Language of document : ECLI:EU:T:2021:411

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2021 (*)

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran – Lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali – Preskrizzjoni – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi”

Fil-Kawża T‑455/17,

Naser Bateni, residenti f’Hamburg (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Schlingmann, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. P. Hix u M. Bishop, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Hödlmayr, J. Roberti di Sarsina u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ ismu fil-listi li jinsabu fl-ewwel lok, fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71), u fl-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011 tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 11), fit-tieni lok, fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 93, p. 85, u fil-ĠU 2019, L 297, p. 8), u, fit-tielet lok, fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/661/PESK tal-15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 18), u fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 1154/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 306, p. 3),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, M. Jaeger u O. Porchia (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Naser Bateni, huwa ċittadin Iranjan li jirrisjedi minn Marzu 2008 fil-Ġermanja fejn huwa stabbilixxa, fl-2009, lil HTTS Hanseatic Trade & Shipping GmbH (iktar ’il quddiem “HTTS”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li teżerċita attivitajiet ta’ aġent marittimu u ta’ amministratur tekniku ta’ bastimenti.

2        Din il-kawża ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ miżuri restrittivi adottati sabiex issir pressjoni fuq ir-Repubblika Iżlamika tal-Iran sabiex din tal-aħħar ittemm l-attivitajiet nukleari li joħolqu riskju ta’ proliferazzjoni u żvilupp ta’ vetturi ta’ armi nukleari. Dawn huma b’mod partikolari l-miżuri meħuda kontra Islamic Republic of Iran Shipping Lines (iktar ’il quddiem “IRISL”), li magħha, skont il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-rikorrent u HTTS tqiesu li kellhom rabtiet.

3        Fit-23 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem “il-Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-riżoluzzjoni 1737 (2006) fejn esprima tħassib serju fir-rigward tal-programm ta’ proliferazzjoni nukleari żviluppat mill-Iran u fittex li jagħmel pressjoni fuq dan l-Istat biex “jirrestrinġi” l-programm u biex “jissospendi” wħud mill-komponenti tiegħu bil-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

4        Fl-24 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1747 (2007). Il-punt 5 ta’ dik ir-riżoluzzjoni jipprovdi li “l-Iran ma jistax jissuplixxi, ibigħ jew jittrasferixxi direttament jew indirettament mit-territorju tiegħu jew permezz taċ-ċittadini tiegħu jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tiegħu ebda arma jew materjal relatat, u li l-Istati kollha għandhom jipprekludu l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti mill-Iran miċ-ċittadini tagħhom, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, kemm jekk dawn l-oġġetti jkunu joriġinaw mit-territorju Iranjan jew le”.

5        Fit-3 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta r-riżoluzzjoni 1803 (2008). Il-paragrafu 11 ta’ din ir-riżoluzzjoni isejjaħ sabiex l-Istati kollha “jispezzjonaw merkanzija minn u lejn l-Iran, ta’ ajruplani u bastimenti […] proprjetà ta’ jew operati minn Iran Air Cargo u [IRISL], sakemm jeżistu raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li l-ajruplan jew bastiment ikun qiegħed jittrasporta merkanzija pprojbita taħt din ir-riżoluzzjoni jew ir-riżoluzzjoni 1737 (2006) jew ir-riżoluzzjoni 1747 (2007)”.

6        Permezz tar-riżoluzzjoni 1929 (2010) tad-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà introduċa serje ta’ miżuri addizzjonali fir-rigward ta’ IRISL. B’mod partikolari, il-paragrafi 14 sa 22 ta’ dik ir-riżoluzzjoni estendew il-miżuri tal-iffriżar tal-assi speċifikati fir-riżoluzzjoni 1737 (2006) għal “entitajiet ta’ [IRISL] kif speċifikat fl-Anness III u għal kwalunkwe persuna jew entità li jaġixxu f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, inkluż permezz ta’ mezzi illeċiti, jew determinati mill-Kunsill jew mill-Kumitat [tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti] li jkunu assistewhom biex jevadu s-sanzjonijiet ta’, jew bi vjolazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet [tagħha]”.

7        Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ġew adottati l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK tas-27 ta’ Frar 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 61, p. 49) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 tad-19 ta’ April 2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2007, L 103, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 64M, p. 423).

8        Fis-17 ta’ Ġunju 2010, sabiex jikkonforma ruħu mar-riżoluzzjoni 1929 (2010), il-Kunsill Ewropew adotta d-“Dikjarazzjoni fuq l-Iran” [Anness II tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010 (dokument numru EUCO 3/10)], filwaqt li stieden lill-Kunsill jadotta miżuri li jimplimentaw dawk previsti f’din ir-riżoluzzjoni kif ukoll miżuri ta’ akkumpanjament, bil-ħsieb li jikkontribwixxu sabiex jiġi indirizzat, permezz ta’ negozjati, it-tħassib kollu li jkompli jqajjem l-iżvilupp mill-Iran tal-programm tiegħu ta’ proliferazzjoni nukleari. Dawk il-miżuri kellhom ikunu ffokati fuq diversi setturi ewlenin għall-ekonomija Iranjana, b’mod partikolari “s-settur tat-trasport Iranjan, b’mod partikolari IRISL u s-sussidjarji tagħha”.

9        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19), il-Kunsill implimenta d-“Dikjarazzjoni fuq l-Iran” adottata mill-Kunsill Ewropew. L-Anness II ta’ din id-deċiżjoni jelenka l-persuni u l-entitajiet, minbarra dawk indikati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà maħluq bir-riżoluzzjoni 1737 (2006), li l-assi tagħhom huma ffriżati.

10      Permezz tad-Deċiżjoni 2010/413, il-Kunsill inkluda l-isem ta’ HTTS fil-lista tal-entitajiet li tinsab fl-Anness II ta’ din id-deċiżjoni, minħabba li “[aġixxiet] f’isem [Hafize Darya Shipping Lines] fl-Ewropa”. L-ismijiet ta’ IRISL u ta’ ċertu numru ta’ kumpanniji marittimi Iranjani oħra, jiġifieri IRISL Europe GmbH, Hafize Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “HDSL”) u Safiran Pyam Darya Shipping Lines (iktar ’il quddiem “SAPID”), ġew irreġistrati wkoll.

11      Konsegwentement, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), l-ismijiet ta’ IRISL, ta’ IRISL Europe, ta’ HDSL, ta’ SAPID u ta’ HTTS ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007.

12      Fit-8 ta’ Ottubru 2010, IRISL u 17‑il kumpannija oħra, fosthom IRISL Europe, HDSL u SAPID, ippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali rikors intiż għall-annullament tal-inklużjoni tal-ismijiet tagħhom fil-listi li jinsabu fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010. Dan ir-rikors ġie rreġistrat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali bir-referenza T‑489/10.

13      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 281, p. 81) żammet l-isem ta’ HTTS fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, minħabba li kienet kumpannija “kkontrollata [jew] taġixxi għan-nom tal-IRISL”.

14      Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2011, L 319, p. 71). Skont id-Deċiżjoni 2011/783, isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-lista ta’ persuni li jinsabu fit-Tabella III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413.

15      Konformement mad-Deċiżjoni 2011/783, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1245/2011 tal-1 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2011, L 319, p. 11), emenda l-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), billi żied fih b’mod partikolari l-isem tar-rikorrent fil-lista li tinsab f’dan l-anness.

16      Mid-Deċiżjoni 2011/783 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li jirrigwardaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista li tinsab fl-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010 (iktar ’il quddiem l-“l-ewwel inklużjoni”), jirriżulta li l-motiv miżmum fir-rigward ta’ dan tal-aħħar kien is-segwenti: “[d]irettur ġuridiku anzjan tal-IRISL, Direttur ta’ […] (HTTS) […], sanzjonata mill-Unjoni […]” u “[d]irettur tal-kumpannija li sservi ta’ paraventu NHL Basic Limited”

17      Fit-23 ta’ Marzu 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1), wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 19, p. 22, rettifika fil-ĠU 2012, L 3, p. 7). Abbażi tal-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012, isem ir-rikorrent u dak ta’ HTTS ġew inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness IX ta’ dan l-aħħar regolament, essenzjalment għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fl-ewwel inklużjoni, bl-eċċezzjoni tar-riferiment għall-funzjoni tiegħu bħala direttur tal-kumpannija sussidjarja NHL Basic Limited (iktar ’il quddiem, fir-rigward tar-rikorrent, it-“tieni inklużjoni”).

18      Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni 2012/35 u r-Regolament Nru 267/2012, sa fejn jikkonċernaw lil HTTS.

19      Permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra t-tieni inklużjoni u annullatha sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 kien jikkonċerna lir-rikorrent, b’effett mis-16 ta’ Novembru 2013.

20      Permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat minn IRISL u minn kumpanniji marittimi oħra, fosthom IRISL Europe, HDSL u SAPID, kontra d-Deċiżjoni 2010/644, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010, ir-Regolament Nru 961/2010 u r-Regolament Nru 267/2012, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawhom.

21      Fl-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/497/PESK, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 272, p. 46), kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 971/2013 li jemenda r-Regolament Nru 267/2012 (ĠU 2013, L 272, p. 1). Skont il-premessi 2 tad-Deċiżjoni 2013/497 u tar-Regolament Nru 971/2013, dawn tal-aħħar għandhom it-tendenza li jadattaw il-kriterji ta’ inklużjoni fil-listi f’dak li jirrigwarda l-persuni u l-entitajiet li għenu persuni jew entitajiet indikati sabiex jevadu jew jiksru d-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà jew tad-Deċiżjoni 2010/413 u tar-Regolament Nru 267/2012, sabiex jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni l-persuni u l-entitajiet li jevadu dawn id-dispożizzjonijiet jew li jiksruhom.

22      Id-Deċiżjoni 2013/497 b’mod partikolari pprevediet kundizzjoni ġdida għall-inklużjoni fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, li tikkonċerna “l-persuni u entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew persuni u entitajiet li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lil […] IRISL, jew lil entitajiet tagħh[a] jew ikkontrollati minnh[a] [jew li jaġixxu f’isimha]”. Konsegwentement, l-istess kriterju ddaħħal bir-Regolament Nru 971/2013 fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012.

23      Wara l-għoti tas-sentenzi msemmija fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, l-ismijiet tar-rikorrent u ta’ HTTS kienu s-suġġett ta’ inklużjoni sussegwenti min-naħa tal-Kunsill. Fil-15 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill adotta Deċiżjoni 2013/661/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2013, L 306, p. 18). Fl-istess jum, huwa adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1154/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2012, L 306, p. 3). Permezz tad-Deċiżjoni 2013/661 u ta’ dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-imsemmija ismijiet ġew inklużi mill-ġdid fil-listi li jinsabu rispettivament fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 u fl-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012 (iktar ’il quddiem, flimkien, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrent, it-“tielet inklużjoni”).

24      It-tielet inklużjoni kienet motivata mill-fatt li r-rikorrent kien aġixxa f’isem IRISL. Huwa kien direttur ta’ IRISL sal-2008 u sussegwentement kien Direttur Maniġerjali ta’ IRISL Europe. Huwa d-Direttur Maniġerjali ta’ [HTTS] li bħala l-aġent ġenerali tagħhom tipprovdi servizzi essenzjali lil [SAPID] u lil [HDSL], it-tnejn li huma entitajiet elenkati li jaġixxu f’isem IRISL”.

25      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent kontra t-tielet inklużjoni kif ukoll minn HTTS kontra r-Regolament Nru 1154/2013 sa fejn jikkonċernaha.

26      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrent ippreżenta lill-Kunsill talba għal kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tiegħu.

27      Il-Kunsill, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Mejju 2017, ċaħad it-talba.

28      B’mod parallel, ir-rikors ta’ HTTS intiż sabiex il-Kunsill jiġi kkundannat iħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 2 516 221.50 bħala kumpens għad-danni materjali u morali subiti minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront tagħha ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, EU:T:2017:890). Dik is-sentenza ġiet sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li ġiet irreġistrata bir-referenza T‑692/15 RENV, HTTS vs Il-Kunsill, u rriżervat l-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

29      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent ressaq din l-azzjoni. Il-kawża ġiet assenjata lit-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali.

30      Fl-10 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

31      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

32      Fis-26 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni. Fid-9 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-talba ta’ intervent tal-Kummissjoni.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ġiet ammessa tintervjeni f’din il-kawża.

34      Il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-8 ta’ Jannar 2018 u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dik in-nota fit-termini preskritti.

35      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati mir-rikorrent, fid-9 ta’ Frar 2018, u, mill-Kunsill, fit-23 ta’ Marzu 2018, rispettivament.

36      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ April 2018, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta għas-sottomissjonijiet orali, skont l-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

37      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) adottat l-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li kienet tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura fl-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑123/18 P. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

38      Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2018, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jissospendi l-proċeduri f’din il-kawża.

39      Wara l-għoti tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) adottat, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li tikkonsisti fis-smigħ tal-partijiet dwar il-konsegwenzi li huma jisiltu mill-imsemmija sentenza għal din il-kawża. Il-partijiet fil-kawża prinċipali kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward fit-terminu stabbilit.

40      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet inbidlet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ieħor, li kien ġie assenjat lill-Ewwel Awla fil-formazzjoni l-ġdida tagħha, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

41      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal seduta tar-rikorrent u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

42      Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tat-30 ta’ Ġunju 2020, il-President tal-Ewwel Awla ddeċieda, skont l-Artikolu 68(1) tar-Regoli tal-Proċedura, wara li nstemgħu l-partijiet, li jgħaqqad din il-kawża mal-Kawża T‑692/15 RENV, HTTS vs Il-Kunsill, għall-finijiet tal-fażi orali.

43      Wara diversi posponimenti ta’ seduti dovuti għall-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID-19, is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-20 ta’ Novembru 2020, li nżammet permezz ta’ vidjokonferenza bil-kunsens tar-rikorrent.

44      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkundanna lill-Kunsill jikkumpensah fl-ammont ta’ EUR 250 000 għad-dannu morali li huwa ġarrab minħabba l-inklużjoni ta’ ismu:

–        fit-Tabella III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413, permezz tad-Deċiżjoni 2011/783, u tal-inklużjoni tiegħu fit-Tabella III tal-Anness VIII tar-Regolament Nru 961/2010, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011;

–        fit-Tabella III tal-Anness IX tar-Regolament Nru 267/2012;

–        fit-Tabella III tal-Anness għad-Deċiżjoni 2013/661 u fit-Tabella III tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1154/2013 (iktar ’il quddiem, meħuda kollha flimkien, il-“listi kontenzjużi”);

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tal-interessi moratorji kkalkolati bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament, miżjuda b’żewġ punti, u b’effett mill-24 ta’ Marzu 2017 sal-ħlas sħiħ tas-somma ta’ EUR 250 000;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

45      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

46      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali

47      Fir-risposta, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors għad-danni fir-rigward tad-Deċiżjonijiet 2011/783 u 2013/661, adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK).

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni jew entitajiet koperti minn miżuri restrittivi jeżiġi, sabiex din il-protezzjoni tkun kompleta, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tkun tista’ tiddeċiedi dwar rikors għad-danni ppreżentat minn dawn il-persuni jew entitajiet u intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minn miżuri restrittivi previsti mid-deċiżjonijiet PESK (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 43).

49      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors għad-danni sa fejn dan huwa intiż li jikseb kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba miżuri restrittivi meħuda kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi u previsti minn deċiżjonijiet PESK (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 44).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kif ikkonferma r-rikorrent waqt is-seduta, dan ir-rikors għad-danni huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, tar-Regolament Nru 267/2012 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1154/2013. Barra minn hekk, ir-rikorrent jirreferi għad-Deċiżjonijiet 2011/783 u 2013/661 biss sa fejn dawn kienu jikkostitwixxu l-bażi u l-kundizzjoni neċessarja ta’ dawn ir-regolamenti.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens imressqa mir-rikorrent.

 Fuq il-preskrizzjoni tal-azzjoni għad-danni

52      Fir-risposta, il-Kunsill isostni li l-azzjoni għad-danni hija parzjalment preskritta.

53      Il-Kunsill isostni, f’dan ir-rigward, li d-drittijiet invokati mir-rikorrent huma bbażati fuq atti tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2011, tat-23 ta’ Marzu 2012 u tal-15 ta’ Novembru 2013 u li, għall-azzjonijiet ibbażati fuq dawn l-atti, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri f’dawn id-dati rispettivi.

54      Il-Kunsill iqis li t-terminu ta’ preskrizzjoni ġie interrott biss fit-23 ta’ Marzu 2017, data li fiha r-rikorrent indirizzalu t-talba tiegħu għal kumpens għall-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni.

55      Id-danni eventwali li jirriżultaw minn fatti li seħħew iktar minn ħames snin qabel it-23 ta’ Marzu 2017 huma konsegwentement preskritti u dan japplika b’mod partikolari għat-talba għal kumpens sa fejn din hija bbażata fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011, li tħassar bir-Regolament Nru 267/2012.

56      Il-Kunsill iżid li jew ir-rikorrent sofra danni qabel it-23 ta’ Marzu 2012 u, għalhekk, it-talba tiegħu għal kumpens fir-rigward tal-imsemmija danni hija preskritta, jew ir-rikorrent sostniehom wara t-23 ta’ Marzu 2012, jiġifieri fid-data tat-tħassir tal-ewwel inklużjoni permezz tar-Regolament Nru 267/2012.

57      Ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi ddeterminat skont l-okkorrenza tad-dannu minflok l-okkorrenza tal-fatt li ta lok għat-talba għal kumpens. Issa, id-dannu morali li jirriżulta mill-ewwel inklużjoni seħħ għall-ewwel darba f’April 2012.

58      Sussegwentement, ir-rikorrent isostni li d-dannu għar-reputazzjoni huwa dannu kontinwat li seħħ mix-xahar ta’ April 2012 sad-data tal-annullament tat-tielet inklużjoni.

59      Ir-rikorrent jinvoka s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L‑Unjoni Ewropea (T‑673/15, EU:T:2017:377), b’mod partikolari l-punti 39 sa 42 tagħha, sabiex isostni li, fil-każ ta’ dannu kontinwat, il-preskrizzjoni msemmija fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tapplika skont id-data tal-att li jinterrompi, għall-perijodu preċedenti ta’ iktar minn ħames snin f’din id-data, mingħajr ma taffettwa eventwali drittijiet li nħolqu matul perijodi sussegwenti u li hija indipendenti mid-data tal-fatt li wassal għall-kumpens.

60      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jindika li d-danni li għalihom huwa jfittex li jiġi kkumpensat għandhom, ċertament, l-oriġini tagħhom f’kull waħda mill-miżuri restrittivi illegali adottati mill-Kunsill, iżda li dawn id-danni dehru biss matul iż-żmien, prinċipalment minn April 2012.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, l-azzjonijiet dwar responsabbiltà ta’ natura mhux kuntrattwali jaqgħu preskritti ħames snin wara li jkun seħħ il-fatt li jkun ta lok għad-dannu.

62      Għandu jitfakkar li t-terminu ta’ preskrizzjoni, previst fl-Artikolu 46(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu bħala funzjoni b’mod partikolari li, minn naħa, tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna leża, peress li din għandu jkollha biżżejjed żmien sabiex tiġbor informazzjoni xierqa fid-dawl ta’ eventwali rikors, u, min-naħa l-oħra, li tevita li l-persuna leża tkun tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għad-danni. Għalhekk dan it-terminu jipproteġi, fl-aħħar mill-aħħar, lill-persuna leża u lill-persuna responsabbli għad-dannu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, C‑469/11 P, EU:C:2012:705, punti 33 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 49).

63      Skont il-ġurisprudenza, dan it-terminu jibda jiddekorri mill-mument li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens u, b’mod partikolari, fir-rigward tal-każijiet fejn ir-responsabbiltà tirriżulta mill-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri qabel ma l-effetti dannużi ta’ dan l-att ġew prodotti. Din is-soluzzjoni, trasposta fil-kontenzjuż li jirriżulta minn atti individwali, timplika li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri meta d-deċiżjoni tkun ipproduċiet l-effetti tagħha fir-rigward tal-persuni li hija tirrigwarda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C‑282/05 P, EU:C:2007:226, punti 29 u 30).

64      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li d-dannu morali li għalih huwa jitlob kumpens joriġina mill-adozzjoni tal-ewwel sat-tielet inklużjoni u li, fir-rigward tal-ewwel waħda, din ipproduċiet effetti fil-konfront tiegħu biss mill-1 ta’ Diċembru 2011 sat-22 ta’ Marzu 2012.

65      Issa, fir-rigward tal-ewwel inklużjoni, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel att ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jiġifieri t-talba għal kumpens indirizzata mir-rikorrent lill-Kunsill, seħħ biss fit-23 ta’ Marzu 2017, jiġifieri iktar minn ħames snin wara l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1245/2011 u, fi kwalunkwe każ, wara l-bidu tal-effetti prodotti minn dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fl-1 ta’ Diċembru 2011, kif irrikonoxxuti mir-rikorrent fir-rigward tad-dannu morali tiegħu.

66      Ir-rikorrent jispeċifika wkoll li, jekk id-danni li tagħhom huwa jitlob kumpens joriġinaw minn kull waħda mill-miżuri restrittivi illegali adottati mill-Kunsill, dawn seħħew fuq medda ta’ żmien, prinċipalment minn April 2012.

67      Issa, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li, f’din id-data, l-ewwel inklużjoni kienet waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha minħabba l-adozzjoni fit-23 ta’ Marzu 2012 tat-tieni inklużjoni li ħassritha.

68      Għandu jingħad ukoll li l-argument tar-rikorrent dwar l-eżistenza ta’ dannu kontinwat, li joriġina mill-ewwel inklużjoni u li mmanifesta ruħu biss f’April 2012 b’effetti fuq il-perijodu kollu li matulu r-rikorrent kien suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni, lanqas ma jista’ jintlaqa’ fir-rigward ta’ din l-inklużjoni.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2017, Guardian Europe vs L-Unjoni Ewropea (T‑673/15, EU:T:2017:377), invokata mir-rikorrent sabiex jiġġustifika l-eżistenza ta’ dannu kontinwat, l-allegat dannu morali f’din il-kawża ma jirriżultax, skont ir-rikorrent stess, minn att illegali wieħed, iżda minn tliet atti distinti, jiġifieri l-ewwel sat-tielet inklużjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent jallega huwa stess li d-dannu li għalih huwa jinvoka l-kumpens seħħ biss mix-xahar ta’ April 2012, jiġifieri wara d-data li fiha ntemmet l-ewwel inklużjoni.

70      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-azzjoni għad-danni mressqa mir-rikorrent, sa fejn hija intiża għall-kumpens għad-dannu morali li rriżulta mill-ewwel inklużjoni, għandha titqies li hija preskritta, u, għaldaqstant, inammissibbli.

71      Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet inklużjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“inklużjonijiet kontenzjużi”), għandu jitfakkar li r-rikorrent bagħat lill-Kunsill it-talba tiegħu għal kumpens permezz ta’ faks fit-23 ta’ Marzu 2017, jiġifieri ħames snin wara d-data tat-tieni inklużjoni, u li sussegwentement ippreżenta r-rikors għad-danni tiegħu fl-14 ta’ Lulju 2017, jiġifieri fix-xahrejn wara li rċieva l-ittra tal-Kunsill li tiċħad it-talba tiegħu, tal-15 ta’ Mejju 2017. B’dan il-mod, din l-azzjoni għad-danni, sa fejn hija intiża għall-kumpens għad-dannu morali li rriżulta minn dawn l-inklużjonijiet, għandha tiġi kkunsidrata bħala ppreżentata b’osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 Fuq l-allegat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi

72      Insostenn tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill, billi kiser l-obbligu tiegħu li jivverifika l-fatti u li jissostanzja l-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, wettaq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni (l-ewwel ilment), li huwa wettaq ksur suffiċjentement serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (it-tieni lment) u li huwa wettaq ksur tad-dritt suffiċjentement serju tar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tal-protezzjoni tad-data personali u tal-libertà ta’ intrapriża u d-dritt għall-proprjetà (it-tielet ilment).

73      Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-rikorrent iressaq erba’ argumenti.

74      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), ikkonfermata bis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), il-Qorti Ġenerali qieset li l-inklużjoni mhux iġġustifikata ta’ persuna fl-assenza ta’ bażi fattwali suffiċjenti tikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, sa fejn il-Kunsill ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ dan l-obbligu, u li r-regola li tipprovdi għall-imsemmi obbligu ma tirriżultax minn sitwazzjoni partikolarment kumplessa. Ir-rikorrent iżid li l-imsemmija regola ġiet stabbilita qabel l-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, permezz tas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il-Kunsill (T‑228/02, EU:T:2006:384), u tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (T‑390/08, EU:T:2009:401), u li, f’dan il-każ, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), il-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu li jivverifika l-fatti u li jipproduċi provi li jissostanzjaw il-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu.

75      Fit-tieni lok, ir-rikorrent, billi bbaża ruħu fuq is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), u tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), dwar l-inklużjonijiet kontenzjużi rispettivament, isostni li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-annullament tal-ewwel inklużjoni, il-Kunsill iddikjara, minn naħa, li huwa ma kellux għad-dispożizzjoni tiegħu l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas l-artiklu tan-New York Times tas-7 ta’ Ġunju 2010 fi żmien it-tieni inklużjoni (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill, T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409, punt 52), u, min-naħa l-oħra, li huwa inkluda nies u entitajiet fuq il-listi tas-sanzjonijiet fuq talba tal-gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni mingħajr ma wettaq l-ebda verifika.

76      Barra minn hekk, ir-rikorrent jenfasizza li, fis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kunsill kien wettaq “żball manifest ta’ evalwazzjoni” u li, fis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), il-Qorti Ġenerali qieset li l-mod ta’ aġir tal-Kunsill kien ikkaratterizzat minn “nuqqas ta’ diliġenza”.

77      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, fil-punti 47 u 48 tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet espressament li la l-atti kkontestati u lanqas l-ittra mibgħuta lir-rikorrent mill-Kunsill fit-23 ta’ Marzu 2012, sabiex jispjegawlu r-raġunijiet għaż-żamma ta’ ismu fil-lista ta’ persuni akkużati li jiffavorixxu l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran, ma kien fih l-ebda indikazzjoni tan-natura tal-allegat kontroll ta’ HTTS minn IRISL, jew tal-attivitajiet imwettqa minn HTTS f’isem IRISL li jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni tat-tieni lista.

78      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet inklużjoni, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ipproduċa diversi dokumenti, iżda li dawn tal-aħħar, ikklassifikati bħala “provi”, ma kinux xierqa sabiex jistabbilixxu rabta bejnu u IRISL kif ukoll IRISL Europe, li setgħet tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa jindika, barra minn hekk, li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402), ġie stabbilit li ksur tad-dritt tal-Unjoni kien manifestament serju meta dan kien kompla minkejja l-għoti ta’ sentenza li tikkonstata l-illegalità u li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat fil-kuntest tal-ksur imwettaq bl-adozzjoni tat-tielet inklużjoni minkejja l-annullament tat-tieni inklużjoni bis-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409).

79      Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li ma kienet teżisti ebda diffikultà partikolari li setgħet tipprekludi lill-Kunsill milli jaċċetta li attività preċedenti ma kinitx tiġġustifika fiha nnifisha l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra persuna u li l-Kunsill għalhekk ma kellu, f’dan ir-rigward, ebda marġni ta’ diskrezzjoni jew tal-inqas marġni ta’ diskrezzjoni estremament imnaqqas.

80      Fir-raba’ lok, skont ir-rikorrent, matul it-tielet inklużjoni, il-Kunsill injora l-fatt li, permezz tas-sentenza tiegħu tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni tal-isem ta’ IRISL kif ukoll dik ta’ kumpanniji oħra li għalihom kien sar riferiment, b’mod partikolari SAPID u HDSL, u li, b’dan il-mod, il-“provi” prodotti kienu, mill-bidu nett, irrilevanti.

81      Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilment, ir-rikorrent isostni li l-ksur tal-obbligu li jiġu prodotti l-provi dwar l-eżistenza ta’ rabta bejnu u IRISL iwassal, konsegwentement, għall-ksur suffiċjentement serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja, kif ukoll għall-ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, tal-libertà tal-intrapriża u tad-dritt għall-proprjetà.

82      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

 Tfakkira tal-ġurisprudenza fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni

83      Għandu jitfakkar li l-azzjoni għad-danni tikkostitwixxi rimedju legali awtonomu, li ma huwiex intiż għat-tħassir ta’ miżura partikolari iżda għall-kumpens għad-dannu kkawżat minn istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill, 5/71, EU:C:1971:116, punt 3) u li l-azzjoni għal annullament ma tirrappreżentax kundizzjoni preliminari sabiex tkun tista’ titressaq kawża għad-danni quddiem il-Qorti Ġenerali.

84      Barra dan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu tal-awtur tal-att u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32).

85      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punt 93, u d-digriet tas-17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il-Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:82, punt 34). Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14, u tas-26 ta’ Ottubru 2011, Dufour vs BĊE, T‑436/09, EU:T:2011:634, punt 193).

86      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni, fil-kuntest pereżempju ta’ rikors għal annullament, ma hijiex suffiċjenti, minkejja li din hija lamentabbli, sabiex jitqies li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, marbuta mal-illegalità tal-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, isseħħ awtomatikament minħabba dan il-fatt. Sabiex jiġi aċċettat li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fatt, li r-rikorrenti tistabbilixxi li l-istituzzjoni inkwistjoni ma tkunx wettqet sempliċi illegalità, iżda ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Barra minn hekk, il-prova ta’ ksur suffiċjentement serju hija intiża sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li l-funzjoni li l-istituzzjoni kkonċernata hija mitluba twettaq fl-interess ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha tiġi ostakolata bir-riskju li din l-istituzzjoni tkun finalment imsejħa sabiex issostni d-danni li l-persuni kkonċernati mill-atti tagħha jistgħu eventwalment isofru, mingħajr madankollu ma tħalli fuq dawn l-individwi l-konsegwenzi patrimonjali jew morali ta’ nuqqasijiet li l-istituzzjoni kkonċernata tkun wettqet b’mod flagranti u mhux skużabbli (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 49).

88      Fil-fatt, l-għan usa’ taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-finalitajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE, huwa ta’ natura li jiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, li jirriżultaw, għal ċerti operaturi ekonomiċi, mid-deċiżjonijiet li jimplimentaw l-atti adottati mill-Unjoni sabiex jintlaħaq dan l-għan fundamentali (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 50).

 Tfakkira tal-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C123/18 P)

89      Fil-punt 33 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi jkun stabbilit meta dan il-ksur jimplika nuqqas manifest u serju mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti li għalihom hija suġġetta s-setgħa diskrezzjonali tagħha, fejn l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li r-regola miksura tħalli lill-istituzzjoni tal-Unjoni.

90      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fl-ewwel lok, fil-punt 34 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), ir-rekwiżit ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni jirriżulta min-neċessità ta’ bbilanċjar bejn, minn naħa, il-protezzjoni tal-individwi kontra l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ manuvra li għandu jiġi rrikonoxxut lil dawn tal-aħħar sabiex ma tiġix ipparalizzata l-azzjoni tagħhom. Dan l-ibbilanċjar jirriżulta iktar u iktar importanti fil-qasam tal-miżuri restrittivi, fejn l-ostakoli li jiltaqa’ magħhom il-Kunsill f’termini ta’ disponibbiltà tal-informazzjoni ħafna drabi jagħmlu partikolarment diffiċli l-evalwazzjoni li għandu jwettaq.

91      Fit-tieni lok, fil-punt 43 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx titwettaq, f’ċirkustanzi analogi, minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni.

92      Fit-tielet lok, fil-punti 44 u 46 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni kienu kollha relatati mad-data li fiha d-deċiżjoni jew l-aġir kienu ġew adottati mill-istituzzjoni kkonċernata u li minn dan kien jirriżulta li l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni kellha neċessarjament tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi li fihom aġixxiet din l-istituzzjoni, preċiżament f’din d-data.

93      Fir-raba’ lok, fil-punt 41 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, meta regolament li permezz tiegħu tkun ġiet adottata miżura restrittiva jiġi annullat permezz ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali li tgawdi l-awtorità ta’ res judicata, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ dan ir-regolament, l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, hija ssodisfatta, f’dak li jirrigwarda l-imsemmi regolament.

94      Fil-ħames lok, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri, l-aġir taħt il-kontroll ta’ persuna jew ta’ entità u l-aġir f’isem tali persuna jew entità għandhom jiġu assimilati. Hija indikat li din il-konklużjoni kienet sostnuta mill-analiżi tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li kienet intiża sabiex tippermetti lill-Kunsill jieħu miżuri effikaċi kontra l-persuni involuti fil-proliferazzjoni nukleari u sabiex jiġi evitat li tali miżuri jiġu evitati. Barra dan hija ppreċiżat, li, it-tieni nett, l-imsemmija konklużjoni hija kkorroborata wkoll mill-analiżi tal-kuntest tal-Artikolu 16(2)(d) tar-Regolament Nru 961/2010.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

95      Huwa fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 83 sa 94 iktar ’il fuq li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti f’dan il-każ.

96      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ dak li tfakkar fil-punt 93 iktar ’il fuq, sa fejn l-inklużjonijiet kontenzjużi ġew annullati, rispettivament, permezz tas-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), u tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, jiġifieri ksur ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni maħsuba biex tagħti drittijiet lil individwi, għandha titqies bħala mwettqa fir-rigward ta’ dawn l-inklużjonijiet. Għaldaqstant, issa għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi mressqa mir-rikorrent jippermettux li jintwera li l-imsemmija inklużjonijiet jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

–       Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni bi ksur tal-obbligu li jiġu vverifikati l-fatti u li jiġu prodotti provi li jsostnu l-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi

97      Il-Qorti Ġenerali hija mitluba tivverifika jekk il-Kunsill wettaqx ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi meta adotta l-inklużjonijiet kontenzjużi, fid-dawl esklużivament tal-provi li huwa kellu fid-dati tal-adozzjoni ta’ dawn l-inklużjonijiet.

98      Preliminarjament, għandhom jitfakkru l-elementi li kellu l-Kunsill fid-data tal-ewwel inklużjoni, peress li din tifforma parti mill-kuntest li fih ġew adottati l-inklużjonijiet kontenzjużi. B’mod partikolari, il-Kunsill indika li l-ewwel inklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrent kien direttur ta’ IRISL sal-2008, qabel ma stabbilixxa ruħu fl-Ewropa u stabbilixxa HTTS. Huwa indika wkoll li din l-aħħar kumpannija kienet stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja), f’Schottweg 7, u li IRISL Europe, sussidjarja Ewropea ta’ IRISL, kienet stabbilita f’Hamburg, Schottweg 5. Għandu jiġi rrilevat, bħalma sostna l-Kunsill, li, fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel inklużjoni, dan fil-fatt kellu elementi dwar l-indirizz ta’ HTTS, kif jirriżulta mill-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-impriżi inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness V tar-Regolament Nru 423/2007, fil-verżjoni li tirriżulta mill-punt 1(d) u (j) tal-Parti III tal-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

99      Barra minn hekk, il-Kunsill sostna li huwa kellu wkoll ir-riżoluzzjonijiet 1803 (2008) u 1929 (2010) dwar IRISL kif ukoll ir-rapport tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà li kkonstata tliet istanzi ta’ ksur manifest minn din il-kumpannija tal-embargo fuq l-armi impost mir-riżoluzzjoni 1747 (2007). Minn naħa, kif ġustament jirrileva l-Kunsill, il-prova li dawn id-dokumenti kienu fil-fatt fil-pussess tiegħu tirriżulta mill-fatt li huma msemmija fil-motivazzjoni dwar l-inklużjoni ta’ IRISL fil-Parti III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fil-Parti III tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010.

100    Min-naħa l-oħra, ir-realtà materjali tat-tliet ksur tal-embargo fuq l-armi li ġew stabbiliti fl-imsemmi rapport ma ġietx ikkontestata, l-istess bħall-kontenut tal-imsemmi rapport, sa fejn minnu jirriżulta li IRISL kienet bdiet attivitajiet sabiex tevita l-miżuri adottati billi ttrasferiet l-attivitajiet tagħha lil impriżi oħra u li s-sede tagħha fl-Ewropa kienet qrib dik ta’ HTTS, kumpannija bbażata u amministrata mir-rikorrent. Kif irrileva essenzjalment il-Kunsill, dawn kienu indizji għall-ewwel inklużjoni, sa fejn din l-inklużjoni kienet il-konsegwenza diretta ta’ dik ta’ IRISL, u barra minn hekk ta’ HDSL, peress li l-isem ta’ din tal-aħħar kien ġie inkluż fil-Parti III tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413 kif ukoll fil-Parti III tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2010 bħala li taġixxi hija stess f’isem IRISL.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-prossimità ġeografika tas-sede ta’ IRISL Europe u ta’ HTTS ma ġietx ikkontestata mir-rikorrent. Huwa stess irrikonoxxa waqt is-seduta, fir-rigward ta’ din il-prossimità, li, fiż-żmien tal-inklużjonijiet kontenzjużi, HTTS kienet f’pożizzjoni li tirrikorri għall-impjegati ta’ IRISL Europe li kiene qiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha parti mill-persunal tagħha.

102    Fl-aħħar nett, il-Kunsill sostna, mingħajr ma l-materjalità tal-fatti ġiet ikkontestata mir-rikorrent, li, fiż-żmien tal-ewwel inklużjoni, HTTS, li tagħha r-rikorrent kien id-direttur, kienet attiva bħala aġent marittimu f’isem HDSL li kienet meqjusa li kienet marbuta mill-qrib ma’ IRISL u li isimha kien ġie inkluż ukoll fil-listi tal-entitajiet issuspettati li jiffaċilitaw il-proliferazzjoni nukleari fl-Iran tas-26 ta’ Lulju 2010 minħabba li hija “[kienet] [t]aġixxi f’isem IRISL [sa fejn kienet twettaq] operazzjonijiet b’kontejners bl-użu ta’ bastimenti [miżmuma] minn IRISL”, u li Bateni kien Direttur ta’ IRISL sal-2008, qabel ma mar fl-Ewropa u stabbilixxa HTTS.

103    Huwa fid-dawl ta’ dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-elementi li servew ta’ bażi għat-tieni inklużjoni. Il-Kunsill ippreċiża li din kienet ibbażata essenzjalment fuq ċirkustanza preċiża u mhux ikkontestata, jiġifieri li r-rikorrent kien direttur ta’ IRISL sal-2008 u kien direttur ta’ HTTS fiż-żmien tal-ewwel inklużjoni. Huwa indika li barra minn hekk dan kien jirriżulta, b’mod evidenti, mill-ittra tas-17 ta’ Jannar 2012, li permezz tagħha r-rikorrent kien ikkontesta r-raġunijiet tal-ewwel inklużjoni.

104    Fir-rigward tat-tielet elenkar, il-Kunsill ippreċiża li, qabel ma adotta din il-miżura, id-dokumenti msemmija fl-Annessi A.3 u A.5 tar-rikors kienu wkoll disponibbli u kienu ġew ikkomunikati lir-rikorrent. Dawn kienu, b’mod partikolari, sors pubbliku li jikkonsisti fl-artiklu tan-New York Times tas-7 ta’ Ġunju 2010, intitolat “Companies Linked to IRISL”, li kien jinkludi l-lista ta’ 66 impriża, fosthom HTTS u HDSL, li kellhom rabta ma’ IRISL u li lilhom din tal-aħħar ittrasferixxiet bastimenti u dokumenti li jsostnu l-fatt li r-rikorrent kien direttur ta’ IRISL Europe mill-2009 u direttur ta’ HTTS mill-2010.

105    Barra minn hekk, mill-Annessi A.3 u A.5 tar-rikors jirriżulta li, qabel ma adotta t-tielet inklużjoni, il-Kunsill ikkomunika ġabra ta’ elementi lir-rikorrent li jippermettu li jiġi ssostanzjat il-fatt li dan kien id-direttur ta’ IRISL sal-2008, u sussegwentement direttur ta’ IRISL Europe u li HTTS kienet l-aġent Ewropew ta’ SAPID u ta’ HDSL għall-provvista ta’ servizzi essenzjali ta’ aġent marittimu.

106    Barra minn hekk, il-Kunsill sostna li, fi żmien it-tielet inklużjoni, huwa ħa inkunsiderazzjoni r-rapport finali, tat-12 ta’ Ġunju 2012, tal-grupp ta’ esperti maħluq bir-riżoluzzjoni 1929 (2010) kif ukoll ir-rapport finali, tal-5 ta’ Ġunju 2013, tal-imsemmi grupp ta’ esperti, li minnu jirriżulta li IRISL kienet bagħtet bastimenti lil żewġ kumpanniji assoċjati, jiġifieri HDSL u SAPID. Barra minn hekk, sa mill-2008, IRISL u l-kumpanniji relatati magħha kienu għamlu diversi emendi fir-rigward tal-proprjetarju effettiv u l-proprjetarju rreġistrat tal-bastimenti, u tal-bastimenti li kellhom bħala proprjetarji effettiva IRISL u l-kumpanniji marbuta ma’ IRISL ma kinux waqfu milli jbiddlu l-isem, il-bandiera u l-proprjetarju rreġistrat. Għandu jiġi enfasizzat li, f’dak li jikkonċerna d-disponibbiltà ta’ dawn ir-rapporti finali tal-grupp ta’ esperti tan-Nazzjonijiet Uniti, huwa paċifiku li dawn jikkostitwixxu fatti rrikonoxxuti fuq livell internazzjonali.

107    Barra minn hekk, il-Kunsill ippreċiża li, fi żmien it-tielet inklużjoni, huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sors ta’ informazzjoni ta’ natura pubblika, b’mod partikolari r-rapport tal-Iran Watch tat-2 ta’ Awwissu 2012, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet għamlet fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409). Mill-imsemmija dikjarazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jirriżulta, l-ewwel nett, li HTTS kellha relazzjonijiet ma’ HDSL, li kienet inħolqot fir-rebbiegħa tal-2009 fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ IRISL, it-tieni, li, fl-aħħar ta’ Novembru 2009, HDSL ħadet lura l-flotta ta’ bastiment tal-kontejners ta’ IRISL u li, b’mod parallel, HTTS kienet ġiet ikkostitwita bl-għan uniku li jiġu evitati l-miżuri restrittivi kontra IRISL, it-tielet, li HTTS kienet ser tkun l-aġent ta’ HDSL fl-Ewropa, għall-bqija tal-flotta ta’ dik il-kumpannija u, ir-raba’, li HTTS twettaq l-attività kollha tagħha għal IRISL.

108    Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dikjarazzjonijiet kienu għad-dispożizzjoni tal-Kunsill matul it-tielet inklużjoni, sa fejn ir-riferiment għal dawn id-dikjarazzjonijiet jinsab fis-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2013, HTTS vs Il-Kunsill (T‑128/12 u T‑182/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:312), kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dik is-sentenza, u li l-adozzjoni ta’ din tal-aħħar tippreċedi din l-inklużjoni.

109    Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal talba li saritilha mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kunsill ippreċiża, fir-rigward tat-tielet inklużjoni, li l-elementi msemmija fl-Annessi A 3 u A 5 tar-rikors iċċitati fil-punti 104 u 105 iktar ’il fuq kienu fil-pussess tiegħu waqt l-adozzjoni ta’ din l-inklużjoni u li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650).

110    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kunsill, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ipproduċa l-prova li, waqt l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, huwa kellu numru ta’ indizji u li huwa ma wettaqx l-inklużjonijiet kontenzjużi fl-assenza ta’ kull prova.

111    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrent li l-prova ta’ ksur gravi u manifest f’dan il-każ tirriżulta direttament, minn naħa, mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill matul il-proċedura li wasslet għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409) u, min-naħa l-oħra, minn dik is-sentenza u mis-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi ksur suffiċjentement serju mill-Kunsill, ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

112    Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kunsill matul il-proċedura li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, il-Kunsill ma ammettiex fil-kuntest ta’ din il-proċedura li inkluda isem ir-rikorrent fil-listi kontenzjużi abbażi biss tal-informazzjoni li ġejja mill-Istati Membri fl-assenza ta’ kwalunkwe prova. Huwa sempliċement sostna li kien ġie informat minn Stat Membru bil-fatt li r-rikorrent kien id-direttur ta’ IRISL Europe, jiġifieri ċirkustanza li ma kinitx issemmiet fil-motivi tat-tieni inklużjoni u li għalhekk ma kinitx is-suġġett ta’ analiżi min-naħa tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tar-rikors kontra din l-inklużjoni. Barra minn hekk, għalkemm il-Kunsill iddikjara, waqt is-seduta fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li huwa ma kellux fil-mument tal-adozzjoni tat-tieni inklużjoni la l-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lanqas l-artiklu tan-New York Times tas-7 ta’ Ġunju 2010, jirriżulta li l-imsemmija inklużjoni ma kinitx ibbażata fuq dawn iż-żewġ elementi biss, iżda fuq numru ikbar ta’ indizji. Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-elementi indikati fil-punti 98 sa 103 iktar ’il fuq.

113    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien wettaq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, kif ukoll tas-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), għandu jiġi ppreċiżat qabel kollox li żball manifest ta’ evalwazzjoni bħala motiv invokat insostenn ta’ rikors għal annullament għandu jiġi distint minn ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali invokat biex jinstab ksur serju biżżejjed ta’ dispożizzjoni legali maħsuba sabiex tagħti drittijiet lil individwi fil-kuntest ta’ azzjoni għal kumpens.

114    Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), u kif dan huwa speċifikat fil-punt 92 iktar ’il fuq, il-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi għandhom kollha jirrigwardaw id-data li fiha d-deċiżjoni jew l-aġir ikunu ġew adottati mill-istituzzjoni kkonċernata.

115    B’dan il-mod, l-argumenti tar-rikorrent dwar is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), u tat-18 ta’ Settembru 2015, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill (T‑45/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:650), ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala elementi disponibbli fid-data tal-inklużjonijiet kontenzjużi, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur gravi u manifest min-naħa tal-Kunsill ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dawn l-inklużjonijiet.

116    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li t-tielet inklużjoni seħħet wara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bateni vs Il-Kunsill (T‑42/12 u T‑181/12, mhux ippubblikata, EU:T:2013:409), u li, fuq il-bażi tas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), tali inklużjoni tikkostitwixxi ksur gravi u manifest ta’ dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi, għandu jiġi rrilevat li, bejn id-data tal-adozzjoni tal-imsemmija sentenza u dik tat-tielet reġistrazzjoni, kriterju ta’ reġistrazzjoni ġdid usa’ minn dak immirat lejn il-persuni ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi li huma proprjetà jew ikkontrollati minn IRISL jew li jaġixxu f’isimha, kienet ġiet prevista mid-Deċiżjoni 2013/497 u r-Regolament Nru 971/2013 rispettivament fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 2010/413 u fl-Artikolu 23(2)(e) tar-Regolament Nru 267/2012. Peress li dan il-kriterju ġdid isemmi wkoll il-“persuni u entitajiet li jaġixxu f’isimhom jew persuni u entitajiet li jipprovdu assigurazzjoni jew servizzi essenzjali oħra lil […] IRISL, jew lil entitajiet tagħh[a] jew ikkontrollati minnh[a] jew li jaġixxu f’is[imha]” ma kienx limitat biss għall-persuni miżmuma, ikkontrollati jew li jaġixxu f’isem IRISL, iżda kien ikopri wkoll dawk li jipprovdu servizzi lill-entitajiet li jkunu proprjetà ta’, ikkontrollati u li jaġixxu f’isem din il-kumpannija.

117    Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni tat-tielet inklużjoni fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill ma llimitax ruħu li jirrepeti l-ġustifikazzjoni mogħtija fit-tieni inklużjoni. Fil-fatt, it-tielet inklużjoni kienet motivata, b’mod partikolari, mill-fatt li r-rikorrent kien id-direttur ġenerali ta’ HTTS, li, bħala aġent ġenerali, kien jipprovdi servizzi essenzjali lil SAPID u lil HDSL. Għalhekk, din l-inklużjoni ġdida tar-rikorrent kienet ibbażata fuq kriterju ġdid ta’ inklużjoni, jiġifieri l-provvista ta’ servizzi essenzjali għal entitajiet li jaġixxu f’isem IRISL.

118    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-aġir tal-Kunsill f’din il-kawża kien identiku għal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill (T‑384/11, EU:T:2014:986), għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kunsill kien wettaq illegalità, filwaqt li ma kellux marġni ta’ diskrezzjoni, dan kien dovut għall-fatt li ma kellux, fid-data tal-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni, informazzjoni jew provi li jsostnu r-raġunijiet tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti u li għalhekk kien kiser obbligu li kien diġà nħoloq, fid-data tal-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u li fir-rigward tiegħu l-Kunsill ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Issa, f’din il-kawża, l-osservanza, mill-Kunsill, tal-obbligu li jiġu prodotti l-provi insostenn tal-inklużjonijiet kontenzjużi ma hijiex inkwistjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kunsill, billi adotta l-imsemmija inklużjonijiet abbażi tal-elementi li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-inklużjonijiet, b’mod partikolari dawk indikati fil-punti 98 sa 109 iktar ’il fuq, wettaqx ksur suffiċjentement serju, li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni li kellu l-Kunsill fl-evalwazzjoni tal-indizji użati insostenn tal-miżuri restrittivi inkwistjoni.

120    F’dan ir-rigward, bi tweġiba għall-argument tar-rikorrent li, meta ġew adottati l-inklużjonijiet ikkontestati, ma kien hemm l-ebda diffikultà partikolari li kienet tipprekludi lill-Kunsill milli jaċċetta li attività preċedenti ma setgħetx fiha nnifisha tiġġustifika li timponi miżuri restrittivi kontra persuna u Il-Kunsill għalhekk ma kellu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward jew l-iktar l-iktar, marġni ta’ diskrezzjoni estremament dejjaq, għandu jiġi mfakkar li t-tieni inklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrent kien direttur legali ta’ HTTS, kumpannija awtorizzata li taġixxi f’isem IRISL, kif ukoll direttur ta’ IRISL, u li t-tielet inklużjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrent kien qiegħed jaġixxi f’isem IRISL, peress li kien direttur ta’ IRISL sal-2008, imbagħad direttur ġenerali ta’ IRISL Europe u, fl-aħħar, direttur legali ta’ HTTS li, bħala aġent ġenerali, ipprovdiet servizzi essenzjali lil SAPID u HDSL, it-tnejn huma nnominati bħala entitajiet li jaġixxu f’isem IRISL.

121    L-inklużjonijiet kontenzjużi kienu għalhekk ibbażati kemm fuq ir-rabta personali bejn ir-rikorrent u IRISL kif ukoll fuq il-fatt li r-rikorrent kellu rwol ta’ ġestjoni fi ħdan kumpannija allegatament ikkontrollata jew miżmuma minn IRISL, b’mod partikolari HTTS, li kienet tipprovdi servizzi essenzjali lil kumpanniji oħra allegatament ikkontrollati jew miżmuma minn IRISL, b’mod partikolari HDSL u SAPID.

122    Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk attività preċedenti ta’ persuna setgħetx tiġġustifika b’mod suffiċjenti l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha jew jekk kellhomx jittieħdu indizji oħra, għandu jiġi rrilevat li, skont iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal attività eżerċitata fil-passat jista’ jikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-adozzjoni ta’ miżura restrittiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 86).

123    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fid-data tal-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, il-kunċett ta’ kumpannija “proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn entità oħra”, fir-rigward tal-miżuri restrittivi, kien iħalli wkoll marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill. Barra minn hekk, għalkemm, fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-kontenut tal-kliem “miżmuma” u “kkontrollat(a)”, għandu jiġi rrilevat li hija kkonfermat, fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza, dak li l-Qorti Ġenerali kienet fakkret fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2017, HTTS vs Il-Kunsill (T‑692/15, EU:T:2017:890), jiġifieri li l-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata” ma kellux, fil-qasam tal-miżuri restrittivi, l-istess portata bħal dik imsemmija, b’mod ġenerali, mid-dritt tal-kumpanniji fejn il-kwistjoni tkun li tiġi identifikata r-responsabbiltà kummerċjali ta’ kumpannija li legalment tkun taħt il-kontroll deċiżjonali ta’ entità kummerċjali oħra. Il-Qorti tal-Ġustizzja ffavorixxiet definizzjoni pjuttost wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontroll” fil-qasam tal-miżuri restrittivi u ma tatx definizzjoni stretta tal-kliem “miżmuma” u “kkontrollata”, kif jirriżulta essenzjalment mill-punti 74 u 75 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il-Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694).

124    Għaldaqstant, għandu jitqies, bħalma jagħmlu l-Kunsill u l-Kummissjoni, li, fid-data tal-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, setgħet teżisti inċertezza dwar il-kontenut eżatt tal-kunċett ta’ “kumpannija miżmuma jew ikkontrollata minn entità oħra” u li, konsegwentement, il-Kunsill kellu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni tal-elementi li jistgħu jistabbilixxu li HTTS, li tagħha r-rikorrent kien id-direttur, kienet miżmuma jew ikkontrollata minn kumpannija parteċipanti, li kienet assoċjata direttament ma’ jew li tipprovdi appoġġ għall-attivitajiet nukleari tal-Iran.

125    Fl-aħħar lok, ir-rikorrent invoka l-argument li, matul it-tielet inklużjoni, il-Kunsill injora l-fatt li, permezz tas-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453), il-Qorti Ġenerali kienet annullat l-inklużjoni ta’ IRISL kif ukoll kumpanniji oħra li għalihom kien għamel riferiment, b’mod partikolari SAPID u HDSL, u li, minħabba f’hekk, il-“provi” prodotti kienu, mill-bidu nett, irrilevanti. F’dan ir-rigward, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 48 tas-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2019, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (C‑225/17 P, EU:C:2019:82), ir-realtà materjali tat-tliet ksur tal-embargo stabbilit permezz tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) ma ġietx ikkontestata mis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il-Kunsill (T‑489/10, EU:T:2013:453). Fil-punt 66 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li “tidher li hija ġġustifikata l-kunsiderazzjoni li l-fatt li l-IRISL kienu involuti fi tliet inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal militari bi ksur tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 5 tar-riżoluzzjoni 1747 (2007) iżid ir-riskju li huma [kienu ġew] involuti [wkoll] f’inċidenti li jikkonċernaw it-trasport ta’ materjal marbut mal-proliferazzjoni nukleari”.

126    Konsegwentement, mill-annullament tal-inklużjoni tal-ismijiet ta’ IRISL, ta’ SAPID u ta’ HDSL, wara l-adozzjoni tat-tieni u tat-tielet inklużjoni, ma jirriżultax li l-Kunsill wettaq ksur tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

127    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel ilment tiegħu, il-Kunsill, fid-dati tal-adozzjoni tat-tieni u tat-tielet inklużjoni, kellu elementi li jistgħu jitqiesu bħala indizji li r-rikorrent kellu rabtiet ma’ IRISL u seta’ jaġixxi f’isem IRISL fl-Ewropa kif ukoll jaġixxi fi ħdan HTTS fl-interess ta’ IRISL.

128    Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li, matul it-tieni u t-tielet inklużjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi bbaża ruħu fuq iċ-ċirkustanzi invokati, ma jistax jitqies li dan l-iżball kien ta’ natura flagranti u mhux skużabbli u li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti ma kinitx twettqu f’ċirkustanzi analogi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, Bank Saderat vs Il-Kunsill, T‑433/15, mhux ippubblikata, EU:T:2019:374, punt 73).

129    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fid-dati tal-adozzjoni tal-inklużjonijiet kontenzjużi, il-Kunsill ma tbegħidx mill-aġir li amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kienet tadotta.

130    Isegwi li l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ inklużjoni, sa fejn il-Kunsill ma stabbilixxiex, abbażi ta’ provi suffiċjenti, li r-rikorrent kien taħt il-kontroll ta’ IRISL, għandu jiġu miċħud.

–       Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

131    Fir-rigward tat-tieni lment, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent irċieva l-informazzjoni neċessarja sabiex jifhem il-motivi tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u li huwa kien f’pożizzjoni li jsostni l-illegalità tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u li jikseb l-annullament tagħhom.

132    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, peress li r-rikorrent ippreżenta rikors kontra l-miżuri restrittivi li jikkonċernawh u peress li l-Qorti Ġenerali annullat dawn il-miżuri, huwa ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, T‑552/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:897, punt 51).

133    Għalhekk, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq ksur suffiċjentement serju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll tal-libertà ta’ intrapriża u għall-proprjetà

134    Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Kunsill, li l-argumenti tar-rikorrent ma humiex sostnuti minn provi u, għaldaqstant, ma jissodisfawx ir-rekwiżiti meħtieġa mill-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura.

135    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, din l-espożizzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-parti konvenuta li tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun hemm bżonn mingħajr ma tintalab informazzjoni oħra. Fil-fatt, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mill-kliem stess użat fir-rikors, u dan sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, kull motiv li ma huwiex artikolat b’mod suffiċjenti fir-rikors promotur għandu jitqies li huwa inammissibbli. Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta lment jiġi invokat insostenn ta’ motiv. Din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku għandha titqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2016, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑384/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:298, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Frar 2020, Kampete vs Il-Kunsill, T‑164/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:54, punt 112).

136    Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrent sempliċement ifakkar il-kontenut tal-prinċipji invokati mingħajr ma jipprovdi ebda element sabiex isostni l-eżistenza ta’ ksur serju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, kif ukoll tal-libertà tal-intrapriża u għall-proprjetà. Barra minn hekk, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ippreċiża li l-mistoqsijiet li huwa kien qajjem fil-parti ddedikata għall-eżistenza ta’ dannu morali li jirriżulta mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu ma setgħux jintużaw fil-kuntest tal-prova tal-eżistenza tal-ksur suffiċjentement serju tal-imsemmija drittijiet fundamentali.

137    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent ma qajjimx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-argument intiż sabiex isostni l-allegat ksur serju tad-drittijiet fundamentali msemmija iktar ’il fuq.

138    Konsegwentement, hemm lok li t-tielet ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli.

139    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ stabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni humiex issodisfatti.

 Fuq l-ispejjeż

140    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

141    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

142    Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

2)      N. Bateni għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Kanninen

Jaeger

Porchia

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Lulju 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.