Language of document : ECLI:EU:T:2019:237

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ April 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Qasam postali – Finanzjament tal-ispejjeż addizzjonali ta’ salarji u tal-ispejjeż ta’ natura soċjali li jirrigwardaw parti mill-persunal ta’ Deutsche Post permezz ta’ sussidji u ta’ allokazzjoni ta’ dħul mir-remunerazzjoni tas-servizzi b’tariffi rregolati – Deċiżjoni li tiġi estiża l-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni finali – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑388/11,

Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund, T. Lübbig u M. Klasse, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Grespan, T. Maxian Rusche u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

UPS Europe SPRL/BVBA, li kienet UPS Europe NV/SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

u

United Parcel Service Deutschland Sàrl & Co. OHG, li kienet UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, stabbilita f’Neuss (il-Ġermanja),

inizjalment irrappreżentati minn T. Ottervanger u E. Henny, sussegwentement minn Ottervanger u fl-aħħar minn R. Wojtek, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 3081 final tal‑10 ta’ Mejju 2011, li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, f’dak li jirrigwarda l-Għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Deutsche Post, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 263, p. 4),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Schall, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑7 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Fuq il-proċedura ta’ investigazzjoni bejn l1999 u l2002

1        Fl‑1950, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha istituzzjoni postali waħda, Deutsche Bundespost. Fl‑1989, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqqfet, sabiex tissostitwixxi lil Deutsche Bundespost, tliet entitajiet separati. Dawn kienu Postdienst (attività postali), Postbank (attività bankarja) u Telekom (attività ta’ telekomunikazzjoni).

2        Skont il-Gesetz zur Umwandlung der Unternehmen der Deutschen Bundespost in die Rechtsform der Aktiengesellschaft (il-Liġi dwar ir-Riforma tal-Posta Federali Ġermaniża f’Kumpannija b’Responsabbiltà Limitata), tal‑14 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2325), Postdienst saret Deutsche Post AG, rikorrenti fil-kawża odjerna, u Postbank u Telekom kellhom ukoll il-forma legali ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata, sa mill‑1 ta’ Jannar 1995.

3        Fis‑17 ta’ Awwissu 1999, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, wara li ġiet adita b’ilment ippreżentat minn UPS Europe NV/SA, li saret UPS Europe SPRL/BVBA (iktar ’il quddiem “UPS”), intervenjenti fil-kawża odjerna, iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar għajnuna mogħtija f’diversi okkażjonijiet lil Postdienst, sussegwentement lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999”). Fost l-għajnuna inkwistjoni kien hemm is-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lir-rikorrenti sabiex ikopru l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-persuni impjegati bl-istatus ta’ uffiċjal (iktar ’il quddiem is-sussidji relatati mal-irtirar”).

4        Permezz tad-Deċiżjoni 2002/753/KE tad‑19 ta’ Ġunju 2002 dwar miżuri meħuda mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja favur Deutsche Post (ĠU 2002, L 247, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni finali tal‑2002”), il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999. Wara li kkonkludiet li l-kumpens mill-Istat mogħti għall-ispejjeż addizzjonali nett riżultat ta’ politika ta’ tnaqqis fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi postali bieb bieb miftuħa għall-kompetizzjoni kien jikkostitwixxi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, il-Kummissjoni iddikjarat, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ din l-għajnuna pubblika fl-ammont ta’ EUR 572 miljun mogħtija lir-rikorrenti u imponiet fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess dispożittiv, l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna. Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, l-għajnuna inkwistjoni ingħatat f’diversi forom, jiġifieri, b’mod partikolari, fil-forma ta’ trasferimenti finanzjarji mwettqa permezz ta’ Telekom favur ir-rikorrenti, ta’ garanziji pubbliċi li hija kienet ibbenefikat minnhom, u ta’ sussidji relatati mal-irtirar.

5        Fl‑4 ta’ Settembru 2002, ir-rikorrenti adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors, irreġistrat taħt in-numru tal-kawża T‑266/02, intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni finali tal‑2002.

6        Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, EU:T:2008:235), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni finali tal‑2002, għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti.

7        Permezz ta’ sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C‑399/08 P, EU:C:2010:481), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat kontra dik is-sentenza.

a)      Fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal2007

8        Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Settembru 2007, wara li ġie ppreżentat ilment ieħor minn UPS, li jallega li mhux il-miżuri kollha elenkati fl-ewwel ilment kienu ġew eżaminati u li kienet ingħatat għajnuna illegali wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni finali tal‑2002, u wara li ġie ppreżentat ilment ieħor minn kompetitur tar-rikorrenti, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE f’dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lil Deutsche Post (ĠU 2007, C 245, p. 21, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007”). F’din id-deċiżjoni l-ġdida, il-Kummissjoni invokat il-ħtieġa li titwettaq investigazzjoni globali fuq id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn fondi pubbliċi mogħtija lir-rikorrenti. Hija indikat li l-proċedura mibdija bid-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999 se tiġi kkompletata sabiex tiġi integrata l-informazzjoni kkomunikata riċentement u tiġi adottata pożizzjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-għoti ta’ dawn il-fondi pubbliċi mat-Trattat KE.

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Novembru 2007 u rreġistrat taħt in-numru tal-kawża T‑421/07, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal-2007.

10      Permezz ta’ sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07, EU:T:2011:720), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 75 tas-sentenza, li “fil-mument tal-adozzjoni [tad-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007], il-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999 fir-rigward tal-miżuri kontenzjużi ma kinitx ingħalqet permezz tad-deċiżjoni [finali] tal‑2002 ħlief fir-rigward tal-EUR 572 miljuni msemmija fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar”. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li “fil-mument tal-adozzjoni [tagħha], [id-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007] la [kienet biddlet] il-portata legali tal-miżuri kontenzjużi u lanqas is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti”, sabiex ikkonkludiet, fil-punt 80 tas-sentenza, li r-rikors kellu jiġi ddikjarat inammissibbli.

11      Fuq appell, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695), li, billi ddikjarat, fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-Deċiżjoni finali tal‑2002, l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna u billi imponiet fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess dispożittiv, l-irkupru tal-għajnuna, il-Kummissjoni kienet kompletament għalqet il-proċedura miftuħa bid-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn dan li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa fl‑1999 ma kinitx ġiet magħluqa bid-Deċiżjoni finali tal‑2002 lil hinn mill-EUR 572 miljun imsemmija fid-dispożittiv ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07, EU:T:2011:720), u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

12      Fis-sentenza tagħha tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 44 tas-sentenza, li d-Deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007 kellha titqies, fir-rigward tal-miżuri kollha li hija kienet tkopri, bħala deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali kompletament magħluqa. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet bi ksur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn il-Kummissjoni kienet fetħet mill-ġdid il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kompletament magħluqa bid-Deċiżjoni finali tal‑2002, sabiex tieħu, mingħajr ma tiġi rrevokata jew rtirata, deċiżjoni finali ġdida. Peress li din is-sentenza ma ġietx appellata, hija akkwistat l-awtorità tar-res judicata.

b)      Fuq id-deċiżjoni li tiġi estiża l-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal2011 u d-Deċiżjoni finali tal2012

13      Fl‑10 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-Deċiżjoni C(2011) 3081 final li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Deutsche Post, li sommarju tagħha ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2011, C 263, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija bħala kumpens għall-obbligi tagħha ta’ servizz universali ġiet estiża għas-sussidji mogħtija mill-awtoritajiet Ġermaniżi lir-rikorrenti sabiex ikopru l-ispejjeż tal-pensjonijiet tal-persuni impjegati bl-istatus ta’ uffiċjal. Din id-deċiżjoni l-ġdida kienet intiża li twessa’ l-proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet ġiet miftuħa mill-ġdid fl‑2007 sabiex tiġi analizzata, b’mod iktar speċifiku, is-sistema tal-irtirar li, preċedentement, kienet ġiet indirizzata b’mod superfiċjali biss.

14      Permezz tad-Deċiżjoni 2012/636/UE tal‑25 ta’ Jannar 2012, dwar il-miżura C 36/07 (ex NN 25/07) implimentata mill-Ġermanja favur Deutsche Post AG (ĠU 2012, L 289, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni finali tal‑2012”), il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-finanzjament pubbliku tal-pensjonijiet kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali, inkompatibbli mas-suq intern. Min-naħa l-oħra, hija qieset li ċerti trasferimenti pubbliċi lir-rikorrenti kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern u li l-garanziji pubbliċi dwar id-djun ikkuntrattati minn Deutsche Bundespost qabel ir-riforma tagħha fi tliet kumpanniji b’responsabbiltà limitata kellhom jiġu analizzati bħala għajnuna eżistenti.

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Marzu 2012 u rreġistrat taħt in-numru tal-kawża T‑143/12, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni finali tal‑2012.

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ April 2012 u rreġistrat taħt in-numru tal-kawża T‑152/12, ir-rikorrenti ppreżentat ukoll rikors intiż għall-annullament tal-Artikoli 1, 2 u 4 sa 6 tad-deċiżjoni finali tal‑2012.

17      Permezz ta’ sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), il-Qorti Ġenerali annullat l-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-deċiżjoni finali tal‑2012 għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx uriet l-eżistenza ta’ vantaġġ għar-rikorrenti.

18      Is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), ma ġietx appellata qabel l-iskadenza tat-terminu applikabbli. Għaldaqstant din saret definittiva.

19      Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Marzu 2017, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑152/12, mhux ippubblikat, EU:T:2017:188), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fil-kawża T‑152/12, peress li dan kellu l-istess suġġett bħar-rikors fil-kawża T‑143/12, li kien ta lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), sentenza ta’ annullament parzjali li saret definittiva.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991.

22      Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Lulju 2013, wara li nstemgħu l-partijiet, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li temmet l-istanza fil-kawża C‑77/12 P, li kellha bħala suġġett is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07, EU:T:2011:720), li seħħet fl‑24 ta’ Ottubru 2013.

23      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2014, ġie aċċettat l-intervent ta’ UPS u UPS Deutschland Inc. & Co. OHG, li saret United Parcel Service Deutschland Sàrl & Co. OHG, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

24      Permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Settembru 2014, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża għal darba oħra fl-istennija tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza fil-kawża T‑421/07 RENV, li seħħet fit‑18 ta’ Settembru 2015 u wasslet għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007.

25      Wara t-tkomplija tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Novembru 2015, iddeċidiet li tgħaqqad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu.

26      Fis‑7 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta.

27      Fil‑25 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika.

28      Fl‑14 ta’ Marzu 2016, l-intervenjenti ppreżentaw nota ta’ intervent komuni.

29      Fl‑20 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika.

30      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal‑24 ta’ Novembru 2016, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konsegwenzi li għandhom jiġu misluta mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), dwar eventwali nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-parti tad-deċiżjoni finali tal‑2012 li ġiet annullata kif ukoll dwar iż-żamma tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

31      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini stabbiliti.

32      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża lura quddiem kulleġġ ġudikanti ikbar.

33      Permezz ta’ ittra tar-Reġistru tat‑18 ta’ Diċembru 2017, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għamlet xi mistoqsijiet lill-partijiet sabiex dawn iwiġbuhom bil-miktub fid-dawl tas-seduta.

34      Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-termini mogħtija.

35      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiddikjara li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors, minħabba li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha;

–        b’mod iktar sussidjarju, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

37      Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni kkontestata kienet intiża biss li tissalvagwardja d-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern, mingħajr ma tipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi, u għalhekk inkwistjoni ma hemmx att li jista’ jiġi kkontestat. Għal din l-istess raġuni, ir-rikorrenti, fi kwalunkwe każ, ma għandha ebda interess li tikseb l-annullament tagħha. Il-Kummissjoni topponi wkoll deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni wara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406).

38      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni u targumenta li hija se jkompli jkollha interess ġuridiku sakemm il-Kummissjoni tirtira d-deċiżjoni kkontestata.

39      L-intervenjenti jappoġġjaw it-talbiet tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors u jopponu wkoll għal deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni wara s-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406). Skont huma, wara l-annullament tad-deċiżjoni finali tal‑2012 mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti żżomm interess għal jekk il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali ġdida.

40      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni teċċepixxi, essenzjalment, l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għall-istess raġunijiet bħal dawk li hija kienet diġà qajmet fil-kuntest tar-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007. Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċaħdet dawn l-argumenti fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695), il-Kummissjoni kkonfermat, matul is-seduta, li hija xtaqet iżżomm l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha.

41      Minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE l-miżuri li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenzi tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punti 37 u 38, u tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 51).

42      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE fil-konfront ta’ miżura li qiegħda tiġi implimentata u kklassifikata bħala għajnuna ġdida, tali deċiżjoni neċessarjament tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-miżura meqjusa kif ukoll dik tal-impriżi li huma benefiċjarji tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tkomplija tal-implimentazzjoni tagħha. Wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, jeżisti mill-inqas dubju kunsiderevoli dwar il-legalità ta’ din il-miżura li għandha twassal lill-Istat Membru li jissospendi l-għoti tagħha, peress li l-ftuħ tal-proċedura previst fl-Artikolu 108(2) TFUE jeskludi deċiżjoni immedjata li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni li jippermetti li titkompla b’mod regolari l-eżekuzzjoni tal-imsemmija miżura. Tali deċiżjoni tista’ tiġi invokata quddiem qorti nazzjonali msejħa li tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(2) TFUE. Deċiżjoni bħal din tista’ wkoll tkun invokata quddiem qorti nazzjonali mitluba sabiex tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Fl-aħħar nett, hija tista’ twassal lill-impriżi benefiċjarji tal-miżura li jirrifjutaw, fi kwalunkwe każ, għotjiet ġodda jew li jżommu disponibbli s-somom neċessarji għal eventwali rimborsi ulterjuri. Il-komunità tan-negozju se tieħu inkunsiderazzjoni wkoll, fir-relazzjonijiet tagħha mal-imsemmija benefiċjarji, is-sitwazzjoni legali u finanzjarja prekarja ta’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet tat‑22 ta’ Mejju 2015, Autoneum Germany vs Il‑Kummissjoni, T‑295/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:350, punt 17).

43      F’dan il-każ, il-Kummissjoni kklassifikat, fil-punt 80 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sussidji relatati mal-irtirar ta’ għajnuna ġdida. Hija semmiet, fil-punt 103 ta-deċiżjoni kkontestata, ammont ta’ diversi miljuni ta’ ewro, li jikkorrispondi mas-somma li r-rikorrenti kellha tikkontribwixxi għall-fondi ta’ pensjoni bejn l‑1995 u l‑2007 sabiex jiġi żgurat li tinżamm il-kompetizzjoni mal-operaturi l-oħrajn fl-istess suq. Barra minn hekk, hija fakkret, fil-punt 106 tad-deċiżjoni kkontestata, l-obbligu għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tissospendi l-miżuri ta’ għajnuna kontenzjużi.

44      Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-obbligu li tiġi sospiża l-implimentazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma huwiex l-uniku effett ġuridiku ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, bħad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti hija, fil-fatt, b’mod partikolari esposta, minħabba tali deċiżjoni, għar-riskju li qorti nazzjonali tadotta miżuri provviżorji sabiex tissalvagwardja, minn naħa, l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u, min-naħa l-oħra, l-effett utli tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. F’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali tista’ tordna, b’mod iktar partikolari, l-irkupru tal-eventwali għajnuna mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punti 29 sa 31).

45      F’dan il-każ, ir-rikorrenti kkonfermat, matul is-seduta, li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija kienet żammet disponibbli s-somom neċessarji għall-eventwali rimborsi li kienu se jiġu imposti fuqha fil-każ li tiġi adottata deċiżjoni finali negattiva.

46      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi, mal-preżentata tar-rikors, att li kien ta’ natura li jaffettwa l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddel b’mod ikkaratterizzat is-sitwazzjoni legali tagħha u li, għaldaqstant, din tissodisfa l-elementi kollha ta’ att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

47      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti intiżi li jikkontestaw li r-rikorrenti għad għandha interess ġuridiku, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja (ara d-digriet tal‑15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑413/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:246, punt 22). Dan ir-rekwiżit jiggarantixxi, fuq il-livell proċedurali, li, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ma tkunx adita b’talbiet għal opinjoni jew b’domandi purament teoretiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il‑Kummissjoni, T‑269/03, mhux ippubblikata, EU:T:2009:211, punt 38). Il-qorti tal-Unjoni Ewropea tista’, lil hinn mill-argumenti invokati mill-partijiet biss, teżamina ex officio n-nuqqas ta’ interess ta’ rikorrenti li tippreżenta jew tkompli rikors, minħabba fatt wara r-rikors ta’ natura li jneħħilu kwalunkwe benefiċċju għar-rikorrent, u tiddikjara r-rikors inammissibbli jew mingħajr skop għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il‑Kummissjoni, C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 13).

48      L-interess ġuridiku għandu jissussisti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippresupponi li r-rikors jista’, jekk jirnexxi, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, u digriet tas‑7 ta’ Diċembru 2011, Fellah vs Il‑Kunsill, T‑255/11, mhux ippubblikat, EU:T:2011:718, punt 12).

49      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-fatt jekk rikorrenti għadx għandha interess ġuridiku għandu jiġi evalwat in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tal-illegalità allegata (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 65). Sabiex ir-rikorrenti jkollha interess ġuridiku, l-annullament tal-att ikkontestat għandu jkun għadu jista’, minnu nnifsu, jipproduċu effetti ġuridiċi fil-konfront tagħha (ara d-digriet tal‑15 ta’ Mejju 2013, Post Invest Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑413/12, mhux ippubblikat, EU:T:2013:246, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat, mingħajr neċessarjament ma ssir limitazzjoni għall-argumenti invokati mill-partijiet biss, jekk id-deċiżjoni kkontestata, li testendi l-proċedura miftuħa mill-ġdid mid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007 sabiex “jiġi eżaminat iktar fil-fond” jekk is-sussidji relatati mal-irtirar kinux jagħtu vantaġġ lir-rikorrenti jew le, għadhiex tipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront tar-rikorrenti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal‑2012, li għalqet il-proċedura miftuħa mill-ġdid fl‑2007, kif estiża mid-deċiżjoni kkontestata, u l-għoti tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), li annullat id-deċiżjoni finali tal‑2012.

51      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta jiġu ppreżentati rikorsi, minn naħa, kontra deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fil-konfront ta’ miżura nazzjonali u, min-naħa l-oħra, kontra deċiżjoni finali, li tagħlaq l-imsemmija proċedura u tiddikjara li l-miżura nazzjonali eżaminata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, iċ-ċaħda tar-rikors kontra din id-deċiżjoni tal-aħħar twassal sabiex ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jkollux iktar skop (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il‑Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, EU:T:2000:148, punti 153 sa 159; tas‑6 ta’ Marzu 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑168/99, EU:T:2002:60, punti 22 sa 26, u tad‑9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punti 345 sa 363).

52      Din il-ġurisprudenza madankollu ma tistax tiġi trasposta għall-kawża odjerna, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija differenti minħabba l-fatt li, l-ewwel nett, hija tiġi wara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, EU:T:2008:235), li permezz tagħha il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni finali tal‑2002, it-tieni nett, din hija intiża li tapprofondixxi d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007 li, sussegwentement, ġiet annullata bis-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), u, it-tielet nett, din tiġi qabel id-deċiżjoni finali tal‑2012, li wkoll ġiet annullata, permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406). Għandu jitfakkar li din is-sentenza tal-aħħar ma ġietx appellata u għalhekk saret definittiva.

53      Fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni finali tal‑2012 permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), għandu madankollu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ħlief fil-każ li l-irregolarità kkonstata tkun ivvizzjat il-proċedura kollha b’illegalità, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att illegali li ġie annullat tista’ titkompla fil-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità. L-annullament ta’ att tal-Unjoni għaldaqstant ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji u l-annullament ta’ att li jġib fi tmiem proċedura amministrattiva li tinkludi diversi fażijiet ma jwassalx neċessarjament għall-annullament tal-proċedura kollha li tippreċedi l-adozzjoni tal-att ikkontestat indipendentement mill-motivi, fil-mertu jew proċedurali, għas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑587/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:721, punt 12, u tas‑6 ta’ Lulju 2017, SNCM vs Il‑Kummissjoni, T‑1/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:470, punt 69).

54      F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-Kummissjoni impliċitament aċċettat, matul il-proċedura fil-kawża odjerna, li d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tneħħiet mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, ma setgħetx iktar isservi bħala bażi għal deċiżjoni ġdida li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, sa llum, hija ma rtiratx din id-deċiżjoni. Minn dan jista’ jsegwi li l-Kummissjoni għad għandha, f’dan l-istadju, il-possibbiltà li tkompli l-proċedura fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti għadha, konsegwentement, esposta għar-riskju ta’ rkupru tal-għajnuna allegata mill-Kummissjoni li jirriżulta minn din id-deċiżjoni, bħalma diġà ġie indikat fil-punt 44 iktar ’il fuq.

55      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li t-tliet proċeduri ta’ investigazzjoni formali miftuħa mill-Kummissjoni sa mill‑1999 u s-suċċessjoni tad-diversi deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali dwar id-deċiżjonijiet ta’ ftuħ u ta’ għeluq ta’ dawn il-proċeduri jidħlu f’xulxin, għandu jiġi rrilevat li, skont l-obbligi tagħha previsti fl-Artikolu 266 TFUE, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu l-miżuri li ġġib magħha l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑266/02, EU:T:2008:235), tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), diġà mogħtija mill-qrati tal-Unjoni u li kisbu l-awtorità tar-res judicata.

56      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija ċertament l-istituzzjoni li toħroġ l-atti annullati mill-qorti tal-Unjoni li għandha tiddetermina liema huma l-miżura meħtieġa sabiex jiġu eżegwiti s-sentenzi ta’ annullament. Madankollu, billi teżerċita s-setgħa diskrezzjonali li għandha għal dan l-għan, l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata tosserva kemm il-motivi tal-imsemmija sentenzi kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, l-Artikolu 266 TFUE jimponi fuq l-istituzzjoni kkonċernata l-obbligu li tevita li kull att intiż li jissostitwixxi l-att annullat ikun ivvizzjat bl-istess irregolaritajiet bħal dawk identifikati fis-sentenza ta’ annullament. Dawn il-prinċipji japplikaw, a fortiori, meta s-sentenza ta’ annullament inkwistjoni tkun akkwistat l-awtorità tar-res judicata (sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461, punti 70 u 73).

58      Minn dan isegwi li r-rikorrenti għad għandha interess li tikseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li tara li din id-deċiżjoni ma tibqax fl-ordinament ġuridiku, sa fejn, fil-każ tal-annullament tagħha, il-Kummissjoni se tkun kostretta, fl-ipoteżi li hija tiddeċiedi, għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tat-tliet sentenzi ta’ annullament iċċitati fil-punt 55 iktar ’il fuq li huma imposti konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 266 TFUE, li tieħu deċiżjoni ġdida ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni l-ġdida ma hijiex ivvizzjata bl-istess irregolaritajiet bħad-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha li ġew qabilha.

59      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-kumplessità proċedurali eċċezzjonali marbuta mal-eżistenza ta’ diversi deċiżjonijiet amministrattivi u ġuridiċi dwar l-istess miżuri ta’ għajnuna, hemm lok jiġi konkluż li r-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali partikolari li tista’ tiġi kkjarifikata biss bl-investigazzjoni fil-mertu tal-kawża odjerna u l-eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li jsaħħaħ l-interess ġuridiku tagħha kontra din id-deċiżjoni.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, sa fejn il-Kummissjoni tqis li hija għad għandha l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni finali ġdida, ir-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tipprevedi, anki b’mod provviżorju, l-ammont tal-għajnuna jew, jekk ikun il-każ, l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità li hija jista’ jkollha tirrimborsa.

61      Fil-fatt, skont jekk il-Kummissjoni tqisx li s-somom impoġġija għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti jaqgħux b’mod awtonomu taħt il-proċedura mibdija fl‑1999, fl‑2007 jew fl‑2011, l-ammont tal-għajnuna li eventwalment tista’ jiġi rkuprata, fil-każ ta’ klassifikazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni bħala għajnuna ġdida u ta’ konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern, jista’ jvarja kunsiderevolment, sa fejn, konformement mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (ĠU 2015, L 248, p. 9), l-ewwel miżura meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxu fuq it-talba tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-għajnuna illegali tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni. Skont il-każ, jekk l-għajnuna eventwali kellha titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, b’mod illi huwa biss l-irkupru tal-interessi għall-perijodu tal-illegalità li jkun jista’ jiġi ordnat mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 55), it-tul tal-perijodu tal-illegalità li abbażi tiegħu għandhom jiġu kkalkolati dawn l-interessi, ikun differenti wkoll skont il-punt ta’ tluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-Kummissjoni.

62      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għad għandha interess ġuridiku kontra d-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja li d-deċiżjoni ta’ ftuħ mill-ġdid tal‑2007 u d-deċiżjoni finali tal‑2012 diġà ġew annullati.

63      Għaldaqstant, hemm lok jiġi konkluż, minn naħa, li r-rikors huwa ammissibbli u, min-naħa l-oħra, li ma sarx mingħajr skop. L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha għalhekk tiġi miċħuda fit-totalità tagħha, bħall-argumenti kollha tal-Kummissjoni u tal-intervenjenti intiżi għall-konstatazzjoni li r-rikorrenti tilfet l-interess ġuridiku tagħha.

 Fuq il-mertu

64      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem, essenzjalment, sitt motivi. L-ewwel ħames motivi huma bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 296(2) TFUE, u fuq il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ ċertezza legali u ta’ nondiskriminazzjoni.

65      Għandu jitfakkar li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni huwa intiż li jistabbilixxi l-ksur tal-forom sostantivi u jeħtieġ, għal dan l-għan, eżami distint, bħala tali, tal-evalwazzjoni tal-ineżattezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istħarriġ tagħha jaqa’ taħt l-eżami tal-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67, u tal‑15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, EU:C:2005:768, punt 26).

66      F’dan il-każ, hemm lok għalhekk li jiġi eżaminat is-sitt motiv, sa fejn dan huwa b’mod partikolari bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296(2) TFUE, qabel ma tiġi mistħarrġa, jekk ikun hemm lok, il-legalità fil-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, li hija koperta bil-motivi l-oħrajn.

67      Skont l-Artikolu 107(1) TFUE “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

68      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Sabiex titwettaq il-klassifikazzjoni ġuridika provviżorja ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat” f’deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi osservat fir-rigward tal-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE.

70      Fil-fatt, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE kif ukoll mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 4(2) u (4) tar-Regolament 2015/1589, tali deċiżjoni tista’ tiġi adottata biss jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara investigazzjoni preliminari, li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ġdida u tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

72      Minn dan isegwi li, sabiex l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE ma titneħħilux is-sustanza tiegħu, kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-aħħar tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari għandha tinkludi evalwazzjoni provviżorja tal-miżura tal-Istat inkwistjoni, li hija intiża sabiex tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna mill-Istat u sabiex tesponi, meta hija tagħżel li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-raġunijiet li joħolqulha dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Tali deċiżjoni, meħuda wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, għandha b’mod partikolari tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali li matulha huma jkollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, din għandha tippermettilhom li jkunu jafu r-raġunament li wassal lill-Kummissjoni sabiex tqis provviżorjament li l-miżura inkwistjoni setgħet tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat ġdida u sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fil-kuntest tal-analiżi tas-sitt motiv, hemm lok, b’mod iktar partikolari, jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni esponietx b’mod suffiċjenti, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom hija qieset, wara investigazzjoni preliminari, li l-miżura inkwistjoni setgħet provviżorjament tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, qabel anki jiġi vverifikat jekk din l-għajnuna kinitx ġdida u kompatibbli mas-suq intern.

75      Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li kien impost fuqha f’dan il-każ. L-ewwel nett, hija naqset milli tikkalkula, fid-deċiżjoni kkontestata, id-differenza bejn l-ammont tal-kontribuzzjonijiet soċjali li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet effettivament ħallset lir-rikorrenti (li minnu għandu jitnaqqas l-ammont li jikkorrispondi maż-żidiet tat-tariffi postali awtorizzati) u l-ammont tal-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa mill-kompetituri tagħha li jaqgħu taħt l-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni soċjali. It-tieni nett, hija ma ddettaljatx ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li l-kwistjoni dwar sa liema punt ir-rikorrenti kienet ħallset kontribuzzjonijiet soċjali kienet nieqsa minn rilevanza għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat allegata. It-tielet nett, hija ma mmotivatx suffiċjentement l-evalwazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ allegat sussidju trasversali, ippreżentat taħt il-forma ta’ żieda tat-tariffi postali awtorizzati, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni piżijiet soċjali li r-rikorrenti kienet ħallset. Ir-raba’ nett, hija ma spjegatx b’liema mod, fil-kuntest ta’ tali analiżi, hija kellha tibbaża ruħha biss fuq eżami tal-kompatibbiltà tal-ispejjeż mas-suq intern.

76      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

77      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-ewwel deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali adottata mill-Kummissjoni dwar il-miżura kontenzjuża. L-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet fil-fondi tal-pensjoni tar-rikorrenti, fil-fatt, diġà kienet is-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑1999, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007 u tad-deċiżjonijiet finali tal‑2002 u tal‑2012.

78      Issa, permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2015, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni (T‑421/07 RENV, EU:T:2015:654), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal‑2007, li fil-kuntest tagħha, bħalma indikat il-Kummissjoni fil-punt 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk is-sussidji relatati mal-irtirar kinux jagħtu vantaġġ lir-rikorrenti jew le kienet is-suġġett ta’ “evalwazzjoni superfiċjali” u kellha terġa’ “[t]iġi eżaminat[a] iktar fil-fond”.

79      Fid-dawl ta’ dan il-kuntest proċedurali partikolari, hemm lok jitqies li l-Kummissjoni kienet suġġetta, meta hija adottat id-deċiżjoni kkontestata, għal obbligu ta’ motivazzjoni speċifiku, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn hija kienet diġà, fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali miftuħa inizjalment fl‑1999 u miftuħa mill-ġdid fl‑2007, f’pożizzjoni li tistaqsi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kontribuzzjonijiet mill-Istat fil-fondi tal-pensjoni tar-rikorrenti kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

80      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet ikklassifikata mill-Kummissjoni bħala deċiżjoni ta’ estensjoni tal-proċedura miftuħa mill-ġdid fl‑2007, din ma setgħetx tqis, mingħajr ma tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi, anki b’mod provviżorju, jekk wieħed mill-kriterji previsti mill-Artikolu 107(1) TFUE kienx issodisfatt u sempliċement esprimiet dubji, mingħajr ma pprovdiet il-motivi suffiċjenti f’dan ir-rigward.

81      Mill-punti 64 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni sempliċement, fil-parti ddedikata għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE, u b’mod partikolari għall-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku esklużiv, semmiet id-diffikultajiet li hija kien ikollha quddiemha li kieku hija kellha tidentifika operaturi ekonomiċi li s-sitwazzjoni legali u fattwali tagħhom setgħet titqies bħala paragunabbli ma’ dik tar-rikorrenti. B’mod partikolari hija rrilevat li, sa fejn ir-rikorrenti kellha dritt ta’ esklużività fil-qasam tas-servizzi postali universali u kienet gawdiet minn diversi trasferimenti u garanziji pubbliċi fil-qasam tar-riforma tal-posta federali, hija kienet tinsab f’sitwazzjoni partikolari u mingħajr preċedent.

82      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku esklużiv ma setax jintwera permezz ta’ paragun bejn il-piżijiet imposti fuq ir-rikorrenti u dawk imposti fuq il-kompetituri tagħha. Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat li analiżi komparattiva mal-kompetituri tar-rikorrenti hija adegwata fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, u b’mod partikolari fl-istadju ta’ analiżi iktar fil-fond tal-effett fuq il-kompetizzjoni.

83      Fil-kumplament tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għaldaqstant qieset, fl-istadju tal-investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, li kien possibbli li jiġu pparagunati, abbażi ta’ rata ta’ referenza, il-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa mir-rikorrenti ma’ dawk imħallsa minn kompetituri privati ta’ din tal-aħħar. Madankollu hija ma pprovdiet l-ebda raġunament sabiex tispjega b’liema mod il-konstatazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża kienu jikkonfermaw jew ma jikkontradixxux dawk magħmula għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv u, a fortiori, ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

84      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi konkluż li, billi enfasizzat l-assenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ kwalunkwe kalkolu li jippermetti li jitwettaq paragun tal-piżijiet imposti fuqha u ta’ dawk imposti fuq il-kompetituri tagħha fl-istadju tal-klassifikazzjoni tal-miżura kontenzjuża bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minkejja li tali paragun kien sar sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern, ir-rikorrenti, ġustament, stabbilixxiet l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 148 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), li annullat id-deċiżjoni finali tal‑2012, adottata mill-Kummissjoni wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali sussegwentement miftuħa mill-ġdid fl‑2007 u estiża bid-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li tipprovdi li huwa fil-fatt fl-istadju tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, jiġifieri dak tal-prova tal-eżistenza ta’ vantaġġ, li l-Kummissjoni għandha turi li eżenzjoni parzjali tal-obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet fil-fondi tal-pensjoni tikkostitwixxi, għal ex operatur, vantaġġ ekonomiku fil-konfront tal-kompetituri tiegħu.

86      Fil-punti 150 u 151 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li, minkejja li l-Kummissjoni kienet fittxet, fid-deċiżjoni finali tal‑2012, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv, kien biss fl-istadju tal-investigazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern li hija kienet wettqet din l-investigazzjoni. Għaldaqstant hija laqgħet l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jipprovdi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija ma kinitx għamlet “bidu ta’ paragun mal-piżijiet li impriża għandha ‘normalment’ tħallas fir-rigward tal-impjegati privati konformement mad-dritt soċjali Ġermaniż biss fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern”.

87      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 152 sa 154 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑143/12, EU:T:2016:406), li l-obbligu għall-Kummissjoni li tipprova l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv favur il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa impost fuqha sa fejn hija teżamina l-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

88      Issa, sa fejn hemm il-klassifikazzjoni, b’mod provviżorju, ta’ miżura bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, konformement mal-Artikolu 108(2) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) u (4) tar-Regolament 2015/1589, sa mill-investigazzjoni preliminari ta’ din il-miżura u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, hemm lok jitqies, f’dan il-każ, li l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku selettiv fil-konfront tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kien impost diġà fuq il-Kummissjoni wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, u mhux biss dwar id-deċiżjoni meħuda wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

89      Minn dan isegwi li, fin-nuqqas tal-Kummissjoni li timmotiva, b’mod ċar u inekwivoku biżżejjed, l-eżistenza ta’ vantaġġ, konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 107(1) TFUE, filwaqt li wettqet diġà l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mas-suq intern, il-Kummissjoni poġġiet lir-rikorrenti f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali, wara l-fażi ta’ investigazzjoni preliminari u fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-ommissjoni tal-Kummissjoni ma tippermettix, barra minn hekk, lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-klassifikazzjoni provviżorja tal-miżura kontenzjuża bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

90      Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jintlaqa’, sa fejn dan jirrigwarda l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

91      Peress li l-analiżi ta’ dan il-motiv sa fejn dan huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni wera li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difetti dwar elementi ta’ importanza essenzjali fl-istruttura ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li din id-deċiżjoni tiġi annullata għal ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, mingħajr il-ħtieġa li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti l-oħrajn ippreżentati fil-kuntest ta’ dan il-motiv u tal-motivi l-oħrajn.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

93      Peress illi l-Kummissjoni tilfet din il-kawża, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar-rikorrenti, kif mitlub mir-rikorrenti.

94      UPS u United Parcel Service Deutschland għandhom kull waħda minnhom tbati l-ispejjeż tagħha skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija miċħuda.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2011) 3081 final tal10 ta’ Mejju 2011 li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, f’dak li jirrigwarda l-Għajnuna mill-Istat C 36/07 (ex NN 25/07) mogħtija mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lil Deutsche Post, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk esposti minn Deutsche Post AG.

4)      UPS Europe SPRL/BVBA u United Parcel Service Deutschland Sàrl & Co. OHG għandhom kull waħda minnhom tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.