieva fl-istess jum. L-imsemmi mandat, iffirmat mir-rikorrenti fit‑12 ta’ Marzu 2015, jispeċifika, b’mod partikolari, li hija awtorizzat lill-avukata tagħha li tirċievi kull informazzjoni, tikkorrispondi u taġixxi f’isimha għal kull kwistjoni relatata mas-sanzjonijiet meħuda fir-rigward tagħha mill-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll għal kull kwistjoni relatata mal-inklużjoni ta’ isimha fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2011/137 u/jew f’kull att ieħor adottat suċċessivament mill-Kunsill.

66      Għaldaqstant iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża huma differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li l-prova tal-eżistenza ta’ mandat ta’ rappreżentanza mogħti mir-rikorrenti lir-rappreżentant tagħha ma kinitx ġiet prodotta, b’tali mod li ma setax jitqies li l-Kunsill kien ikkomunika validament id-deċiżjoni inkwistjoni lir-rikorrenti permezz ta’ notifika lir-rappreżentant tagħha u li, għaldaqstant, it-terminu għall-preżentata tar-rikors kien beda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali.

67      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif ikkonferma l-Kunsill fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, l-atti kkontestati ma kinux is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali għall-attenzjoni tal-persuni msemmija fl-annessi kontenzjużi.

68      Peress li mill-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill kien fl-impossibbiltà li jikkomunika l-atti kkontestati direttament lir-rikorrenti jew lill-avukata debitament awtorizzata, jew li tali komunikazzjoni ma kinitx ser tirnexxi, u fl-assenza ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali dwar iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, il-komunikazzjoni individwali tal-atti tal-2017 lir-rikorrenti seħħet b’mod validu permezz tal-ittra tal‑25 ta’ Marzu 2019, li permezz tagħha l-Kunsill, b’segwitu għall-ittra tal‑5 ta’ Frar 2019 tal-avukata tar-rikorrenti (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), innotifika l-imsemmija atti lil din l-avukata.

69      Fl-aħħar nett, la mill-proċess u lanqas mill-argumentazzjoni tal-Kunsill ma jirriżulta li t-teħid ta’ konjizzjoni effettiva tal-atti kkontestati mir-rikorrenti, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li huwa ta’ natura li jiskatta d-dekorrenza tat-termini għat-tressiq ta’ kawża, seħħ qabel il‑25 ta’ Marzu 2019, li hija d-data li fiha l-Kunsill innotifika l-atti tal-2017 lill-avukata awtorizzata mir-rikorrenti, jew, fir-rigward tal-atti tal-2020, qabel it‑13 ta’ Lulju 2020, li hija d-data tan-notifika tat-tweġiba tal-Kunsill għall-mistoqsijiet magħmula fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 45 iktar ’il fuq).

70      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-komunikazzjoni individwali tal-atti kkontestati għandha titqies li ma saritx validament fil‑25 ta’ Marzu 2019 u fit‑13 ta’ Lulju 2020 rispettivament, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors, f’dan il-każ, ma bediex jiddekorri u għalhekk dan ir-rikors ma huwiex tardiv.

71      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li, ladarba l-Kunsill ma kienx ikkomunika validament lir-rikorrenti l-atti tal-2017 qabel il‑25 ta’ Marzu 2019, din tal-aħħar ma kinitx prekluża, fid-data tal-preżentata tar-rikors, jiġifieri fis‑27 ta’ Mejju 2019, li tippreżenta rikors intiż għall-annullament tagħhom. Bl-istess mod, fid-data tal-preżentata tan-nota ta’ adattament tar-rikors, fl‑1 ta’ Settembru 2020, hija ma kinitx prekluża tadatta r-rikors tagħha b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-adozzjoni tal-atti tal-2020 u titlob l-annullament tagħhom.

72      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, ibbażata fuq it-tardività tar-rikors fil-konfront tal-atti kkontestati sa fejn huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq il-mertu

73      Insostenn tar-rikors inkwantu huwa bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti tippreżenta erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali relatati mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal rimedju effettiv, it-tielet wieħed, fuq nuqqas ta’ bażi legali u ta’ motivazzjoni taż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u, ir-raba’ wieħed, fuq ksur sproporzjonat tad-drittijiet fundamentali tagħha.

74      Preliminarjament, għandha ssir distinzjoni bejn l-atti li permezz tagħhom ir-rikorrenti ġiet inkluża fil-listi tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi u l-atti suċċessivi li għandhom bħala għan iż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha f’dawn il-listi. Fil-fatt, l-atti tal-2011, jiġifieri d-Deċiżjoni 2011/137 u r-Regolament Nru 204/2011, kif ukoll l-atti ta’ inklużjoni sussegwenti, jiġifieri d-Deċiżjoni 2015/1333 u r-Regolament 2016/44, ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors u ma ġewx ikkontestati fi żmien xieraq quddiem il-qorti tal-Unjoni. Fir-rigward tal-atti tal-2014, dawn kienu s-suġġett tar-rikors li ta lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), li saret definittiva fl-assenza ta’ appell. Il-motivi tar-rikorrenti huma għaldaqstant ammissibbli biss sa fejn dawn għandhom bħala għan li jiksbu l-annullament tal-atti kkontestati, jiġifieri l-atti tal-2017 u, wara l-adattament tar-rikors abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ukoll l-atti tal-2020, sa fejn iżommu l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

75      Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv, li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill li ddeċieda li jżomm il-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha mingħajr motivazzjoni jew bażi legali.

76      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni tal-motivazzjoni, li tikkonċerna formalità essenzjali, hija distinta minn dik tal-prova tal-imġiba allegata, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att inkwistjoni u timplika l-verifikazzjoni tar-realtà tal-fatti msemmija f’dak l-att kif ukoll il-kwalifika ta’ dawn il-fatti bħala li jikkostitwixxu elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni b’mod formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità fuq il-mertu tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li tesprimi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il‑Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, kif ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat waqt is-seduta, għandha għalhekk issir distinzjoni fit-tielet motiv bejn, minn naħa, l-ewwel parti, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-atti kkontestati, u, min-naħa l-oħra, it-tieni parti, ibbażata, essenzjalment, fuq nuqqas ta’ bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u fuq il-fatt li l-Kunsill ma pproduċiex provi li juru li l-miżuri fil-konfront tiegħu kienu fondati.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati

79      Ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li jeżiġu l-Artikolu 13(3) tad-Deċiżjoni 2015/1333 u l-Artikolu 21(3) tar-Regolament 2016/44 kif ukoll il-Linji gwida tal-Kunsill fil-qasam tas-sanzjonijiet, l-atti kkontestati huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

80      Il-Kunsill jirribatti li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tifhem, abbażi tal-atti kkontestati stess kif ukoll tal-provi u tal-ispjegazzjonijiet li kienu ġew ipprovduti lilha, il-kuntest u l-portata tal-miżuri li jikkonċernawha.

81      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ att li jikkawża preġudizzju, li jikkostitwixxi korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, għandu l-għan, minn naħa, li jagħti lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk l-att huwiex fondat jew jekk huwiex possibbilment ivvizzjat b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità ta’ dan l-att (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2014, Kadhaf Al Dam vs Il‑Kunsill, T‑348/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:806, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il‑Kunsill, T‑485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Fil-kuntest tal-miżuri restrittivi, mingħajr ma tiġi imposta l-ħtieġa li tingħata risposta b’mod iddettaljat għall-osservazzjonijiet imqajma mill-persuna kkonċernata, l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika fi kwalunkwe każ, inkluż meta l-motivazzjoni tal-att tal-Unjoni tikkorrispondi għal xi motivi esposti minn korp internazzjonali, li din il-motivazzjoni tidentifika r-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li abbażi tagħhom l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-persuna kkonċernata għandha tkun suġġetta għal tali miżuri (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Il‑Kunsill vs Bank Mellat, C‑176/13 P, EU:C:2016:96, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ att tal-Kunsill li jimponi miżura restrittiva ma tistax, bħala prinċipju, tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il‑Kunsill, T‑545/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:376, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Madankollu, il-motivazzjoni għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Hija għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, inkwantu n-natura suffiċjenti tagħha għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tal-att inkwistjoni, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2014, Kadhaf Al Dam vs Il‑Kunsill, T‑348/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:806, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il‑Kunsill, T‑485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun ġie adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2014, Kadhaf Al Dam vs Il‑Kunsill, T‑348/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:806, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il‑Kunsill, T‑485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati jsemmu r-raġuni li għaliha l-Kunsill żamm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi f’Marzu 2017 u f’Marzu 2020, li tikkorrispondi għall-ġustifikazzjonijiet li kienu ssemmew sabiex isimha jiġi inkluż fil-listi annessi mal-atti tal-2011 u sussegwentement fil-listi kontenzjużi, jiġifieri dawk annessi mad-Deċiżjoni 2015/1333 u mar-Regolament 2016/44, jiġifieri l-fatt li ġiet inkluża skont il-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), minħabba l-assoċjazzjoni tagħha mar-reġim stabbilit minn M. Kadhafi.

86      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill ipprovda informazzjoni lir-rikorrenti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), billi għamel riferiment, minn naħa, għad-dikjarazzjonijiet li hija għamlet pubblikament fl-2011 u fl-2013, li kienu jsejħu sabiex l-awtoritajiet Libjani leġittimi jiġu mġarrfa u sabiex titwettaq vendetta għall-mewt ta’ missierha, u, min-naħa l-oħra, għas-sitwazzjoni ta’ instabbiltà li għadha teżisti fil-Libja, filwaqt li afferma mill-ġdid in-neċessità li individwi assoċjati ma’ dak li kien ir-reġim ta’ M. Kadhafi jiġu preklużi milli jkomplu jdgħajfu s-sitwazzjoni fil-Libja.

87      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti setgħet tifhem li isimha kien inżamm fil-listi kontenzjużi minħabba l-inklużjoni tagħha skont il-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), minħabba dawn id-dikjarazzjonijiet li jagħmlu parti mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-atti kkontestati u minħabba l-fatt li l-Kunsill kien iqis li dawn il-miżuri kienu għadhom neċessarji.

88      L-indikazzjonijiet li jinsabu fl-atti kkontestati, li magħhom żdiedet l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-iskambju ta’ korrispondenza mal-Kunsill, kienu għalhekk suffiċjenti sabiex jippermettu lir-rikorrenti tifforma opinjoni dwar ir-regolarità tal-atti kkontestati u tipprepara l-kontestazzjoni tagħhom, ħaġa li hija setgħet validament tagħmel f’dan il-każ.

89      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi

90      Ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati ma jurux bażi legali li ppermettiet lill-Kunsill iżomm isimha fil-listi kontenzjużi u li din iż-żamma hija bbażata fuq ir-raġuni waħdiena li hija kienet għadha tiġi indikata mill-Kunsill tas-Sigurtà, skont il-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011). Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), ir-rikorrenti ssostni li l-atti kkontestati ma fihomx motivi individwali, speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi minkejja l-waqgħa tar-reġim li kien is-suġġett tal-imsemmija riżoluzzjoni.

91      B’mod iktar partikolari, l-informazzjoni li l-Kunsill invoka sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi ma għandha l-ebda rabta mal-perijodu speċifiku u l-aġir imsemmi fil-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011) u/jew hija bbażata fuq għajdut vag jew fuq sorsi oħra mingħajr valur probatorju.

92      Skont ir-rikorrenti, fir-rigward tal-allegazzjonijiet li jirriżultaw minn għajdut dwar diskorsi partikolari allegatament attribwiti lilha, il-Kunsill kellu l-obbligu li jeżamina r-rilevanza u l-importanza tagħhom, fid-dawl, minn naħa, tal-assigurazzjonijiet bil-miktub tal-awtoritajiet tal-Oman li jgħidu li r-rikorrenti kienet osservat il-kundizzjonijiet tar-residenza tagħha fil-pajjiż tagħhom u, min-naħa l-oħra, tal-komunikazzjoni bil-miktub tal-awtoritajiet Libjani li tindika li l-irtirar tal-inklużjoni tar-rikorrenti kien kompatibbli mal-għanijiet ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni fil-Libja, u li ma kinitx titqies ta’ riskju għall-proċess politiku paċifiku fil-Libja.

93      Fir-rigward tal-informazzjoni li tidher li tindika li hija kienet b’xi mod assoċjata ma’ irregolarità finanzjarja, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill qatt ma allega, u a fortiori lanqas ma wera, li l-beni speċifiċi affettwati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni huma l-prodott ta’ miżapproprjazzjoni jew għandhom xi rabta oħra mal-motivi esposti fil-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011).

94      Skont ir-rikorrenti, anki jekk il-partitarji ta’ dak li kien ir-reġim ta’ M. Kadhafi jippersistu fit-tentattivi tagħhom li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja u kienu involuti f’attakki kontra persuni ċivili, il-motivi għaż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi ma kienu manifestament jinkludu ebda informazzjoni li minnha hija setgħet tiddeduċi r-rwol individwali, speċifiku u konkret tagħha f’dawn l-avvenimenti u l-importanza tal-involviment eventwali tagħha fin-nuqqas ta’ sigurtà fil-Libja.

95      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. Fl-ewwel lok, huwa jirribatti li l-motivi li fuqhom hija bbażata ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), dwar l-atti tal-2014, u għalhekk ma jistgħux jikkostitwixxu punti ta’ fatt jew ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi minn din is-sentenza.

96      Fit-tieni lok, il-Kunsill isostni li huwa adotta l-atti kkontestati abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-ittra tiegħu tal‑4 ta’ Mejju 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) u informazzjoni aġġornata pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li żżid riferiment għal avviż tal-Interpol u tnaħħas il-paragrafu dwar l-“informazzjoni addizzjonali” dwar il-ksur tal-projbizzjoni ta’ vvjaġġar. Fir-rigward taż-żieda tar-riferiment għall-avviż tal-Interpol, il-Kunsill jindika madankollu li, peress li dan jirrigwarda investigazzjoni dwar ksur finanzjarju, huwa ma bbażax ruħu fuq l-informazzjoni relatata ma’ din l-investigazzjoni, peress li dan it-tip ta’ aġir ma jaqax taħt il-kriterji ta’ indikazzjoni previsti fl-Artikoli 8 u 9 tad-Deċiżjoni 2015/1333 u fid-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament 2016/44 jew mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà.

97      L-ewwel nett, minn naħa, il-Kunsill isostni, hekk kif tindika l-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2015/1333, li l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà fil-Libja u t-twettiq b’suċċess tat-tranżizzjoni politika tal-pajjiż għadhom mhedda, fost l-oħrajn minħabba li d-diviżjonijiet attwali ġew aggravati minn persuni u entitajiet identifikati li kienu involuti fil-politiki repressivi ta’ dak li kien ir-reġim ta’ M. Kadhafi fil-Libja, jew li, b’xi mod ieħor, kienu preċedentement assoċjati ma’ dak ir-reġim. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll fis-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Alsharghawi vs Il‑Kunsill (T‑485/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:520), li l-eżattezza ta’ din l-evalwazzjoni tal-Kunsill kienet ikkorroborata mill-fatt li, fir-Riżoluzzjoni 2213 (2015) tiegħu, il-Kunsill tas-Sigurtà kien b’mod partikolari afferma mill-ġdid, essenzjalment, in-neċessità li jiġu preklużi individwi assoċjati ma’ dak li kien ir-reġim ta’ M. Kadhafi li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fil-Libja.

98      It-tieni, il-Kunsill isostni li d-dikjarazzjonijiet u l-artikoli tal-istampa li kkomunika lir-rikorrenti permezz tal-ittra tiegħu tal‑4 ta’ Mejju 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) huma suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex jikkorroboraw il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti għamlet pubblikament fl-2011 u fl-2013, fejn sejħet sabiex l-awtoritajiet Libjani leġittimi jiġu mġarrfa u sabiex titwettaq vendetta għall-mewt ta’ missierha. Dawn id-dikjarazzjonijiet jikkorrispondu b’mod ċar mal-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi kontenzjużi, inkwantu juru li r-rikorrenti tikkontribwixxi, bħal fil-każ ta’ individwi oħra assoċjati mar-reġim preċedenti ta’ M. Kadhafi, għad-destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Libja. Barra minn hekk, il-fatt li l-awtoritajiet tal-Oman qiesu li s-soġġorn tar-rikorrenti fl-Oman minflok qrib il-Libja jikkontribwixxi sabiex itaffi t-tensjonijiet fir-reġjun u li l-awtorizzazzjoni, għar-rikorrenti, li tirrisjedi fl-Oman kienet suġġetta għall-fatt li din timpenja ruħha li ma twettaqx attività politika juri li hija kompliet tirrappreżenta theddida għall-paċi, għall-istabbiltà jew għas-sigurtà tal-Libja.

99      B’hekk, l-informazzjoni aġġornata pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u l-motivi stabbiliti fl-atti kkontestati, kif ikkompletati u żviluppati mill-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti fl-ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, jixhdu l-eżami mill-ġdid imwettaq mill-Kunsill sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

100    Fit-tielet u l-aħħar lok, la n-nota verbali tal-awtoritajiet tal-Oman u lanqas l-istqarrija tal-awtoritajiet Libjani invokati mir-rikorrenti ma jikkostitwixxu elementi suffiċjenti sabiex il-Kunsill ma jżommx isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

101    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew l-entità kkonċernata, hija bbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li hija l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jkun jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex ikun ta’ bażi għal din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

102    Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew mhux, rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li, fil-każ ta’ kontestazzjoni, għandha tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza ta’ dawn il-motivi. Għal dan il-għan, l-informazzjoni jew il-provi kollha prodotti għandhom ikunu jsostnu l-motivi meqjusa kontra l-persuna kkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 121 u 122).

103    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi stabbilit jekk iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi hijiex ibbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed.

104    F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-allegazzjoni li hija kienet ivvjaġġat bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita mill-Kunsill tas-Sigurtà u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet huma irrilevanti. Fil-fatt, għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma baqax jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tiegħu tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq) u dan il-motiv għall-inklużjoni ma għadux indikat fost dawk li jinsabu fil-listi kontenzjużi.

105    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-atti kkontestati ma jsemmux ġustifikazzjonijiet oħra għaż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi f’Marzu 2017 u f’Marzu 2020 għajr dawk li kienu ġew ippreżentati sabiex isimha jiġi inkluż fil-listi annessi mal-atti tal-2011 u għall-applikazzjoni tal-paragrafi 15 u 17 tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011). Fir-rigward tar-riferiment għall-avviż tal-Interpol, kif tfakkar fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kunsill indika u kkonferma waqt is-seduta li huwa ma bbażax ruħu fuq l-informazzjoni relatata mal-investigazzjoni li hija s-suġġett ta’ dan l-avviż.

106    Ċertament, il-motivi mressqa mill-Kunsill għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, jiġifieri l-fatt li hija “[b]int Muammar Qadhafi” u li għandha “[a]ssoċjazzjoni mill-qrib mar-reġim” ta’ dan tal-aħħar, ma ġewx ikkontestati fi żmien xieraq quddiem il-qorti tal-Unjoni.

107    Madankollu, anki jekk il-Kunsill seta’ jirreferi għall-fatt li r-rikorrenti kienet fost il-persuni msemmija fir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) u għall-motivazzjoni msemmija fl-imsemmija riżoluzzjoni, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 101 u 102 iktar ’il fuq jirriżulta b’mod ċar li huwa bl-ebda mod ma huwa meħlus mill-obbligu tiegħu li jistabbilixxi li ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi kienet ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement solida.

108    F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-atti tal-2011 kienu ġew adottati “kontra [...] persuni u entitajiet involuti f’abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni fil-Libja, inkluż b’involviment f’attakki, li jiksru l-liġi internazzjonali, fuq popolazzjonijiet u faċilitajiet ċivili”, kif tesponi l-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2011/137. Id-Deċiżjoni 2015/1333 u r-Regolament 2016/44 ġew adottati bil-għan li jikkonsolidaw fi strumenti ġuridiċi ġodda l-miżuri restrittivi imposti mill-atti tal-2011, kif emendati u implimentati minn diversi atti sussegwenti, “[f]id-dawl tat-theddida speċifika għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun ippreżentata mis-sitwazzjoni fil-Libja” (ara l-premessa 4 tar-Regolament 2016/44).

109    Issa, minkejja l-ispjegazzjonijiet tal-Kunsill imfakkra fil-punt 97 iktar ’il fuq, l-indikazzjoni “[e]lenkat skont il-paragrafi 15 u 17 tar-riżoluzzjoni 1970[(2011)] (Projbizzjoni fuq l-Ivvjaġġar, Iffriżar tal-Assi)” ma tippermettix li wieħed jifhem ir-raġunijiet individwali, speċifiċi u konkreti li għalihom isem ir-rikorrenti nżamm fil-listi kontenzjużi fil‑21 ta’ Marzu 2017 u fil‑5 ta’ Marzu 2020.

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kulma jagħmel il-Kunsill huwa li jirreferi għall-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti fl-ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet li hija allegatament għamlet pubblikament fl-2011 u fl-2013, mingħajr ma jispjega r-raġunijiet li għalihom l-imsemmija informazzjoni kienet turi r-riskju li r-rikorrenti kienet tirrappreżenta fl-2017 u fl-2020, jiġifieri waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali fir-reġjun.

111    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-punti 69 u 73 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi/Conseil (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-informazzjoni kkomunikata lir-rikorrenti fl-ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq) ma kinitx tidher fost il-motivi li abbażi tagħhom l-atti tal-2014 kienu ġew adottati, li din ġiet miġjuba għall-attenzjoni tal-Kunsill wara d-data tal-adozzjoni tal-imsemmija atti u li l-motivi kontenzjużi manifestament ma kinux jinkludu elementi li minnhom ir-rikorrenti setgħet tiddeduċi, anki jekk tipprova tinterpretahom b’mod estensiv, x’kien ir-rwol individwali, speċifiku u konkret tagħha fl-avvenimenti li kienu qegħdin jiżvolġu fil-Libja.

112    Ċertament, l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El‑Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), invokata mir-rikorrenti, ma tistax tiġi invokata f’dan il-każ. Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif isostni l-Kunsill, l-atti tal-2017 ġew adottati qabel l-għoti ta’ din is-sentenza, fit-tieni lok, is-suġġett u l-kawża ta’ dan ir-rikors ma humiex l-istess bħal dawk tar-rikors li ta lok għall-imsemmija sentenza u, fit-tielet lok, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata japplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, National Iranian Tanker Company vs Il‑Kunsill, C‑600/16 P, EU:C:2018:966, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, il-motivi li fuqhom hija bbażata ż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi ma jikkostitwixxux punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi permezz tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, El-Qaddafi vs Il‑Kunsill (T‑681/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:227), dwar l-annullament tal-atti tal-2014.

113    Madankollu, minn tali konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li l-Kunsill ma kellux madankollu jippreċiża r-raġunijiet li għalihom l-informazzjoni li kienet inġiebet għall-attenzjoni tiegħu qabel id-data tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, kif ikkomunikata lir-rikorrenti fl-ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015, kienet għadha attwali, fl-2017 u fl-2020, sabiex tiġġustifika ż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

114    Fil-fatt, l-allegati dikjarazzjonijiet pubbliċi tar-rikorrenti li għalihom sar riferiment fl-ittra tal‑4 ta’ Mejju 2015 seħħew fl-2011, immedjatament mal-iżvelar tar-rapporti dwar il-mewt ta’ Muammar Kadhafi u ta’ Mutassim Kadhafi, u fl-2013. Għaldaqstant, għaddew diversi snin minn meta dawn id-dikjarazzjonijiet ġew irrapportati fl-istampa u nġiebu għall-attenzjoni tal-Kunsill, mingħajr ma dan tal-aħħar ressaq l-iċken indikazzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom il-kontenut tal-imsemmija dikjarazzjonijiet kien juri li r-rikorrenti kienet għadha tirrappreżenta theddida ssanzjonata fil-kuntest tal-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1970 (2011), minkejja l-bidliet li seħħew fil-frattemp fir-rigward tas-sitwazzjoni individwali tagħha.

115    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, mill-atti ta’ inklużjoni tal-2011 u l-atti ta’ inklużjoni sussegwenti, jiġifieri d-Deċiżjoni 2015/1333 u r-Regolament 2016/44, ir-rikorrenti ma baqgħetx tirrisjedi fil-Libja u l-proċess la jsemmi xi parteċipazzjoni min-naħa tagħha fil-ħajja politika Libjana u lanqas dikjarazzjonijiet oħra minbarra dawk li ġew attribwiti lilha fl-2011 u fl-2013. Minkejja dawn il-bidliet li jikkonċernaw is-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti, il-Kunsill ma jispjegax ir-raġunijiet li għalihom din kienet tirrappreżenta, fl-2017 u fl-2020, jiġifieri waqt l-adozzjoni tal-atti kkontestati, theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali fir-reġjun.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-kritika tar-rikorrenti, ibbażata fuq il-fatt li l-atti kkontestati huma nieqsa minn bażi fattwali li tiġġustifika ż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi, hija fondata.

117    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tielet motiv tar-rikors għandha tintlaqa’ u, konsegwentement, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, mingħajr ma huwa neċessarju li r-rikors jiġi eżaminat sa fejn dan huwa bbażat fuq l-Artikolu 265 TFUE u mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-imsemmija atti.

 Fuq iż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni

118    B’segwitu għal osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament, il-Kunsill jitlob, sussidjarjament, li fil-każ ta’ annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/371, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-effetti tad-Deċiżjoni 2020/374 jinżammu sakemm isir effettiv l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/371.

119    Waqt is-seduta, il-Kunsill indika li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/497 kienet għadha fis-seħħ, peress li din ma ġietx issostitwita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/374, minħabba li din tal-aħħar kienet sempliċement aġġornat l-informazzjoni dwar il-passaporti tar-rikorrenti u dwar in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni tagħha, fatt dan li ma kellux impatt fuq ir-raġuni għalfejn ir-rikorrenti nżammet fil-lista rilevanti. Madankollu, fil-każ li l-Qorti Ġenerali kellha tikkunsidra li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/374 issostitwixxiet id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/497, il-Kunsill żamm it-talba tiegħu b’mod sussidjarju (ara t-tielet inċiż tal-punt 39, iktar ’il fuq).

120    Għandu jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/497 ipproduċiet effetti għar-rikorrenti biss sas‑6 ta’ Marzu 2020, li hija d-data tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/374, li aġġornat l-informazzjoni amministrattiva li tikkonċerna lir-rikorrenti mingħajr madankollu ma emendat il-motivi għall-inklużjoni tagħha. Konsegwentement, it-talba għaż-żamma tal-effetti, imressqa sussidjarjament mill-Kunsill, tista’ tikkonċerna biss din it-tieni deċiżjoni.

121    Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell ma għandux effett sospensiv. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 ta’ dak l-istatut jipprevedi, madankollu, li b’deroga mill-Artikolu 280 TFUE, id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jannullaw regolament ikollhom effett biss mid-data ta’ skadenza tal-perijodu li matulu jista’ jiġi ppreżentat appell, jew, jekk appell jiġi ppreżentat f’dan it-terminu, mid-data taċ-ċaħda tiegħu.

122    F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/371 għandu n-natura ta’ regolament peress li jipprovdi li huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, liema fatt jikkorrispondi mal-effetti ta’ regolament kif previsti fl-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il‑Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 121).

123    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa għaldaqstant applikabbli f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Il-Kunsill vs Bank Saderat Iran, C‑200/13 P, EU:C:2016:284, punt 122).

124    F’dak li jirrigwarda l-effetti ratione temporis tal-annullament tad-Deċiżjoni 2020/374, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi.

125    F’dan il-każ, l-eżistenza ta’ differenza bejn id-data ta’ dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/371 u dik tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/374 tista’ twassal għal preġudizzju serju għaċ-ċertezza legali, peress li dawn iż-żewġ atti jimponu fuq ir-rikorrenti miżuri identiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Klyuyev vs Il‑Kunsill, T‑731/15, EU:T:2018:90, punt 263). L-effetti tad-Deċiżjoni 2020/374 għandhom għalhekk jinżammu f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, sakemm l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/371 jidħol fis-seħħ.

 Dwar l-ispejjeż

126    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/497 tal21 ta’ Marzu 2017 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/374 tal5 ta’ Marzu 2020 li timplimenta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, huma annullati sa fejn huma jżommu isem Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi fil-listi li jinsabu fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK.

2)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/489 tal21 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament [tal-Kunsill] (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/371 tal5 ta’ Marzu 2020 li jimplimenta l-Artikolu 21(5) tar-Regolament [tal-Kunsill] (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja, huma annullati sa fejn iżommu isem Aisha Muammer Mohamed ElQaddafi fil-lista li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011.

3)      L-effetti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2020/374 huma miżmuma fir-rigward ta’ Aisha Muammer Mohamed El-Qaddafi sad-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk appell ikun ippreżentat f’dak il-perijodu, saċ-ċaħda eventwali tal-appell.

4)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Spielmann

Öberg

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ April 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.