Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Mejju 2011 - Zinātnes, Inovāciju un Testēšanas Centrs vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-259/11)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Partijiet

Rikorrent: Zinātnes, Inovāciju un Testēšanas Centrs (rappreżentant: E. Darapoļskis, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftehim relattiv għall-programm nazzjonali PHARE 2003 fil-Latvja, "ħolqien ta' ċentru ta' innovazzjoni u ta' ttestjar tal-materjali ta' kostruzzjoni" (2003/004-979-06-03/1/0027), billi tirrikonnoxxi li l-irkupru tal-finanzjament PHARE tas-somma ta' EUR 1 576 010.80 ma huwiex iġġustifikat.

Motivi u argumenti prinċipali

F'deċiżjoni dwar il-ftehim relattiv għall-programm nazzjonali PHARE 2003 fil-Latvja, "ħolqien ta' ċentru ta' innovazzjoni u ta' ttestjar tal-materjali ta' kostruzzjoni" (2003/004-979-06-03/1/0027) (iktar 'il quddiem: "id-deċiżjoni kkontestata"), il-Kummissjoni ddeċidiet li tirkupra fondi tal-Unjoni Ewropea li jammontaw għal EUR 1 474 200.00.

Ir-rikorrent iqis li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma osservatx il-memorandum finanzjarju konkluż fid-19 ta' Settembru 2003 bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Latvja, relattiv għall-finanzjament tal-programm nazzjonali PHARE fil-Latvja, li fuq il-bażi tiegħu, fit-23 ta' Awwissu 2005, ġie konkluż ftehim mar-rikorrent u tħallas finanzjament tal-ammont ta' EUR 1 576 010.80. Ir-rikorrent jikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni ma osservatx ir-Regolament (KE, Euratom) tal-Kunsill Nru 1605/2002, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej 1 (iktar 'il quddiem: ir-"Regolament Finanzjarju"), u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej 2 (iktar 'il quddiem: ir-"Regolament ta' implementazzjoni").

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka l-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr la eżami bir-reqqa taċ-ċirkustanzi tal-kawża u lanqas evalwazzjoni tal-fatti, billi bbażat ruħha biss fuq ir-rapporti tal-uffiċjali Latvjani li ma humiex appoġġjati minn opinjonijiet jew minn deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni, qabel tati bidu għal proċedura ta' rkupru, kellha tivverifika l-eżistenza tal-ksur allegat fir-rapporti tal-uffiċjali tar-Repubblika tal-Latvja, u tikseb il-provi kollha neċessarji, li l-Kummissjoni ma għamlitx, billi llimitat ruħha għal eżami formali tal-korrispondenza preċedenti. Għaldaqstant, fatti importanti ġew injorati, u r-rimbors tal-finanzjament PHARE intalab indebitament.

It-tieni nett, ir-rikorrent jikkunsidra li l-Kummissjoni ma użatx setgħat li huma mogħtija lilha bil-memorandum finanzjarju, ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament ta' implementazzjoni. F'dan ir-rigward huwa jinnota li, meta kkonstatat ksur, il-Kummissjoni kellha, l-ewwel nett, tevalwa l-konsegwenzi finanzjarji tagħha fuq il-baġit tal-Unjoni u, it-tieni nett, jekk hija kkonstatat li l-ksur setgħu jwasslu għal konsegwenzi finanzjarji sostanzjali, tagħti lir-Repubblika tal-Latvja l-possibbilta li tressaq osservazzjonijiet utli dwar iċ-ċirkustanzi tal-kawża, kif ukoll iż-żmien sabiex ittemm dawn l-irregolaritajiet. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mill-poteri tagħha, b'mod li d-deċiżjoni kkontestata kienet tmur kontra l-memorandum finanzjarju, l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikoli 79 u 80 tar-Regolament ta' implementazzjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata kienet sproporzjonata u li hija ġiet adottata bi ksur tal-proċedura dwar l-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet stabbilita bil-memorandum finanzjarju, bir-Regolament Finanzjaru u bir-Regolament ta' implementazzjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma ġietx ippubblikata, hija ma għandhiex data tal-ħruġ u r-rikorrent sar jaf biha wara d-9 ta' Marzu 2011, fil-kuntest ta' proċedimenti mibdija fil-Latvja.

Ir-raba' nett, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata ħolqot konsegwenzi serji u kkawżatlu danni, peress li serviet bħala bażi għal proċedimenti mibdija kontrih u xxekklu milli, fil-futur, jikseb finanzjament fil-kuntest tal-programm PHARE.

Il-ħames u l-aħħar nett, ir-rikorrent jikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata affetwat b'mod serju r-reputazzjoni tiegħu, peress li l-azzjonijiet illegali tal-Kummissjoni jikkompromettu l-parteċipazzjoni ta' msieħba ġodda fil-proġett u serjament jaffettwaw ħażin il-fiduċja tal-investituri fir-rikorrent bħala msieħeb affidabbli u sigur.

____________

1 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74

2 - ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145