Language of document : ECLI:EU:T:2014:680

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

16 ta’ Lulju 2014 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Pollakk — Deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni li r-rikorrenti titqiegħed fl-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-offerenti magħżula — Għoti tal-kuntratt qafas prinċipali lil offerent ieħor — Talba għal evalwazzjoni mill-ġdid — Terminu — Sospensjoni tal-proċedura — Trasparenza — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑48/12,

Euroscript – Polska Sp. z o.o., stabbilita fi Kraków (il-Polonja), irrappreżentata minn J.-F. Steichen, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Darie u P. Biström, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2011 li tikklassifika lir-rikorrenti fl-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-offerenti magħżula u li tagħtiha l-kuntratt prinċipali fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PL/2011/EU, dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Pollakk (ĠU 2011/S 56‑090361), u, sussidjarjament, talba għal annullament ta’ din is-sejħa għal offerti,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-għoti ta’ kuntratti għal servizzi tal-Parlament Ewropew huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli ddettaljati għall-implementazzjoni”), fil-verżjonijiet tagħhom applikabbli għall-fatti tal-kawża.

 Ir-Regolament Finanzjarju

2        L-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi dan li ġej:

“L-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjonim u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.

B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, [u l-iżvelar] ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.”

3        L-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju jgħid kif ġej:

“Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal [ivvizzjata bi] żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

[Jekk], wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.

[…]”

 Regoli ddettaljati għall-implementazzjoni

4        L-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jgħarrfu mill-aktar fis lill-kandidati u min jifta’ l-offerti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għotja tal-kuntratt jew kuntratt ta’ qafas jew id-dħul f’sistema ta’ akkwist dinamiku, inklużi l-għanjiet għala ddeċidew li ma jagħtux kuntratt jew kuntratt ta’ qafas jew li jimplimentaw sistema ta’ akkwist dinamiku li għalih kien hemm sejħa għall-offerti jew li tinbeda mill-ġdid il-proċedura.

2.      Fi żmien [massimu ta’] ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil-miktub, tikkomunika t-tagħrif previt fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

3.      Fil-każ ta’ kuntratti mogħtija mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità f’isimhom stess, b’valur daqs il-limiti msemmija fl-Artikolu 158 jew aktar minnhom, u li ma jkunux esklużi mill-firxa ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE, l-awtorità li tagħti l-kuntratti għandha tinforma lil dawk kollha li jitfgħu offerti jew kandidati li ma jkunux irnexxew, fl-istess ħin u individwalment, bil-posta u [jew] bil-fax jew il-posta elettronika, li l-applikazzjoni jew l-offerta tagħhom ma jkunux intlaqgħu, f’xi wieħed mill-istadji li ġejjin:

a)      ftit wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ għażla u qabel id-deċiżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni fil-każ ta’ proċeduri ta’ akkwist organizzati f’żewġ stadji separati,

b)      fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ aġġudikazzjoni u deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ offerti, kemm jista’ jkun malajr wara d-deċiżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni u sa mhux aktar tard mill-ġimgħa ta’ wara.

F’kull każ, l-awtorità li tagħti l-kuntratti għandha tindika r-raġunijiet għaliex l-offerta jew applikazzjoni ma jkunux ġew aċċettati u r-rimedji legali disponibbli.

L-awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lill-kandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi ppreċiżati [ppreċiżat li] d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata[.]

Dawk li tefgħu l-offerti jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar ir-ragunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub, permezz ta’ ittra, fax jew posta elettronika u għal dawk kollha li tefgħu offerta aċċettabbli, fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ l-offerta li ntgħażlet kif ukoll l-isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax‑il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-ilqugħ tat-talba.”

5        L-Artikolu 153 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi kif ġej:

“1.      Appalti jitwaqqfu skond l-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju biex jaraw żbalji sostanzjali jew irregolaritajiet jew frodi preżunti sarux tassew. Jekk ma jkunux ikkonfermati, l-appalt għandu jitkompla malajr kemm jista’ jkun.

2.      Żball sostanzjali jew irregolarita huma kull infrazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ appalt jew regolament li joħroġ minn att jew att ta’ ommissjoni li jikkawża jew jista’ jikkawża telf fil-budget tal-Komunità.”

6        Skont l-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, huwa previst dan li ġej:

“L-awtorità li tagħti l-kuntratti m’għandhiex tiffirma l-kuntratt jew qafas ta’ kuntratt [kuntratt qafas], kopert mid-Direttiva 2004/18/KE, ma’ l-offerent li jkun ġie aċċettat qabel ma jkunu għaddew erbatax-il jum tal-kalendarju.

Il-perjodu ta’ 14-il jum kalendarju għandu jiġi kkalkulat minn waħda minn dawn id-dati:

a)      mill-jum ta’ wara li jkunu ntbagħtu flimkien id-deċeżjoni ta’ l-aġġudikazzjoni u d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-offerti[,]

b)      fejn il-kuntratt jew qafas ta’ kuntratt jingħata permezz ta’ proċedura nnegozjata mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, mill-jum wara dak li fih l-avviż ta’ għoti ta kuntratt imsemmi fl-Artikolu 118 jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Jekk ikun meħtieġ l-awtorità li tagħti l-kuntratt tista’ tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt għal aktar studju jekk dan ikun ġustifikat mit-talbiet jew kummenti li jsiru mill-offerenti jew kandidati li ma jkunux irnexxew jew li jkollhom xi lment jew minn xi informazzjoni relevanti oħra li hija tkun irċeviet. It-talbiet jew kummenti u l-informazzjoni għandhom jaslu matul [il-perijodu previst fl-ewwel paragrafu]. Fil-każ ta’ sospensjoni, il-kandidati jew offerenti kollha għandhom ikunu infurmati fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol wara d-deċiżjoni ta’ sospensjoni.

Minbarra fil-każijiet stipulati fil-paragrafu 2, kull kuntratt iffirmat qabel jiskadi l-perjodu ta’ erbatax-il jum kalendarju għandu jkun null u bla effett.”

 Is-sejħa għal offerti

7        Is-sejħa għal offerti PL/2011/EU (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”) kellha bħala għan il-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni mill-Ingliż, mill-Franċiż, mill-Ġermaniż, mit-Taljan u mill-Ispanjol għall-Pollakk, favur il-Parlament, il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Din kienet magħmula, minn naħa, mill-istedina għall-offerti u, min-naħa l-oħra, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

8        Il-punt 23 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li jagħmel riferiment għall-Artikoli 93 u 94 tar-Regolament Finanzjarju, jippreċiża l-kriterji ta’ esklużjoni ta’ dan il-kuntratt.

9        Skont il-punt 24 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerent li jingħata l-kuntratt għandu żmien ta’ għaxart ijiem tax-xogħol sa min-notifika tal-għoti provviżorju tal-kuntratt sabiex jagħti l-prova li dan ma huwiex ikkonċernat bis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 23 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

10      Il-punt 26.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Għoti tal-kuntratt”, jipprovdi dan li ġej:

“Il-kuntratti għandhom jingħataw lill-offerenti li jkunu ppreżentaw l-offerta li tkun l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata skont il-kriterju ta’ għoti tar-relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità.

[…]

Għandha ssir lista ta’ massimu ta’ ħames offerenti magħżula u l-kuntratt prinċipali għandu jingħata lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.”

11      Il-punt 27 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Komunikazzjoni tar-riżultati”, jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha tinforma fl-istess ħin u b’mod individwali lil kull offerent mhux magħżul, permezz ta’ ittra rreġistrata u permezz tal-posta elettronika jew fax, li l-offerta tiegħu ma ntgħażlitx. F’kull każ l-awtorità kontraenti għandha tindika r-raġunijiet għaċ-ċaħda kif ukoll ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli.

L-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, fl-istess waqt tan-notifiki taċ-ċaħda, id-deċiżjoni ta’ għoti lill-offerent li jingħata l-kuntratt filwaqt li tippreċiża li din ma tikkostitwixxix impenn min-naħa tal-awtorità kontraenti. Il-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi ffirmat qabel perijodu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju mill-għada tad-data tan-notifika simultanja tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda u ta’ għoti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjoni ta’ għoti tkun definittiva biss meta l-offerent li jingħata l-kuntratt ikun ippreżenta l-provi meħtieġa dwar il-kriterji ta’ esklużjoni msemmija fil-punt 23 ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet u meta dawn ikunu ġew aċċettati mill-awtorità kontraenti. Tali aċċettazzjoni għandha dejjem tiġi kkomunikata bil-miktub u għandha tippermetti lill-offerent li jingħata l-kuntratt li jiffirma l-kuntratt jekk it-terminu ta’ erbatax-il jum kalendarju jkun għadda.

Kwalunkwe kuntratt iffirmat qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju huwa null u bla effett.

Kull offerent mhux magħżul jista’ jikseb informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, fuq talba bil-miktub permezz ta’ ittra, permezz ta’ fax, jew permezz ta’ posta elettronika. Huma biss dawk l-offerenti li jkunu pprovdew offerta ammissibbli li jistgħu jitolbu l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, kif ukoll isem l-offerent li jingħata l-kuntratt. Huma meqjusa ammissibbli l-offerti tal-offerenti li ma humiex esklużi u li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla. Madankollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu kkomunikati meta l-komunikazzjoni tagħhom tkun tfixkel l-applikazzjoni tal-liġijiet, meta din il-komunikazzjoni tkun kuntrarja għall-interess pubbliku jew tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati, jew meta tkun tista’ tfixkel il-kompetizzjoni leali bejniethom.”

12      Skont il-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, intitolat “Sospensjoni tal-proċedura”, huwa previst dan li ġej:

“Jekk ikun meħtieġ, wara l-komunikazzjoni tar-riżultati u qabel l-iffirmar tal-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissospendu l-iffirmar tal-kuntratt sabiex isir eżami addizzjonali fil-każ fejn it-talbiet jew il-kummenti fformulati minn offerenti mhux magħżula jew leżi, jew kull informazzjoni oħra rilevanti riċevuta dwar il-proċedura, ikunu jiġġustifikaw dan. It-talbiet, kummenti jew informazzjoni inkwistjoni għandhom jiġu riċevuti matul il-perijodu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju sa mill-għada tad-data tan-notifika simultanja tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda u ta’ għoti jew, jekk ikun il-każ, il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ għoti ta’ kuntratt. Fil-każ ta’ sospensjoni, l-offerenti kollha għandhom ikunu informati fi żmien tlett ijiem tax-xogħol wara d-deċiżjoni ta’ sospensjoni. Wara l-eżamijiet addizzjonali li jirriżultaw mis-sospensjoni tal-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jikkonfermaw id-deċiżjoni ta’ għoti tagħhom, jemendawha jew, jekk ikun il-każ, jannullaw il-proċedura. Kull deċiżjoni ġdida għandha tkun motivata u mgħarrfa, bil-miktub, lill-offerenti parteċipanti kollha.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Fit-22 ta’ Marzu 2011, il-Parlament ta bidu għas-sejħa għal offerti.

14      Ir-rikorrenti, Euroscript – Polska Sp. z o.o., kumpannija Pollakka attiva fil-qasam tat-traduzzjoni, ippreżentat offerta fit-terminu stabbilit.

15      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ottubru 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Parlament informa lir-rikorrenti li l-offerta tagħha kienet intgħażlet u li hija kienet tinsab fl-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-offerenti magħżula. Skont l-Artikoli 23 u 24 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ir-rikorrenti kienet mistiedna tipprovdi provi dwar il-kriterji ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 93 tar-Regolament Finanzjarju fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tiġi riċevuta d-deċiżjoni inizjali. Din tal-aħħar kienet tippreċiża dan li ġej:

“[…] nirriżervaw id-dritt li nissospendu l-iffirmar tal-kuntratt għal eżami addizzjonali jekk dan ikun iġġustifikat mit-talbiet jew mill-kummenti magħmula minn offerenti mhux magħżula jew jekk ikun hemm kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra. F’dak il-każ, intom tiġu informati.

Din in-notifika ta’ għoti tal-kuntratt ma tikkostitwixxix impenn min-naħa tagħna. L-awtorità kontraenti tista’, sal-iffirmar tal-kuntratt, tirtira mill-kuntratt jew tannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt mingħajr ma dan jagħti dritt għal kumpens.”

16      Fl-istess jum, il-Parlament bagħat lil Agencja MAart, kumpannija Pollakka li wkoll kienet offerent fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, ittra li tinnotifika li l-offerta tagħha kienet intgħażlet u li hija kienet tinsab fit-tieni pożizzjoni fil-lista tal-offerenti kklassifikati fl-aħjar pożizzjonijiet. F’din l-ittra hija kienet mistiedna, bl-istess kliem tad-deċiżjoni inizjali, tipprovdi l-provi li jirrigwardaw il-kriterji ta’ esklużjoni.

17      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2011, Agencja MAart talbet lill-Parlament dettalji dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha, qabel ma talbet, b’ittra tat-30 ta’ Novembru 2011, is-sospensjoni tal-proċedura u l-eżami mill-ġdid tal-offerti magħżula abbażi tal-elementi u tal-ommissjonijiet li jikkonċernaw l-offerta tagħha, speċifikati fl-Anness tal-ittra tagħha.

18      Il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ltaqa’ fis-6 ta’ Diċembru 2011 sabiex jeżamina mill-ġdid l-offerta ta’ Agencja MAart. Din ingħatat 3.58 punti b’mod addizzjonali.

19      Fi tmiem din il-laqgħa, il-Parlament, fit-8 ta’ Diċembru 2011, adotta deċiżjoni ġdida li fiha l-lista tal-offerenti magħżula għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt. Agencja MAart kienet tinsab fl-ewwel pożizzjoni u r-rikorrenti fit-tieni pożizzjoni.

20      B’ittra tad-9 ta’ Novembru 2011, il-Parlament informa lir-rikorrenti li l-offerta tagħha issa tinsab fit-tieni pożizzjoni tal-lista tal-offerenti bl-aħjar pożizzjonijiet wara l-għoti ta’ 3.58 punti ta’ kwalità addizzjonali lil Agencja MAart (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

21      B’ittra tat-12 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti talbet lill-Parlament, skont ir-Regolament Finanzjarju, jipprovdilha l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni. Ir-rikorrenti talbet ukoll lill-Parlament sabiex jikkomunikalha d-data li fiha Agencja MAart appellat id-deċiżjoni li tikklassifikaha fl-ewwel pożizzjoni tal-offerenti li kienu kklassifikati fl-aħjar pożizzjonijiet, ir-raġunijiet li għalihom Agencja MAart kienet kisbet 3.58 punti ta’ kwalità addizzjonali kif ukoll ir-raġuni li għaliha hija ma ġietx informata bis-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt.

22      Il-Parlament irrisponda lir-rikorrenti permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2011, fejn fiha huwa ppreċiża li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni kien ta 94.9 punti lil Agencja MAart wara li din kienet kisbet 3 punti ta’ kwalità addizzjonali għat-teħid inkunsiderazzjoni tagħha tal-kummenti tal-awtorità kontraenti u 0.58 punt għall-kopertura tagħha ta’ żewġ lingwi addizzjonali, jiġifieri ċ-Ċek u l-Bulgaru. Ma’ din l-ittra huwa ehmeż l-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni li tippreċiża d-dettall tal-75.45 punti mogħtija kif ukoll il-kummenti tiegħu.

23      Permezz ta’ ittra mibgħuta lill-Parlament fit-22 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti lmentat mal-Parlament dwar il-karatteristiċi tal-offerta tal-offerent li ġie kklassifikat fl-aħjar pożizzjoni kif ukoll ismu, u tenniet it-talbiet tagħha li kienu jinsabu fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2011 u li jirrigwardaw id-data li fiha Agencja MAart appellat id-deċiżjoni li tikklassifikaha fl-ewwel pożizzjoni tal-offerenti kklassifikati fl-aħjar pożizzjonijiet u r-raġuni li għaliha hija ma ġietx informata bis-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ traduzzjoni.

24      Fir-risposta mibgħuta lir-rikorrenti fit-12 ta’ Jannar 2012, il-Parlament spjega fid-dettall in-natura u l-kronoloġija tal-fatti li wasslu għall-bidla tal-klassifikazzjoni tal-offerenti magħżula, filwaqt li ppreċiża li ma kienet seħħet ebda sospensjoni tal-proċedura.

25      B’ittra tat-12 ta’ Jannar 2012, ir-rikorrenti għal darb’oħra talbet lill-Parlament sabiex jibgħatilha l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-offerent ikklassifikat fl-aħjar pożizzjoni. Hija sostniet ukoll li t-talba ta’ Agencja MAart sabiex l-offerta tagħha tiġi evalwata mill-ġdid kienet tardiva u, għaldaqstant, inammissibbli, b’mod li l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ma kienx għadu awtorizzat jieħu d-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2011.

26      Fir-risposta tiegħu tat-18 ta’ Jannar 2012, il-Parlament indika lir-rikorrenti li d-deċiżjoni inizjali tiegħu ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, peress li din ġiet adottata fid-9 ta’ Diċembru 2011. Għalhekk, kien f’din id-data li t-terminu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju beda jiddekorri. F’din l-ittra, il-Parlament ikkomunika lir-rikorrenti l-prezz ta’ paġna standard proposta minn Agencja MAart u ehmeż l-evalwazzjoni tal-offerta ta’ din tal-aħħar mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Il-Parlament informaha wkoll li l-kuntratt kien daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 2012.

27      B’ittra tat-18 ta’ Jannar 2012, mibgħuta lid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tal-Parlament, ir-rikorrenti sostniet l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Pollakk u talbet lid-Direttur Ġenerali sabiex iħassar id-deċiżjoni kkontestata u li jagħtiha l-kuntratt prinċipali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

29      Billi l-kompożizzjoni tal-awli nbidlet, il-kawża ġiet attribwita lis-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

31      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla s-sejħa għal offerti;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

32      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

33      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014.

34      Matul is-seduta, il-Parlament intalab jipproduċi, fi żmien tliet ġimgħat, l-ittra li huwa kien bagħat lil Agencja MAart. Il-Parlament osserva din it-talba fl-4 ta’ Frar 2014.

35      Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan id-dokument fl-14 ta’ Frar 2014.

36      Il-proċedura orali ngħalqet fl-24 ta’ Frar 2014.

 Id-dritt

37      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel wieħed fuq użu ħażin ta’ poter u, it-tieni wieħed fuq il-ksur tar-regoli u tal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea. Għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok it-tieni motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

38      Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li Agencja MAart kienet iddekadiet mid-dritt tagħha peress li hija għamlet kuntatt mal-Parlament u sussegwentement talbet l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerta tagħha, filwaqt li hija kellha, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, terminu ta’ erbatax-il jum min-notifika tad-deċiżjoni inizjali biex titlob lill-awtorità kontraenti sabiex jintbagħtulha l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta tal-offerent li ngħata l-kuntratt. Billi d-deċiżjoni inizjali kienet saret definittiva, hija tqis li l-Parlament ma setax jirrifjuta li jiffirma l-kuntratt ħlief bil-kundizzjoni li jissospendi jew jannulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt, jew inkella li jirrinunzja għalih.

39      Skont ir-rikorrenti, kemm il-punt 27 kif ukoll il-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt isemmu terminu ta’ erbatax-il jum, b’mod li dan ma japplikax biss fl-ipoteżi ta’ talba għal sospensjoni mressqa minn offerent mhux magħżul. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 158a tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jirriżulta li dan it-terminu japplika fil-każijiet kollha, indipendentement mill-eżistenza jew le ta’ deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt, ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dik id-dispożizzjoni. L-imsemmi terminu għandu l-għan li jistabbilixxi terminu għall-proċedura ta’ għoti sabiex jiġi evitat li din titwal b’mod indefinit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament ma setax jilqa’ t-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid imressqa minn Agencja MAart iktar minn xahar wara d-deċiżjoni inizjali.

40      Ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li hija bagħtet lill-Parlament id-dokumenti tagħha relattivi għall-kriterji ta’ esklużjoni wara li skada t-terminu ta’ erbatax-il jum, b’mod li kien impossibbli għall-Parlament li jibdel id-deċiżjoni inizjali tiegħu fl-assenza ta’ talba għal sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt.

41      Il-Parlament jirrileva li Agencja MAart talbet l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerta tagħha matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni tal-kriterji ta’ esklużjoni. Issa, ma jeżisti ebda terminu ta’ dekadenza sabiex titressaq tali talba, peress li din tista’ titressaq, kif kien il-każ fil-kawża ineżami, sal-iffirmar tal-kuntratt. Il-Parlament jirrileva wkoll li ebda talba għal sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt, li, barra minn hekk, hija biss fakultà tal-awtorità kontraenti, ma tressqet fit-terminu ta’ erbatax-il jum previst għal dan l-għan.

42      Skont il-Parlament, ir-rikorrenti twettaq konfużjoni bejn, minn naħa, it-terminu ta’ ħmistax-il jum previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li jikkonċerna t-terminu li fih l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerta magħżula lill-offerent li jkun għamel offerta ammissibbli u li jkun għamel talba għaliha u, min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ erbatax-il jum imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li jikkonċerna l-modalitajiet għas-sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt sabiex isir eżami addizzjonali. Il-Parlament isostni li ma wettaqx żball ta’ liġi meta qies li ma kienx neċessarju li l-iffirmar tal-kuntratt jiġi sospiż. Anki jekk wieħed jippreżupponi li t-terminu previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni huwa terminu ta’ dekadenza, il-Parlament jirrileva li Agencja MAart ikkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni definittiva ta’ għoti kkostitwita mid-deċiżjoni kkontestata.

43      Il-Parlament iqis li huwa wettaq eżami oġġettiv tal-offerti ppreżentati skont il-modalitajiet tas-sejħa għal offerti. Huwa jirrileva wkoll li r-rikorrenti ma ressqitx talba għal sospensjoni tal-iffirmar tal-kuntratt wara n-notifika tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

44      Mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn tliet fażijiet suċċessivi tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti: l-ewwel fażi fejn matulha jiġu implementati kriterji ta’ selezzjoni ddefiniti fil-punt 25, it-tieni fażi fejn matulha jiġu evalwati l-offerti skont il-kriterji ta’ għoti ddefiniti fil-punt 26 u t-tielet fażi li matulha jiġu applikati kriterji ta’ esklużjoni ddefiniti fil-punt 24.

45      Skont il-punt 26.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għandu jagħmel lista li tinkludi massimu ta’ ħames offerenti magħżula u jagħti l-kuntratt prinċipali lill-offerent li jippreżenta l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

46      Mill-proċess jirriżulta li d-deċiżjoni inizjali ttieħdet skont il-kriterji ta’ għoti ddefiniti fil-punt 26 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Barra minn hekk, il-Parlament informa lill-offerenti kkonċernati, fit-18 ta’ Ottubru 2011, li l-offerta tagħhom kienet intgħażlet u indikalhom il-klassifikazzjoni tagħhom. L-ittri mibgħuta f’din id-data lir-rikorrenti u lil Agencja MAart kienu jgħidu li l-Parlament kien “innotifika lill-offerenti kollha bir-riżultat tal-fażijiet ta’ selezzjoni u ta’ għoti tas-sejħa għal offerti […] u talab lill-offerenti magħżula sabiex jipprovdu d-dokumenti neċessarji għall-fażi ta’ esklużjoni”. Ġie ppreċiżat ukoll li “din in-notifika ta’ għoti tal-kuntratt ma [kinitx tikkostitwixxi] impenn [min-]naħa [tal-Parlament]”.

47      Għalkemm deskritta bħala “notifika tal-għoti provviżorju tal-kuntratt” fil-punt 24 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, id-deċiżjoni inizjali kienet ittemm it-tieni fażi msemmija fil-punt 44 iktar ’il fuq u b’hekk kienet tagħti lill-offerenti kkonċernati l-possibbiltà li jagħtu prova li huma kienu jissodisfaw il-kriterji ta’ esklużjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni inizjali kienet tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ għoti fis-sens, minn naħa, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fit-tieni paragrafu tal-punt 27 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, dwar it-terminu ta’ stennija qabel l-iffirmar tal-kuntratt, li jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-artikolu, li l-kuntratt ma jistax jiġi ffirmat mill-awtorità kontraenti ħlief fi tmiem il-perijodu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju, li jibda jiddekorri mill-għada tad-data ta’ notifika simultanja tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda. Dan it-terminu huwa mtenni fil-punt 27 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

48      Barra minn hekk għandu jitfakkar li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, imtenni fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, it-talbiet jew kummenti fformulati minn offerenti jew kandidati mhux magħżula jew leżi għandhom jiġu riċevuti mill-awtorità kontraenti matul dan it-terminu ta’ erbatax-il jum tal-kalendarju li jibda jiddekorri mill-għada tad-data ta’ notifika simultanja tad-deċiżjonijiet ta’ għoti u ta’ ċaħda u li, jekk ikun il-każ, l-awtorità kontraenti tista’ tissospendi l-iffirmar tal-kuntratt sabiex isir eżami addizzjonali jekk dan ikun iġġustifikat minn dawn it-talbiet jew kummenti fformulati mill-offerenti jew kandidati mhux magħżula jew leżi, jew minn kull informazzjoni oħra rilevanti li tiġi riċevuta.

49      Billi d-deċiżjoni ta’ għoti ġiet innotifikata lir-rikorrenti u lil Agencja MAart fit-18 ta’ Ottubru 2011, it-terminu ta’ erbatax-il jum beda jiddekorri fid-19 ta’ Ottubru 2011 u skada fit-2 ta’ Novembru 2011.

50      Fl-24 ta’ Novembru 2011, Agencja MAart bagħtet ittra lill-Parlament sabiex tikseb dettalji dwar l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.

51      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 149(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ma jipprovdi ebda terminu sabiex tintbagħat tali talba. Barra minn hekk, billi din tal-aħħar ma kellhiex l-intenzjoni li tikseb il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta li tqiegħdet fl-aħjar pożizzjoni kif ukoll l-isem tal-offerent li ngħata l-kuntratt, l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 149(3) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ma kienx japplika f’dan il-każ.

52      Abbażi tal-informazzjoni li kisbet, Agencja MAart sussegwentement bagħtet, fit-30 ta’ Novembru 2011, ittra lill-Parlament, fejn hija talbet is-sospensjoni tal-proċedura u l-eżami mill-ġdid tal-offerti magħżula abbażi tal-elementi u tal-ommissjonijiet li hija kienet irrilevat fir-rigward tal-offerta tagħha.

53      Tali talba għaldaqstant kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni u konsegwentement kellha tiġi riċevuta fit-terminu ta’ erbatax-il jum stabbilit minnhom.

54      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li la r-Regolament Finanzjarju, la r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u lanqas l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jipprevedu li l-offerenti jistgħu jibagħtu “talbiet, kummenti jew informazzjoni” lill-awtorità kontraenti wara t-terminu ta’ erbatax-il jum previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, kif imfakkar fil-punt 28 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

55      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-twettiq tal-għan ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti jkun kompromess li kieku l-offerenti setgħu jibagħtu lill-awtorità kontraenti, f’kull mument tal-proċedura, it-talbiet, kummenti jew informazzjoni tagħhom, u b’hekk jobbligaw lill-awtorità kontraenti tirrispondi għalihom u, jekk ikun il-każ, tissospendi jew terġa’ tibda l-proċedura sabiex tikkoreġi irregolaritajiet possibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Settembru 2010, Strabag et, C‑314/09, Ġabra p. I‑8769, punt 37).

56      F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-ittra ta’ Agencja MAart intbagħtet lill-Parlament fit-30 ta’ Novembru 2011, jiġifieri diversi ġimgħat wara l-iskadenza tat-terminu previst bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1), jiġifieri fit-2 ta’ Novembru 2011. Għalhekk, Agencja MAart kienet iddekadiet mid-dritt tagħha meta hija talbet is-sospensjoni tal-proċedura u l-eżami mill-ġdid tal-offerti magħżula.

57      Madankollu, għandu jiġi osservat li l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 103 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi dan li ġej:

“Meta l-proċedura ta’ għoti tkun soġġetta għal [ivvizzjata bi] żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet għandhom jissospendu l-proċedura u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tal-proċedura.

[Jekk], wara l-għoti tal-kuntratt, il-proċedura ta’ għoti jew it-twettiq tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-istituzzjonijiet jistgħu, skond l-istadju li jkun intlaħaq fil-proċedura, jibqgħu lura milli jikkonkludu l-kuntratt jew jissospendu t-twettiq tal-kuntratt jew, fejn xieraq, jitterminaw il-kuntratt.”

58      Konsegwentement, anki jekk it-terminu previst bit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 158a(1) kien għadda meta Agencja MAart talbet is-sospensjoni tal-proċedura u l-eżami mill-ġdid tal-offerti magħżula, il-Parlament seta’, li kieku kkonstata żball sostanzjali, jissospendi l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt u, kieku kien il-każ, iwettaq evalwazzjoni ġdida tal-offerti tal-offerenti.

59      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-istituzzjoni kontraenti għandha tosserva, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, kemm il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti kif ukoll dak ta’ trasparenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 1996, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C-87/94, Ġabra p. I-2043, punt 54, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il‑Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 85). Dan tal-aħħar jobbliga lill-awtorità kontraenti tagħmel pubblika l-informazzjoni preċiża kollha dwar l-iżvolġiment kollu tal-proċedura. L-għanijiet ta’ pubbliċità li l-awtorità kontraenti għandha tosserva fil-kuntest tal-obbligu ta’ trasparenza huma, minn naħa, li jiġi ggarantit li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet u, min-naħa l-oħra, li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-offerenti magħżula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Jannar 2009, Centro Studi Manieri vs Il‑Kunsill, T‑125/06, Ġabra p. II‑69, punti 86 sa 89).

60      F’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Parlament ma ssospendiex il-proċedura eżistenti, iżda kulma għamel kien li sejjaħ laqgħa ġdida tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni fis-6 ta’ Diċembru 2011, mingħajr ma avża lil ebda wieħed mill-offerenti li lilhom kienet ġiet innotifikata d-deċiżjoni inizjali. Issa, tali eżami mill-ġdid ta’ offerta kien jirrikjedi li l-Parlament jissospendi l-għoti tal-kuntratt u jinforma lill-offerenti magħżula dwaru, b’mod li jissuġġetta ruħu għall-obbligu tiegħu ta’ trasparenza, liema ħaġa f’dan il-każ huwa ma wettaqx.

61      Min-naħa l-oħra, il-Parlament wettaq, bi ksur tal-proċedura prevista bir-Regolament Finanzjarju u r-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, evalwazzjoni ġdida ta’ waħda biss mill-offerti preżenti, jiġifieri f’dan il-każ dik ta’ Agencja MAart, u mhux l-offerti kollha li ġew ippreżentati quddiemu, u b’hekk seħħ trattament differenti tal-offerta ta’ wieħed mill-offerenti parteċipanti fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

62      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ewwel motiv.

 Fuq l-ispejjeż

63      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2011 li Euroscript – Polska Sp. z o.o. tiġi kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni fil-lista tal-offerenti magħżula u li jingħatalha l-kuntratt prinċipali fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PL/2011/EU, dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ traduzzjoni għall-Pollakk (ĠU 2011/S 56-090361), hija annullata.

2)      Il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Lulju 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.