Language of document : ECLI:EU:T:2020:402

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

9 ta’ Settembru 2020 (*)

“Agrikoltura – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Denominazzjonijiet tal-oriġini fis-settur tal-inbid – Tikkettar tal-inbejjed – Indikazzjoni tal-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid li jinkludi jew li jikkonsisti f’denominazzjoni tal-oriġini protetta – Projbizzjoni – Deroga – Regolament Delegat (UE) 2017/1353 – Inklużjoni tal-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid ‘teran’ fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 – Effett retroattiv għad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni – Denominazzjoni tal-oriġini protetta Slovena ‘Teran’ – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Dritt għall-proprjetà – Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni – Ftehim interistituzzjonali dwar it-titjib tal-leġiżlazzjoni – Bilanċ istituzzjonali”

Fil-Kawża T‑626/17,

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc u T. Mihelič Žitko, bħala aġenti, assistiti minn R. Knaak, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Eggers, I. Galindo Martín u B. Rous Demiri, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Kroazja, irrappreżentata minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent, assistita minn I. Ćuk, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1353 tad-19 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid u s-sinonimi tagħhom li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed (ĠU 2017, L 190, p. 5),

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz, L. Madise, C. Iliopoulos u I. Reine (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini fis-settur tal-inbid

1.      Fuq ir-Regolament Nru 479/2008 u r-Regolament Nru 1234/2007

1        L-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 tad-29 ta’ April 2008 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU 2008, L 148, p. 1, rettifika fil-ĠU 2008, L 220, p. 35), li sar applikabbli b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2009 u li kien jikkonċerna l-ismijiet tal-inbejjed li kienu diġà jibbenefikaw minn protezzjoni bis-saħħa ta’ regolamenti preċedenti, kien jipprevedi dan li ġej:

“1.      Ismijiet ta’ nbejjed li jkunu protetti skond l-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 […] għandhom ikunu protetti awtomatikament skond dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha telenkahom fir-reġistru li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament.

[…]

4.      […]

Jista’ jkun deċiż, sal-31 ta’ Diċembru 2014, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 113(2) [ta’ dan ir-regolament], li tiġi kkanċellata l-protezzjoni ta’ l-ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 34 [tal-istess regolament].”

2        Ir-Regolament Nru 479/2008 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2009, L 154, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 313, p. 47). Permezz ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 479/2008, li huma speċifiċi għas-settur tal-inbid, ġew integrati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU 2007, L 299, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 97, p. 4).

3        F’dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) u (4) tar-Regolament Nru 479/2008 ġew riprodotti fl-Artikolu 118s(1) u (4) tar-Regolament Nru 1234/2007.

2.      Fuq ir-Regolament Nru 1308/2013

4        Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifika fil-ĠU 2020, L 1, p. 5), huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

5        L-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118s(1) u (4) tar-Regolament Nru 1234/2007, dwar il-protezzjoni ta’ ismijiet eżistenti, bit-termini segwenti:

“1.      Ismijiet ta’ nbejjed imsemmija fl-Artikoli 51 u 54 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 […] għandhom ikunu protetti awtomatikament skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tagħmel lista tagħhom fir-reġistru [elettroniku E-Bacchus] msemmi fl-Artikolu 104 ta’ dan ir-Regolament.

[…]

3.      […]

Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva proprja, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jħassru l-protezzjoni ta’ ismijiet protetti eżistenti ta’ nbejjed imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 93 [ta’ dan ir-regolament] […]”

B.      Dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid li jinkludi jew li jikkonsisti f’DOP għat-tikkettar tal-inbejjed

1.      Fuq ir-Regolament Nru 753/2002

6        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 tad-29 ta’ April 2002 li jistabbilixxi ċerti regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward id-deskrizzjoni, id-denominazzjoni ta’ l-origini, il-preżentazzjoni u l-protezzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur ta’ l-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 35, p. 455), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-1 ta’ Awwissu 2009, kien introduċa sistema partikolari fil-qasam tat-tikkettar tal-inbejjed. B’mod partikolari, l-Artikolu 19(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi dan li ġej:

“1.      L-ismijiet tal-varjetajiet tad-dwieli użati għall-produzzjoni ta’ l-inbid tal-mejda b’indikazzjoni ġeografika jew l-[inbid ta’ kwalità prodott f’reġjuni speċifiċi (inbid ta’ kwalità prs)] jew is-sinonimi tagħhom jistgħu jingħataw fuq it-tikketta ta’ l-inbid ikkonċernat basta iżda li:

[…]

(ċ)      l-isem tal-varjetà jew wieħed mis-sinonimi tiegħu ma jinkludix indikazzjoni ġeografika użata biex tiddeskrivi l-inbid psr ta’ kwalità […]”

7        Madankollu, il-projbizzjoni fir-rigward tat-tikkettar kienet is-suġġett ta’ eċċezzjoni partikolari fl-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament Nru 753/2002, li kienet ifformulata kif ġej:

“2.      Bħala deroga mill paragrafu 1(c) [tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 753/2002]:

[…]

(b)      l-ismijiet tal-varjetà u s-sinonimi tagħhom elenkati fl-Anness II [ta’ dan ir-regolament] jistgħu jintużaw permezz tar-regoli nazzjonali u tal-Komunità fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

2.      Fuq ir-Regolamenti Nri 479/2008, 1234/2007 u 1308/2013

8        L-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 479/2008 kien jipprovdi dan li ġej:

“Għajr fejn provdut mod ieħor fil-miżuri implimentattivi tal-Kummissjoni, fejn l-isem ta’ varjetà ta’ l-għeneb ta’ l-inbid fih jew jikkonsisti minn denominazzjoni ta’ l-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, dak l-isem ma għandux jintuża għall-finijiet ta’ tikkettar ta’ prodotti koperti minn dan ir-Regolament.”

9        L-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 rriproduċa d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 479/2008. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-1 ta’ Lulju 2013, huwa kien jipprovdi kif ġej:

“Għajr fejn provdut mod ieħor fil-miżuri implimentattivi tal-Kummissjoni, fejn l-isem ta’ varjetà tal-għeneb tal-inbid fih jew jikkonsisti minn denominazzjoni tal-oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta, dak l-isem m’għandux jintuża għall-finijiet ta’ tikkettar ta’ prodotti koperti minn dan ir-Regolament.”

10      L-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, li ssostitwixxa r-Regolament Nru 1234/2007 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, issa jipprovdi kif ġej:

“Fejn l-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid ikun fih jew ikun jikkonsisti minn denominazzjoni protetta ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, dak l-isem ma għandux jintuża għall-finijiet ta’ tikkettar ta’ prodotti agrikoli.

Sabiex jittieħed kont tal-prattiki ta’ tikkettar eżistenti, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 [tar-Regolament Nru 1308/2013] li jistabbilixxu eċċezzjonijiet minn dik ir-regola.”

11      Barra minn hekk, l-Artikolu 227 tar-Regolament Nru 1308/2013 jagħti lill-Kummissjoni Ewropea s-setgħa li tadotta atti ddelegati bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ dan l-artikolu.

12      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 232(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi li dan ir-regolament huwa applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

3.      Fuq ir-Regolament Nru 607/2009

13      L-Artikolu 62(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 193, p. 60), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima, kien jipprevedi kif ġej:

“Permezz tad-deroga mill-Artikolu 42(3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2008, l-ismijiet tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid użati u s-sinonimi tagħhom elenkati fil-Parti A tal-Anness XV għal dan ir-Regolament, li jikkonsistu minn jew fihom denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jistgħu jidhru biss fuq it-tikketta ta’ prodott b’denominazzjoni tal-oriġini […] protetta […] jekk kienu awtorizzati skont ir-regolamenti tal-Komunità fis-seħħ fil-11 ta’ Mejju 2002 jew fid-data tal-adeżjoni tal-Istati Membri, liema minnhom tiġi l-aħħar.”

14      Il-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 kienet tinkludi l-lista tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid u tas-sinonimi tagħhom li setgħu jitqiegħdu fuq it-tikketta tal-inbejjed konformement mal-Artikolu 62(3) ta’ dan ir-regolament.

15      Ir-Regolament Nru 607/2009 tħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament Nru 1308/2013 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU 2019, L 9, p. 2, rettifika fil-ĠU 2019, L 269, p. 13). It-termini tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009 ġew riprodotti, essenzjalment, fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament 2019/33. Barra minn hekk, il-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 issa tinsab fl-Anness IV tar-Regolament 2019/33.

C.      Dispożizzjonijiet fil-qasam tat-tikkettar adottati wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni

1.      Fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013

16      Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 753/2013 tat-2 ta’ Awwissu 2013 li jemenda r-Regolament Nru 607/2009 (ĠU 2013, L 210, p. 21).

17      Il-premessi 2, 3 u 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013 jipprovdu dan li ġej:

“(2)      Il-leġiżlazzjoni tal-inbid applikabbli fil-Kroazja ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar id-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti jew dwar it-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid, b’mod partikolari dawk ipprovduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009. Sabiex l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fil-Kroazja jitħallew ikomplu jbigħu prodotti magħmula f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Kroazja qabel ma aderixxiet mal-Unjoni, l-operaturi għandhom jingħataw l-għażla li jużaw il-ħażniet ta’ inbid prodott f’konformità mar-regoli li japplikaw qabel l-adeżjoni.

(3)      Fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja, f’konformità mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament (KE) Nru 607/2009, talbet li l-ismijiet tal-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ‘Alicante Bouschet’, ‘Burgundac crni’, ‘Burgundac sivi’, ‘Burgundac bijeli’, ‘Borgonja istarska’ u ‘Frankovka’ li tradizzjonalment jintużaw biex jiġu kkummerċjalizzati l-inbejjed prodotti f’dak il-pajjiż, li jikkonsistu fi jew ikollhom denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetti, ikunu jistgħu jkomplu jidhru fuq it-tikketti ta’ nbejjed Kroati b’denominazzjoni tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetti. Wara verifika, il-Kummissjoni taqbel li l-isem tal-Kroazja jiġi inkluż, flimkien mad-data ta’ adeżjoni, fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament imsemmi hawn fuq rigward l-ismijiet tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li għalihom qed tirreferi din it-talba.

[…]

(5)      Ir-Regolament (KE) Nru 607/2009 għandu jiġi emendat skont dan.”

18      L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013 jipprovdi li l-inbejjed prodotti fil-Kroazja sat-30 ta’ Ġunju 2013, b’din id-data inkluża, li huma konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli f’din id-data fil-Kroazja, jistgħu, minn naħa, ikomplu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti u, min-naħa l-oħra, jiġu ttikkettati konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-Kroazja fit-30 ta’ Ġunju 2013. Dan l-Artikolu 1 jipprevedi wkoll, essenzjalment, li l-isem tar-Repubblika tal-Kroazja għandu jiġi inkluż fl-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009, b’effett mid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, fir-rigward tal-ismijiet tal-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid koperti mit-talba ta’ dan l-Istat.

2.      Fuq ir-Regolament ikkontestat

19      Fid-19 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1353, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid u s-sinonimi tagħhom li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed (ĠU 2017, L 190, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”). Il-premessi 2 sa 5 ta’ dan ir-regolament jispeċifikaw dan li ġej:

“(2)      Fid-dawl tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013, [ir-Repubblika tal-]Kroazja talbet li l-lista nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid rikonoxxuti tiddaħħal fil-lista ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jidhru fuq it-tikkettar tal-inbejjed, li tinsab fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2002 u li bħalissa qed tidher fl-Anness XV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009. Skont ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni indikat [lir-Repubblika tal-]Kroazja li l-lista nazzjonali tal-varjetajiet m’għandhiex tiġi approvata fil-livell tal-Unjoni u li kull Stat Membru jiddeċiedi dwar il-lista tiegħu stess. Il-Kummissjoni indikat ukoll [lir-Repubblika tal-]Kroazja li, skont il-prattika segwita f’adeżjonijiet preċedenti u b’mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1429/2004 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 753/2002, l-inklużjoni ta’ ismijiet ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid Kroati fil-lista tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 issir wara l-adeżjoni. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, [ir-Repubblika tal-]Kroazja rtirat din it-talba mill-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha.

(3)      L-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 ġie emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 753/2013 biex jiddaħħlu b’mod partikolari l-ismijiet tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid użati tradizzjonalment għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed prodotti fit-territorju Kroat li fihom jew jikkonsistu minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika protetta fl-Unjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu jidhru fuq it-tikketta ta’ nbejjed Kroati li jibbenefikaw minn denominazzjoni tal-oriġini protetta jew minn indikazzjoni ġeografika protetta. Minħabba s-sensittività tal-kwistjoni [għar-Repubblika tas-]Slovenja, l-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid ‘Teran’, omonimu tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta Slovena ‘Teran’ (PDO-SI-A1581), ma ġiex inkluż f’dan ir-Regolament sakemm ikun hemm il-pożizzjoni nnegozjata bejn [ir-Repubblika tal-]Kroazja u [ir-Repubblika tas-]Slovenja.

(4)      [Ir-Repubblika tal-]Kroazja llimitat it-talba tagħha għall-użu tal-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid ‘Teran’ għall-inbejjed bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta ‘Hrvatska Istra’ (PDO-HR-A1652). Minkejja l-limitazzjoni territorjali tal-awtorizzazzjoni mitluba u l-ħidma kontinwa tal-Kummissjoni, kien impossibbli li tinstab soluzzjoni ta’ kompromess bejn [ir-Repubblika tal-]Kroazja u [ir-Repubblika tas-]Slovenja.

(5)      Billi, minkejja d-diversi tentattivi min-naħa tal-Kummissjoni, ma kinitx instabet soluzzjoni negozjata, biex jiġu rrikonċiljati l-pożizzjonijiet [ir-Repubblika tal-]Kroazja u [tar-Repubblika tas-]Slovenja, u wara li saret il-verifika tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar il-prattika ta’ tikkettar eżistenti fir-rigward tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid ‘Teran’, jenħtieġ li jitniżżel l-isem ta’ dik il-varjetà fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta ‘Hrvatska Istra’.”

20      Mill-premessa 8 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta wkoll li dan ir-regolament għandu jingħata effett retroattiv għad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, fl-1 ta’ Lulju 2013, għar-raġunijiet segwenti:

“Jenħtieġ li l-inklużjoni [tar-Repubblika tal-]Kroazja fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 rigward l-użu tal-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid ‘Teran’ tieħu effett fid-data tal-adeżjoni tagħha, fl-1 ta’ Lulju 2013, minħabba li t-talba [tar-Repubblika tal-]Kroazja ġiet ippreżentata qabel din id-data, l-użu tradizzjonali tal-isem ‘Teran’ bħala varjetà ta’ għeneb tal-inbid għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed prodotti fit-territorju tal-Kroazja kienet il-prattika eżistenti fil-mument tal-adeżjoni u minħabba li l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament ġiet posposta unikament sakemm ikun hemm soluzzjoni nnegozjata. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjoni tranżitorja li tikkonċerna l-inbejjed prodotti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.”

21      Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat, linja supplimentari bin-numru 55 ġiet inkluża fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009, li tispeċifika li l-isem “Teran” seta’ jissemma bħala varjetà ta’ għeneb tal-inbid fuq it-tikketta tal-inbejjed prodotti fil-Kroazja, iżda biss fir-rigward tad-denominazzjoni tal-oriġini “Hrvatska Istra” (PDO-HR-A 1652), u bil-kundizzjoni li “Hrvatska Istra” u “Teran” jidhru fl-istess parti viżiva u li l-isem “Teran” jidher b’tipa iżgħar minn dik użata għal “Hrvatska Istra”.

22      Madankollu, l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi l-miżura tranżitorja segwenti:

“L-inbejjed bid-denominazzjoni tal-oriġini protetta ‘Hrvatska Istra’ (PDO-HR-A1652), prodotti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli jistgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm jispiċċaw l-istokkijiet, anki jekk huma ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ tikkettar stabbiliti fir-ringiela 55 tal-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament (KE) Nru 607/2009 kif miżjud bl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.”

23      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament ikkontestat daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-21 ta’ Lulju 2017. Madankollu, it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprevedi li r-Regolament ikkontestat għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2013.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Fir-rigward tal-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni u tad-denominazzjoni tal-oriġini protetta “Teran”

24      Ir-Repubblika tas-Slovenja aderixxiet mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004.

25      Wara din l-adeżjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 1429/2004 tad-9 ta’ Awwissu 2004 li jemenda r-Regolament Nru 753/2002 (ĠU 2004, L 236, p. 11). Konformement mal-Artikolu 3 tiegħu, ir-Regolament Nru 1429/2004 japplika retroattivament b’effett mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja mal-Unjoni.

26      Skont l-Anness II tar-Regolament Nru 1429/2004, diversi ismijiet ta’ varjetajiet ta’ dwieli li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jiġu inklużi fit-tikkettar tal-inbejjed ġew introdotti fil-lista prevista fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 753/2002 fir-rigward tar-Repubblika tas-Slovenja. Min-naħa tiegħu, l-isem “Teran” ġie inkluż, fir-rigward tar-Repubblika tas-Slovenja, fil-lista tat-“termini tradizzjonali addizzjonali” fl-Unjoni, jiġifieri l-lista tat-termini użati tradizzjonalment sabiex jiġu identifikati l-inbejjed fl-Istati Membri produtturi, li jirreferu b’mod partikolari għal metodu ta’ produzzjoni, ta’ elaborazzjoni, ta’ maturazzjoni, jew għall-kwalità, għall-kulur, għat-tip ta’ post, jew għal avveniment storiku marbut mal-istorja tal-inbid inkwistjoni u li huwa ddefinit fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri produtturi għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-inbejjed inkwistjoni prodotti fit-territorju tagħhom. It-terminu tradizzjonali addizzjonali “Teran” kien għalhekk assoċjat mal-inbid ta’ Kras bħala “inbid ta’ kwalità prodott f’reġjuni speċifiċi” (iktar ’il quddiem “inbid ta’ kwalità prs”).

27      Fis-17 ta’ Frar 2006, konformement mal-Artikolu 54(5) tar-Regolament Nru 1493/1999, il-Kummissjoni ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2006, C 41, p. 1) lista aġġornata tal-inbid ta’ kwalità prs, stabbilita fuq il-bażi tad-data kkomunikata mill-Istati Membri. Din il-lista ssemmi l-isem “Kras, teran” fir-rigward tas-Slovenja.

28      Permezz ta’ ittra elettronika tas-7 ta’ Lulju 2009, ir-Repubblika tas-Slovenja kkomunikat lill-Kummissjoni lista nazzjonali ġdida tal-inbid ta’ kwalità prs tagħha, li kienet issemmi, din id-darba, l-ismijiet “Teran, Kras” u “Kras”. Din il-lista l-ġdida, li kienet tirrifletti s-sitwazzjoni fis-Slovenja fil-31 ta’ Lulju 2009, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fit-8 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, C 187, p. 1). B’applikazzjoni tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 479/2008, l-ismijiet inklużi f’din il-lista bbenefikaw għalhekk minn protezzjoni awtomatika taħt ir-regolament il-ġdid. Madankollu, ir-Repubblika tas-Slovenja kellha tippreżenta, quddiem il-Kummissjoni, il-fajls tekniċi kif ukoll id-deċiżjonijiet nazzjonali li japprovaw dawn l-ismijiet.

29      Fis-6 ta’ Diċembru 2011, ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat quddiem il-Kummissjoni l-fajl tekniku msemmi fl-Artikolu 118c tar-Regolament Nru 1234/2007 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 479/2008), dwar l-isem tal-inbid “Teran”, bil-għan li dan l-isem jiġi protett bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta (DOP) fis-sens tal-Artikolu 118b ta’ dan ir-regolament.

30      Fis-17 ta’ Diċembru 2014, fil-Komunikazzjoni C(2014) 9593 final tiegħu, indirizzata lill-Kummissjoni, il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali stieden lill-kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni sabiex japprovaw ir-riżultati tal-eżami, imwettaq mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, tal-fajls tekniċi dwar l-ismijiet ta’ nbejjed eżistenti, li l-Kummissjoni kienet irċeviet skont l-Artikolu 118s(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 479/2008). L-isem Sloven “Teran” kien jinsab fil-lista tal-ismijiet ta’ nbejjed eżistenti li fir-rigward tagħhom il-protezzjoni bħala DOP kienet ikkonfermata. Madankollu, nota ta’ qiegħ il-paġna kienet tispeċifika li l-użu tal-isem “Teran” mir-Repubblika tas-Slovenja ma kienx jaffettwa d-drittijiet tal-produtturi Kroati li jużaw dan l-isem sabiex jidentifikaw varjetà ta’ għeneb tal-inbid, konformement mal-att iddelegat li l-Kummissjoni kienet qiegħda tippjana li tadotta skont l-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013.

B.      Fir-rigward tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” fil-Kroazja

31      Fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja ppreżentat il-pożizzjoni tan-negozjar tagħha fit-8 ta’ Settembru 2008. Fil-paġna 51 ta’ dan id-dokument, fil-Kapitolu 11, dwar l-agrikoltura, ir-Repubblika tal-Kroazja talbet, b’mod partikolari, li “[i]l-lista nazzjonali tagħha tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid irrikonoxxuti [tiġi] inkluża fil-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli jew tas-sinonimi tagħhom li [kienu] jinkludu indikazzjoni ġeografika jew li [setgħu] jiġu inklużi fit-tikkettar tal-inbejjed, li għaliha [kien] hemm riferiment fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 753/220” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

32      Fit-28 ta’ Jannar 2011, ir-Repubblika tal-Kroazja indikat, f’addendum għall-pożizzjoni tan-negozjar tagħha, dwar il-Kapitolu 11, intitolat “Agrikoltura u żvilupp rurali”, li hija xtaqet tirtira t-talba tagħha msemmija fil-punt 31 iktar ’il fuq. Hija enfasizzat li kienet fehmet li l-lista nazzjonali tal-varjetajiet ta’ dwieli jew tas-sinonimi tagħhom li kienu jinkludu indikazzjoni ġeografika u li setgħu jiġu inklużi fit-tikkettar ta’ nbejjed kellha tiġi stabbilita minn kull Stat Membru konformement mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1234/2007 u li lista ta’ dawn il-varjetajiet kienet ser titħejja mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 607/2009.

33      Fil-Pożizzjoni Komuni tagħha AD 12-11, tal-15 ta’ April 2011, dwar il-Kapitolu 11, iddedikat għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali, l-Unjoni rrilevat li r-Repubblika tal-Kroazja kienet “irrinunzjat għat-talba tagħha għall-inklużjoni fil-lista nazzjonali tagħha tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid irrikonoxxuti fil-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli jew tas-sinonimi tagħhom li [kienu] jinkludu indikazzjoni ġeografika u li [setgħu] jiġu inklużi fit-tikkettar tal-inbejjed, li għaliha [kien] jagħmel riferiment l-Artikolu 62(4) tar-Regolament Nru 607/2009” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

C.      Fir-rigward tal-proċess tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat

34      F’ittra lill-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2013, ir-Repubblika tal-Kroazja esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-possibbiltà li jkun jista’ jibqa’ jintuża l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” għat-tikkettar tal-inbejjed tagħha wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, minħabba l-fatt li dan l-isem kien diġà rreġistrat bħala DOP Slovena. Hija għalhekk talbet lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni li kienet tissodisfa lill-partijiet ikkonċernati. F’dan il-kuntest, hija stiednet lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid l-istatus tad-DOP Slovena “Teran”.

35      Permezz ta’ ittra oħra mibgħuta lill-Kummissjoni fl-istess jum, ir-Repubblika tal-Kroazja ssottomettiet proposta għal reviżjoni tal-lista A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009. Din il-proposta ma kinitx tkopri l-isem “teran”.

36      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni wieġbet lir-Repubblika tal-Kroazja li r-reġistrazzjoni tad-DOP “Teran” kienet tikkostitwixxi kwistjoni delikata li kienet qiegħda tiġi eżaminata b’attenzjoni kbira mid-dipartimenti tagħha.

37      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 2014 indirizzata lill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Kroazja sostniet għal darba oħra t-tħassib tagħha dwar l-impossibbiltà li l-isem “teran” jintuża għat-tikkettar tal-inbejjed tagħha minħabba l-eżistenza tad-DOP Slovena bl-istess isem. Hija pproponiet li l-isem “teran” jiġi inkluż fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009. Ir-Repubblika tal-Kroazja indikat ukoll li l-Kummissjoni kienet ipproponiet li tinsab soluzzjoni nnegozjata mar-Repubblika tas-Slovenja u li għalhekk fil-11 ta’ Frar 2014 saret laqgħa bejn il-Ministru Kroat u dak Slovakk.

38      Il-Kummissjoni ppreparat abbozz ta’ regolament iddelegat intiż li tiġi emendata l-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009, sabiex f’din il-parti jiġi inkluż l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran”. Dan l-abbozz, li kellu inizjalment jiġi diskuss matul il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-Istati Membri GREX WINE tat-8 ta’ Settembru 2014, kien fl-aħħar mill-aħħar tneħħa mill-aġenda ta’ din il-laqgħa.

39      F’ittra tal-11 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika tas-Slovenja rringrazzjat lill-Kummissjoni għal-laqgħa bilaterali li kienet saret magħha fir-rigward tal-kwistjoni tal-inbid “Teran”. Hija żiedet li din il-kwistjoni kellha importanza kruċjali għall-produtturi tal-inbid tagħha, u li hija kienet sorpriża ħafna meta saret taf li l-Kummissjoni kienet qiegħda tħejji abbozz ta’ regolament iddelegat intiż li jawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tuża dan l-isem għat-tikkettar tal-inbejjed tagħha, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet kuntrarji espressi pubblikament mill-Kummissjoni matul April 2013.

40      Fl-4 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni wieġbet lir-Repubblika tas-Slovenja li għalkemm id-denominazzjoni Slovena “Teran” kienet protetta, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet qajmet il-kwistjoni tal-użu tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” matul in-negozjati li wasslu għall-adeżjoni mal-Unjoni, li hija ma kienx kellha l-possibbiltà toġġezzjona għar-reġistrazzjoni tal-isem “Teran” bħala DOP Slovena u li l-Kummissjoni kellha d-dritt tipprevedi derogi għall-protezzjoni assoluta tad-DOP konformement mat-testi fis-seħħ.

41      Wara dan, inżammu diversi laqgħat u ġew skambjati diversi ittri bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tas-Slovenja.

42      Fl-24 ta’ Jannar 2017, l-abbozz ta’ regolament iddelegat intiż li jippermetti lir-Repubblika tal-Kroazja tuża l-isem “Teran” għat-tikkettar tal-inbejjed tagħha ġie diskuss fi ħdan il-grupp ta’ esperti GREX WINE. Ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tal-Kroazja ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom matul din il-laqgħa.

43      Bejn is-17 ta’ Marzu u l-14 ta’ April 2017, l-abbozz ta’ regolament iddelegat imsemmi fil-punt 42 iktar ’il fuq ġie ppubblikat fuq is-sit internet “Tfassil aħjar tal-liġijiet” tal-Kummissjoni. Diversi intervenjenti, inklużi produtturi u assoċjazzjoni ta’ produtturi Sloveni tal-inbid, ikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom dwar dan l-abbozz ta’ regolament.

44      Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat fid-19 ta’ Mejju 2017.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tas-Slovenja fetħet din il-kawża.

46      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2017.

47      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Diċembru 2017, ir-Repubblika tal-Kroazja talbet li tintervjeni fil-kawża ineżami insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

48      Ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Frar 2018.

49      Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Marzu 2018, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-intervent tar-Repubblika tal-Kroazja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

50      Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2018.

51      Ir-Repubblika tal-Kroazja ppreżentat in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2018.

52      Ir-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Lulju 2018.

53      Il-Kummissjoni ma ppreżentatx osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ intervent.

54      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2018, ir-Repubblika tas-Slovenja indikat li hija xtaqet tinstema’ f’seduta.

55      Fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

56      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

57      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-10 ta’ Ottubru 2019, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-partijiet għal tweġiba bil-miktub qabel is-seduta. Il-partijiet wieġbu fit-termini mogħtija.

58      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2019.

59      Ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

60      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika tas-Slovenja għall-ispejjeż.

61      Ir-Repubblika tal-Kroazja titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

IV.    Id-dritt

62      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja tqajjem tmien motivi, ibbażati:

–        l-ewwel motiv, fuq ksur tal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) ta’ dan ir-regolament;

–        it-tieni motiv, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll ta’ proporzjonalità;

–        it-tielet motiv, fuq ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”);

–        ir-raba’ motiv, fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, sa fejn ir-Regolament ikkontestat jipprevedi perijodu tranżitorju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-inbid prodott qabel l-1 ta’ Lulju 2013;

–        il-ħames motiv, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, fid-dawl tat-tifsira mogħtija lil din id-dispożizzjoni mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-Artikolu 17 tal-Karta u mill-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB;

–        is-sitt motiv, fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-Artikolu 290 TFUE, fis-sens li l-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa mogħtija mit-Trattati sabiex tadotta atti ddelegati;

–        is-seba’ motiv, fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 49(2) TUE, sa fejn ir-Repubblika tal-Kroazja ma ressqitx talba għall-inklużjoni tal-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid “teran” fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u sa fejn ir-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx ġiet informata b’tali talba għall-finijiet tan-negozjati tal-adeżjoni;

–        it-tmien motiv, fuq ksur tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (ĠU 2016, L 123, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim interistituzzjonali”) u tal-punt II.7 tal-Ftehim Komuni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Atti Delegati (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Komuni”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.

A.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) ta’ dan ir-regolament

63      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, hija applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 2014, konformement mal-Artikolu 232 ta’ dan ir-regolament. Issa, mill-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dan huwa applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2013, jiġifieri qabel id-data li fiha r-Regolament li fuq il-bażi tiegħu ġie adottat sar applikabbli. B’hekk, billi tat lir-Regolament ikkontestat effett retroattiv li jkopri perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ u saħansitra għall-eżistenza tar-Regolament Nru 1308/2013, il-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 232 ta’ dan ir-regolament.

64      Fit-tieni lok, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, konformement mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, l-introduzzjoni tal-isem “teran” fil-Parti A tal-Anness XV ta’ dan ir-regolament kellha tiġi awtorizzata konformement mar-regoli tal-Unjoni fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2013. Issa, fl-1 ta’ Lulju 2013, ir-Regolament Nru 1308/2013, li huwa l-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kien għadu mhux fis-seħħ. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet applikabbli f’din id-data kienu dawk tar-Regolament Nru 1234/2007, b’mod partikolari l-Artikolu 118j tiegħu, li ma baqax applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Regolament Nru 1308/2013 ma jistax jitqies li huwa regolament li kien fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009.

65      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

1.      Fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 232 ta’ dan ir-regolament

66      Għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament ikkontestat ġie adottat fid-19 ta’ Mejju 2017 u li daħal fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fil-21 ta’ Lulju 2017. Madankollu, l-Artikolu 3 tiegħu jipprevedi li dan ir-regolament japplika b’mod retroattiv għall-1 ta’ Lulju 2013. Kif tenfasizza r-Repubblika tas-Slovenja, din id-data hija iktar kmieni mid-data li fiha sar applikabbli r-Regolament Nru 1308/2013, li huwa l-bażi legali tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2014.

67      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni essenzjalment ir-Repubblika tas-Slovenja, il-Kummissjoni marritx lil hinn mis-setgħat mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 232 ta’ dan ir-regolament, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma kienu jippermettulha timplimenta d-delega ta’ setgħa mogħtija minn dawn tal-aħħar b’mod retroattiv.

68      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli sostantivi għandhom jiġu interpretati, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li ma jkoprux sitwazzjonijiet stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, ħlief fil-każ li mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li għandhom jingħataw tali effett (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 119, u tad-19 ta’ Ġunju 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑358/11, EU:T:2015:394, punt 112).

69      F’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013, kien biss fl-1 ta’ Jannar 2014 li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) ta’ dan ir-regolament sar applikabbli. Ebda premessa u ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jindikaw li l-punt tat-tluq għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar kellu jiġi stabbilit f’data differenti minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 232 tal-imsemmi regolament. Minkejja li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li hija intiża li tipproteġi l-prattiki eżistenti fil-qasam tat-tikkettar, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma timplika li tali prattiki jistgħu jiġu protetti sa minn qabel id-data tal-applikazzjoni tad-delega ta’ setgħa inkwistjoni. F’dan il-kuntest, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma tistax titqies li tawtorizza lill-Kummissjoni tuża s-setgħat iddelegati tagħha sabiex tagħti deroga li tkopri perijodu qabel l-1 ta’ Jannar 2014.

70      B’hekk, meta bbażat ruħha fuq is-setgħa mogħtija permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 sabiex tagħti deroga fil-qasam tat-tikkettar, bħal dik prevista fir-Regolament ikkontestat, bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, liema applikazzjoni ma kinitx prevista minn dan ir-regolament.

71      Madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk tali applikazzjoni retroattiva tad-delega ta’ setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 tivvizzjax ir-Regolament ikkontestat b’difett sostanzjali ta’ natura li jimplika l-annullament tiegħu fir-rigward tal-effett tiegħu qabel l-1 ta’ Jannar 2014 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2015, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑358/11, EU:T:2015:394, punt 121).

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, l-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 479/2008 ġie introdott iktar tard fir-Regolament Nru 1234/2007 u għalhekk ġie ssostitwit bl-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, li kien applikabbli fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu diġà jipprevedu regola simili għal dik tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, jiġifieri li l-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid li jkun kompost jew ikkostitwit minn DOP u li ma huwiex elenkat fl-anness tar-regolament rilevanti ma jistax jidher fuq it-tikketta ta’ nbejjed ħlief fil-każ li l-Kummissjoni tkun adottat miżuri li jipprevedu l-kuntrarju. B’hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma ħoloqx setgħa ġdid favur il-Kummissjoni, iżda huwa kontinwità diretta tal-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, li kien fis-seħħ u applikabbli fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013.

73      Mill-Artikolu 230 tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta wkoll li r-riferimenti għar-Regolament Nru 1234/2007 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għar-Regolament Nru 1308/2013 u għandhom jiġu interpretati skont it-tabella ta’ korrispondenza li tinsab fl-Anness XIV ta’ dan ir-regolament. Issa, din it-tabella ta’ korrispondenza tindika li l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007 jikkorrispondi għall-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1308/2013.

74      Barra minn hekk, meta sarulhom mistoqsijiet permezz ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet irrikonoxxew li s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni permezz tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma kellhom ebda differenza sostanzjali fil-konfront ta’ dawk li joħorġu mill-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007.

75      Huwa minnu li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu l-karatteristika partikolari li jobbliga espliċitament lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-prattiki eżistenti fil-qasam tat-tikkettar. Madankollu, din il-preċiżazzjoni ma tistax twassal sabiex jitqies li s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni permezz ta’ din id-dispożizzjoni hija fundamentalment differenti minn dik prevista fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament Nru 479/2008, u mbagħad fl-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, sa fejn hija intiża biss li tagħmel din is-setgħa iktar ċara billi tobbliga lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-prattiki tat-tikkettar eżistenti. Dan barra minn hekk jippermetti li tingħata garanzija ikbar lill-produtturi li jibbenefikaw minn DOP li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ser tiġi adottata fuq bażi arbitrarja, mingħajr madankollu ma tinbidel in-natura jew il-portata tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni mil-leġiżlatur.

76      Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ prattiki ta’ tikkettar li jikkonċernaw l-isem tal-varjetà ta’ għeneb tal-inbid “teran” fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni ma hijiex ikkontestata bejn il-partijiet. Tali konstatazzjoni tibqa’ l-istess, kemm jekk jiġi applikat ir-Regolament Nru 1234/2007 u kemm jekk jiġi applikat ir-Regolament Nru 1308/2013.

77      Għaldaqstant, minkejja li l-Kummissjoni applikat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 b’mod retroattiv li ma kienx previst mil-leġiżlatur, hija essenzjalment ma użatx, fil-konfront tar-Repubblika tal-Kroazja, setgħa ġdida li r-Repubblika tas-Slovenja ma kinitx taf biha, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2013 u l-1 ta’ Jannar 2014. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li, minkejja li l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007 sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat, hija kienet tasal għall-istess riżultat, jiġifieri l-għoti ta’ deroga fil-qasam tat-tikkettar fir-rigward tal-inbejjed Kroati sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.

78      L-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda bħala infondata.

2.      Fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) u mal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013

79      Fir-rigward tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, l-ismijiet ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid u s-sinonimi tagħhom elenkati fil-Parti A tal-Anness XV tal-imsemmi regolament li jinkludu jew li jikkonsistu f’DOP jistgħu jidhru fuq it-tikketta ta’ prodott li jibbenefika minn DOP fil-każ biss li jkunu ġew awtorizzati konformement mar-regoli tal-Unjoni fis-seħħ, f’dan il-każ, fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.

80      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-Repubblika tas-Slovenja, l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) u mal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013, kienx jipprekludi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) ta’ dan tal-aħħar, li kien applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014, sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

81      F’dan id-dawl, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ indikazzjoni fis-sens kuntrarju fil-formulazzjoni tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, ir-“regolamenti [tal-Unjoni] fis-seħħ” imsemmija f’din id-dispożizzjoni jkopru neċessarjament ir-regoli ta’ għoti ta’ setgħa lill-Kummissjoni li jinsabu fl-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, iżda wkoll fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013.

82      Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1308/2013 ma kienx għadu fis-seħħ, u lanqas ma kien adottat fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, f’din id-data kienet diġà teżisti, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, setgħa espliċita favur il-Kummissjoni, li tinsab fl-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007, li kienet tippermettilha tadotta derogi fil-qasam tat-tikkettar, li ma kien fiha ebda differenza sostanzjali fil-konfront tas-setgħa li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013.

83      Għaldaqstant, meta adottat ir-Regolament ikkontestat fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-Kummissjoni ma applikatx regola sostantiva differenti minn dik li kienet fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, kif irrikonoxxiet ir-Repubblika tas-Slovenja stess fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

84      Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja ma invokat ebda regola oħra, fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013, li l-Kummissjoni setgħet naqset, b’mod żbaljat, milli tieħu inkunsiderazzjoni għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Hija lanqas ma sostniet li l-Kummissjoni ma setgħetx tqiegħed ruħha fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ prattiki ta’ tikkettar f’dan l-Istat fir-rigward tal-isem “teran”.

85      Fit-tieni lok, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tagħti s-setgħa lill-istituzzjoni tal-Unjoni tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑269/97, EU:C:2000:183, punt 45; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il-Kummissjoni, T‑24/07, EU:T:2009:236, punt 74).

86      Issa, fil-jum tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri fid-19 ta’ Mejju 2017, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ kienu dawk tar-Regolament Nru 1308/2013. Dakinhar, il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx għadha tista’ tibbaża r-Regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007, sa fejn dan kien tħassar u għalhekk ma kienx għadu fis-seħħ. Għaldaqstant, l-unika bażi legali li fuqha l-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat kienet it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, mingħajr ma kellha l-iċken setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2012, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑76/11, EU:T:2012:613, punti 31 u 32).

87      Fit-tielet lok, l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta deroga fil-qasam tat-tikkettar sabiex tippermetti lid-DOP u lill-prattiki eżistenti fil-qasam tat-tikkettar jeżistu flimkien mingħajr problemi ladarba DOP tkun irreġistrata jew applikabbli. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjoni ma jipprevedu ebda limitazzjoni ratione temporis espliċita għall-azzjoni tal-Kummissjoni.

88      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta r-Regolament ikkontestat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, sa fejn ma kellha ebda kompetenza ratione loci sabiex tadotta tali regolament qabel din id-data. F’dan il-kuntest, meta adottat ir-Regolament ikkontestat b’effett retroattiv għad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, il-Kummissjoni qiegħdet lilha nnifisha b’mod korrett fil-mument li fih il-kwistjoni tal-koeżistenza bejn id-DOP Slovena “Teran” u l-prattiki ta’ tikkettar Kroati qamet konkretament għall-ewwel darba, jiġifieri fil-mument ta’ din l-adeżjoni. Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Kummissjoni għalhekk aġixxiet konformement mal-istruttura u mal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

89      L-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Kummissjoni, tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) u mal-Artikolu 232 tar-Regolament Nru 1308/2013, għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

90      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità

91      Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni, essenzjalment, li, bl-għoti ta’ effett retroattiv ta’ kważi erba’ snin lir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisret, l-ewwel, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nemo potest venire contra factum proprium, it-tieni, il-prinċipji ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, it-tielet, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni wkoll, essenzjalment, ksur tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009.

92      Fil-fatt, l-ewwel nett, la mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 607/2009 u lanqas minn dawk tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jirrikonoxxi lill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tal-imsemmi regolament effett retroattiv b’mod u f’ċirkustanzi bħal dawk previsti fir-Regolament ikkontestat. Sussegwentement, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali ma jippermettix li l-Kummissjoni tkun tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha. Barra minn hekk, l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat iktar minn erba’ snin wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni titbiegħed b’mod kunsiderevoli mill-prassi segwita mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-adeżjonijiet preċedenti u ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-inbid Sloveni, maħluqa minn diversi dikjarazzjonijiet tad-dipartimenti tal-Kummissjoni sa mill-2013. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tas-Slovenja tipproponi lill-Qorti Ġenerali tisma’ bħala xhud lil A, uffiċjal fil-Ministeru għall-Agrikoltura Sloven. Fl-aħħar nett, meta adottat ir-Regolament ikkontestat b’effett retroattiv, il-Kummissjoni ppreġudikat il-proċeduri ta’ spezzjoni kollha mwettqa mir-Repubblika tas-Slovenja kontra l-persuni responsabbli għal ksur kontra d-DOP Slovena “Teran”.

93      Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tressaqx argumenti speċifiċi. B’dan premess, fid-dawl tal-punti 28 et seq. tar-rikors, hemm lok li l-Qorti Ġenerali tifhem li r-Repubblika tas-Slovenja qiegħda essenzjalment issostni li l-Kummissjoni marret lil hinn minn dak li kien meħtieġ meta tat effett retroattiv ta’ kważi erba’ snin lir-Regolament ikkontestat.

94      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Kroazja, tirribatti l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

1.      Fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009

95      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għas-suġġetti tad-dritt (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 46).

96      Il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa, min-naħa tiegħu, iddefinit bħala dritt li jgawdi minnu kull individwu li jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni ħolqitlu aspettattivi fondati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1983, Mavridis vs Il-Parlament, 289/81, EU:C:1983:142, punt 21, u tas-26 ta’ Ġunju 1990, Sofrimport vs Il-Kummissjoni, C‑152/88, EU:C:1990:259, punt 26). Dan il-prinċipju jista’ jiġi invokat ukoll mill-Istati (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, C‑335/09 P, EU:C:2012:385, punti 180 u 181; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑562/07, EU:C:2009:614, punti 18 sa 20).

97      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ assigurazzjonijiet preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, EU:T:2000:8, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il‑Kummissjoni, T‑220/00, EU:T:2003:193, punt 33).

98      Barra minn hekk, operatur ekonomiku ma jistax jinvoka dritt kweżit jew saħansitra aspettattivi leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni preeżistenti li tista’ tiġi emendata permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il-Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 80).

99      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-effett retroattiv ta’ att tal-Unjoni, għandu jiġi speċifikat li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, bħala prinċipju, li l-punt tat-tluq tal-portata ratione temporis ta’ att tal-Unjoni jiġi ffissat f’data li tippreċedi l-pubblikazzjoni tiegħu. Madankollu, din il-projbizzjoni ma hijiex assoluta u tista’ tiġi injorata, b’mod eċċezzjonali, meta dan ikun meħtieġ mill-għan li għandu jintlaħaq u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament osservati (sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il‑Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 119, u tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, bl-għoti ta’ effett retroattiv ta’ kważi erba’ snin lir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti tal-produtturi tal-inbid Sloveni li jibbenefikaw mid-DOP “Teran” kif ukoll, essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 607/2009 u tar-Regolament Nru 1308/2013. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati kull wieħed mill-argumenti invokati mir-Repubblika tas-Slovenja fis-sens li, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 607/2009 u tar-Regolament Nru 1308/2013 ma kinux jippermettu li jingħata effett retroattiv b’mod u f’ċirkustanzi bħal dawk tar-Regolament ikkontestat, it-tieni, il-Kummissjoni ma setgħetx iddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, it-tielet, il-Kummissjoni ma mxietx mal-prassi segwita fil-kuntest ta’ adeżjonijiet preċedenti u ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-inbid Sloveni u, ir-raba’, il-Kummissjoni ppreġudikat il-proċeduri ta’ spezzjoni kollha mwettqa mir-Repubblika tas-Slovenja kontra l-persuni responsabbli għal ksur tad-DOP Slovena “Teran”.

a)      Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009

101    L-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja bbażati fuq ksur tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, kif ukoll fuq l-obbligu li dawn id-dispożizzjonijiet allegatament jimponu fuq il-Kummissjoni sabiex taġixxi malajr kemm jista’ jkun wara l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, huma intiżi li juru, essenzjalment, li dawn id-dispożizzjonijiet fihom limitu temporali għall-azzjoni tal-Kummissjoni.

102    F’dan il-każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jeżiġi biss li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki eżistenti fil-qasam tat-tikkettar sabiex tingħata deroga. L-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, min-naħa tiegħu, jagħmel riferiment għar-regoli tal-Unjoni fis-seħħ fid-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

103    B’hekk, l-adozzjoni ta’ deroga fil-qasam tat-tikkettar teħtieġ il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ tikkettar li, jekk ikun il-każ, għandhom jinżammu. Għaldaqstant, tali prattiki għandhom neċessarjament ikunu eżistenti fid-data li fiha tibda tapplika tali deroga. Fil-każ li, bħal fil-kawża ineżami, tali prattiki jkunu jeżistu fil-mument tal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni u jkun hemm ir-riskju li dawn il-prattiki jippreġudikaw DOP sa minn din l-adeżjoni, il-Kummissjoni għandha, jekk tqis li tali prattiki għandhom ikunu jistgħu jinżammu bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, tiżgura ruħha mill-eżistenza ta’ tali prattiki ta’ tikkettar fil-mument tal-adeżjoni, jiġifieri fil-mument li fih dawn il-prattiki jidħlu f’kunflitt ma’ din id-DOP.

104    Għaldaqstant, fil-każ li tingħata deroga fil-qasam tat-tikkettar fil-mument tal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, bħal f’dan il-każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, jobbliga lill-Kummissjoni tqiegħed lilha nnifisha fil-mument ta’ din l-adeżjoni sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ tali prattiki ta’ tikkettar, u mhux f’perijodu iktar tard, u jobbligaha wkoll tikkonforma ruħha mar-regoli fis-seħħ f’din id-data. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni tagħhom ma jistax jiġi dedott li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jimponu terminu partikolari fuq il-Kummissjoni sabiex din tadotta deroga fil-qasam tat-tikkettar tal-inbejjed, sa fejn ma fihom ebda indikazzjoni f’dan is-sens.

105    Għall-kuntrarju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009 ma jipprovdu ebda bażi legali li setgħet tippermetti lill-Kummissjoni tadotta regolament iddelegat bħalma huwa r-Regolament ikkontestat qabel l-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni. Il-Kummissjoni ma għandha ebda kompetenza ratione loci fuq din il-bażi, sa fejn l-Istat inkwistjoni jkun pajjiż terz. Minn dan jirriżulta li, peress li l-għoti ta’ deroga fil-qasam tat-tikkettar permezz ta’ tali regolament iddelegat huwa marbut ma’ tali adeżjoni, il-Kummissjoni għandha neċessarjament tistenna d-data ta’ din l-adeżjoni qabel tkun tista’ tibda l-proċess għall-adozzjoni ta’ regolament iddelegat fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013. Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi segwita l-proċedura prevista fl-Artikolu 290 TFUE dwar l-adozzjoni ta’ atti ddelegati, kif jeżiġi l-Artikolu 227 tar-Regolament Nru 1308/2013, tali proċess jista’ jieħu iktar jew inqas ħin skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

106    Għaldaqstant, dan l-ilment, ibbażat essenzjalment fuq il-limitu temporali li jinsab fl-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, ma huwiex fondat.

107    B’dan premess, l-assenza ta’ terminu previst espliċitament fil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-adozzjoni ta’ regolament iddelegat li jipprevedi deroga fil-qasam tat-tikkettar bl-ebda mod ma tfisser li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-azzjoni fil-ħin min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ żmien raġonevoli kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra tar-Repubblika tas-Slovenja.

b)      Fuq l-ilment ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni damet eċċessivament sabiex teżerċita s-setgħat tagħha

108    Kif issostni r-Repubblika tas-Slovenja, anki fl-assenza ta’ terminu partikolari, ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali jipprekludi li l-Kummissjoni tista’ ddewwem b’mod indefinit l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑54/11, EU:T:2013:10, punt 29).

109    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat l-iżvolġiment tal-proċedura tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat u għandu jiġi vverifikat sa fejn iċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami setgħu jiġġustifikaw it-tul tagħha.

110    Kif jirriżulta mill-punti 31 u 32 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Kroazja talbet, fil-pożizzjoni tan-negozjar tagħha tat-8 ta’ Settembru 2008, li l-lista nazzjonali tagħha tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid irrikonoxxuti tiġi inkluża fil-lista tal-varjetajiet ta’ dwieli jew tas-sinonimi tagħhom li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li setgħu jidhru fit-tikkettar tal-inbejjed. Hija mbagħad irtirat din it-talba fl-addendum għall-pożizzjoni tan-negozjar tagħha fit-28 ta’ Jannar 2011, għar-raġuni li din il-lista kellha titħejja mill-Kummissjoni wara l-adeżjoni mal-Unjoni.

111    Kif indikat fil-punt 29 iktar ’il fuq, kien biss fis-6 ta’ Diċembru 2011, jiġifieri wara l-irtirar tat-talba tar-Repubblika tal-Kroazja msemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, li r-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat quddiem il-Kummissjoni l-fajl tekniku msemmi fl-Artikolu 118c tar-Regolament Nru 1234/2007 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 479/2008), dwar l-isem tal-inbid “Teran” bħala tali, sabiex dan l-isem jiġi protett bħala denominazzjoni tal-oriġini protetta (DOP) fis-sens tal-Artikolu 118b ta’ dan ir-regolament. Qabel din id-data, kif jirriżulta mill-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, l-isem “Teran” kien assoċjat, bħala terminu addizzjonali, mal-isem “Kras”, fil-lista tal-inbejjed ta’ kwalità prs Sloveni, inizjalment bħala “Kras, teran”, u mbagħad bħala “Teran, Kras”.

112    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mill-proċess ta’ din il-kawża jirriżulta li sa mhux iktar tard minn ittra tat-13 ta’ Mejju 2013 ir-Repubblika tal-Kroazja kienet informat lill-Kummissjoni dwar it-tħassib tagħha fir-rigward tal-possibbiltà li tkun tista’ tkompli tuża l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Din l-ittra tat lok għal diversi skambji bil-miktub kif ukoll għal diversi laqgħat bilaterali bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tas-Slovenja, li nżammu, b’mod partikolari, fl-24 ta’ Settembru 2014, fil-11 ta’ Novembru 2014, fl-4 ta’ Diċembru 2014, fis-26 ta’ Jannar 2015, fit-8, fl-14 u fis-16 ta’ Lulju 2015 u matul Jannar 2017.

113    Barra minn hekk, ir-Repubblika tas-Slovenja bagħtet f’diversi okkażjonijiet dokumenti kif ukoll informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni dwar id-DOP “Teran”. Fl-20 ta’ Jannar 2016, hija pprovdiet ukoll tweġibiet bil-miktub għal mistoqsijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar din id-DOP, il-prattiki ta’ tikkettar u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

114    L-elementi msemmija fil-punti 110 sa 113 iktar ’il fuq juru li, matul il-perijodu kollu li ppreċeda l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma baqgħetx passiva. Mill-proċess lanqas ma jirriżulta li l-Kummissjoni damet sabiex bdiet id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jew li hija ħolqot dewmien f’tali diskussjonijiet. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni fittxet li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa kollha u pprovat issib soluzzjoni nnegozjata għall-problema mqajma fl-ittra tar-Repubblika tal-Kroazja tat-13 ta’ Mejju 2013, imsemmija fil-punt 112 iktar ’il fuq.

115    Fit-tieni lok, mill-Artikolu 107(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 118s(4) tar-Regolament Nru 1234/2007) jirriżulta li, sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, fuq l-inizjattiva tagħha stess, li tirtira l-protezzjoni mogħtija awtomatikament lill-ismijiet ta’ nbejjed eżistenti li kienu ġew iddikjarati mill-Istati Membri, inkluż id-DOP Slovena “Teran”, jekk dawn ma jkunux jissodisfaw jew ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw minn DOP stabbiliti fl-Artikolu 93 tal-istess regolament. Sa fejn deroga fil-qasam tat-tikkettar għall-kelma “teran” favur ir-Repubblika tal-Kroazja kienet meħtieġa biss minħabba l-eżistenza tad-DOP Slovena bl-istess isem, il-Kummissjoni għalhekk setgħet leġittimament tistenna l-eżitu tal-eżami tal-fajl ippreżentat mir-Repubblika tas-Slovenja fir-rigward tad-DOP “Teran” qabel tadotta r-Regolament ikkontestat.

116    Fit-tielet lok, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Jannar 2017 lir-Repubblika tas-Slovenja, il-Kummissjoni indikat li hija kienet għadha trid tieħu deċiżjoni, qabel it-30 ta’ Ġunju 2017, dwar il-fajl tekniku tad-DOP Kroata “Hrvatska Istra”, li kienet ikkonċernata speċifikament mill-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran”. Bi tweġiba għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li l-fajl tekniku ta’ din id-DOP Kroata kien jipprevedi espliċitament li l-indikazzjoni tal-isem “teran” kienet awtorizzata fuq it-tikketti għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq, bil-kundizzjoni li dan l-isem jidher fl-istess parti viżiva bħall-isem tad-DOP “Hrvatska Istra”. Il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tat-tul tad-diskussjonijiet u tal-assenza ta’ żvilupp pożittiv dwar il-kwistjoni tal-isem “teran”, hija setgħet tikkonkludi biss li kien impossibbli li jintlaħaq ftehim bejn l-Istati Membri kkonċernati u ddeċidiet li tadotta r-Regolament ikkontestat filwaqt li tirriproduċi l-modalitajiet ta’ tikkettar previsti fil-fajl tekniku tad-DOP Kroata “Hrvatska Istra”, mingħajr ma tistenna li jintemm it-terminu mogħti għall-eżami ta’ dan il-fajl.

117    Fir-raba’ lok, kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kienet qiegħda tistenna li r-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tal-Kroazja jaslu għal soluzzjoni nnegozjata, liema soluzzjoni fl-aħħar mill-aħħar irriżultat impossibbli minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

118    Mill-punti preċedenti jirriżulta li, matul l-erba’ snin li ppreċedew l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni analizzat b’mod attiv il-fajl “teran”, filwaqt li enfasizzat f’diversi okkażjonijiet in-natura sensittiva tiegħu, bħalma għamlet ukoll ir-Repubblika tas-Slovenja, u li l-Kummissjoni ma damitx b’mod indefinit sabiex teżerċita s-setgħat tagħha. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punt 116 iktar ’il fuq, hija saħansitra għażlet li ma tistenniex l-iskadenza tat-terminu tat-30 ta’ Ġunju 2017 għall-eżami tal-fajl tekniku tad-DOP Kroata “Hrvatska Istra” sabiex tadotta r-Regolament ikkontestat.

119    Għaldaqstant, l-ilment tar-Repubblika tas-Slovenja fis-sens li l-Kummissjoni damet eċċessivament sabiex teżerċita s-setgħat tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-portata illegali tal-effett retroattiv tar-Regolament ikkontestat

120    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 99 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, bħala prinċipju, l-għoti ta’ effett retroattiv lill-atti tal-Unjoni. Madankollu, din il-projbizzjoni tista’ ma tiġix segwita meta jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, li l-għan imfittex mill-att ikkontestat jeżiġi li dan l-att jingħata effett retroattiv u, it-tieni, li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu ġew debitament osservati.

121    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-portata tal-effett retroattiv tar-Regolament ikkontestat tissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 120 iktar ’il fuq.

1)      Fuq l-għan imfittex mir-Regolament ikkontestat

122    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-atti tal-Unjoni li jkollhom effett retroattiv għandhom jinkludu fil-motivi tagħhom, b’mod ċar u inekwivoku, l-indikazzjonijiet li jiġġustifikaw l-effett retroattiv imfittex (sentenza tal-1 ta’ April 1993, Diversinte u Iberlacta, C‑260/91 u C‑261/91, EU:C:1993:136, punt 10). Huwa meħtieġ ukoll li l-att li jkollu tali effett retroattiv ikun ta’ natura li jilħaq l-għan imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C‑368/89, EU:C:1991:307, punt 18).

123    F’dan il-każ, mill-premessa 8 tiegħu jirriżulta li r-Regolament ikkontestat kellu jidħol fis-seħħ b’effett mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, fl-1 ta’ Lulju 2013, minħabba li t-talba għall-inklużjoni tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 kienet tressqet qabel din id-data ta’ adeżjoni, minħabba li kien hemm prattika ta’ tikkettar bl-isem “teran” f’dan l-Istat fil-mument tal-adeżjoni tiegħu u minħabba li l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat kienet ġiet posposta biss fl-istennija ta’ soluzzjoni nnegozjata mar-Repubblika tas-Slovenja.

124    B’hekk, ir-Regolament ikkontestat huwa essenzjalment intiż li jipproteġi l-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fit-30 ta’ Ġunju 2013, li barra minn hekk ma kinux ikkontestati, fuq talba f’dan is-sens min-naħa ta’ dan l-Istat. Għal dan il-għan, il-kwistjoni kienet li tinsab soluzzjoni għas-sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn, minn naħa, dawn il-prattiki li dak iż-żmien kienu legali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet li joħorġu mid-DOP Slovena “Teran”, miksuba qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, sa mid-data li minnha qam dan il-kunflitt.

125    Issa, minn naħa, kif irrilevat fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta regolament iddelegat li jagħti deroga fir-rigward tal-prattiki ta’ tikkettar Kroati inkwistjoni qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni għaliex ma għandhiex kompetenza ratione loci sabiex tadotta tali att fir-rigward ta’ pajjiż terz.

126    Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 103 iktar ’il fuq, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li l-Kummissjoni, li ma setgħetx tibda l-proċess għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, kellha tqiegħed lilha nnifisha fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, u mhux f’mument ulterjuri, sabiex tevalwa l-eżistenza tal-prattiki nazzjonali ta’ tikkettar li setgħu jkunu s-suġġett ta’ deroga mir-regoli ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tat-tikkettar.

127    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tan-natura sensittiva tal-kwistjoni tal-isem “teran” għaż-żewġ Stati kkonċernati, il-Kummissjoni setgħet leġittimament tipprova ssib soluzzjoni nnegozjata bejniethom, sa minn meta tnissel il-kunflitt inkwistjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, proċess dan li rrikjeda ċertu żmien. Kif ġie kkonstatat fil-punt 118 iktar ’il fuq, minn din id-data l-Kummissjoni eżaminat b’mod attiv il-fajl “teran” sal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

128    Barra minn hekk, bejn il-partijiet ma huwiex ikkontestat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa intiż preċiżament li jippermetti lill-Kummissjoni tipprevedi derogi sabiex ikunu jistgħu jkomplu jiġu segwiti prattiki ta’ tikkettar eżistenti mal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni. Kif irrikonoxxiet ir-Repubblika tas-Slovenja stess fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, tali effett retroattiv kien meħtieġ minħabba l-kontinwità neċessarja tal-prattiki legali fil-qasam tat-tikkettar, b’tali mod li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat ma setax jiġi annullat waħdu mingħajr ma tiġi emenda s-sustanza ta’ dan ir-regolament.

129    F’dan il-kuntest, jekk il-Kummissjoni tkun meħtieġa tqiegħed lilha nnifisha fil-mument tal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ prattiki ta’ tikkettar partikolari, mingħajr ma tkun tista’ tapplika b’mod retroattiv deroga fir-rigward ta’ dawn l-istess prattiki ta’ tikkettar fid-data tal-adeżjoni, f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli legalment u materjalment għaliha li tadotta regolament dakinhar stess tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, dan iwassal sabiex id-delega prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 tiġi mċaħħda minn kull effett utli.

130    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-Regolament ikkontestat kien ifittex għan ta’ interess ġenerali li kien jeħtieġ li jingħata effett retroattiv kif previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

2)      Fuq l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-inbid Sloveni

131    Fir-rigward tal-osservanza tal-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-inbid Sloveni, għandu jiġi vverifikat jekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kinitx ħolqitilhom aspettattivi fondati fis-sens li ebda deroga b’effett retroattiv ma kienet ser tingħata lir-Repubblika tal-Kroazja fir-rigward tal-indikazzjoni tal-isem “teran” fuq it-tikketta tal-inbejjed prodotti fit-territorju tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jikkostitwixxu tali assigurazzjonijiet, irrispettivament mill-forma li fihom jingħataw, komunikazzjonijiet ta’ informazzjoni preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑31/17, EU:T:2018:830, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata) li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli (sentenza tad-9 ta’ Marzu 2018, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, T‑462/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:127, punt 20).

132    Sabiex turi li l-Kummissjoni ħolqot aspettattivi leġittimi għall-produtturi tal-inbid Sloveni, ir-Repubblika tas-Slovenja tinvoka essenzjalment l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013, li ppreveda derogi fil-qasam tat-tikkettar favur ir-Repubblika tal-Kroazja ftit xhur wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni kif ukoll dikjarazzjoni ta’ B, uffiċjal għall-istampa tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali tat-22 ta’ April 2013, fis-sens li ebda nbid Kroat ma seta’ jiġi kkummerċjalizzat bl-użu tal-isem “teran”. Hija tibbaża ruħha wkoll fuq l-assenza ta’ talba għall-inklużjoni tal-isem “teran” fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 min-naħa tar-Repubblika tal-Kroazja.

133    Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013, adottat ftit wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, mill-premessa 3 kif ukoll mill-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament effettivament jirriżulta li kien hemm lok li tiġi emendata l-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 wara talba mir-Repubblika tal-Kroazja f’dan is-sens u li din l-emenda ma kinitx tikkonċerna l-isem “teran”. Madankollu, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013 bl-ebda mod ma jirriżulta li t-talba inkwistjoni tar-Repubblika tal-Kroazja kienet eżawrjenti u li, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat lill-produtturi tal-inbid Sloveni li ebda deroga oħra fil-qasam tat-tikkettar ma setgħet tingħata lir-Repubblika tal-Kroazja. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest ma jistax ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ nemo potest venire contra factum proprium.

134    F’dan ir-rigward, l-interpretazzjoni allegatament ċara tal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, imressqa mir-Repubblika tas-Slovenja, fis-sens li kull deroga kellha tiġi adottata fil-mument tal-adeżjoni, ma toħroġx mill-Kummissjoni stess. Il-proċess ma fih ebda element probatorju li jippermetti li jintwera li l-Kummissjoni kienet aċċettat pubblikament l-interpretazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni u li għalhekk kellha l-intenzjoni teskludi kull deroga fil-qasam tat-tikkettar fir-rigward tal-isem “teran”.

135    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ talba mir-Repubblika tal-Kroazja għall-inklużjoni tal-isem “teran” fil-lista tal-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 kif ukoll fir-rigward tal-assenza ta’ negozjati dwar dan il-punt qabel l-adeżjoni, tali elementi ma jistgħux jitqiesu, anki jekk wieħed iqis li huma minnhom, bħala assigurazzjonijiet preċiżi li joriġinaw mill-Kummissjoni, jew bħala sitwazzjoni maħluqa preċedentement mill-Kummissjoni stess.

136    Għandu jingħad ukoll li, kif jirriżulta mill-punt 111 iktar ’il fuq, kien biss fis-6 ta’ Diċembru 2011 li r-Repubblika tas-Slovenja ppreżentat quddiem il-Kummissjoni l-fajl tekniku msemmi fl-Artikolu 118c tar-Regolament Nru 1234/2007 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 479/2008), dwar l-isem tal-inbid “Teran” bħala tali, fid-dawl tal-protezzjoni ta’ dan l-isem bħala DOP fis-sens tal-Artikolu 118b ta’ dan ir-regolament. Kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, qabel din id-data, l-isem “Teran” kien terminu addizzjonali assoċjat mal-isem “Kras” fil-lista tal-inbejjed ta’ kwalità prs Sloveni, inizjalment bħala “Kras, teran”, u mbagħad bħala “Teran, Kras”.

137    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li kienet inżammet laqgħa fit-22 ta’ April 2013, jiġifieri wara l-preżentazzjoni tal-fajl tekniku dwar l-isem Sloven “teran” imsemmi fil-punt 136 iktar ’il fuq u qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, bejn il-Ministru għall-Agrikoltura Sloven u l-Ministru għall-Agrikoltura Kroat. Il-minuti ta’ din il-laqgħa, li jinsabu fl-Anness 6 tan-nota ta’ intervent tar-Repubblika tal-Kroazja, jindikaw li din il-laqgħa bilaterali kellha l-għan li jkun hemm diskussjoni dwar il-kwistjoni tal-“inbid teran” u dwar eventwali soluzzjoni konġunta li setgħet tippermetti lill-produtturi tal-inbid Kroati jkomplu jużaw it-terminu “teran” fuq l-inbejjed tagħhom wara l-1 ta’ Lulju 2013, minkejja d-DOP Slovena bl-istess isem. B’hekk, b’effett minn din il-laqgħa, ir-Repubblika tas-Slovenja ma setgħetx ma tkunx taf bix-xewqa tar-Repubblika tal-Kroazja li tipproteġi l-prattiki ta’ tikkettar tagħha sa mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

138    Barra minn hekk, fid-dawl tal-pożizzjoni tan-negozjar tar-Repubblika tal-Kroazja tal-2008, u mbagħad tal-addendum għall-pożizzjoni tan-negozjar tar-Repubblika tal-Kroazja tat-28 ta’ Settembru 2011, li fih ir-Repubblika tal-Kroazja indikat li kienet qiegħda tistenna li l-kwistjoni tal-eventwali derogi fil-qasam tat-tikkettar tiġi rregolata wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma setgħetx ma tkunx taf bil-possibbiltà li l-Kummissjoni tuża s-setgħa prevista fl-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007, u mbagħad fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, sabiex tagħti tali derogi. Dan jgħodd iktar u iktar fir-rigward tal-kwistjoni tal-isem “teran”, imqajma espliċitament mir-Repubblika tal-Kroazja matul il-laqgħa msemmija fil-punt 137 iktar ’il fuq.

139    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ B, uffiċjal għall-istampa tal-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali tat-22 ta’ April 2013, fis-sens li ebda nbid Kroat ma seta’ jiġi kkummerċjalizzat bl-użu tal-isem “teran”, għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni hija riprodotta b’mod qasir ħafna f’artiklu fil-ġurnal Kroat HRT li deher fit-23 ta’ April 2013. Issa, tali dikjarazzjoni, anki jekk jitqies li ġejja minn sors meqjus li huwa awtorizzat jirrappreżenta lill-Kummissjoni, ma tistax tikkostitwixxi, waħedha, assigurazzjonijiet “preċiżi u konkordanti” min-naħa tal-Kummissjoni.

140    Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni kienet ġiet kontradetta sa mhux iktar tard minn meta, wara li saret taf bit-tħassib tar-Repubblika tal-Kroazja dwar l-użu tal-isem “teran” u wara li eżaminat is-sitwazzjoni eżistenti kif ukoll id-diversi għażliet possibbli, il-Kummissjoni kkomunikat lill-Istati Membri abbozz ta’ regolament fid-dawl tal-laqgħa tal-grupp ta’ esperti GREX WINE tat-8 ta’ Settembru 2014. Għaldaqstant, sa minn dan il-mument, jiġifieri ferm qabel l-iskadenza tat-terminu tal-31 ta’ Diċembru 2014 imsemmi fil-punt 115 iktar ’il fuq, ma setax jibqa’ jitqies li kien hemm assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti min-naħa tal-Kummissjoni fis-sens li d-DOP Slovena “Teran” kienet ser tibqa’ tibbenefika minn “protezzjoni assoluta”.

141    Ma’ dan għandu jissemma wkoll il-fatt li, kif tosserva l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, li sar l-Artikolu 107(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, il-Kummissjoni setgħet, sal-31 ta’ Diċembru 2014, tiddeċiedi li tirtira l-protezzjoni mogħtija lill-ismijiet li sa dak iż-żmien kienu protetti b’mod awtomatiku fil-każ li tikkonstata li ma kinux jissodisfaw il-kriterji ta’ DOP previsti, suċċessivament, fl-Artikolu 118b tar-Regolament Nru 1234/2007 u mbagħad fl-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 1308/2013. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tistax issostni li l-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni tirtira l-protezzjoni mogħtija lill-isem “Teran”. Fl-assenza ta’ provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet tat espliċitament tali assigurazzjoni lir-Repubblika tas-Slovenja, tali perċezzjoni suġġettiva ma tistax, fil-fatt, tiġi assimilata ma’ assigurazzjoni preċiża u inkundizzjonata mogħtija mill-Kummissjoni.

142    Għaldaqstant, ir-Repubblika tas-Slovenja bl-ebda mod ma uriet li l-Kummissjoni kienet ħolqot aspettattivi leġittimi għall-produtturi tal-inbid tagħha fir-rigward tal-assenza tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat.

143    Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tal-effett retroattiv mogħti lir-Regolament ikkontestat, għandu jiġi kkonstatat li, ftit wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004, ir-Repubblika tas-Slovenja stess ibbenefikat minn derogi fil-qasam tat-tikkettar bis-saħħa tal-adozzjoni, fid-9 ta’ Awwissu 2004, tar-Regolament Nru 1429/2004. Issa, kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tiegħu, dan ir-regolament kien diġà jipprevedi li d-derogi mogħtija kellhom japplikaw b’effett retroattiv għad-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tas-Slovenja.

144    Barra minn hekk, kif ir-Repubblika tas-Slovenja indikat fil-punti 53 u 54 tar-rikors, wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni adottat ukoll żewġ regolamenti li jawtorizzaw derogi fil-qasam tat-tikkettar b’effett retroattiv favur dawn l-Istati. Dawn huma, minn naħa, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2007 tal-4 ta’ April 2007 li jemenda r-Regolament Nru 753/2002 (ĠU 2007, L 95, p. 12, rettifika fil-ĠU 2009, L 71M, p. 603), applikabbli b’effett mill-1 ta’ April 2007, u, min-naħa l-oħra, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1207/2007 tas-16 ta’ Ottubru 2007 li jemenda r-Regolament Nru 753/2002 (ĠU 2007, L 272, p. 23), applikabbli b’effett mill-1 ta’ Lulju 2007.

145    Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li l-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti lill-produtturi tal-inbid Sloveni fis-sens li ebda deroga ta’ tikkettar favur l-isem “teran” ma kienet ser tingħata lir-Repubblika tal-Kroazja b’effett retroattiv, minkejja li dan l-effett retroattiv kien itwal minn dak previst mir-regolamenti l-oħra ċċitati fil-punti 143 u 144 iktar ’il fuq.

146    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 130 iktar ’il fuq, l-għoti ta’ effett retroattiv lir-Regolament ikkontestat kien meħtieġ fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, kif ġie rrikonoxxut mir-Repubblika tas-Slovenja stess.

147    Għaldaqstant, ir-Repubblika tas-Slovenja ma stabbilixxietx li l-portata u l-modalitajiet tal-effett retroattiv tar-Regolament ikkontestat ippreġudikaw l-aspettattivi leġittimi tal-produtturi tal-inbid Sloveni, mingħajr ma huwa meħtieġ li jinstema’ x-xhud propost minnha.

d)      Fuq l-ilment ibbażat fuq il-preġudizzju għall-proċeduri ta’ spezzjoni mwettqa fis-Slovenja kontra l-persuni responsabbli għal ksur tad-DOP “Teran”

148    Fir-rigward tal-preġudizzju allegatament ikkawżat għall-proċeduri ta’ spezzjoni mwettqa fis-Slovenja kontra l-persuni responsabbli għal ksur kontra d-DOP Slovena “Teran”, mill-proċess effettivament jirriżulta li l-awtoritajiet Sloveni wettqu diversi spezzjonijiet bejn l-2013 u l-2016 li mal-konklużjoni tagħha numru ta’ multi setgħu jiġu imposti minħabba l-indikazzjoni tal-isem “teran” fuq fliexken tal-inbid li kienu ġejjin mir-Repubblika tal-Kroazja.

149    Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 133 sa 145 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Sloveni ma setgħux ma kinux jafu li l-kwistjoni tal-użu tal-isem “teran” mir-Repubblika tal-Kroazja kienet għadha mhux deċiża u lanqas ma setgħu ma kinux jafu li l-Kummissjoni kienet qiegħda tippjana, sa minn Settembru 2014, li tadotta regolament bħar-Regolament ikkontestat.

150    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-awtoritajiet Sloveni fir-rigward ta’ atti ta’ spezzjoni li la kienet imponiet u lanqas ma kienet iddeċidiet hija stess.

e)      Fuq l-ilment dwar in-nuqqas ta’ rispett ta’ drittijiet kweżiti

151    Kif jirriżulta mill-punt 141 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-Artikolu 118s tar-Regolament Nru 1234/2007, li sar l-Artikolu 107(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, sal-31 ta’ Diċembru 2014, li tirtira l-protezzjoni mogħtija lid-DOP Slovena “Teran” fil-każ li tikkonstata li din id-DOP ma kinitx tissodisfa l-kriterji sabiex tibbenefika mill-protezzjoni bħala DOP. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 98 iktar ’il fuq, u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni sabiex tadotta derogi fil-qasam tat-tikkettar konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tistax tinvoka ksur tar-rispett neċessarju tad-drittijiet kweżiti f’dan il-każ.

152    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-Repubblika tas-Slovenja dwar in-nuqqas ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti għandhom jiġu miċħuda wkoll.

153    B’hekk, mill-punti 101 sa 152 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ilmenti kollha tar-Repubblika tas-Slovenja bbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.      Fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

154    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi stabbilit jekk dispożizzjoni hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat jekk il-mezzi li timplimenta jippermettux li jintlaħaq l-għan imfittex u jekk imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑301/97, EU:C:2001:621, punt 131; ara wkoll is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑226/04, mhux ippubblikata, EU:T:2006:85, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 124 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat huwa essenzjalment intiż li jipproteġi l-prattiki legali eżistenti fil-qasam tat-tikkettar fil-Kroazja fit-30 ta’ Ġunju 2013 u li jirregola l-kunflitt bejn dawn il-prattiki u l-protezzjoni tad-DOP Slovena “Teran”.

156    Issa, sa fejn, kif indikat b’mod partikolari fil-punt 105 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tibda l-proċess għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, minħabba li ma kellhiex kompetenza ratione loci għal dan il-għan, hija kellha neċessarjament tagħti effett retroattiv lir-Regolament ikkontestat sabiex tiggarantixxi protezzjoni tal-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja sa mill-1 ta’ Lulju 2013, kif ġie konkluż fil-punt 130 iktar ’il fuq.

157    Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni ma kinitx tkun tista’ tiġi assigurata jekk l-effett retroattiv tar-Regolament ikkontestat kien limitat għal ftit xhur biss, mingħajr ma jkopri l-perijodu kollu bejn l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni u l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, għalkemm l-effett retroattiv ikopri, b’mod li verament huwa pjuttost eċċezzjonali, diversi snin, effett retroattiv għal perijodu iqsar ma kienx jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex għal dan il-għan.

158    Barra minn hekk, it-tul tal-effett retroattiv f’dan il-każ jista’ jiġi spjegat min-natura partikolarment sensittiva tal-fajl, imfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, kif ukoll mit-tul tan-negozjati mmexxija mill-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni bonarja bejn l-Istati kkonċernati. F’dan ir-rigward, kif ġie konkluż fil-punt 114 iktar ’il fuq, matul il-perijodu li ppreċeda l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma baqgħetx passiva. Lanqas ma ntwera li l-Kummissjoni damet biex fetħet id-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jew ikkawżat dewmien f’tali diskussjonijiet. Għall-kuntrarju, hija pprovat tiġbor l-informazzjoni neċessarja kollha u pprovat issib soluzzjoni nnegozjata bejn il-partijiet ikkonċernati, u dan sa mill-mument li fih kienet kompetenti, ratione loci, sabiex tapplika l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007, li sar it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, jiġifieri sa mill-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.

159    B’hekk, minkejja l-portata tiegħu, l-effett retroattiv tar-Regolament ikkontestat jippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq.

160    Għalhekk, l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja bbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

161    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB

162    Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ppreġudikat b’mod sproporzjonat id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kummerċjali tal-produtturi tal-inbid Sloveni, u għalhekk id-dritt fundamentali tagħhom għall-proprjetà, kif protett permezz tal-Artikolu 17 tal-Karta u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Hija tinvoka diversi argumenti f’dan ir-rigward.

163    Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju tad-dritt tal-proprjetà intellettwali marbut mad-DOP “Teran”, l-użu tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” mill-produtturi Kroati ma jikkostitwixxix dritt patrimonjali fis-sens tal-Artikolu 17 tal-Karta jew tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. B’hekk, il-Kummissjoni bbilanċjat żewġ interessi legali li bl-ebda mod ma huma ekwivalenti.

164    Fit-tieni lok, l-użu, mill-produtturi tal-inbid Kroati, tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran”, li huwa omonimu perfett tad-DOP “Teran”, joħloq ir-riskju li l-konsumaturi jiġu faċilment imqarrqa, kif juru, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), u l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1166/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jbiddel u jikkoreġi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU 2009, L 314, p. 27). Tali użu tal-isem “teran” imur ukoll kontra l-Artikolu 100(1) u (2) tar-Regolament Nru 1308/2013 u jippermetti lill-produtturi Kroati jibbenefikaw b’mod indebitu mir-reputazzjoni tad-DOP Slovena inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat jista’ jwassal sabiex id-DOP “Teran” tiġi mċaħħda mill-kontenut tagħha, billi tiġi attribwita karatteristiċi ġeneriċi li jċaħħduha minn protezzjoni, bi ksur tal-projbizzjoni espliċita prevista fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament Nru 1308/2013.

165    Fit-tielet lok, ir-Regolament ikkontestat imur lil hinn minn dak li huwa raġonevoli u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-DOP, peress li l-produtturi Kroati jistgħu jużaw sinonimu tal-isem “teran”, jiġifieri l-isem “istrijanc”. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tas-Slovenja tiċċita s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C‑347/03, EU:C:2005:285). Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat jista’ jikkawża preġudizzju ekonomiku sinjifikattiv għall-produtturi tal-inbid Sloveni.

166    Ir-Repubblika tas-Slovenja żżid li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jippermettix deroga awtomatika għall-prattiki ta’ tikkettar eżistenti kollha, kif turi l-prassi tal-Kummissjoni stess, b’mod partikolari fir-rigward tal-ismijiet tal-varjetajiet tal-għeneb Kroat Barbera u Portugizac, kif ukoll Montepulciano. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tas-Slovenja tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, peress li ttratat sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti.

167    Fir-raba’ lok, l-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż kważi erba’ snin wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod inkonsistenti meta mqabbel mal-prassi preċedenti tagħha f’sitwazzjonijiet komparabbli u ma kien hemm ebda raġuni oġġettiva għal din id-differenza fl-approċċ.

168    Fil-ħames lok, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni wkoll li l-possibbiltà tal-Kummissjoni li tipprevedi deroga fil-kuntest tal-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni hija suġġetta għall-qbil tal-Istat Membru li l-produtturi tiegħu jibbenefikaw minn DOP, kif jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE. Minn tal-inqas, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat qabel tadotta l-att iddelegat.

169    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Kroazja, tirribatti l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

1.      Il-prinċipji mfakkra

170    Id-dritt għall-proprjetà jikkostitwixxi dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta. Madankollu, dan id-dritt ma huwiex ippreżentat bħala prerogattiva assoluta. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għall-proprjetà, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, indħil sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 70).

171    Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma li jimplikaw, min-naħa tiegħu, għażla ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li jeżiġu li jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Dawn huwa partikolarment minnu fir-rigward tal-politika agrikola komuni, qasam li fih il-leġiżlatur tal-Unjoni jgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi mogħtija lilu mill-Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE (sentenzi tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 80, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 43).

172    Barra minn hekk, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma hijiex irriżervata għal-leġiżlatur. Fil-fatt, ġie deċiż li l-Kunsill, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, jista’ jkollu jagħti lill-Kummissjoni setgħat diskrezzjonali wiesgħa (ara d-digriet tat-22 ta’ Marzu 2010, SPM vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑39/09 P, mhux ippubblikat, EU:C:2010:157, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

173    Fid-dawl tal-fatt li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa marbuta mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prattiki ta’ tikkettar eżistenti, kif jirriżulta mill-punti 171 u 172 iktar ’il fuq, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fil-konfront tal-għan li l-Kummissjoni jkollha l-għan issegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1994, SMW Winzersekt, C‑306/93, EU:C:1994:407, punt 21, u tat-2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia, C‑343/07, EU:C:2009:415, punt 81). Għaldaqstant, l-uniku kriterju li għandu japplika f’dan il-kuntest ma huwiex jekk il-miżura adottata mill-Kummissjoni kinitx l-unika jew l-aħjar possibbli, iżda jekk din il-miżura kinitx manifestament inadegwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2011, Beneo-Orafti, C‑150/10, EU:C:2011:507, punt 77, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 44).

174    Madankollu, dan il-livell limitat ta’ stħarriġ ma jfissirx li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux jissottomettu l-miżuri kkontestati għal eżami rigoruż sabiex jistħarrġu l-proporzjonalità tagħhom. F’dan ir-rigward, il-qrati tal-Unjoni għandhom b’mod partikolari jiżguraw li l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata ħadet kompletament inkunsiderazzjoni l-interessi involuti, lil hinn mill-għan prinċipali mfittex (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 40; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 85) u li, f’dan il-kuntest, l-interessi tal-persuni affettwati b’mod negattiv kienu ttieħdu debitament inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, EU:C:1997:373, punt 43).

2.      Applikazzjoni għall-kawża ineżami

175    F’dan il-każ, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi deroga għall-projbizzjoni ta’ tikkettar ta’ nbejjed Kroati bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran”. Għaldaqstant, dan ir-regolament ma huwiex intiż li jipprekludi kull kummerċjalizzazzjoni tal-inbejjed li jibbenefikaw mid-DOP Slovena “Teran”, u lanqas ma huwa intiż, a fortiori, li jħassar din id-DOP. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni estendiet il-grupp ta’ persuni intitolati li jużaw l-isem “teran” fuq it-tikketti tal-inbejjed tagħhom sabiex tinkludi l-produtturi tal-inbid Kroati f’dan il-grupp. F’dan is-sens, il-Kummissjoni llimitat il-portata tal-protezzjoni li tirriżulta mid-dritt għall-proprjetà mogħti lill-benefiċjarji tad-DOP Slovena “Teran”, sa fejn, minħabba r-Regolament ikkontestat, dawn il-benefiċjarji tilfu l-monopolju fir-rigward tal-użu tal-isem “Teran” għat-tikkettar tal-inbejjed tagħhom.

176    F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 170 sa 173 iktar ’il fuq kinux effettivament osservati.

177    Qabel kollox, huwa paċifiku li d-deroga fil-qasam tat-tikkettar inkwistjoni kienet prevista f’regolament iddelegat tal-Kummissjoni, adottat fuq il-bażi tad-delega prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1308/2013. Għaldaqstant, il-kundizzjoni li l-indħil fid-dritt għall-proprjetà għandu jkun previst mil-liġi hija ssodisfatta fil-kawża ineżami. Dan, barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa kkontestat bejn il-partijiet.

178    Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan imfittex mir-Regolament ikkontestat, fil-punti 123 u 124 iktar ’il fuq diġà ġie rrilevat li dan ir-regolament huwa intiż li jipproteġi l-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fit-30 ta’ Ġunju 2013 u li jirregola l-kunflitt li nħoloq fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni bejn, minn naħa, dawn il-prattiki ta’ tikkettar u, min-naħa l-oħra, id-DOP Slovena “Teran”. Dan l-għan huwa marbut mal-ħtieġa li jiġu kkonċiljati t-talbiet kontradittorji tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Repubblika tas-Slovenja u, għaldaqstant, l-interessi differenti tal-produtturi Kroati u ta’ dawk Sloveni. Tali għan, intiż li jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi leġittimi tal-benefiċjarji tad-DOP Slovena “Teran” u dawk tal-produtturi tal-inbid Kroati, jista’ jitqies li huwa għan leġittimu ta’ interess ġenerali, punt dan li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika tas-Slovenja.

179    Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-natura sproporzjonata tad-deroga inkwistjoni meta mqabbla mal-għan imfittex, mill-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ma qabditx u tat sempliċi deroga iżda vverifikat l-eżistenza ta’ prattiki legali ta’ tikkettar fir-Repubblika tal-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Barra minn hekk, kif speċifikat fil-premessa 6 tar-Regolament ikkontestat, hija rabtet id-deroga kontenzjuża ma’ kundizzjonijiet partikolari sabiex jittieħdu preċiżament inkunsiderazzjoni r-riżervi espressi mir-Repubblika tas-Slovenja.

180    B’hekk, sabiex il-konsumatur ma jiġix imqarraq, hija speċifikat li l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” seta’ jiġi indikat biss fuq it-tikketta tal-inbejjed Kroati li jkollhom id-DOP “Hrvatska Istra”, bil-kundizzjoni li t-termini “Hrvatska Istra” u “teran” jidhru fl-istess parti viżiva u li l-isem “teran” jinkiteb b’tipa iżgħar minn dik użata għall-indikazzjoni tad-DOP “Hrvatska Istra”. Matul is-seduta, il-Kummissjoni indikat li tali kundizzjoni ta’ tikkettar kienet eċċezzjonali, sa fejn kundizzjonijiet partikolari ta’ tikkettar ma huma previsti għal ebda varjetà tal-għeneb tal-inbid oħra u sa fejn din il-kundizzjoni kienet ġiet adottata preċiżament sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżervi min-naħa tal-Repubblika tas-Slovenja.

181    F’dan il-kuntest, għandu jiġi vverifikat, fid-dawl tal-argumenti mqajma mir-Repubblika tas-Slovenja, jekk il-Kummissjoni aġixxietx b’mod manifestament sproporzjonat fil-konfront tal-għan imfittex, imfakkar fil-punt 178 iktar ’il fuq.

a)      Fuq l-assenza ta’ ekwivalenza bejn l-interessi involuti

182    Fir-rigward tal-fatt li l-interess tal-produtturi tal-inbid Kroati li jkomplu jittikkettaw l-inbid tagħhom bit-terminu “teran” bl-ebda mod ma kien ekwivalenti għad-dritt tal-produtturi tal-inbid Sloveni li jibbenefikaw mid-DOP “Teran”, protett permezz ta’ diversi testi regolamentarji, għandu jitiqes, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li dan l-element diġà neċessarjament ittieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta għamel l-għażla politika li jadotta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013.

183    Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 huwa intiż preċiżament li jippermetti eċċezzjonijiet għall-monopolju ta’ użu li jirriżulta minn DOP, f’sitwazzjoni fejn ikun hemm interessi oħra, jiġifieri dawk tal-produtturi ta’ nbejjed li ma jibbenefikawx minn DOP u tal-konsumaturi li huma mdorrija jaraw ċerti termini fuq it-tikketti tal-inbid prodott minn dawn il-produtturi. Huwa għalhekk il-leġiżlatur stess li introduċa l-possibbiltà li tiġi prevista tali deroga sabiex jippermetti li omonimu ta’ DOP, bħalma huwa l-isem “teran”, jintuża għat-tikkettar ta’ nbid li ma jibbenefikax minn din id-DOP.

184    F’dan il-kuntest, għall-kuntrarju ta’ dak li tagħti x’tifhem ir-Repubblika tas-Slovenja, il-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi biss possibbiltà, u mhux obbligu, għall-Kummissjoni li tagħti deroga, jew il-fatt li l-indikazzjoni tad-DOP fuq it-tikketta tal-inbid hija obbligatorja, għall-kuntrarju tal-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid użata, ma jistgħux juru li d-deroga prevista fir-Regolament ikkontestat hija manifestament sproporzjonata meta mqabbla mal-għan ta’ interess ġenerali mfittex.

b)      Fuq l-omonimija bejn l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” u d-DOP “Teran”

185    Fir-rigward tal-omonimija bejn l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” u d-DOP Slovena “Teran”, l-ewwel nett, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 bl-ebda mod ma joħroġ li tali fatt jeskludi kull possibbiltà ta’ deroga fil-qasam tat-tikkettar. L-unika kundizzjoni imposta fir-rigward tal-għoti ta’ din id-deroga hija marbuta mal-eżistenza ta’ prattiki legali ta’ tikkettar fil-mument tal-adeżjoni tal-Istat ikkonċernat mal-Unjoni.

186    Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li dan jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid ikun “jikkonsisti” f’DOP, b’tali mod li l-omonimija hija ipoteżi prevista f’din id-dispożizzjoni.

187    Barra minn hekk, il-projbizzjoni fuq livell ta’ prinċipju prevista fl-Artikolu 100(1) u (2) tar-Regolament Nru 1308/2013, invokata mir-Repubblika tas-Slovenja, tikkonċerna biss ir-reġistrazzjoni ta’ isem omonimu jew parzjalment omonimu għal isem diġà rreġistrat. Issa, din l-ipoteżi hija distinta minn dik ineżami. Fil-fatt, mill-proċess bl-ebda mod ma joħroġ li l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” kienet is-suġġett ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala DOP kompetitura tad-DOP Slovena bl-istess isem.

188    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ħadet speċifikament inkunsiderazzjoni r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa fir-rigward tal-inbejjed Kroati prodotti wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 179 iktar ’il fuq, dan ir-regolament jimponi, b’mod kompletament eċċezzjonali, kundizzjonijiet ta’ tikkettar partikolari fuq dawn l-inbejjed, punt dan li ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika tas-Slovenja. B’hekk, il-konsumatur għandu dejjem jaqra l-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid Kroata “teran” flimkien mal-indikazzjoni tad-DOP Kroata “Hrvatska Istra” (Istria, il-Kroazja), li għandha tidher b’tipa ikbar minn dik tal-isem “teran”.

189    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-inbejjed li jkollhom id-DOP Kroata “Hrvatska Istra” u li kienu ġew prodotti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat, huwa minnu li dawn l-inbejjed jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sal-eżawriment tal-istokk konformement mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, mingħajr madankollu ma għandhom għalfejn josservaw il-kundizzjonijiet ta’ tikkettar partikolari imposti minn dan ir-regolament fir-rigward tal-inbid prodott sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, imfakkra fil-punt 188 iktar ’il fuq. Madankollu, din hija sempliċi regola tranżitorja li, barra minn hekk, tikkonċerna biss l-inbejjed li għandhom id-DOP Kroata “Hrvatska Istra”. L-eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni mal-inbejjed bid-DOP Slovena “Teran” hija għalhekk limitata għal ċerti nbejjed prodotti matul perijodu ddefinit li joriġinaw minn reġjun partikolari.

190    Barra minn hekk, kif ġie spjegat mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-isem “Hrvatska Istra” kien diġà protett fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Sabiex tinżamm din il-protezzjoni bħala DOP, kif jirriżulta mill-Artikolu 118s(4) u (5) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet meħtieġa tippreżenta fajl tekniku li jippermetti li jintwera li dan l-isem kien effettivament josserva l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 118b ta’ dan l-istess regolament. Il-Kummissjoni esponiet, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li l-fajl tekniku ppreżentat f’dan is-sens mir-Repubblika tal-Kroazja kien jindika li t-terminu “teran” kien awtorizzat fuq it-tikketti tal-inbid “Hrvatska Istra” bil-kundizzjoni biss li l-isem “teran” jidher fl-istess parti viżiva bħall-isem “Hrvatska Istra” u b’tipa iżgħar minn dik ta’ dan tal-aħħar. Issa, fid-dawl ta’ tali kundizzjonijiet ta’ tikkettar eżistenti, il-probabbiltà ta’ konfuzjoni bejn l-inbid “teran” prodott fil-Kroazja qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat u l-inbid Sloven bid-DOP omonima “Teran” tidher li hija limitata, b’mod partikolari peress li jistgħu jkunu kkonċernati biss, fir-rigward ta’ nbejjed li jibbenefikaw mid-dispożizzjoni tranżitorja kkritikata, jiġifieri nbejjed prodotti bejn Lulju 2013 u Lulju 2017, inbejjed li jużaw l-isem “Hrvatska Istra” u li t-tikketta tagħhom ma hijiex kompletament konformi mal-fajl tekniku msemmi iktar ’il fuq.

191    Barra minn hekk, fir-rigward tas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), għandu jiġi rrilevat li din tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16). Din id-dispożizzjoni, minbarra l-fatt li tikkonċerna biss ix-“xorb spirituż” iddefinit fl-Artikolu 2 tar-regolament, bl-esklużjoni tal-inbid, tipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi kontra kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni u ma tipprevedi ebda possibbiltà ta’ deroga fil-qasam tat-tikkettar. Għaldaqstant, l-imsemmija sentenza tikkonċerna dispożizzjoni u kuntest li huma differenti minn dawk inkwistjoni f’din il-kawża.

192    Ir-Repubblika tas-Slovenja lanqas ma tista’ tinvoka s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), sabiex turi li l-użu tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” għall-produtturi tal-inbid Kroati ser joħloq f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat fir-rigward tal-oriġini tal-prodott, b’tali mod li tippermetti lil dawn il-produtturi jibbenefikaw b’mod indebitu mir-reputazzjoni tad-DOP Slovena “Teran”. Fil-fatt, minn naħa, bl-ebda mod ma huwa kkontestat bejn il-partijiet li, fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, kienu jeżistu prattiki legali ta’ tikkettar marbuta mal-indikazzjoni tat-terminu “teran” f’dan l-Istat, b’tali mod li din l-indikazzjoni ma tistax titqies li tislet benefiċċju “b’mod indebitu” mir-reputazzjoni tad-DOP Slovena “Teran”. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tas-sitwazzjoni li kienet prevalenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35), fejn ma kien hemm ebda terminu partikolari li kien jikkompleta t-tikketta tax-xorb inkwistjoni, fir-Regolament ikkontestat il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-probabbiltà ta’ konfużjoni għall-konsumatur billi rrikjediet li t-tikketta tal-inbejjed Kroati “teran” issemmi b’mod ċar li l-inbid oriġina minn Istria, fil-Kroazja (DOP “Hrvatska Istra”).

193    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja bbażat fuq ir-Regolament Nru 1166/2009, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament ma huwiex intiż li jimplimenta l-Artikolu 118j tar-Regolament Nru 1234/2007 (li sar l-Artikolu 100 tar-Regolament Nru 1308/2013). Għall-kuntrarju, l-imsemmi regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 113d(2) u fuq it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 121 ta’ dan l-istess regolament, li ma humiex inkwistjoni f’din il-kawża.

194    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tas-Slovenja ma pprovdiet ebda element li jista’ juri li ċ-ċirkustanzi li fihom ġie adottat ir-Regolament Nru 1166/2009 kienu simili għal dawk ineżami. Għall-kuntrarju, mill-premessa 2 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-deċiżjoni li jiġi impost, fl-Italja, l-użu tat-terminu “glera” sabiex tiġi identifikata l-varjetà tal-għeneb inkwistjoni kienet toriġina mill-awtoritajiet Taljani stess. Il-Kummissjoni kienet sempliċement ħadet nota ta’ din id-deċiżjoni u bħala konsegwenza emendat ir-Regolament Nru 606/2009 sabiex tevita nuqqas ta’ qbil bejn il-leġiżlazzjoni Taljana u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. F’dan il-każ, għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha tikkonċilja interessi nazzjonali kontradittorji u kellha teżamina l-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja.

195    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tas-Slovenja ma għandhiex raġun meta ssostni li l-indikazzjoni tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” għall-inbejjed minn Istria fil-Kroazja ċċaħħad id-DOP Slovena “Teran” minn kull kontenut tant li tagħmilha ġenerika u ċċaħħadha minn protezzjoni.

196    Huwa minnu li mill-Artikolu 101(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li l-protezzjoni bħala DOP għandha tiġi rrifjutata lil isem meta jidher li dan ikun sar ġeneriku fl-Unjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-kundizzjonijiet li japplikaw għal applikazzjoni għal protezzjoni ta’ isem bħala DOP. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 103 ta’ dan ir-regolament jirregola, min-naħa tiegħu, il-portata tal-protezzjoni tad-DOP ladarba din tkun ingħatat. B’hekk, mill-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta isem ikun tqies li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb l-istatus ta’ DOP fis-sens tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, din id-DOP ma tkunx tista’ titlef, sussegwentement, tali status anki jekk tkun apparentement kisbet natura ġenerika fl-Unjoni.

c)      Fuq l-eżistenza ta’ sinonimu għall-isem “teran” u fuq l-inkonsistenza fl-azzjoni tal-Kummissjoni

197    Kif osservat ir-Repubblika tas-Slovenja, mill-annessi tal-ittra tar-Repubblika tal-Kroazja lill-Kummissjoni, tat-13 ta’ Mejju 2013, li fiha talba għal reviżjoni tal-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009, jirriżulta li l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” jista’ jiġi identifikat ukoll, fil-Kroazja, bis-sinonimu “istrijanac”.

198    Madankollu, meta adottat ir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, kif jeżiġi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013. Huwa fi tmiem ta’ eżami ddettaljat tal-fajl li hija kkonkludiet li l-isem “teran” kien jintuża f’dan l-Istat sabiex tiġi identifikata varjetà ta’ għeneb tal-inbid u li, minħabba dan l-użu, kellha tingħata deroga fil-qasam tat-tikkettar għal dan l-isem ta’ varjetà.

199    Issa, mill-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li r-Repubblika tal-Kroazja kienet ressqet talba simili fir-rigward tal-użu tal-isem “istrijanac”. Il-proċess lanqas ma fih elementi li jistgħu juru li l-isem “istrijanac” kien effettivament użat fil-Kroazja fil-qasam tat-tikkettar fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni kien imissha ħaditu inkunsiderazzjoni meta adottat ir-Regolament ikkontestat.

200    Huwa minu li, fis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Friuli-Venezia Giulia u ERSA (C‑347/03, EU:C:2005:285, punt 133), li tikkonċerna l-projbizzjoni tal-użu tal-ismijiet Taljani ta’ varjetajiet ta’ dwieli “Tocai fruilano” u “Tocai italico” minħabba l-eżistenza tal-indikazzjoni ġeografika Ungeriża “Tokaj”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-eżistenza ta’ sinonimi sabiex jieħdu post l-ismijiet “Tocai friulano” u “Tocai italico”, sabiex tiġġustifika l-proporzjonalità tal-projbizzjoni inkwistjoni.

201    Madankollu, il-fatt li projbizzjoni ta’ tikkettar kienet tqieset li hija proporzjonata minħabba l-eżistenza ta’ sinonimi ma jfissirx li r-Regolament ikkontestat, li għall-kuntrarju huwa intiż li jawtorizza l-użu ta’ isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid fil-qasam tat-tikkettar fuq il-bażi ta’ setgħa legali mogħtija għal dan il-għan (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013), huwa sproporzjonat peress li jeżistu sinonimi għal dan l-isem ta’ varjetà. Fil-fatt, in-natura proporzjonata jew le tar-Regolament ikkontestat għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan segwit fil-kawża ineżami, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fid-data tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u l-konċiljazzjoni tal-interessi kontradittorji ta’ żewġ Stati. Issa, meta awtorizzat l-użu tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” bil-kundizzjoni li jiġu osservati kundizzjonijiet ta’ tikkettar partikolari, il-Kummissjoni manifestament ma marritx lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan.

202    Fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi eċċessivi li r-Regolament ikkontestat seta’ jimplika għall-produtturi tal-inbid Sloveni, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa, invokata mir-Repubblika tas-Slovenja, li l-konsumaturi ser ikunu mqarrqa dwar l-oriġini reali tal-inbid Kroat prodott mill-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” u ser jippreferu jixtru dan l-inbid Kroat, li huwa iktar abbundanti u orħos mill-inbid Sloven li jibbenefika mid-DOP “Teran”.

203    Issa, kif jirriżulta mill-punt 188 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa dwar l-oriġini tal-inbejjed ikkonċernati u pprevediet kundizzjonijiet ta’ tikkettar speċifiċi suffiċjenti sabiex jiġi evitat tali qerq.

204    Fi kwalunkwe każ, mill-proċess bl-ebda mod ma jirriżulta li l-previżjonijiet katastrofiċi mqajma mir-Repubblika tas-Slovenja mmaterjalizzaw ruħhom. F’dan id-dawl, il-fatt li r-Repubblika tal-Kroazja għandha potenzjal ta’ produzzjoni tal-inbid “teran” ferm ikbar minn dak tar-Repubblika tas-Slovenja bl-ebda mod ma jimplika li l-produtturi tal-inbid f’Istria, il-Kroazja, ser jabbandunaw it-tkabbir ta’ ċerti dwieli favur il-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” jew ser jippreferu jiżirgħu din il-varjetà milli oħra. Għalkemm iċ-ċifri dwar il-produzzjoni u l-uċuħ ikkultivati, iċċitati mir-Repubblika tas-Slovenja, juru l-importanza tal-produzzjoni tal-inbid “Teran” f’dan l-Istat (għal 88 % tal-produtturi Sloveni ta’ Teran, id-DOP “Teran” tirrappreżenta iktar min-nofs il-produzzjoni), dawn l-istess ċifri ma jistabbilixxux li l-awtorizzazzjoni tat-tikkettar tal-inbid Kroat bl-indikazzjoni “teran” ser tikkawża telf daqstant kunsiderevoli għall-produtturi Sloveni.

205    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja dwar l-inkonsistenza fl-azzjoni tal-Kummissjoni, li allegatament ittrattat sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, L-Ungerija vs Il‑Kummissjoni, C‑31/13 P, EU:C:2014:70, punt 73). B’hekk, sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ dan il-prinċipju, għandu qabel kollox jiġi vverifikat jekk is-sitwazzjonijiet invokati f’din il-kawża humiex komparabbli.

206    F’dan ir-rigward, mill-ittra tar-Repubblika tal-Kroazja tat-13 ta’ Mejju 2013 dwar l-emenda tal-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 jirriżulta li dan l-Istat kien talab lill-Kummissjoni tinkludi l-ismijiet “barbera”, “montepulciano” u “portugizac” f’din il-lista u li, minkejja dan, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 753/2013 ma ta ebda deroga ta’ tikkettar fir-rigward tal-ismijiet ta’ dawn il-varjetajiet.

207    Madankollu, waħdu dan l-element ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li kien hemm, fir-rigward tal-ismijiet kollha msemmija fil-punt 206 iktar ’il fuq, prattika ta’ tikkettar komparabbli għal dik tat-“teran” fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni. Il-proċess ma fih ebda prova f’dan is-sens. B’hekk, minħabba li naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, ir-Repubblika tas-Slovenja ma tistax takkuża lill-Kummissjoni bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament f’dan il-każ u lanqas ma tista’ takkużaha li aġixxiet b’mod inkonsistenti f’dan ir-rigward.

d)      Fuq it-tul ta’ żmien li għadda qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat

208    Fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata tat-tul ta’ żmien li għadda qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, għandu jitqies li r-Repubblika tas-Slovenja tqajjem, essenzjalment, l-istess argument bħal dak invokat fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kienet damet b’mod illegali sabiex teżerċita s-setgħat tagħha.

209    Issa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 112 sa 118 iktar ’il fuq, u fid-dawl tan-natura sensittiva tal-fajl, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ħadet kważi erba’ snin sabiex tittratta l-fajl “teran”, u lanqas talli ffavorixxiet soluzzjoni nnegozjata bejn il-partijiet.

210    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-Repubblika tas-Slovenja bl-ebda mod ma stabbilixxiet li l-Kummissjoni kisret b’mod manifestament sproporzjonat id-dritt għall-proprjetà tal-produtturi tal-inbid Sloveni bid-DOP “Teran”. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. Madankollu, din il-konklużjoni hija bla ħsara għall-eżami tal-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja msemmija fil-punt 168 iktar ’il fuq, li jaqgħu taħt is-seba’ motiv u li ser jiġu eżaminati f’dak il-kuntest.

D.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja

211    Ir-Repubblika tas-Slovenja tenfasizza li, skont l-Artikolu 41 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja”), l-eventwali miżuri tranżitorji fil-qasam tal-politika agrikola komuni intiżi li tiġi ffaċilitata l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni setgħu jiġu adottati biss matul perijodu ta’ tliet snin mid-data tal-adeżjoni u ma kellhomx japplikaw lil hinn minn dan il-perijodu.

212    Issa, skont ir-Repubblika tas-Slovenja, il-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, sa fejn tippermetti l-bejgħ tal-istokk tal-inbid Kroat prodott qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013 anki jekk ma josservax il-kundizzjonijiet l-ġodda ta’ tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-istess regolament, tapplika fuq perijodu itwal mill-perijodu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, minħabba l-effett retroattiv ta’ dan ir-regolament ta’ kważi erba’ snin. B’hekk, il-Kummissjoni pprevediet perijodu tranżitorju ġdid għal dan l-inbid, iktar minn tliet snin wara l-imsemmija adeżjoni, li huwa kuntrarju għall-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja.

213    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

214    F’dan il-każ, l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għandu jinqara flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dan l-att ta’ adeżjoni. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li, sa mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet għandhom jorbtu lir-Repubblika tal-Kroazja u huma applikabbli f’dan l-Istat fil-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmija trattati u mill-att ta’ adeżjoni inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li, sa mill-adeżjoni tagħha mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet suġġetta, bħala prinċipju, għad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli fil-qasam tat-tikkettar tal-prodotti tal-inbid, inklużi l-projbizzjoni ta’ tikkettar prevista fl-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 (li sar l-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013), u l-possibbiltà ta’ deroga għal din il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009.

215    Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja jawtorizza l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji fil-qasam tal-politika agrikola komuni, sabiex tiġi ffaċilitata l-bidla għal dan l-Istat mis-sistema nazzjonali preċedenti tiegħu għal dik tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-miżuri tranżitorji msemmija huma dawk intiżi li jidderogaw, għal perijodu limitat ta’ żmien, mit-testi tal-Unjoni fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013 u li, mingħajr dawn id-dispożizzjonijiet, kienu jkunu applikabbli immedjatament għar-Repubblika tal-Kroazja f’din id-data.

216    Issa, il-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat ma tagħmilx parti mill-kuntest iddefinit fil-punti 214 u 215 iktar ’il fuq. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża li tidderoga minn leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, iżda minn rekwiżiti ġodda fil-qasam tat-tikkettar previsti minn regolament adottat mill-Kummissjoni wara din l-adeżjoni fuq il-bażi ta’ setgħa espliċita mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009.

217    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

E.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, fid-dawl tat-tifsira li l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta u l-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB jagħtu lil din id-dispożizzjoni, u fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-Artikolu 290 TFUE

218    Insostenn tal-ħames motiv tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità, kif ukoll mal-Artikolu 17 tal-Karta u mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, bl-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, li ma josservax dawn il-prinċipji, il-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tas-setgħa prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tal-imsemmi regolament.

219    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni wkoll li l-Kummissjoni marret lil hinn mis-setgħat tagħha billi ppreġudikat is-sustanza stess tar-Regolament Nru 1308/2013, li l-għanijiet prinċipali tiegħu huma l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-produtturi u tal-konsumaturi kontra l-qerq u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Hija b’hekk kisret l-Artikolu 13 TUE u l-Artikolu 290 TFUE.

220    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja u tirreferi għall-argumenti tagħha fil-kuntest tal-ewwel tliet motivi.

221    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll ta’ proporzjonalità diġà ġew indirizzati fil-kuntest tat-tieni motiv, fil-punti 95 sa 161 iktar ’il fuq, u diġà ġie deċiż li huma infondati. B’hekk, sa fejn il-ħames motiv jikkoinċidi mat-tieni motiv, huwa għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dan tal-aħħar.

222    Fir-rigward tal-argumenti dwar ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta u tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-qerq, l-omonimija sħiħa bejn id-DOP Slovena “Teran” u l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid Kroata “teran” u l-eżistenza tas-sinonimu “istrijanac” sabiex tiġi identifikata din il-varjetà ta’ għeneb tal-inbid. Issa, dawn l-argumenti ġew eżaminati wkoll fil-kuntest tat-tielet motiv, fil-punti 185 sa 210 iktar ’il fuq. Sa fejn il-ħames motiv jikkoinċidu mat-tielet motiv, huwa għandu jiġi miċħud, għall-istess raġunijiet, bħala infondat.

223    Bl-istess mod, fid-dawl tal-fatt li l-argumenti mqajma insostenn tal-ksur tal-Artikolu 13 TUE u tal-Artikolu 290 TFUE fil-kuntest tas-sitt motiv jikkoinċidu, essenzjalment, ma’ dawk tal-ħames motiv, dawn ukoll għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet.

224    Għaldaqstant, il-ħames u s-sitt motiv għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

F.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ talba mir-Repubblika tal-Kroazja intiża li l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” jiġi inkluż fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u fuq l-assenza ta’ informazzjoni tar-Repubblika tas-Slovenja dwar tali talba għall-finijiet tan-negozjati tal-adeżjoni

225    Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 u l-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, ir-Repubblika tal-Kroazja kien imissha talbet l-inklużjoni tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, ħaġa li hija ma għamlitx. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4 TUE, il-Kummissjoni kienet obbligata tinforma lir-Repubblika tas-Slovenja dwar tali talba fl-eventwali li titressaq tali talba. Fid-dawl tal-fatt li tali kwistjoni tagħmel neċessarjament parti min-negozjati tal-adeżjoni ta’ Stat mal-Unjoni, ir-Repubblika tas-Slovenja kien f’dak il-każ ikollha l-għażla li taċċetta jew li tirrifjuta tali inklużjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TUE.

226    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Kroazja, tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

227    Fir-rigward, l-ewwel, tal-allegat obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja li tressaq, qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, talba sabiex l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” jiġi inkluż fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 (li kien l-Anness II tar-Regolament Nru 753/2002), għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kapitolu III.b.3 tal-pożizzjoni tan-negozjar tal-2008, dwar “prodotti tar-raba’ speċjali, inbejjed u xarbiet spiritużi”, ir-Repubblika tal-Kroazja kienet indikat b’mod ċar li xtaqet li l-lista nazzjonali tagħha ta’ varjetajiet ta’ dwieli rrikonoxxuti tiġi inkluża fil-lista eżistenti tal-varjetajiet ta’ dwieli jew tas-sinonimi tagħhom li jinkludu indikazzjoni ġeografika u li jistgħu jidhru fuq it-tikketti tal-inbejjed, li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 753/2002.

228    Huwa minnu li din it-talba sussegwentement ġiet irtirata fl-addendum għall-pożizzjoni tan-negozjar tar-Repubblika tal-Kroazja tat-28 ta’ Settembru 2011. Madankollu, dan l-irtirar kien ibbażat espliċitament fuq il-premessa li l-lista tal-ismijiet tal-varjetajiet li jistgħu jidhru fuq it-tikketta tal-inbejjed ma kinitx ser tiġi stabbilita fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni iżda iktar tard, fuq il-bażi tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 607/2009.

229    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li kien biss fis-6 ta’ Diċembru 2011, meta ġie ppreżentat il-fajl tekniku dwar l-isem “Teran”, previst fl-Artikolu 118c tar-Regolament Nru 1234/2007, li r-Repubblika tas-Slovenja indikat għall-ewwel darba lill-Kummissjoni li l-isem “Teran”, ikkunsidrat waħdu, kellu jiġi protett bħala DOP. Issa, f’dik id-data, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta’ Diċembru 2011 dwar l-ammissjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għall-Unjoni Ewropea (ĠU 2012, L 112, p. 6), li magħha kien anness l-Att ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, kienet diġà ġiet adottata.

230    Huwa f’dan il-kuntest li, f’waħda mit-tliet ittri mibgħuta fit-13 ta’ Mejju 2013 lill-Kummissjoni, li tikkonċerna speċifikament il-kwistjoni tad-DOP Slovena “Teran”, ir-Repubblika tal-Kroazja talbet lill-Kummissjoni ssib soluzzjoni adegwata sabiex il-produtturi tal-inbid tagħha jkunu jistgħu jkomplu jużaw l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” għat-tikkettar tal-inbejjed tagħhom. Għalkemm din ma kinitx talba espliċita għall-inklużjoni tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” fil-lista prevista fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, xorta jibqa’ l-fatt li r-Repubblika tal-Kroazja talbet manifestament l-intervent tal-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni dwar il-possibbiltà li l-isem “teran” jintuża għat-tikkettar tal-inbejjed tagħha.

231    Fi kwalunkwe każ, mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, bl-ebda mod ma jirriżulta li r-Repubblika tal-Kroazja kienet obbligata tressaq talba għal deroga favur il-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” matul in-negozjati tal-adeżjoni mal-Unjoni.

232    Għall-kuntrarju, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni li tingħata deroga fil-qasam tat-tikkettar għall-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid ta’ Stat Membru hija deċiżjoni esklużivament tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati tagħha. B’hekk, tali deroga ma tiddependix minn qbil bejn l-Istati Membri qabel l-adeżjoni mal-Unjoni iżda minn setgħa espliċita mogħtija mil-leġiżlatur lill-Kummissjoni, li kienet diġà teżisti fil-mument tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni (ara l-Artikolu 118j(3) tar-Regolament Nru 1234/2007).

233    Fi kliem ieħor, id-deċiżjoni li l-isem ta’ varjetà ta’ għeneb tal-inbid jiġi inkluż fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 ma tagħmilx parti, fiha nnifisha, mill-“kondizzjonijiet tad-dħul u l-tibdil li jkollu jsir fit-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni” (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TUE), iżda tagħmel parti mis-sempliċi implimentazzjoni ta’ regolament li jagħmel parti mill-acquis tal-Unjoni li miegħu jaderixxi Stat ġdid.

234    It-tieni, fir-rigward tal-fatt li r-Repubblika tas-Slovenja ma ġietx informata dwar talba mir-Repubblika tal-Kroazja intiża li l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” jiġi inkluż fil-lista li tinsab fil-Parti A tal-Anness XV tar-Regolament Nru 607/2009 qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, u l-ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta minn dan, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li huwa stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE jimplika obbligu, għall-Istati Membri, li jieħdu l-miżuri kollha ta’ natura li jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u jimponi fuq l-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar dmirijiet reċiproċi ta’ rispett u ta’ assistenza fil-konfront tal-Istati Membri fit-twettiq tal-missjonijiet li joħorġu mit-Trattati (ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑402/15, EU:T:2018:107, punt 53 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

235    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kwistjoni tal-awtorizzazzjoni tal-indikazzjoni tal-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” fuq il-fliexken tal-inbejjed Kroati ma tagħmilx parti min-negozjati tal-adeżjoni. Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni hija rregolata fuq il-bażi ta’ setgħa legali mogħtija lill-Kummissjoni għal dan il-għan f’qafas distint minn dawn in-negozjati, sussegwentement għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni, li r-Repubblika tas-Slovenja kienet taf bih u li fil-kuntest tiegħu hija kienet ġiet informata u kienet involuta direttament, kif jirriżulta mill-punti 112 u 113 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li naqset mid-dmir tagħha ta’ rispett u ta’ assistenza fil-konfront tar-Repubblika tas-Slovenja fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni.

236    Barra minn hekk, mill-ittra tal-Ministru għall-Agrikoltura Sloven, indirizzata lill-Membri tal-Kummissjoni responsabbli għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali fl-11 ta’ Novembru 2014, jirriżulta b’mod ċar li r-Repubblika tas-Slovenja kienet ġiet informata dwar it-talba tar-Repubblika tal-Kroazja wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u li hija kellha l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni ta’ “teran” matul laqgħa bilaterali magħha. Barra minn hekk, kif jindikaw korrettament il-premessi 3, 4 u 5 tar-Regolament ikkontestat, ir-Repubblika tas-Slovenja kienet sussegwentement ikkonsultata diversi drabi dwar il-kwistjoni ta’ “teran” sabiex tkun tista’ tinstab soluzzjoni ta’ kompromess mar-Repubblika tal-Kroazja.

237    It-tielet, fid-dawl tal-fatt li d-deroga fil-qasam tat-tikkettar dwar l-isem tal-varjetà tal-għeneb tal-inbid “teran” ingħatat mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ setgħa legali, mingħajr ebda konnessjoni man-negozjati tal-adeżjoni, lanqas l-argument tar-Repubblika tas-Slovenja li l-kunsens tagħha kien meħtieġ fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni sabiex tingħata tali deroga ma huwa fondat.

238    Barra minn hekk, il-ħtieġa li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-Istati Membri sabiex tkun tista’ tiġi adottata deroga bl-ebda mod ma tirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013. Interpretazzjoni differenti ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex jingħata dritt ta’ veto lil kull wieħed minn dawn l-Istati u sabiex b’hekk id-delega ta’ setgħa mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-Kummissjoni tiġi mċaħħda mis-sustanza tagħha.

239    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

G.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali u tal-punt II.7 tal-Ftehim Komuni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali

240    Ir-Repubblika tas-Slovenja ssostni li, fl-abbozz ta’ regolament iddelegat ippreżentat fil-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-inbid GREX WINE tal-24 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni pprevediet li tawtorizza lill-produtturi tal-inbid Kroati jinkludu l-isem “teran” fuq il-fliexken tagħhom bil-kundizzjoni li jkunu osservati kundizzjonijiet ta’ tikkettar preċiżi. Issa, fil-verżjoni tiegħu finalment adottata, ir-Regolament ikkontestat jipprevedi wkoll perijodu tranżitorju għall-bejgħ tal-istokk ta’ nbejjed Kroati li ma josservawx il-kundizzjonijiet ta’ tikkettar il-ġodda. Skont ir-Repubblika tas-Slovenja, din hija emenda sostanzjali fil-konfront tal-abbozz ta’ regolament iddelegat li dwaru l-esperti u l-Istati Membri ma kellhomx il-possibbiltà jesprimu ruħhom.

241    B’hekk, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-impenn previst fil-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali u fil-Ftehim Komuni, annessa ma’ dan il-ftehim. Hija kisret ukoll il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali.

242    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja.

243    F’dan il-każ, l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja huma bbażati fuq il-premessa li ż-żieda tad-dispożizzjoni tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat tikkostitwixxi emenda sostanzjali tal-abbozz ta’ regolament diskuss fi ħdan il-grupp ta’ esperti tal-inbid GREX WINE fl-24 ta’ Jannar 2017, fis-sens tal-punt II.7 tal-Ftehim Komuni.

244    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali, il-Kummissjoni timpenja ruħha li, qabel l-adozzjoni ta’ atti ddelegati, tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ, b’mod partikolari permezz tal-konsultazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, il-punt II.7 tal-Ftehim Komuni jipprovdi li “[f]ejn il-kontenut materjali ta’ abbozz ta’ att delegat jinbidel b’xi mod, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-esperti tal-Istati Membri l-opportunità biex jirreaġixxu, fejn xieraq bil-miktub, għall-verżjoni emendata tal-abbozz tal-att delegat”.

245    Minn qari flimkien taż-żewġ dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 244 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tiġbor l-għarfien espert kollu meħtieġ qabel tadotta att iddelegat, li jimplika, b’mod partikolari, il-konsultazzjoni ta’ esperti tal-Istati Membri dwar l-aspetti sostanzjali kollha tat-test qabel l-adozzjoni tiegħu.

246    Fir-rigward tal-abbozz ta’ regolament iddelegat diskuss fi ħdan il-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-inbid GREX WINE tal-24 ta’ Jannar 2017, huwa minnu li dan it-test ma kienx fih dispożizzjoni tranżitorja bħal dik li finalment ġiet inkluża fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat. Lanqas ma huwa kkontestat li l-verżjoni finali tar-Regolament ikkontestat ma ġietx diskussa fi ħdan dan il-grupp ta’ esperti.

247    Madankollu, għandu jitfakkar li, kif imfakkar fil-premessa 5 tiegħu, l-għan tar-Regolament ikkontestat huwa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prattiki ta’ tikkettar eżistenti fil-Kroazja fil-mument tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u li jiġi awtorizzat, bħala deroga, l-użu tal-isem “teran” għat-tikkettar tal-inbejjed Kroati suġġett għall-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni effettivament osservat l-impenn previst fl-ewwel paragrafu tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali peress li ma huwiex ikkontestat li hija fil-fatt ġabret l-għarfien espert meħtieġ, inklużi l-opinjonijiet tal-esperti, fis-sens ta’ dan il-punt, sabiex tevalwa dawn il-prattiki ta’ tikkettar.

248    F’dan il-kuntest, id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat la temenda d-deroga mogħtija u lanqas ma temenda l-kundizzjonijiet li fihom din id-deroga tista’ tiġi eżerċitata. Din id-dispożizzjoni sempliċement tipprevedi regola tranżitorja limitata għall-inbejjed bid-DOP “Hrvatska Istra” li ġew prodotti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ikkontestat, sabiex dan ir-regolament ma jimponix huwa stess b’mod retroattiv fuq il-produtturi Kroati obbligi ta’ tikkettar ġodda għal dawn l-inbejjed. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, li aġixxiet fuq il-bażi ta’ delega ta’ setgħa fis-sens tal-Artikolu 290 TFUE, użat is-setgħa diskrezzjonali li tagħmel parti minn tali delega, fil-limiti imposti mil-leġiżlatur. B’mod iktar preċiż, hija aġixxiet konformement mal-Artikolu 100(3) tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 62(3) tar-Regolament Nru 607/2009, li jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tipprevedi derogi fil-qasam tat-tikkettar. B’hekk, l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni tranżitorja bħalma huwa l-Artikolu 2 fir-Regolament ikkontestat kienet inerenti għas-setgħat tal-Kummissjoni.

249    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu previst fl-ewwel paragrafu tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali, moqri flimkien mal-punt II.7 tal-Ftehim Komuni, ir-Repubblika tas-Slovenja ma stabbilixxietx kif tali konsultazzjoni setgħet tibdel il-kontenut tar-Regolament ikkontestat. Għall-kuntrarju, għandu jitqies li l-miżura tranżitorja prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat kienet meħtieġa fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif imfakkar fil-punt 99 iktar ’il fuq. Fil-fatt, bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni żgurat li r-Regolament ikkontestat ma jimponix huwa stess, b’mod retroattiv, obbligi ta’ tikkettar ġodda fuq il-produtturi tal-inbid Kroati.

250    B’hekk, l-argumenti tar-Repubblika tas-Slovenja bbażati fuq ksur tal-punt V.28 tal-Ftehim interistituzzjonali u tal-punt II.7 tal-Ftehim Komuni ma jistgħux jintlaqgħu.

251    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tas-Slovenja bbażat fuq il-prinċipju ta’ bilanċ istituzzjonali, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punti 247 sa 251 iktar ’il fuq.

252    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

253    Għaldaqstant, peress li l-motivi kollha ġew miċħuda bħala infondati, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

V.      Fuq l-ispejjeż

254    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tas-Slovenja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kummissjoni, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

255    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tas-Slovenja għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika tal-Kroazja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Kanninen

Schwarcz

Madise

Iliopoulos

 

      Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2020.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.