Language of document : ECLI:EU:T:2005:169

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tinkludi l-element verbali ‘GRUPO SADA’ – Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti li tinkludi l-element verbali 'sadia' – Rifjut parzjali tar-reġistrazzjoni – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru. 40/94 (KE)"

Fil-kawża T-31/03,

Grupo Sada, pa, SA, stabbilita f'Madrid (Spanja), irrappreżentata minn A. Aguilar De Armas u J. Marrero Ortega, avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn  J. García Murillo u M. G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija,

Sadia, SA, stabbilita f'Concordia (Il-Brażil), irrappreżentata minn J. García del Santo u P. García Cabrerizo, avukati,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-20 ta' Novembru 2002 (kawża R 567/2001-1), dwar proċedura ta' oppożizzjoni bejn Sadia, SA, u Grupo Sada,  pa, SA,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Bialecka, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-31 ta' Jannar 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-4 ta' Ġunju 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-10 ta' Ġunju 2003

wara s-seduta tas-16 ta' Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta' April 1996, il-kumpannija Grupo Sada, pa, SA, ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 40/94 (KE) ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        Is-sinjal li tiegħu ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa riprodott kif ġej:

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 31 u 35 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu mad-deskrizzjonijiet segwenti:

–        klassi 29 : "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriservat jew misjur; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu " ;

–        klassi 31 : "Prodotti agrikoli, ta’ ortikultura, ta’ forestrija u qamħ, mhux inklużi fi klassijiet oħra; annimali ħajjin; frott u ħaxix frisk; żrieragħ, pjanti u fjuri naturali; għalf għall-annimali, malt " ;

–        klassi 35 : "Reklamar, il-ġestjoni ta' negozju, l-amministrazzjoni ta' negozju, funzjonijiet ta' uffiċċju ".

4        Fit-8 ta' Diċembru 1997, l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru. 32/97.

5        Fis-6 ta' Marzu 1998, il-kumpannija Sadia Concordia, SA, Industria e Comercio li saret Sadia, SA, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal fuq il-bażi tal-probabbiltà ta' konfużjoni, skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ma’ trade mark figurattiva preċedenti li tagħha hija s-sid. Din it-trade mark, riprodotta hawn taħt, kienet irreġistrata fi Spanja taħt in-Nru 1 919 773 għal prodotti tal-klassi 29:

Image not foundImage not found

6        Il-prodotti tal-klassi 29 li għalihom it-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti kienet ġiet irreġistrata jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "Laħam, ħut, tjur u selvaġġina; estratti tal-laħam; frott u ħaxix ippreservat, imnixxef u msajjar; ġèli, ġammijiet, frott ippriservat jew misjur; bajd, ħalib u prodotti tal-ħalib; żejt u xaħmijiet li jittieklu".

7        L-oppożizzjoni kienet magħmula kontra l-prodotti tal-klassijiet 29, 31 u 35, kif speċifikati fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

8        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta' April 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni safejn din kienet magħmula kontra l-prodotti tal-klassi 29, iżda ordnat ir-reġistrazzjoni għall-prodotti tal-klassijiet 31 u 35. Fir-rigward tal-prodotti tal-klassi 29, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni rrilevat li jeżisti grad għoli ta' xebħ viżiv u fonetiku bejn is-sinjali in kwistjoni u li l-prodotti kienu identiċi jew simili, li seta’ jagħti lok li tinħoloq probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumatur Spanjol.

9        Fit-30 ta' Mejju 2001, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, fejn talbet, minn naħa, l-annullament ta' din id-deċiżjoni safejn din irrifjutat ir-reġistrazzjoni għall-prodotti tal-klassi 29 u, minn naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal dawn il-prodotti.

10      Dan l-appell ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ta' l-20 ta' Novembru 2002 (iktar il-quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Sostanzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-identità tal-prodotti kif ukoll ix-xebħ fonetiku u ċertu xebħ viżiv bejn l-elementi dominanti tas-sinjali in kwistjoni, kienu biżżejjed sabiex iwasslu għall-konklużjoni ta’ l-eżistenza ta’ probabbiltà ta' konfużjoni għall-konsumatur Spanjol, li jista’ jwassal sabiex wieħed jaħseb li l-prodotti koperti mit-trade marks konfliġġenti kien ta’ provenjenza mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi ekonomikament konnessi.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti tal-klassi 29 ;

–        tawtorizza r-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark għall-prodotti tal-klassi 29 ;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż ;

–        tordna rapport ta’ perizja fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

12      Għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, ir-rikorrenti rrinunzjat milli tibbaża ruħha fuq it-tieni u r-raba’ talba tagħha, liema fatt ġie mniżżel fil-proċess tas-seduta mill-Qorti tal-Prim'Istanza.

13      L-UASI u l-intervenjenti talbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors ;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż ;

 Id-dritt

14      In sostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94.

15      Dan l-argument jinqasam fi tlett partijiet. L-ewwel parti tirrigwarda n-nuqqas minn-naħa tal-Bord ta' l-Appell milli jagħraf il-livell għoli ta' għarfien fi Spanja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur ta’ l-eżiġenza ta’ evalwazzjoni globali tat-trade marks kunfliġġenti. It-tielet parti hija bbażata fuq il-koeżistenza fis-suq Spanjol ta' tlett reġistrazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u t-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti.

 Dwar l-ewwel parti, rigward in-nuqqas min-naħa tal-Bord ta' l-Appell milli jagħraf il-livell għoli ta' għarfien fi Spanja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

16      Ir-rikorrenti tenfasizza li, ukoll qabel ma ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għar- reġistrazzjoni quddiem l-UASI, hi kienet użat fil-kummerċ, għal diversi snin, simbolu eżattament identiku għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Hija tindika li, hekk kif jirriżulta mill-provi li huma annessi mat-talba, hija tiġbor grupp ta' tmien kumpaniji mqassmin mat-territorju Spanjol kollu, li jqassmu l-prodotti kollha tagħhom taħt is-sinjal GRUPO SADA. Ir-rikorrenti żżid li dan is-sinjal jidher fuq id-dokumenti tas-servizz ta' l-impjegati tagħha, fuq l-envelopes, fuq iċ-ċirkularijiet, fuq il-fatturi, dokumenti ta' kunsinna u ta' l-ordnijiet, fuq tabelli mwaħħla ma' l-uffiċju rreġistrat tal-kumpanija, kif ukoll f’diversi pubblikazzjonijiet. Ir-rikorrenti tikkonkludi li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tgawdi minn reputazzjoni evidenti fis-suq Spanjol, li tirriżulta mill-użu li sar minnha u minn investimenti magħmula fir-reklamar. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tgħid li din it-trade mark, li tinkludi l-element verbali " GRUPO SADA ", taqbel ma' l-isem ta’ negozju tagħha: dan il-qbil għalhekk jippermetti lill-konsumatur li jassoċja b'mod ħafna iktar faċli ma' din l-impriża l-prodotti identifikati ma' din it-trade mark.

17      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li, skond il-provi li kienu annessi mat-talba, il-livell għoli ta' għarfien ta’ konoxxjenza tat-trade mark tagħha kien seħħ f’żewġ kategoriji ta' destinatarji tal-prodotti li tikkummerċjalizza, jiġifieri, minn naħa, il-grossisti u s-supermarkits mqassma fit-territorju Spanjol, li jgħaddulha direttament l-ordnijiet, u minn naħa l-oħra, il-konsumaturi finali, bħala klijenti tas-supermarkits.

18      F'dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikorrenti ssostni li huwa żbaljat li l-Bord ta' l-Appell ma ħax kunsiderazzjoni tal-livell għoli ta' għarfien li l-pubbliku rilevanti għandu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Għal dan il-għan hija tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon (C 39/97, Ġabra p. I-5507), u tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra. p. I‑6191), minn fejn jirriżulta li livell ta’ għarfien għoli ta' trade mark jelimina kull probabbiltà ta' konfużjoni.

19      L-UASI jirribatti li, peress li tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, l-argument ibbażat fuq livell għoli ta' għarfien fi Spanja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikkostitwixxi bidla tas-suġġett tal-kawża li hija projbita mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Bħala konsegwenza, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex ma teżaminax l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni mill-Bord ta' l-Appell ta' l-allegat livell ta’ għarfien għoli tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, skond l-UASI, l-elementi ta' prova annessi ma' l-applikazzjoni huma inammissibbli.

20      Dwar l-ammissibbiltà ta' l-argument u ta' l-elementi ta' prova miġjuba mir-rikorrenti, l-intervenjenti tassoċja ruħa mal-pożizzjoni ta' l-UASI. Hija żżid, fuq il-mertu, li r-reputazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma teskludix minnha nfisha l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-fatt, it-trade mark ta' l-intervenjenti hija, bl-istess mod, magħrufa mill-konsumaturi Spanjoli. F'dan ir-rigward, l-intervenjenti tgħid li hija l-ewwel esportatriċi ta' prodotti magħmula mil-laħam mill-Brażil u li hija preżenti f'ħafna swieq nazzjonali, partikolarment fir-Renju Unit u fl-Italja. Bħala prova ta' l-importanza ta' l-attività kummerċjali tagħha, l-intervenjenti ppreżentat bħala anness man-nota tagħha, diversi fuljetti u perjodiċi, kif ukoll pakketti u boroż li tuża’ u li jistabbilixxu l-użu kontinwu li hija tagħmel mit-trade mark tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

21      L-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru. 40/94 jgħid li, "fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżami ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba". Il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li din id-dispożizzjoni timponi fuq Bord ta' l-Appell, fid-deċiżjoni tiegħu fi proċedura ta' appell kontra deċiżjoni li kkonkludiet proċedura ta' oppożizzjoni, li jibbaża d-deċiżjoni tiegħu unikament fuq il-motivi relatati mar-rifjut li l-parti kkunċernata tkun invokat, kif ukoll fuq il-fatti u l-provi relatati magħhom li ġew ippreżentati minn din il-parti [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs L-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra. p. II-3253, punt 32].

22      F'dan il-każ, huwa paċifiku li l-allegat livell għoli ta' għarfien tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li ġie milħuq permezz ta’ l-użu ta' sinjal identiku fil-kummerċ fi Spanja, kien ġie invokat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

23      Barra min hekk, ma kienx obbligu la tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u lanqas tal-Bord ta' l-Appell li jqajjmu ex officio l-allegat livell ta' għarfien għoli li kienet kisbet it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli.

24      Għall-istess motivi, hemm lok li għandhom ukoll jiġu esklużi mill-argument, l-elementi ta' prova ppreżentati mill-intervenjenti għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza li hija maħsuba sabiex turi l-allegata reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tagħha, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li jiġi eżaminat il-valur konklużiv tagħhom [ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCOPY vs L-UASI (ECOPY), T-247/01, Ġabra. p. II-5301, punt 49, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra. p. II‑2251, punt 67].

25      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv hija miċħuda bħala inammissibbli.

 Dwar it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-eżiġenza ta’ evalwazzjoni globali tat-trade marks in kwistjoni

 L-argumenti tal-partijiet

26      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta' l-Appell kiser l-esiġenza, kif stabbilita mill-ġurisprudenza, ta' evalwazzjoni globali tax-xebħ viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni taħt diversi aspetti.

27      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell, meta għamel, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, evalwazzjonijiet separati ta' l-aspetti viżivi, fonetiċi u kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti, kiser l-esiġenza ta' evalwazzjoni globali tat-trade marks, billi ma qabbilx ir-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet differenti.

28      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Bord ta' l-Appell kiser ukoll l-eżiġenza ta' evalwazzjoni globali tat-trade marks kunfliġġenti billi analizza l-uniku element " sada " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li huwa kkunsidra bħala dominanti, bl-esklużjoni ta’ l-element " grupo ". B'referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN) (T‑6/01, Ġabra. p. II‑4335), ir-rikorrenti tikkunsidra li evalwazzjoni globali teżiġi li tieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha tat-trade marks, u mhux biss l-uniku element dominanti tagħhom. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tgħid li ma tifhimx ir-raġuni għalfejn id-deċiżjoni kkontestata tikkwalifika t-terminu " grupo " bħala ftit distintiv, filwaqt li ma ssemmix il-kwistjoni tal-karattru distintiv, għalkemm nettament inqas dgħajjef, ta' l-element " sadia " tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti. Il-Bord ta' l-Appell għalhekk ikkunsidra b'mod differenti it-trade marks konfliġġenti.

29      Skond ir-rikorrenti, kienet biss id-diviżjoni artifiċjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li ppermettiet lill-Bord ta' l-Appell li jasal għall-konklużjoni li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-fatt, huwa impossibbli għall-konsumatur, fil-ftit mumenti li jaħseb fuqhom, li joqgħod jifli l-elementi figurattivi tat-trade marks konfliġġenti, li jinsa l-element " grupo " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll il-" i " tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, u li jnaqqas iż-żewġ tipi differenti ta' karattri għal tip wieħed ta' karattri, sabiex jikkonstata xebħ bejn it-trade marks konfliġġenti. Il-konsumatur li jqis dan kollu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala konsumatur medju, u ma jistax jasal li jieħu żball minħabba t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minħabba li huwa jkollu neċessarjament għarfien tal-proċess intellettwali li jkun wasslu sabiex jikkonstata xebħ bejn it-trade marks konfliġġenti.

30      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhuwiex l-element verbali " sada " iżda d-disinn kompost minn erbgħa ċrieki fuq liema jidhru sitt linji oblikwi, li huwa partikolarment ikbar minn dan l-element verbali u li jattira l-ħarsa b'mod inkonxju. Fir-rigward tat-trade mark ta' l-intervenjenti, l-impressjoni ġenerali li din toħloq hija ddominata mill-ittra kbira " s ", li teżerċita effett kważi ipnotiku. Fil-fehma tar-rikorrenti, l-evalwazzjoni globali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li l-impressjoni ġenerali tagħha hija ddominata mill-element figurattiv, u tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, fejn l-impressjoni ġenerali tagħha hija ddominata mill-ittra " s " inizjali stilizzata, b’hekk tippermetti li jiġi eskluż kull tip ta' probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-konsumatur.

31      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ikkommetta żball ta' evalwazzjoni meta ma ħax kunsiderazzjoni tal-fatt li l-element verbali " sadia " huwa terminu ġeneriku Portugiż li jfisser " saħħa ", liema fatt inaqqas il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

32      L-UASI jqis li l-Bord ta' l-Appell ma wettaq ebda żball ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-probabbiltà ta' konfużjoni li teżisti bejn it-trade marks konfliġġenti.

33      Fl-ewwel lok, l-UASI jfakkar li huwa paċifiku li l-prodotti protetti mit-trade marks konfliġġenti huma identiċi.

34      Fit-tieni lok, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrenti skond liema d-destinatarji tal-prodotti identifikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma s-supermarkits u l-konsumaturi finali, l-UASI jsostni li l-prodotti identifikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jikkonsistux biss fil-laħam tat-tiġieġ u d-derivanti minnu, iżda wkoll minn prodotti oħrajn, bħall-ħalib, il-prodotti tal-ħalib, iż-żejt, ix-xaħmijiet li jittieklu. Madankollu, dawn ta' l-aħħar huma ddestinati direttament lill-konsumaturi finali, u mhux prinċipalment għas-supermarkits u n-netwerks ta’ distribuzzjoni. Għalhekk, il-konsumatur tal-prodotti identifikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mhuwiex neċessarjament konsumatur speċjalizzat. Minbarra dan, l-UASI jfakkar li l-prodotti in kwistjoni, minħabba li huma prodotti alimentari, huma prodotti li jinxtraw ta' kuljum, u huma mixtrija mingħajr ma tingħata attenzjoni partikolari.

35      Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali in kwistjoni, l-UASI jirrileva qabel kollox li, minkejja ċerti differenzi, jeżisti xebħ viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni minħabba l-pożizzjoni importanti ta' l-element " sada " fl-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, peress li dan l-element jippreżenta flimkien mat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti l-istess sekwenza ta' ittri, bl-eċċezzjoni ta' l-ittra "i". B’hekk, skond l-UASI, għandha tiġi approvata l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell fir-rigward ta' l-eżistenza ta' "ċertu xebħ viżiv".

36      L-UASI jkompli billi jikkunsidra, bl-istess mod bħad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali in kwistjoni huma fonetikament simili.

37      Fl-aħħar, fir-rigward tat-tqabbil kunċettwali taż-żewġ sinjali in kwistjoni, l-UASI japprova l-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell u jqis li huwa impossibbli li jsir tali tqabbil, peress li l-elementi verbali " sada " u " sadia " m’għandhom l-ebda kontenut kunċettwali fil-lingwa Spanjola. F'dan ir-rigward, l-UASI jirrileva li l-argument imqajjem mir-rikorrenti li l-element verbali " sadia " jfisser " saħħa " bil-Portugiż huwa argument ġdid. Fir-rigward tal-mertu, l-UASI jirribatti li l-kelma Portugiża li tfisser " saħħa " hija l-kelma " saúde " u li l-kelma " sadia " hija, fil-Portugiż, aġġettiv li jfisser li persuna hija "b'saħħitha", u jekk huwa prodott "li jagħtik is-saħħa". L-UASI jerġa’ jfakkar li l-element verbali " sadia " m’għandu l-ebda sens għall-pubbliku rilevanti, li huwa kompost minn konsumaturi Spanjoli, għaliex m’għandu l-ebda sens bl-Ispanjol, li dan l-element mhuwiex komunement użat fi Spanja sabiex jidentifika prodotti tal-klassi 29, u li mhuwiex stabbilit li l-konsumaturi Spanjoli għandhom għarfien biżżejjed tal-lingwa Portugiża li jippermettilhom sabiex jifhmu s-sens li din il-kelma għandha f'din il-lingwa.

38      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kelma " grupo " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jekk l-UASI jammetti li din il-kelma teżisti fl-Ispanjol u tfisser grupp ta' kumpaniji, madanakollu dan jikkunsidra li l-kontenut kunċettwali ta' dan l-element u l-fatt li dan huwa nieqes mit-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti huwa ta' importanza żgħira, għaliex il-kelma "grupo" hija komunement użata fi Spanja fis-settur alimentari sabiex tfisser grupp ta' kumpaniji, kif huwa kkonfermat minn ħafna eżempji oħra.

39      Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks, l-UASI jaqbel mal-konklużjoni tal-Bord ta' l-Appell skond liema teżisti din il-probabbiltà. L-UASI jgħid li l-identiċità tal-prodotti, il-fatt li dawn huma mixtrija mingħajr attenzjoni partikolari u ċ-ċirkustanza li l-immaġini mhux perfetta li l-konsumatur iżomm fil-memorja hija dik ta’ l-element dominanti tiegħu " sada ", li jixxiebaħ ħafna mat-trade mark ta' l-intervenjenti, jwasslu għall-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni. Barra minn hekk dan huwa msaħħaħ mill-fatt li l-kelma " grupo ", inkluża fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tindika konnessjoni bejn xi impriżi u tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jaħseb li l-impriżi Sadia u Grupo Sada jappartjenu lill-istess grupp.

40      L-intervenjenti taqbel, fis-sustanza, ma’ l-argumenti żviluppati mill-UASI.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

41      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru. 40/94, jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

42      Skond ġurisprudenza kostanti, probabbiltà ta' konfużjoni teżisti meta l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom konnessjoni ekonomika bejniethom.

43      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha fil-kwistjoni, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

44      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija minnhom, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra. p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

45      F'dan il-każ, il-kwistjoni tirrigwarda x-xebh bejn it-trademarks konfliġġenti. L-identiċità tal-prodotti identifikati mit-trade marks konfliġġenti mhijiex ikkontestata.

46      Peress illi t-trade mark preċedenti kienet irreġistrata fi Spanja, il-pubbliku rilevanti huwa kompost mill-konsumatur medju Spanjol.

47      F'dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, msemmi fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel parti ta' l-argument, skond liema l-pubbliku rilevanti huwa kompost kemm mill-klijenti tas-supermarkits kif ukoll mill-grossisti kif ukoll mis-supermarkits infushom. Fil-fatt, kif sostna ġustament l-UASI, anki jekk jiġi kkunsidrat, kif tafferma r-rikorrenti, li hi tikkummerċjalizza l-laħam tat-tiġieġ taħt it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni lis-supermarkits biss, il-fatt jibqa' li l-prodotti l-oħra tal-klassi 29 identifikati minn din it-trade mark, bħall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, huma kkumerċjaliżżati lill-konsumaturi finali. Minn dan isegwi li, fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, huwa l-konsumatur medju Spanjol, normalment avżat u attent li għandu jittieħed in kunsiderazjoni, kif intqal b’mod ġust fid-deċiżjoni kkontestata.

48      Rigward it-tqabbil tas-sinjali in kwistjoni, għandu l-ewwel nett jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti skond liema l-Bord ta' l-Appell, b'applikazzjoni żbaljata tas-sentenza MATRATZEN, punt 28 iktar ’il fuq, qabbel biss l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri l-element verbali " sada ", mat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti.

49      Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta minn din is-sentenza, trade mark kumplessa ma tistax tiġi kkunsidrata li tixbaħ trade mark oħra, li hija identika jew li tixbaħ wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, ħlief jekk dan il-komponent jikkostitwixxi element dominanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent waħdu jista’ jiddomina l-immaġni ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jkollu fil-memorja, b'mod li l-komponenti l-oħra ta' din it-trade mark huma negliġibbli fl-impressjoni ġenerali mogħtija minnha. Din il-pożizzjoni ma tfissirx li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni biss komponent wieħed ta' trade mark kumplessa u jitqabbel ma’ trade mark oħra. B'mod kuntrarju, hemm lok li tali tqabbil isir bl-eżami tat-trade marks konfliġġenti kkunsidrati interament. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali magħmula fil-memorja tal-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista’, f'ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed jew aktar mill-komponenti tagħha. Għandu jingħad ukoll li, fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta' wieħed jew bosta komponenti determinati ta' trade mark kumplessa, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jitqabblu ma’ dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk u b'mod inċidentali, tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni dwar id-diversi komponenti fil-konfigurazzjoni tat-trade mark kumplessa (sentenza MATRATZEN, punt 28 iktar ’il fuq, punti 33 sa 35, ikkonfermata permezz tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' April 2004, Matratzen Concord vs L-UASI, C‑3/03 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33).

50      F'dan il-każ, fir-rigward tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-grafika ta' l-ittra "s" ta' din it-trade mark ma kinitx sinifikanti.

51      Din l-evalwazzjoni tista’ tiġi biss approvata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-grafika ta' l-ittra "s" tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, fejn id-dawra ta' fuq hija ftit ikbar mid-dawra ta' isfel, hija insinifikanti u b’hekk ma tikkostitwix l-element dominanti ta' din it-trade mark. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li huwa l-element verbali tat-trade mark preċedenti, jiġifieri " sadia ", kollu kemm hu, li jiddomina l-immaġni li l-konsumatur medju Spanjol iżomm fil-memorja tiegħu.

52      Fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, għandu jingħad li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-element verbali " sada " kien jikkostitwixxi l-element dominanti.

53      Għal dak li jirrigwarda l-elementi verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kelma " grupo ", li tfisser "grupp ta' kumpaniji", kienet miktuba b'ittri iżgħar u iktar fini mill-element " sada ", u għalhekk mogħtija importanza sekondarja mill-konsumatur.

54      Din l-evalwazzjoni hija eżatta. Fuq il-livell viżiv, għandu jiġi kkonstatat li kemm it-tipa u l-ħxuna ta' l-ittri ta' l-element verbali " sada " kif ukoll il-pożizzjoni ċentrali ta' dan l-element fil-konfigurazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jipprevalu fuq l-element " grupo " fl-impressjoni ġenerali ta' l-element verbali. Barra minn hekk, huwa għal kollox korrett li jiġi kkunsidrat li din l-aħħar kelma mhux ser tiġi mmemorizzata mill-konsumatur. Fil-fatt, il-konsumatur ser jassoċja din il-kelma mas-sinifikat ġeneriku tagħha biss, jiġifieri dak ta' grupp ta' kumpaniji. Għalhekk, il-konsumatur mhux ser jifhem il-kelma " grupo " bħala l-komponent prinċipali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u bħala element li jindika l-oriġini tal-prodotti identifikati minn din it-trade mark.

55      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell ma llimitax ruħu, matul l-evalwazzjoni tiegħu tas-sinjali in kwistjoni fuq il-livelli viżivi, fonetiċi u semantiċi, għal tqabbil ta' l-element dominanti " sada " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, bl-esklużjoni tal-kelma " grupo ". Fil-fatt, jirriżulta b'mod ċar mill-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Bord ta' l-Appell ħa in kunsiderazzjoni l-preżenza tal-kelma " grupo " fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni matul ix-xebh globali ta' din it-trade mark ma’ dik preċedenti ta' l-intervenjenti.

56      Rigward l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kompost minn erba' ċrieki ta' kulur skur fuq liema jidhru sitt linji oblikwi ta' kulur ċar li jidhru qegħdin jikkonverġu, għandu jingħad li, hekk kif jirriżulta mill-qari konġunt tal-punti 13 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonferma r-raġunament magħmul mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni skond liema l-element figurattiv kien sempliċement ta' natura dekorattiva, u b’hekk ma setax jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

57      Din l-affermazzjoni ma tistax tiġi kkontestata. Ċertament, għandu jingħad li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiġbed l-attenzjoni minħabba d-daqs tiegħu. Madankollu, din il-grafika hija diffiċli li tiġi mmemorizzata u, konsegwentement, mhux ser tiddomina l-immaġni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li l-pubbliku rilevanti ser jibqa’ jiftakar. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li dan id-disinn għandu ċertu komplessità ġeometrika, b'mod partikolari minħabba s-sitt linji oblikwi li jaqsmu l-erba' ċrieki, iżda li ma jiltaqgħux kollha fin-naħa ta' fuq taċ-ċirku superjuri, peress illi tnejn minn dawn il-linji jingħaqdu f’linja waħda ġewwa l-għola ċirku. Fit-tieni lok, fil-konfigurazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-pożizzjoni ta' l-element figurattiv hi mressqa lejn ix-xellug meta mqabbla mal-linjament vertikali li jiffurmaw iż-żewġ elementi verbali " grupo" u " sada", li jissuġġerixxi importanza minima, ta' karattru dekorattiv, fl-impressjoni ġenerali mogħtija minn din it-trade mark.

58      F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi akkużat lill-Bord ta' l-Appell li stabbilixxa li l-element verbali " sada " kien jikkostitwixxi l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni li l-pubbliku rilevanti jibqa’ jżomm fil-memorja tiegħu.

59      Sussegwentement, fir-rigward tax-xebh tas-sinjali kkunsidrati mill-Bord ta' l-Appell, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li din l-evalwazzjoni għandha wkoll tiġi approvata..

60      Fir-rigward tax-xebh viżiv, il-Bord ta' l-Appell irrileva li, minkejja d-differenzi bejn it-trade marks konfliġġenti – jiġifieri d-disinn figurattiv ta' l-erba’ ċrieki u l-element " grupo " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni -, it-trade mark preċedenti u l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri "sada", għandhom ċertu xebħ, minħabba l-pożizzjoni ta' dan l-element u tas-sekwenza ta' ittri komuni għaż-żewġ trade marks, bl-esklużjoni ta' " i " li tinsab fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

61      Fil-fatt, għandu jingħad li, fuq il-livell viżiv, anki jekk ix-xebh bejn is-sinjali mhuwiex partikolarment qawwi, kif barra minn hekk aċċetta l-Bord ta' l-Appell, dan huwa madankollu biżżejjed sabiex jelimina d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

62      Fuq il-livell fonetiku, għandu jingħad, bħal fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sinjali in kwistjoni huma simili. Fil-fatt, minn naħa waħda, anki jekk it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi l-kelma "grupo", dan l-element mhuwiex importanti biżżejjed sabiex jikkumpensa x-xebh fonetiku distint bejn l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiġifieri " sada ", mat-trade mark preċedenti. Min-naħa l-oħra, il-Bord ta' l-Appell aġixxa sew meta kkunsidra li, fir-rigward tar-regoli ta’ l-aċċent tal-lingwa Spanjola, l-ittra " i ", li tifforma dittong mal-vokali qawwijja "a", fl-element verbali "sadia", kellha pronunzja dgħajfa fil-lingwa Spanjola. Konsegwentement, l-element verbali "sada" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti huma ppronunzjati b'mod identiku mill-pubbliku rilevanti. Din iċ-ċirkustanza, b'kunsiderazzjoni tal-karattru dominanti ta' l-element verbali " sada " fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, twassal għall-konstatazzjoni, fl-impressjoni ġenerali tat-trade marks konfliġġenti, li hemm xebħ fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti.

63      Fir-rigward tax-xebh kunċettwali, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra għal darb'oħra b’mod ġust li dan ix-xebħ ma kienx rilevanti fil-każ fejn la l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kif ukoll it-trade mark preċedenti ma kellhomx sinifikat fil-lingwa Spanjola.

64      Fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti, li l-Bord ta' l-Appell kien b’mod żbaljat naqas milli jieħu kunsiderazzjoni tal-fatt li l-element verbali "sadia" jfisser "saħħa" fil-lingwa Portugiża, ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, anke jekk wieħed jippreżupponi li wieħed mill-modi aċċettati ta’ l-element verbali "sadia" huwa dak mogħti mir-rikorrenti, dan ma weriex li l-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur Spanjol, għandu għarfien suffiċjenti tal-lingwa Portugiża sabiex jassoċja b'mod immedjat l-element verbali "sadia" ma’ tali tifsira. Għalhekk, kif indika b’mod ġust il-Bord ta' l-Appell fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pubbliku rilevanti ser jikkunsidra dan l-element verbali bħala element fantasjuż.

65      Fit-tieni lok, il-fatt li l-element verbali " grupo " għandu tifsira fil-lingwa Spanjola, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jwassal li jirrikonoxxi sens lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jew li jistabbilixxi distinzjoni kunċettwali ta' din it-trade mark fil-ħsieb tal-pubbliku rilevanti meta mqabbla mat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti. Fil-fatt, kif diġà ġie indikat fil-punt 54 iktar ’il fuq, il-pubbliku rilevanti jassenja lill-kelma " grupo " is-sinifikat ġeneriku tagħha, jiġifieri dak ta' "grupp ta' kumpaniji". Għaldaqstant, mill-punt kunċettwali, il-kelma " grupo " għandha importanza minuri meta mqabbla ma’ l-element dominanti "sada" tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

66      Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti ma tistax ġustament tikkritika lill-Bord ta' l-Appell li kiser l-eżiġenza, stabbilita mill-ġurisprudenza, ta' evalwazzjoni globali tas-sinjali kunfliġġenti għar-raġuni li l-evalwazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell huma wisq analitiċi u ma jikkorrispondux għall-proċess ta' ħsieb li jkollu konsumatur medju fil-preżenza taż-żewġ trade marks kunfliġġenti.

67      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li, jekk il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment it-trade mark b'mod sħiħ u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha (ara, b'analoġija, is-sentenza SABEL, punt 18 iktar ’il fuq, punt 23), huma ġeneralment il-karatteristiċi dominanti u distintivi ta' sinjal li huma l-aktar faċilment memorizzati [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra. p. II‑4359, punti 47 u 48]. Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ma jistax jiġi kkritikat li eżamina liema huma, fil-perċezzjoni tal-konsumatur, l-elementi distintivi u dominanti tat-trade marks, elementi li jibqgħu fil-ħsieb tagħhom.

68      Barra minn hekk, fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell, fil-preambolu għall-kunsiderazzjonijiet speċifiċi tiegħu dwar ix-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks konfliġġenti, jgħid li l-elementi li jiddistingwu t-trade marks konfliġġenti ma kinux suffiċjentement importanti sabiex jikkumpensaw ix-xebh ta' l-elementi dominanti tagħhom. Isegwi li l-Bord ta' l-Appell għamel evalwazzjoni globali korretta tas-sinjali konfliġġenti.

69      F'dawn iċ-ċirkustanzi, b'kunsiderazjoni ta' l-identiċità tal-prodotti identifikati mit-trade marks konfliġġenti, ix-xebh viżiv u dak distintivament fonetiku bejn l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti, l-impressjoni globali ġenerali mogħtija mit-trade marks konfliġġenti twassal lill-pubbliku rilevanti sabiex jikkunsidra li l-prodotti identifikati minn dawn it-trade marks ġejjin mill-istess impriża jew, ta’ l-anqas, minn impriżi ekonomikament konnessi. Barra minn dan, l-element verbali " grupo " tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jidentifika grupp ta' kumpaniji, anki jekk m’għandux karattru dominanti, madankollu jista’ jagħti l-idea ta' assoċjazzjoni bejn l-impriżi in kwistjoni taħt il-forma ta' " grupp " ta' kumpanniji u li jkabbar għalhekk il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti.

70      Għal dawn il-motivi kollha, hemm lok li t-tieni parti ta' l-argument tiġi miċħuda.

 Dwar it-tielet parti, rigward il-koeżistenza fis-suq Spanjol ta' tlett reġistrazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti qabel l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja u t-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti tindika li hija s-sid ta’ tlett trade marks Spanjoli rreġistrati għall-prodotti inklużi fil-klassi 29, jiġifieri t-trade mark verbali SADA SOCIEDAD ANÓNIMA PARA LA DISTRIBUCIÓN ALIMENTARIA, irreġistrata fil-5 ta' April 1991 bin-numru 1 311 019, it-trade mark verbali LA DESPENSA DE SADA, irreġistrata fl-1 ta' Mejju 1994 bin-numru 1 807 310 u t-trade mark figurattiva komposta minn erba’ ċrieki, fuq liema jidhru sitt linji oblikwi, irreġistrata fil-5 ta' Lulju 1990 taħt in-Nru 1 311 021.

72      Ir-rikorrenti ssostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġbor f’sinjal wieħed l-elementi li jikkostitwixxu tlett trade marks nazzjonali li tagħhom hija s-sid, jiġifieri l-element verbali "sada" tat-trade marks li għandhom in-numri ta' reġistrazzjoni 1 311 019 u 1 807 310, u l-element figurattiv kompost minn erba’ ċrieki, fuq liema jidhru sitt linji oblikwi, rreġistrata taħt in-Nru 1 311 021. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għalhekk ma għandiex tħawwad lill-konsumatur, għaliex dan ser iqabbilha mat-trade marks nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti u mhux ma’ dik ta' l-intervenjenti. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda probabbiltà ta' konfużjoni fil-ħsieb tal-konsumatur bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dik ta' l-intervenjenti. Barra minn hekk, il-koeżistenza paċifika tat-trade marks nazzjonali qabel il-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja tista’ wkoll, skond ir-rikorrenti, tiġi stabbilita b'referenza għaż-żewġ siti ta' l-Internet taż-żewġ kumpaniji.

73      Bħala konsegwenza, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell żbalja meta naqas milli jieħu in kunsiderazzjoni l-koeżistenza paċifika fuq is-suq Spanjol, fiż-żmien qabel il-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, tat-tliet trade marks nazzjonali tar-rikorrenti li tagħhom hija s-sid u tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, li, barra minn hekk, ġiet irreġistrata fi Spanja wara t-tliet trade marks nazzjonali invokati minnha.

74      F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrileva li, meta l-intervenjenti ppreżentat l-applikazzjoni tagħha għat-trade mark nazzjonali fi Spanja, ħadd ma infurmaha li din ir-reġistrazzjoni setgħet toħloq probabbiltà ta' konfużjoni fil-ħsieb tal-konsumatur Spanjol: l-uffiċċju tat-trade marks u tal-privattivi Spanjol ma eżaminax din il-kwistjoni minn jeddu, u hija stess ma qajmithiex. Barra minn hekk, fil-ġurnata tal-preżentazzjoni ta’ dan l-appell, l-ebda proċedura għall-kumpens tad-dannu subit minħabba l-konfużjoni tal-prodotti tar-rikorrenti ma’ dawk ta' impriża oħra, partikolarment ta' l-intervenjenti, ma kienet magħmula, la mill-kompetituri tar-rikorrenti u lanqas mill-assoċjazzjonijiet ta' konsumaturi jew ta’ persuni privati.

75      L-UASI jikkontesta dan l-argument. L-UASI jibda billi jfakkar li, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li "is-sempliċi allegazzjoni tal-koeżistenza ma' trade marks ta' terzi ma tistabbilixxix l-ineżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni f'dan il-każ, peress illi t-trade marks in kwistjoni mhumiex identiċi ma’ dawk eżaminati fil-kawża preżenti u ma jkoprux prodotti li jixxiebħu ma dawk identifikati mit-trade marks konfliġġenti".

76      Madankollu, l-UASI jirrileva li r-rikorrenti, jekk żgur li hija ċċitat matul il-proċeduri li seħħew quddiemu, ir-reġistrazzjonijiet Spanjoli Nru 1 807 310 tat-trade mark LA DESPENSA DE SADA u n-Nru 1 311 019 tat-trade mark SADA SOCIEDAD ANÓNIMA PARA LA DISTRIBUCIÓN ALIMENTARIA, qatt ma allegat li kienet is-sid ta' dawn ir-reġistrazzjonijiet u qatt ma ġabet prova ta' l-eżistenza tagħhom. Minbarra dan, ir-rikorrenti qatt ma sostniet li kienet teżisti koeżistenza reali u serja ta' dawn iż-żewġ trade marks nazzjonali u tat-trade mark ta' l-intervenjenti, u ma ġabet l-ebda prova bil-għan illi tistabbilixxi din il-koeżistenza.

77      L-UASI jkompli billi jsostni li, kif indika l-Bord ta' l-Appell, iż-żewġ trade marks nazzjonali msemmija quddiemu mir-rikorrenti m’għandhom xejn in komuni mat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ħlief l-element verbali " sada ". Konsegwentament, ukoll jekk jiġi ammess li ż-żewġ trade marks nazzjonali jikkoeżistu b'mod paċifiku fuq is-suq Spanjol mat-trade mark ta' l-intervenjenti, mhux neċessarjament isegwi li hemm koeżistenza paċifika bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u dik ta' l-intervenjenti. B’hekk l-UASI jqis li l-argument ibbażat fuq in-nuqqas ta' evalwazzjoni mill-Bord ta’ l-Appell tal-koeżistenza paċifika tat-trade marks konfliġġenti għandu jiġi miċħud

78      L-UASI jammetti li l-Bord ta' l-Appell wettaq żball meta kkunsidra li ż-żewġ trade marks nazzjonali li jinkludu l-element verbali " sada " ma kinux jidentifikaw prodotti identiċi għal dawk ikkonċernati mit-trade marks konfliġġenti, meta r-rikorrenti indikat quddiemu li dawn iż-żewġ trademarks nazzjonali kienu rreġistrati għal prodotti tal-klassi 29. Madankollu skond l-UASI, dan l-iżball huwa mingħajr effett fuq il-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Fl-aħħarnett, l-UASI jqis li l-provi ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, in sostenn ta’ l-argument tal-koeżistenza paċifika tat-trade marks nazzjonali preċedenti tar-rikorrenti u tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti, huma inammissibbli.

80      L-intervenjenti sostanzjalment tassoċja ruħha ma' l-argumenti ppreżentati mill-UASI

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

81      Għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li, kemm quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kif ukoll quddiem il-Bord ta' l-Appell, ir-rikorrenti sostniet li "it-trade mark SADIA [kienet] tikkoeżisti fis-suq Spanjol għal ħafna snin bis-sinjali distintivi li jinkludu l-element verbali 'sada' ", u ċċitat it-trade marks LA DESPENSA DE SADA u SADA SOCIEDAD ANÓNIMA PARA LA DISTRIBUCIÓN ALIMENTARIA li jidentifikaw prodotti tal-klassi 29.

82      Madankollu, peress illi ma jirriżulta minn ebda dokument tal-proċess tal-proċediment quddiem l-UASI li r-rikorrenti semmiet, matul dan il-proċediment, l-eżistenza tat-trade mark figurattiva Spanjola rreġistrata taħt in-Nru 1 311 021 – u lanqas a fortiori ma wriet li kienet is-sid -, din ir-reġistrazzjoni, invokata għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, ma tistax tiġi kkunsidrata [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-4 ta' Novembru 2003, Díaz vs L-UASI – Granias Castelló (CASTILLO), T-85/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46].

83      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-trade marks nazzjonali LA DESPENSA DE SADA u SADA SOCIEDAD ANÓNIMA PARA LA DISTRIBUCIÓN ALIMENTARIA, għandu jiġi mfakkar li, wara li kkonkluda li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, il-Bord ta' l-Appell afferma, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegata koeżistenza tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti u tat-trade marks Spanjoli miżmuma minn terzi u li jinkludu l-element verbali " sada " ma jippermettux li tiġi eskluża l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni, fil-każ fejn dawn it-trade marks ma kinux identiċi għat-trade marks konfliġġenti u ma kinux ikopru prodotti simili.

84      B'mod ġenerali, minn naħa waħda għandu jiġi mfakkar li s-sistema Komunitarja tat-trade marks hija waħda awtonoma, magħmula minn ġabra ta' regoli u ssegwi għanijiet li huma speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra. p. II‑723, punt 47], u minn naħa l-oħra, li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta' l-Appell għandha tiġi evalwata biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru. 40/94, hekk kif interpretat mill-Qrati Komunitarji (sentenza CASTILLO, punt 82 iktar ’il fuq, punt 37].

85      Isegwi li, b'mod kuntrarju għal dak li tallega r-rikorrenti, il-fatt li l-uffiċċju tat-trade marks u tal-privattivi Spanjol kien aċċetta r-reġistrazzjoni taż-żewġ trade marks ċċitati qabel mir-rikorrenti u tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti mhuwiex rilevanti għall-kwistjoni jekk teżistix probabbiltà ta' konfużjoni, skond ir-Regolament Nru. 40/94, bejn it-trade marks konfliġġenti. B'mod partikolari, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li hija ma opponietx, meta kellha l-opportunità, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti fi Spanja, fuq il-bażi tat-trade marks preċedenti tagħha stess. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li kull probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti hija eliminata.

86      Ċertament, mhuwiex għal kollox eskluż li, f'ċerti każijiet, il-koeżistenza ta’ trademarks preċedenti fuq is-suq tista’ eventwalment tnaqqas il-probabbiltà ta’ konfużjoni kkonstatata mill-istanzi tal-UASI bejn żewġ trademarks konfliġġenti. Madankollu, tali eventwalità tittieħed in kunsiderazzjoni biss jekk, għall-anqas, matul il-proċedimenti li jirrigwardaw il-motivi relatati mar-rifjut quddiem l-UASI, l-applikant għat-trade mark Komunitarja jkun debitament wera li l-imsemmija koeżistenza tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, f’moħħ il-pubbliku rilevanti, bejn it-trademarks preċedenti minnu invokati u t-trade mark preċedenti ta’ l-intervenjenti li fuqha tkun ġiet ibbażata l-oppożizzjoni u bla ħsara li t-trade marks preċedenti in kwistjoni u t-trademarks kunfliġġenti jkunu identiċi.

87      F'din il-kawża, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti ma ppreżentat ebda element ħlief lista li fiha jidhru l-imsemmija żewġ trade marks preċedenti ċċitati iktar ’il fuq in sostenn ta’ l-allegazzjoni skond liema dawn ir-reġistrazzjonijiet kienu jikkoeżistu fuq is-suq flimkien mat-trade mark preċedenti ta’ l-intervenjent. Madankollu, din l-informazzjoni mhijiex biżżejjed sabiex turi li l-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti hija mnaqqsa u, a fortiori, eliminata. Fir-rigward tal-provi l-oħra miġjuba mir-rikorrenti li għandhom il-għan li jippruvaw l-imsemmija koeżistenza, peress illi dawn ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tal-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn huma inammissibbli (sentenza BUDMEN, preċitata fil-punt 24, punt 67).

88      Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ġustament indika li t-trade marks preċedenti li tirreferi għalihom ir-rikorrenti – li barra minn hekk dwarhom qatt ma kienet, waqt il-proċedimenti quddiem l-UASI, ippreżentat prova li hi kienet is-sid – ma kinux identiċi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

89      Minbarra dan, huwa paċifiku li r-rikorrenti qatt ma ppretendiet u lanqas a fortiori wriet li t-trade marks SADA SOCIEDAD ANÓNIMA PARA LA DISTRIBUCIÓN ALIMENTARIA u LA DESPENSA DE SADA kienu jgawdu minn karattru distintiv għoli li kien ippermetta eventwalment li titnaqqas il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

90      Kien għalhekk korrett il-Bord ta' l-Appell meta kkonstat l-eżistenza ta’ probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti u li hija żammett din il-konklużjoni fir-rigward tat-trade marks l-oħra invokati quddiemu.

91      Għaldaqstant, it-tielet parti tal-motiv, kif ukoll l-appell kollu kemm hu, għandhom jiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

92       Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż skond it-talbiet ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi :

1)      L-Appell huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’seduta pubblika fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Mejju 2005.

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.