Language of document : ECLI:EU:T:2005:177

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

25 ta' Mejju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità – Trade mark verbali Komunitarja TELETECH GLOBAL VENTURES – Trade mark verbali nazzjonali TELETECH INTERNATIONAL – Dritt għal smigħ xieraq – Artikolu 8(1)(b) u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-288/03,

TeleTech Holdings, Inc., stabbilita f'Denver, Colorado (L-Istati Uniti), irrappreżentata minn E. Armijo Chávarri u A. Castán Pérez-Gómez, Avukati,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut

bil-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Teletech International SA, stabbilita f'Pariġi (Franza), irrappreżentata minn J.-F. Adelle u F. Zimeray,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-28 ta' Mejju 2003, kif rettifikata (R 412/2001-1), dwar il-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità bejn Teletech International SA u Teletech Holdings, Inc.,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u I. Pelikánová, Imħallfin,

Reġistratur:  B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-13 ta’ Awwissu 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-16 ta’ Diċembru 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-9 ta’ Jannar 2004,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-26 ta’ April 2004,

wara s-seduta tat-30 ta' Novembru 2004, li fiha l-intervenjenti ma pparteċipatx,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-22 ta' April 1999, ir-rikorrenti kisbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali Komunitarja TELETECH GLOBAL VENTURES mingħand l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI).

2        It-trade mark, li d-data ta' prijorità tagħha hija l-1 ta' April 1996 tkopri, b'mod partikolari, servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 38 tal-ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' prodotti u servizzi għall-iskopijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif emendat. Dawn is-servizzi jikkorrispondu, għal kull waħda mill-klassijiet, għad-deskrizzjoni segwenti:

–        klassi 35: "Servizzi ta' tweġib ta' telefonati; servizzi ta' aġenziji ta' l-impiegi; servizzi ta' reklamar; servizzi ta' assistenza fl-amministrazzjoni kummerċjali li jikkonsistu f'servizzi ta' amministrazzjoni ta' stabbilimenti u ta' għażla ta' siti u servizzi multimedjali [pprovduti] għall-klijentela ta' kumpanniji oħrajn li jinkludu servizzi telefoniċi, posta elettronika u servizzi relatati man-netwerk informatiku dinji, sabiex jgħinu lill-kumpanniji l-oħra fil-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom; servizzi ta' impjegar ta' persunal u ta' assistenza fl-amministrazzjoni ta' stabbilimenti u l-amministrazzjoni kummerċjali fil-każ ta' urġenza; assistenza lil kumpanniji oħra li tikkonsisti fit-tqegħid għall-bejgħ jew għall-kiri tal-prodotti u servizzi tagħhom, permezz tat-telefonu, tal-posta elettronika jew tan-netwerk informatiku dinji; it-tweġib tal-mistoqsijiet tal-klijenti ta' kumpanniji oħra li jsiru bit-telefonu, bil-posta elettronika u permezz tan-netwerk informatiku dinji, wara li jkunu rċevewhom; provvista ta' assistenza teknika lil klijenti li jużaw il-prodotti ta' kumpanniji oħra; provvista ta' persunal temporanju";

–        klassi 38: "Servizzi ta' telekomunikazzjoni".

3        Fid-29 ta' Settembru 1999, l-intervenjenti ppreżentat applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità ta' din it-trade mark Komunitarja abbażi ta' l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tat-13 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

4        It-trade mark preċedenti invokata in sostenn ta' l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità hija s-sinjal verbali TELETECH INTERNATIONAL, li l-applikazzjoni għaliha saret fl-10 ta' Jannar 1996 u ġiet irreġistrata fi Franża sabiex tkopri s-servizzi segwenti, li jaqgħu taħt il-klassijiet 35 u 38 tal-Ftehim ta' Nizza: "servizzi ta' inġenjerija f'dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni ta' l-affarijiet kummerċjali jew pubbliċitarji u amministrazzjoni ta' ċentri ta' servizzi għall-klijenti u/jew ta' ċentri ta' tweġib ta' telefonati (amministrazzjoni tal-fajls tal-klijenti, ta' servizzi, ta' ordnijiet, ta' assistenza loġistika, ta' assistenza teknika, organizzazzjoni ta' ċentri ta' tweġib ta' telefonati) u s-servizzi kollha konnessi magħhom" (aktar 'il quddiem it-"trade mark preċedenti Franċiża").

5        L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidita kienet imsejsa fuq l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 u kienet tirrigwarda s-servizzi kollha koperti mit-trade mark preċedenti. Skond il-kliem użat fl-applikazzjoni, din kienet intiża kontra s-servizzi segwenti koperti mit-trade mark Komunitarja: "amministrazzjoni ta' affarijiet kummerċjali għal servizzi ta' inġenjerija u ta' ċentri ta' servizzi għall-klijenti u/jew ta' ċentri ta' tweġib ta' telefonati", li jaqgħu fil-klassi 35, u "servizzi ta' telekomunikazzjoni", li jaqgħu fil-klassi 38.

6        Permezz ta' deċiżjoni tat-22 ta' Frar 2001, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet parzjalment l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 52(1)(a) u l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għalhekk hija annullat parzjalment it-trade mark Komunitarja, jiġifieri għas-servizzi segwenti: "servizzi ta' tweġib ta' telefonati; servizzi ta' assistenza fl-amministrazzjoni kummerċjali li jikkonsistu f'servizzi ta' amministrazzjoni ta' stabbilimenti u ta' għażla tas-siti u servizzi multimedjali [pprovduti] għall-klijentela ta' kumpanniji oħrajn li jinkludu servizzi telefoniċi, posta elettronika u servizzi relatati man-netwerk informatiku dinji, sabiex jgħinu lill-kumpanniji l-oħra fil-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom; assistenza lil kumpanniji oħra li tikkonsisti fit-tqegħid għall-bejgħ jew għall-kiri tal-prodotti u servizzi tagħhom, permezz tat-telefonu, tal-posta elettronika jew tan-netwerk informatiku dinji; it-tweġib tal-mistoqsijiet tal-klijenti ta' kumpanniji oħra li jsiru bit-telefonu, bil-posta elettronika u permezz tan-netwerk informatiku dinji, wara li jkunu rċevewhom", li jaqgħu fil-klassi 35, u "servizzi ta' telekomunikazzjoni", li jaqgħu fil-klassi 38.

7        Fit-23 ta' April 2001, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-UASI kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz ta' deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-28 ta' Mejju 2003 (aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-rikors ġie milqugħ parzjalment f'dak li jirrigwarda s-"servizzi ta' assistenza fl-amministrazzjoni kummerċjali li jikkonsistu f'servizzi ta' amministrazzjoni ta' stabbilimenti u ta' għażla ta' siti", peress li l-Bord essenzjalment ikkunsidra li dawn is-servizzi ma kinux koperti mill-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità. Il-kumplament tar-rikors ġie miċħud.

9        Il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-pubbliku kkonċernat kien pubbliku ta' professjonisti Franċiżi li joperaw fil-qasam kummerċjali, b'livell ta' attenzjoni li huwa ogħla minn dak tal-konsumatur medju. Essenzjalment, huwa kkunsidra li, fil-perċezzjoni ta' dan il-pubbliku, is-sinjali kienu simili peress li l-element dominanti tagħhom, li jikkonsisti fil-kelma "teletech", kien identiku. Barra minn dan, huwa kkunsidra li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità kienu parzjalment identiċi u parzjalment simili. Għalhekk huwa kkonkluda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti li tiġġustifika l-annullament parzjali tat-trade mark Komunitarja.

 Proċedura u talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti qiegħda titlob sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla d-deċiżjoni kkontestata, prinċipalment, minħabba ksur tal-"prinċipji ta' koeżistenza u ta' paragun tat-trade marks Komunitarji mat-trade marks u s-sinjali distintivi nazzjonali" u ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-parti rikorrenti u, sussidjarjament, minħabba ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

11      Barra minn dan, matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12      L-UASI u l-intervenjenti qegħdin jitolbu sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–        tiċħad ir-rikors

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż

 Id-dritt

13      Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda prinċipalment tressaq żewġ motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-"prinċipji ta' koeżistenza u ta' paragun tat-trade marks Komunitarji mat-trade marks u s-sinjali distintivi nazzjonali" u t-tieni wieħed fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Sussidjarjament ir-rikorrenti qiegħda tallega li l-Bord ta' l-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq il-motivi prinċipali

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-"prinċipji ta' koeżistenza u ta' paragun tat-trade marks Komunitarji mat-trade marks u s-sinjali distintivi nazzjonali"

–       L-argumenti tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti ssostni li hija hija l-propjetarja, sa mill-1992, fl-Unjoni Ewropea u, għaldaqstant, fi Franza, ta' trade mark partikolarment magħrufa, fis-sens ta' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, ta' l-20 ta' Marzu 1883, kif riveduta u emendata. Din it-trade mark partikolarment magħrufa tikkonsisti fis-sinjal verbali TELETECH GLOBAL VENTURES (aktar 'il quddiem it-"trade mark partikolarment magħrufa").

15      Skond ir-rikorrenti, l-imsemmija trade mark għandha tiġi rikonoxxuta bħala li għandha prijorità fuq it-trade mark preċedenti abbażi tal-leġiżlazzjoni Franċiża, ta' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u ta' l-Artikolu 16 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali relatati mal-kummerċ, tal-15 ta' April 1994 (ĠU 1994, L 336, p. 214, aktar 'il quddiem il-"Ftehim TRIPS").

16      Il-prinċipju tal-koeżistenza tat-trade marks Komunitarji ma' dawk nazzjonali jeżiġi, skond ir-rikorrenti, li, fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità ta' trade mark Komunitarja, għandu jiġi meħud in kunsiderazzjoni dan id-dritt li jiġi qabel it-trade mark preċedenti Franċiża in kwistjoni. Matul is-seduta, hija ppreċiżat, b'risposta għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li dawn iż-żewġ trade marks kkoeżistew b'mod paċifiku fis-suq Franċiż u li ma kellha l-ebda raġuni sabiex tikkontesta t-trade mark preċedenti Franċiża quddiem il-qrati Franċiżi.

17      Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi interpretat b'mod konformi ma' l-imsemmi prinċipju ta' koeżistenza tat-trade marks Komunitarji u nazzjonali. Din l-interpretazzjoni timplika applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94. Minn dan jirriżulta li l-eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa fi Stat Membru li tkun identika għat-trade mark Komunitarja kkontestata tista' tiġi invokata bħala difiża, mill-propjetarju ta' dawn iż-żewġ trade marks, fil-kuntest ta' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja, meta t-trade mark preċedenti li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità tkun irreġistrata f'dan l-istess Stat u d-data ta' prijorità ta' din it-trade mark preċedenti tkun taqa' bejn dik tat-trademark partikolarment magħrufa u dik tat-trade mark Komunitarja kkontestata.

18      Skond ir-rikorrenti, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ametta espressament it-teżi tar-rikorrenti billi li l-fama ta' trade mark tista' tiġi invokata fil-kuntest ta' argument intiż sabiex jipprova forma legalment effettiva ta' koeżistenza. Issa, kuntrarjament għal din il-konstatazzjoni, il-Bord ta' l-Appell ma eżaminax l-eżistenza tal-fama tat-trade mark partikolarment magħrufa invokata mir-rikorrenti.

19      L-UASI jiċħad l-argumenti tar-rikorrenti. Barra minn dan, l-UASI jsostni li r-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u quddiem il-Bord ta' l-Appell, la allegat u lanqas ippruvat l-eżistenza ta' sinjal distintiv partikolarment magħruf fi Franza mill-1992.

20      Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tirribatti li hija sostniet, kemm fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll fis-sottomissjonijiet ippreżentati quddiem il-Bord ta' l-Appell, li hija kienet ilha l-propjetarja ta' sinjal distintiv partikolarment magħruf fl-Unjoni Ewropea mill-1992. Peress li t-territorju relevanti huwa dak Franċiż, ir-rikorrenti setgħat, neċessarjament, tirreferi biss għall-protezzjoni li dan is-sinjal partikolarment magħruf kien igawdi fis-suq Franċiż.

21      L-intervenjenti tenfasizza li t-trade mark Franciża TELETECH INTERNATIONAL għandha data ta' prijorità preċedenti għal dik tat-trade mark Komunitarja in kwistjoni. L-eżistenza ta' trade mark li hija allegatament partikolarment magħrufa tar-rikorrenti hija għalhekk nieqsa minn kull rilevanza. Barra minn dan, l-intervenjenti tikkontesta l-eżistenza ta' dritt preċedenti bħal dan tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

22      L-ewwel motiv prinċipali jirreferi għal argument li fuqu l-Bord ta' l-Appell ta deċiżjoni fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan il-punt jipprovdi dan li ġej:

"It] is [of no] assistance to the [Community trade mark] proprietor to attempt to rely on a claimed reputation for its mark [TELETECH GLOBAL VENTURES], whether in countries outside or even inside the Member States of the European Community. As the proprietor of a Community trade mark registration, it is obliged to give way in cancellation proceedings to an earlier mark which is held to come within any one of the categories described in Article 52 [of Regulation nº 40/94] unless reputation is claimed as part of an argument intended to demonstrate a legally effective form of co-existence. This is not the case here."  ("Mhuwiex ta' għajnuna għall-propjetarju tat-[trade mark Komunitarja] li jipprova jibbaża ruħhu fuq l-allegat għarfien li minnhu tgawdi t-trade mark tiegħu [TELETECH GLOBAL VENTURES] fil-pajjiżi terzi jew anke fl-istess Stati Membri tal-Komunità Ewropea. Bħala propjetarja ta' trade mark Komunitarja, hija hija obbligata li ċċedi, fil-kuntest ta' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità, meta tiġi kkonfrontata minn trade mark preċedenti li tissodisfa l-kriterji ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 53 [tar-Regolament Nru 40/94] ħlief jekk l-għarfien huwa invokat fil-kuntest ta' argument intiż li jipprova forma legalment effettiva ta' koeżistenza. Dan mhuwiex il-każ fil-każ in eżami.")

23      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-kliem użat mill-Bord ta' l-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata jidher li jinkludu diversi aspetti differenti. Dan il-punt jista' jfisser, l-ewwel nett, li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-koeżistenza tat-trade mark preċedenti Franċiża mat-trade mark partikolarment magħrufa seta' jkollha influwenza fuq l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, iżda li r-rikorrenti ma bbażatx ruħha fuq effett bħal dan. Jista' jiġi interpretat, it-tieni nett, fis-sens li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat fatti li jistgħu juru koeżistenza bħal din. It-tielet nett, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell qies li l-eżistenza biss ta' trade mark partikolarment magħrufa ma kinitx rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità li huwa kien qiegħed jippresjedi. Paragunat mal-portata hekk osservata, il-kliem użat fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata huwa konċiż ħafna.

24      Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta' l-UASI għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu għandu l-istess portata ta' dak stabbilit mill-Artikolu 253 KE [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-28 ta' April 2004, Sunrider vs L-UASI - Vitakraft-Werke Wührmann u Friesland Brands (VITATASTE u METABALANCE 44), T-124/02 u T-156/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72]. Din hija kwistjoni ta' ordni pubbliku li l-Qorti tal-Prim'Istanza tista' tqajjem ex officio.

25      Skond ġurisprudenza stabbilità, l-obbligu ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali għandu l-għan li jippermetti, minn naħa, lill-persuna interessata li tkun taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex tkun tista' tiddefendi d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja teżerċita s-setgħa ta' stħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni (sentenza VITATASTE u METABALANCE 44, iċċitata aktar 'il fuq, punt 73, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-motivazzjoni għandha tindika, b'mod ċar u mhux ekwivoku, ir-raġunament ta' l-awtur ta' l-att.

26      Billi tapplika dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tibqa' suffiċjenti sabiex jiġi mifhum ir-raġunament segwit mill-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, anke jekk mhuwiex faċli li tiġi ddeterminata l-portata eżatta tal-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa' l-fatt li minnu jirriżulta b'mod ċar li l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, f'dan il-każ, l-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta' allegata trade mark partikolarment magħrufa ma kellhom l-ebda effett fuq ir-riżultat ta' l-evalwazzjoni tar-riskju ta' konfużjoni. Is-sustanza ta' dan ir-raġunament hija ċara biżżejjed sabiex ir-rikorrenti tkun tista' tikkontestah. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata m'għandiex tiġi annullata minħabba ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni.

27      Skond l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata invalida, fuq applikazzjoni li ssisr quddiem il-UASI, meta jkun hemm trade mark preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2) ta' l-istess Regolament u meta l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) ta' dan ir-Regolament ikunu sodisfatti.

28      Skond l-Artikolu 8(2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 40/94, li għalih jirreferi espressament l-Artikolu 52(1)(a), il-kliem "trade marks" b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja [trade marks preċedenti]" għandu jfisser, b'mod partikolari, it-trade marks Komunitarji kif ukoll it-trade marks irreġistrati fi Stat Membru jew ma' l-uffiċju tat-trade marks tal-Benelux, sakemm id-data ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tkun tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkontestata. Barra minn dan, l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li, bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom, l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' trademarks huma wkoll ikkunsidrati bħala li huma "trade marks preċedenti".

29      Għalkemm il-UASI huwa, fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità, obbligat li jassigura ruħu dwar l-eżistenza tad-dritt preċedenti li fuqu hija bbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament ma tipprovdi li l-UASI nnifsu għandu jagħmel eżami inċidentali tar-raġunijiet ta' invalidità jew ta' revoka li jistgħu jinvalidaw dan id-dritt [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs Il-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 55]. Barra minn dan, ir-Regolament Nru 40/94 ma jipprovdix li l-eżistenza, fl-istess territorju, ta' trade mark li d-data ta' prijorità tagħha tkun preċedenti għal dik tat-trade mark preċedenti li fuqha tkun ibbażata l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità u li tkun identika mat-trade mark Komunitarja kkontestata, tista' tagħmel lil din ta' l-aħħar valida anke jekk tkun teżisti raġuni relattiva ta' invalidità kontra l-imsemmija trade mark Komunitarja.

30      Galdaqstant, anki jekk jiġi meqjus li huwa stabbilit li r-rikorrenti hija propjetarja, mill-1992, ta' trade mark partikolarment magħrufa fi Franza li tikkonsisti mis-sinjal verbali TELETECH GLOBAL VENTURES, fid-dawl tal-kliem użat fir-Regolament Nru 40/94, din iċ-ċirkustanza ma jkollha l-ebda konsegwenza legali.

31      Ir-rikorrenti tikkuntesta interpretazzjoni letterali ta' l-Artikoli 8 u 52 tar-Regolament Nru 40/94 bħal din, peress li tikkunsidra li din twassal għal "riżultati assurdi", b'mod partikolari safejn il-propjetarju tat-trade mark partikolarment magħrufa ma jkunx jista' jikseb il-konverżjoni tat-trade mark Komunitarja tiegħu fi trade mark nazzjonali preċiżament fil-pajjiż fejn huwa għandu, bis-saħħa tat-trade mark partikolarment magħrufa tiegħu, d-dritt li juża l-imsemmi sinjal.

32      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li d-dritt għall-allegata trade mark partikolarment magħrufa jibqa' jiġi protett fuq il-livell nazzjonali, tkun xi tkun id-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura ta' kanċellazzjoni tat-trade mark Komunitarja kkontestata. Għalhekk, anke kieku r-rikorrenti ma setgħetx tikkonverti t-trade mark Komunitarja fi trade mark nazzjonali Franċiża minħabba l-eżistenza tat-trade mark preċedenti Franċiża TELETECH INTERNATIONAL, hija setgħet, f'kull każ, tuża trade mark li tkun preċedenti għal din ta' l-aħħar u li tagħha hija tkun propjetarja fi Franza.

33      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, meta l-propjetarju tat-trade mark Komunitarja kkontestata jkollu dritt preċedenti li jista' jinvalida t-trade mark preċedenti li fuqu tkun ibbażata applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità, huwa għandu, skond il-każ, jindirizza lill-awtorità jew lill-qorti nazzjonali kompetenti sabiex jikseb, jekk ikun jixtieq, l-invalidità ta' din it-trade mark.

34      Għaldaqstant, l-argument li jgħid li l-kliem użat fir-Regolament Nru 40/94 iwassal għal "riżultati assurdi" għandu jiġi miċħud.

35      Ir-rikorrenti tikkunsidra, barra minn dan, li s-soluzzjoni adottata mid-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-"prinċipju ta' koeżistenza ta' trade marks Komunitarji ma' dawk nazzjonali", prinċipju li jeżiġi, fl-opinjoni tagħha, applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94 li jirrigwarda l-projbizzjoni ta' l-użu ta' trade marks Komunitarji.

36      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjoni rregolata mill-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94 ma tistax tiġi pparagunata ma' dik trattata f'din il-kwistjoni. Mil-kliem użat f'din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tikkonċerna biss "talbiet ta' vjolazzjoni ta' drittijiet preċedenti" (paragrafu 1) kif ukoll azzjonijiet "bl-iskop li jiġi projbijt l-użu ta' trade mark Komunitarja" (paragrafu 2). Hija ma tirrigwardax il-proċedura amministrattiva jew legali li jkollha bħala suġġett l-kanċellazzjoni mir-reġistru ta' trade mark ikkontestata. Għalhekk, skond l-Artikolu 106(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-intervenjent jista', jekk ikun il-każ, juża t-trade mark preċedenti tiegħu sabiex jibda, fi Franza, kawża għall-ksur ta' trade mark kontra t-trade mark Komunitrja kkontestata. Min-naħa l-oħra, l-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti, min-naħa tagħha, tistax tiddefendi ruħha billi tinvoka t-trade mark partikolarment magħrufa tagħha tiddependi esklużivament fuq id-dritt nazzjonali Franċiż. L-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94 ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni f'dan ir-rigward u għalhekk ma jistax jiġi applikat b'analoġija.

37      Għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 40/94 ma jagħtix lill-UASI, bħala awtorità komunitarja, is-setgħa li tirregistra jew li tinvalida trade marks nazzjonali. Kompetenzi bħal dawn ma jistgħux jiġu rikonoxxuti lill-UASI mingħajr ma dawn ma jkunu ġew attribwiti espressament mil-leġiżlazzjoni sekondarja u bil-kundizzjoni li attribuzzjoni bħal din tkun awtorizzata mit-test tat-Trattat. Issa, li l-UASI jiġi obbligat jeskludi bħala trade mark preċedenti, fis-sens ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 40/94, it-trade mark nazzjonali eżistenti A minħabba li teżisti t-trade mark B li għandha data ta' prijorità li hija preċedenti għal dik tat-trade mark preċedenti, protetta fit-territorju ta' dan l-istess Stat Membru, ikun ifisser li l-UASI jingħata kompetenzi sabiex jinvalida, minn ta' l-anqas fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet, din it-trade mark preċedenti A mingħajr ma jiġu kkonsultati l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

38      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq applikazzjoni b'analoġija ta' l-Artikolu 106 tar-Regolament Nru 40/94 għandu jiġi miċħud.

39      Konsegwentement, l-eventwali eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa fi Franza mill-1992, li tikkonsisti fis-sinjal verbali TELETECH GLOBAL VENTURES, mhijiex, fil-prinċipju, rilevanti fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità in kwistjoni.

40      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li dan ir-riżultat jikkontradiċi l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u l-Artikolu 16 tal-Ftehim TRIPS.

41      L-Artikolu 6a (1) tal-Konvenzjoni ta' Pariġi jipprovdi li:

"Il-pajjiżi ta' l-Unjoni jimpenjaw rwieħhom, kemm ex officio jekk il-leġiżlazzjoni ta' pajjiżhom tippermetti dan, kemm fuq talba tal-persuna interessata, li jirrifjutaw jew li jinvalidaw ir-reġistrazzjoni u li jipprojbixxu l-użu ta' trade mark tal-fabbrika jew tal-kummerċ li tikkostitwixxi riproduzzjoni, imitazzjoni jew traduzzjoni li jistgħu joħolqu konfużjoni, ta' trade mark li l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ta' reġistrazzjoni jew ta' l-użu tqis li hija partikolarment magħrufa bħala li diġà hija t-trade mark ta' persuna awtorizzata li tibbenefika minn din il-Konvenzjoni u użata għall-prodotti identiċi jew simili. Dan japplika wkoll meta l-parti essenzjali mit-trade mark tikkostitwixxi r-riproduzzjoni ta' trade mark partikolarment magħrufa bħal din jew imitazzjoni li tista' toħloq konfużjoni magħha." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

42      L-Artikolu 16 tal-Ftehim TRIPS intitolat "Drittijiet mogħtija" jipprovdi dan li ġej:

"1.      Il-propjetarju ta' trade mark tal-fabbrika jew tal-kummerċ irreġistrata jkollu d-dritt esklużiv li jwaqqaf lit-terzi kollha milli, mingħajr l-awtorizazzjoni tiegħu, jużaw, matul operazzjonijiet kummerċjali, sinjali identiċi jew simili għal prodotti jew servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark tal-fabbrika jew tal-kummerċ fil-każ fejn użu bħal dan iġib miegħu probabbiltà ta' konfużjoni. Fil-każ ta' użu ta' sinjal identiku għal prodotti jew servizzi identiċi, jiġi meqjus li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni. Id-drittijiet deskritti aktar 'il fuq m'għandomx ikunu ta' preġudizzju għal xi dritt preċedenti li diġà jeżisti u m'għandomx jaffettwaw il-possibbiltà li l-Membri għandhom li jissuġġettaw l-eżistenza tad-drittijiet għall-użu.

2.      L-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi (1967) għandu japplika, mutatis mutandis, għas-servizzi. Sabiex jiġi ddeterminat jekk trade mark tal-fabbrika jew tal-kummerċ hijiex partikolarment magħrufa, il-Membri għandhom jikkunsidraw il-fama li din it-trade mark ikollha fost il-parti tal-pubbliku kkonċernat, inkluż il-fama, fil-Membru kkonċernat miksuba wara li tkun saret promozzjoni ta' din it-trade mark.

3.      L-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi (1967) għandu japplika, mutatis mutandis, għall-prodotti jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom trade mark tal-fabbrika jew tal-kummerċ hija rreġistrata, bil-kundizzjoni li l-użu ta' dikn it-trade mark għal dawn il-prodotti jew servizzi jindika konnessjoni bejn dawn il-prodotti jew servizzi u l-propjetarju tat-trade mark irreġistrata u bil-kundizzjoni li dan l-użu x'aktarx ikun ta' ħsara għall-interessi tal-propjetarju tat-trade mark irreġistrata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

43      Kif ġustament osserva l-UASI, l-Artikolu 8(2)(c) tar-Regolament Nru 40/94 huwa konformi ma' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi safejn dan jippermetti lill-propjetarju ta' trade mark partikolarment magħrufa, fis-sens ta' din id-dispożizzjoni, li jopponi jew – abbażi ta' l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94 – jinvalida r-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja posterjuri li l-użu tagħha jġib miegħu probabbiltà ta' konfużjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi ma jeżiġix li l-propjetà ta' trade mark preċedenti partikolarment magħrufa tkun tista' tagħmel valida trade mark irreġistrata mill-istess propjetarju fil-kuntest ta' azzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità kontra l-imsemmija reġistrazzjoni. Ikun biżżejjed, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 6a ta' l-imsemmija Konvenzjoni, li l-propjetarju ta' trade mark partikolarment magħrufa jkun jista' japplika għal dikjarazzjoni ta' invalidità ta' trade mark nazzjonali posterjuri billi jibbaża ruħu fuq id-dritt tiegħu għat-trade mark partikolarment magħrufa quddiem awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

44      L-Artikolu 16 tal-ftehim TRIPS lanqas mhuwa rilevanti f'dan il-każ. L-ewwel paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, l-istess bħall-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, jagħti lill-propjetarju ta' trade mark preċedenti biss id-dritt li jwaqqaf l-użu ta' sinjali identiċi jew simili posterjuri, iżda mhux id-dritt li jagħmel valida waħda mit-trade marks posterjuri tiegħu li tkun ikkontestata permezz ta' applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità. Il-paragrafi 2 u 3 tad-dispożizzjoni jestendu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, mingħajr ma, minkejja f'dan, jibdlu l-kontenut leġiżlattiv, kif deskritt fil-punt preċedenti.

45      Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell m'għamilx żball ta' dritt meta warrab, bħala irrilevanti, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-prijorità ta' akllegata trade mark partikolarment magħrufa fi Franza mill-1992.

46      Barra minn dan, mill-inkartament jirriżulta li r-rikorrenti lanqas ma ppruvat l-eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa li tagħha hija tallega li hija l-propjetarja.

47      Matul il-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità, ir-rikorrenti, l-ewwel nett, sostniet li hija kellha trade mark magħrufa fl-Istati Uniti. Din l-affermazzjoni ġiet irrepetuta f'dokument tar-rikorrenti tas-16 ta' Frar 2000 u matul il-proċedura quddiem il-Bord ta' l-Appell.

48      L-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta' trade mark magħrufa fl-Istati Uniti huwa madankollu mingħajr rilevanza fil-kuntest ta' din il-kwistjoni peress li, f'kull każ, trade mark partikolarment magħrufa fis-suq Amerikan, fis-sens ta' l-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta' Pariġi, ma tistax tinvalida trade mark nazzjonali Franċiża, anke jekk posterjuri.

49      F'dak li jirrigwarda l-Komunità Ewropea, ir-rikorrenti llimitat ruħha sabiex issostni, fir-rikors li hija ressqet kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' Kanċellazzjoni, tat-22 ta' Ġunju 2001, dan li ġej:

"TeleTech Holdings, Inc. has used the trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES and parts thereof in the European Union since at least as early as 1992.

TeleTech Europe (TeleTech Holidngs, Inc.’s European arm) has grown to 10 costumer interaction centers including physical sites in the U.K., Spain and Germany employing 4 700 and serving more than 80 clients in 15 European nations. Its total EU revenues in 2000 amounted to US$ 82 700 000.00, a full 10,7 % of its worldwide revenues of US$ 885 000 000,00. As a result of its earnings and growth, and its listing on the NASDAQ stock exchange since 1996 TeleTech Holdings and its names and marks enjoy worldwide recognition."

("TeleTech Holdings, Inc. ilha tuża t-trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES kif ukoll elementi tagħha, ġewwa l-Unjoni Ewropea, b'effett minn ta' l-anqas l-1992.

TeleTech Europe (il-parti Ewropea ta' TeleTech Holdings, Inc.) espandiet u issa għandha 10 ċentri għar-relazzjonijiet mal-klijenti fosthom siti fir-Renju Unit, fi Spanja u fil-Ġermanja b'4 700 ħaddiem u aktar minn 80 klijent li ġejjin minn ħmistax-il pajjiż Ewropej. Fl-2000, il-fatturat tagħha fl-Ewropa ammonta għal USD 82 700 000, jiġifieri 10.7% tal-fatturat dinji tagħha li dak iż-żmien kien ta' USD 885 000 000. Minħabba l-profitti u l-espansjoni tagħha u minħabba l-kwotazzjoni tagħha fil-Borża tan-NASDAQ mill-1996, TeleTech Holdings kif ukoll l-ismijiet u t-trade marks tagħha jgawdu minn għarfien dinji.")

50      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li dan it-test ma fih l-ebda referenza espressa għat-territorju Franċiż. Barra minn dan, għalkemm mill-paragrafu ċċitat jirriżulta li r-rikorrenti għandha klijenti fi ħmistax-il pajjiż Ewropew, madankollu mhuwiex possibbli li minn dan jiġi dedott li Franza hija neċessarjament wieħed minnhom. Għalkemm ir-rikorrenti hija attiva fit-territorju tal-Komunità Ewropea, dan mhux neċessarjament ifisser li hija għandha trade mark partikolarment magħrufa f'dan it-territorju kollu, inkluż fi Franza. Barra minn dan, attività estiża tar-rikorrenti, anke li kieku din kienet tinkludi t-territorju Komunitarju kollu, ma ġġibx magħha awtomatikament l-għarfien ta' trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES mill-pubbliku fis-suq Komunitarju jew, aktar speċifikatament, fis-suq Franċiż.

51      Għalhekk, anke jekk jiġi meqjus li d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti huma korretti, minnhom ma tirriżultax l-eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa fi-Franza mill-1992. Minn dan isegwi li r-rikkorenti ma ppreżentatx fatti li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa TELETECH GLOBAL VENTURES fi Franza.

52      Dwar il-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti ngħatatx l-opportunità li tippreżenta l-fatti u l-provi kollha utli sabiex juru l-eżistenza tat-trade mark partikolarment magħrufa invokata b'risposta għall-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità, din ma taqax taħt dan il-motiv iżda taħt dak ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża.

53      Minn dak li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-ewwel motiv mhuwiex fondat.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

–       L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, anki jekk il-Bord ta' l-Appell ma kinitx konvinta mill-fatt li t-trade mark partikolarment magħrufa TELETECH GLOBAL VENTURES kienet teżisti fis-suq Franċiż, hija kellha tistedinha ġġib il-prova ta' dan jew tiżviluppa aktar l-argument tagħha. Il-Bord ta' l-Appell kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti kif ukoll il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali bejn il-Bordijiet ta' l-Appell u l-awtoritajiet ta' l-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza, kif stabbilit b'mod partikolari fis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Settembru 2003, Henkel vs Il-UASI – LHS (UK) (KLEENCARE) (T-308/01, Ġabra p. II-3253).

55      L-UASI jenfasizza li r-rikorrenti kellha l-okkażjoni li tressaq il-provi kollha li hija kienet tikkunsidra neċessarji u rilevanti sabiex issostni d-diversi motivi esposti fl-osservazzjonijiet li hija ppreżentat b'risposta għall-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

56      Skond it-tieni sentenza tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet ta' l-UASI jistgħu jkunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xhieda li, fir-rigward tagħhom, il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom

57      Dawn ir-raġunijiet jistgħu jiġu ppreżentati mhux biss mill-UASI iżda wkoll minn parti fil-proċedura.

58      F'dan il-każ, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, fil-punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegata fama tat-trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES fi Franza ma kinitx rilevanti.

59      Ir-rikorrenti kellha effettivament l-opportunità li tieħu pożizzjoni fuq din il-kwistjoni.

60      L-ewwel nett, kienet hi li ressqet l-argument ibbażat fuq l-allegata eżistenza ta' trade mark partikolarment magħrufa TELETECH GLOBAL VENTURES. Għalhekk, hija diġà kellha l-possibbiltà li tesponi l-elementi kollha ta' fatt jew ta' dritt li kienu jidhrulha utli f'dan ir-rigward.

61      Imbagħad l-intervenjenti kienet esponiet, fil-kuntest tal-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità li, fl-opinjoni tagħha, ir-rikorrenti ma kinitx ġabet il-prova li t-trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES kienet magħrufa fi Franza. Permezz ta' ittra ta' l-14 ta' Ġunju 2000, l-UASI stieden lir-rikorrenti tieħu pożizzjoni fuq l-osservazzjonijiet ta' l-intervenjent u r-rikorrenti għamlet dan bil-miktub fl-14 ta' Awwissu 2000, mingħajr, madankollu, ma ressqet elementi ta' prova addizzjonali.

62      Barra minn dan, safejn il-motiv għandu jiġi interpretat fis-sens li jilmenta li l-UASI ma eżaminax ex officio l-argument ibbażat fuq l-eżistenza preċedenti ta' trade mark partikolarment magħrufa, jew li ma stedinx lir-rikorrenti li ġġib iktar provi f'dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll dan li ġej.

63      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 45 aktar 'il fuq, il-kwistjoni dwar l-eżistenza jew le ta' trade mark partikolarment magħrufa TELETECH GLOBAL VENTURES li hija preċedenti għat-trade mark preċedenti TELETECH INTERNATIONAL, mhijiex rilevanti għas-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni. Minn dan isegwi li l-UASI ma kienx obbligat li jeżaminaha.

64      It-tieni nett, skond l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta' reġistrazzjoni, l-UASI għandu jkun ristrett għal eżami ta' fatti, ta' provi u ta' argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

65      Għalkemm il-kliem użat f'din id-dispożizzjoni jista' eventwalment jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss il-proċedimenti ta' oppożizzjoni, ir-raġunijiet relattivi ta' invalidità, stabbiliti fl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94, jirreferu espliċitament għall-Artikolu 8 ta' l-istess Regolament li jiddefinixxi r-raġunijiet relattivi ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni. L-istess bħar-raġunijiet relattivi ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni fil-proċedimenti ta' oppożizzjoni, ir-raġunijiet relattivi ta' invalidità jiġu eżaminati mill-UASi fuq talba tal-propjetarju tat-trade mark preċedenti in kwistjoni biss. Konsegwentement, il-proċedura għal dikjarazzjoni ta' invalidità li tirrigwarda raġuni relattiva ta' invalidità hija, fil-prinċipju, irregolata mill-istess prinċipji li jirregolaw il-proċedimenti ta' oppożizzjoni. B'mod partikolari, huma l-partijiet li għandhom iressqu l-elementi ta' fatt u ta' prova meħtieġa. Għaldaqstant, l-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 japplika wkoll għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità li jirrigwardaw raġuni relattiva ta' invalidità skond l-Artikolu 52 ta' l-istess Regolament.

66      Mill-aħħar parti ta' l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-UASI mhuwiex obbligat li jikkunsidra, ex officio, fatti li ma ġewx ippreżentati mill-partijiet. Mill-punti 45 sa 51 aktar 'il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma ppruvatx, u saħansitra lanqas allegat, l-eżistenza fi Franza ta' trade mark partikolarment magħrufa mill-1992.

67      Minn dan isegwi li l-UASI ma kienx obbligat li jeżamina ex officio jekk ir-rikorrenti kinitx il-propjetarja ta' trade mark partikolarment magħrufa fi Franza, li kienet preċedenti għat-trade mark Franċiża TELETECH INTERNATIONAL.

68      L-argument, mqajjem fir-replika, ibbażat fuq il-prinċipju ta' kontinwità funzjonali, f'dan il-kuntest, mhuwiex applikabbli.

69      Skond is-sentenza KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, mill-prinċipju ta' kontinwità funzjonali bejn il-Bordijiet ta' l-Appell u l-awtoritajiet ta' l-UASI li jiddeċiedu fl-ewwel istanza jirriżulta li dawn ta' l-ewwel huma obbligati li jeżaminaw, fid-dawl ta' l-elementi kollha ta' dritt u ta' fatt rilevanti, jekk deċiżjoni ġdida li jkollha l-istess parti dispożittiva bħad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors tistax jew le tiġi legalment adottata meta tittieħed id-deċiżjoni dwar ir-rikors (sentenza KLEENCARE, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta' proċedimenti li jikkonċernaw raġunijiet relattivi ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni jew raġunijiet relattivi ta' invalidità, il-kontinwità funzjonali la ġġib magħha l-obbligu u lanqas il-possibbiltà, għall-Bord ta' l-Appell, li jestendi l-eżami tiegħu ta' raġuni relattiva ta' invalidità għal fatti, provi jew motivi li l-partijiet la jkunu qajmu quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell. Issa, kif jirriżulta mill-punti 46 sa 51 aktar 'il fuq, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda element ta' fatt jew ta' prova li jkun biżżejjed sabiex jippermetti lill-Bord ta' l-Appell li jikkonkludi li fi Franza kienet teżisti trade mark partikolarment magħrufa TELETECH GLOBAL VENTURES.

70      Konsegwentement, peress li anke t-tieni motiv mhuwiex fondat, għandhom jiġu miċħuda l-motivi prinċipali tar-rikorrenti u jiġi eżaminat il-motiv sussidjarju.

 Fuq il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

71      Ir-rikorrenti ammettiet, matul is-seduta, li l-pubbliku rilevanti huwa kkostitwit minn professjonisti Franċiżi li joperaw fil-qasam kummerċjali.

72      Hija ssostni li s-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni mhumiex identiċi minħabba li l-kliem użat fil-lista tal-prodotti mhuwiex identiku. Hija tammetti, madankollu, li dawn huma "qrib xulxin".

73      Ir-rikorrenti tqis li s-sinjali in kwistjoni huma differenti biżżejjed sabiex jeskludu probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku rilevanti. L-ewwel nett, għalkemm il-kelma "teletech" tinsab fiż-żewġ sinjali, il-kliem "global ventures" minn naħa, u "international" min-naħa l-oħra, huma kompletament differenti fuq il-livell viżiv u fuq dak fonetiku. Barra minn dan, il-kelma "teletech" hija miktuba bl-istess tipa tal-kliem l-oħra, b'tali mod li dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma sekondarji fuq il-livell viżiv. It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li s-sinjali huma differneti fuq il-livell kunċettwali. Għalkemm il-kelma Franċiża "international" għandha l-istess sinjifikat bħall-kelma Ingliża, il-kelma franċiża "global" ma tfissirx "international", iżda pjuttost "komplet [jew] totali". Ir-rikorrenti tammetti, madankollu, li dawn il-kelmiet jistgħa jkollom ċerta similarità kunċettwali. Madankollu, skond ir-rikorrenti, din is-similarità tgħib minħabba l-fatt li l-pubbliku Franċiż ma jifhimx il-kelma Ingliża "ventures". Peress li l-kelma "ventures" fil-Franċiż hija terminu fittizju, din għandha tiġi kkunsidrata bħala li hija l-element dominanti tas-sinjal verbali TELETECH GLOBAL VENTURES.

74      L-UASI u l-intervenjent jiċħdu l-argumenti tar-rikorrenti u essenzjalment jadottaw il-pożizzjoni tal-Bord ta' l-Appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

75      Ir-raġuni relattiva ta' invalidità li tirriżulta mill-Artikolu 52(1)(a) moqri flimkien ma' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 tikkorrispondi mar-raġuni relattiva ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni stabbilita f'din l-aħħar dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza li tirrigwarda l-probabbiltà ta' konfużjoni, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' dan ir-Regolament hija wkoll rilevanti f'dan il-kuntest [ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs Il-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T-156/01, Ġabra p. II-2789, punti 61 sa 64].

76      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi li għandhom rabta ekonomika bejniethom tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

77      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni, u billi jiġu meqjusa l-fatturi rilevanti kollha fil-kwistjoni, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

–       Fuq il-pubbliku kkonċernat

78      Il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li l-konsumaturi tas-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni huma diretturi jew amministraturi ta' impriżi żgħar jew kbar fi Franza.

79      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, bħalma jagħmel il-UASI, li l-konsumaturi hekk definiti għandhom għarfien ta' l-Ingliż li huwa ogħla mill-medja peress li, illum, din il-lingwa tintuża b'mod wiesa' fil-qasam tan-negozju.

–       Fuq ix-xebh tas-servizzi

80      Ir-rikorrenti ma tikkontestax b'mod serju l-fatt li s-servizzi in kwistjoni huma minn ta' l-anqas simili.

81      F'dak li jirrigwarda s-"servizzi ta' tweġib ta' telefonati, is-servizzi telefoniċi, sabiex jgħinu lill-kumpanniji l-oħra fil-bejgħ tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom, l-assistenza lil kumpanniji oħra li tikkonsisti fit-tqegħid għall-bejgħ jew għall-kiri tal-prodotti u servizzi tagħhom, permezz tat-telefonu, it-tweġib tal-mistoqsijiet tal-klijenti ta' kumpanniji oħra li jsiru bit-telefonu, wara li jkunu rċevewhom", koperti mit-trade mark Komunitarja, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx b'liema mod dawn is-servizzi mhumiex identiċi mas-servizzi ta' "amministrazzjoni ta' ċentri ta' servizzi għall-klijenti u/jew ta' ċentri ta' tweġib ta' telefonati (amministrazzjoni ta' fajls tal-klijenti, ta' servizzi, ta' l-ordnijiet, ta' assistenza loġistika, ta' assistenza teknika, organizzazzjoni taċ-ċentri ta' tweġib ta' telefonati)", koperti mit-trade mark preċedenti franċiża TELETECH INTERNATIONAL. Il-fatt biss li l-kliem użat fil-lista ta' servizzi ma jkunx l-istess mhuwiex biżżejjed sabiex juri li s-servizzi mhumiex identiċi, sakemm ma jirriżultax prima facie u mingħajr spjegazzjonijiet addizzjonali, li din mhijiex l-istess attività.

82      Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 30 u 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kliem użat fil-lista tas-servizzi in kwistjoni ma jeskludix, prima facie, li dawn huma attivitajiet identiċi. Għalhekk, peress li r-rikorrenti ma ressqitx argumenti sabiex issostni l-ilment tagħha, dan għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ix-xebh tas-sinjali

83      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali prodotta minnhom, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Hausen vs L-UASI - Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T-292/01, Ġabra p. II-4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

84      Fuq il-livell viżiv, l-ewwel kelma tas-sinjali in kwistjoni, jiġifieri "teletech", hija identika. Il-kliem li jiġu wara ("global ventures" u "international") huma differenti. Il-kelma "teletech" għandha ċerta predominanza minħabba l-fatt li din hija l-ewwel kelma minn serje ta' kliem relattivament twil, b'tali mod li l-livell ta' attenzjoni tal-konsumatur ikun ogħla meta jipperċepixxi l-bidu tas-sinjali milli meta jaqra t-tmiem. Min-naħa l-oħra, it-tul taż-żewġ sinjali u, b'mod partikolari, tal-kliem "global ventures" u "international" inaqqsu l-importanza tal-kelma "teletech" fl-impressjoni viżiva globali tas-sinjali.

85      L-istess konstatazzjoni tapplika, mutatis mutandis, għall-impressjoni fonetika globali prodotta miż-żewġ trade marks.

86      F'dak li jirrigwarda x-xebh kunċettwali, il-Qorti tal-Prim'Istanza tfakkar li, bħala regola ġenerali, il-pubbliku ma jikkunsidrax element deskrittiv ta' trade mark kumplessa bħala li huwa l-element deskrittiv u dominanti fl-impressjoni globali prodotta minn din ta' l-aħħar [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI - Anheuser Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 53]. Madankollu, meta jkun hemm diversi elementi li huma ftit jew wisq evokattivi jew deskrittivi tal-prodotti jew tas-servizzi koperti minn trade mark kumplessa, mhuwiex eskluż li wieħed minn dawn l-elementi, minkejja li jkun evokattiv jew anke deskrittiv, ikun madankollu perċepit bħala l-element dominanti, jekk l-elementi l-oħra tas-sinjal ikunu anqas karatteristiċi minnhu.

87      F'dan il-każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkonstata, l-ewwel nett, li l-elementi "tele" u "tech" jalludu għall-prefiss "tele", li jinsab, b'mod partikolari, fil-kliem "telekomunikazzjonijiet" u "telefonu", kif ukoll fil-kelma Franċiża " technologie". Għaldaqstant, il-kelma "teletech" hija, sa ċertu punt, evokattiva tas-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni.

88      Madankollu, xorta jibqa' l-fatt li l-kelma "teletech" hija terminu fittizju mingħajr sinjifikat konkret. Għalhekk ma jistax jiġi eskluż li dan it-terminu jikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjali.

89      F'dak li jirrigwarda t-trade mark Franċiża preċedenti, din tikkonsisti f'terminu fittizju ("teletech") u l-kelma "international". Din l-aħħar kelma teżisti, b'tifsira identika, kemm fil-Franċiż kif ukoll fl-Ingliż. Għaldaqstant, din tiġi mifhuma, mill-pubbliku kkonċernat, bħala element deskrittiv li jindika l-karattru internazzjonali tal-provvista ta' servizzi jew tal-klijentela li għaliha huma intiżi dawn is-servizzi. Għalhekk, fit-trade mark preċedenti, l-element dominanti hija l-kelma "teletech".

90      F'dak li jirrigwarda t-trade mark Komunitarja, għandu jiġi osservat li l-kelma "global" għandha żewġ tifsiriet fil-Franċiż. L-ewwel tifsira tikkorrispondi għal dik ta' "komplet [jew] totali". It-tieni tifsira hija Ingliżiżmu li tfisser "dinji". It-tieni tifsira għandha evidentement kontenut kunċettwali viċin għal dak tal-kelma "International". Indipendentement mill-mod kif il-konsumatur ikkonċernat jifhem it-terminu, it-tifsira tal-kelma "global" mhijiex adegwata sabiex tikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjal TELETECH GLOBAL VENTURES peress li, f'kull każ, dan huwa element deskrittiv.

91      Issa, skond ir-rikorrenti, it-terminu "ventures" jikkostitwixxi l-element dominanti tas-sinjal. Madankollu dan l-argument mhuwiex konvinċenti.

92      L-ewwel nett, il-kelma "venture" hija komuni fil-lingwaġġ ekonomiku li huwa partikolarment miftuħ għall-Ingliżiżmi. L-espressjoni "joint venture" jew "joint-venture" hija normalment magħrufa mill-pubbliku rilevanti. Għaldaqstant, anke jekk il-konsumatur tas-servizzi in kwistjoni ma jkunx jaf it-tifsira eżatta tal-kelma Ingliża "ventures", dan se jagħtiha tifsira li bejn wieħed u ieħor tkun tikkorrispondi għall-kliem "proġett" jew "impriża".

93      It-tieni nett, peress li l-kelma "ventures" ma teżistix fil-Franċiż, il-pubbliku kkonċernat jipperċepixxi t-trade mark bħala li hija sensiela ta' kliem barranin, f'dan il-każ Ingliżi. Fil-fatt, l-użu ta' trade marks komposti minn kliem Ingliż huwa partikolarment frekwenti. Peress li l-imprendituri u l-amministraturi Franċiżi kkonċernati għandhom, minn ta' l-anqas, għarfien suffiċjenti ta' l-Ingliż sabiex ikunu jafu li, f'din il-lingwa, l-aġġettiv ma jiġix wara n-nom, iżda normalment jippreċedieh, huma ser jifhmu l-kelma "global" bħala li tirreferi għall-kelma "ventures".

94      Minn dan isegwi li l-kliem "global ventures" ser jiġu pperċepiti bħala li bejn wieħed u ieħor ifissru "proġetti dinjin, impriżi dinjin". Din hija tifsira li tiddeskrivi n-natura jew għal min huma intiżi s-servizzi, anke jekk it-tifsira konkreta tibqa vaga. Għalhekk il-konsumatur ser jaqsam is-sinjal Komunitarju f' "teletech", minn naħa, u "global ventures", min-naħa l-oħra.

95      It-tielet nett, peress li l-kelma "ventures" tinsab fit-tmiem tas-sinjal, mhuwiex probabbli, f'dan il-każ, li l-konsumatur jipperċepiha bħala li hija l-element li tikkaratterizza t-trade mark.

96      Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-konsumaturi kkonċernati ser jipperċepixxu l-kelma "teletech" bħala li hija l-element dominanti tat-trade mark Komunitarja u tat-trade mark preċedenti Franċiż. Għalhekk il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonstata li s-sinjali kienu simili.

–       Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

97      Peress li s-servizzi koperti mit-trade marks in kwistjoni huma parzjalment identiċi u parzjalment simili u peress li s-sinjali kunfliġġenti huma wkoll simili, il-Bord ta' l-Appell m'għamilx żball ta' dritt meta kkonkluda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni. Fil-fatt, meta konsumatur jiġi kkonfrontat bit-trade marks in kwistjoni dan, ser jiftakar, fuq kollox, il-kelma "teletech, li hija preżenti fiż-żewġ sinjali kunfliġġenti u li tinsab fil-bidu tagħhom. B'hekk huwa jista' jagħmel konfużjoni bejniethom direttament.

98      Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-allegata eżistenza preċedenti ta' trade mark partikolarment magħrufa tar-rikorrenti, indipendentement minn jekk din l-eżistenza preċedenti jistax ikollha effett fuq l-probabbiltà ta' konfużjoni.

99      Minn naħa, ir-rikorrenti, fil-kuntest tal-motiv sekondarju tagħha, ma bbażatx ruħha fuq argument bħal dan. Hija invokat il-koeżistenza tat-trade marks kunfliġġenti biss fil-kuntest ta' l-ewwel motiv.

100    Min-naħa l-oħra, anke li kieku l-ewwel motiv tar-rikorrenti kellu jiġi mifhum fis-sens li kien jikkonċerna wkoll l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, għandu jiġi kkonstatat li fama bħal din tat-trade mark TELETECH GLOBAL VENTURES ma ġietx ippruvata mir-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-UASI, kif jirriżulta mill-punti 46 sa 51 u 56 sa 69 aktar 'il fuq, anke jekk ir-rikorrenti kellha l-opportunità li tippreżenta l-fatti u l-provi kollha li hija kienet tikkunsidra bħala utli f'dan ir-rigward.

101    Konsegwentement, il-motiv sekondarju tar-rikorrenti għandu wkoll jiġi miċħud.

102    Peress li l-motivi tar-rikorrenti mhumiex fondati, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Procedura, il-parti li titlef il-kawza ghandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu gew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tigi kkundannata tbati l-ispejjeż skond it-talbiet ta' l-UASI u ta' l-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Pirrung

Meij

Pelikánová

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-25 ta' Mejju 2005

H. Jung

 

      J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura u talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq il-motivi prinċipali

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-"prinċipji ta' koeżistenza u ta' paragun tat-trade marks Komunitarji mat-trade marks u s-sinjali distintivi nazzjonali"

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

– L-argumenti tal-partijiet

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq il-motiv sussidjarju, ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

– Fuq il-pubbliku kkonċernat

– Fuq ix-xebh tas-servizzi

– Fuq ix-xebh tas-sinjali

– Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

Fuq l-ispejjeż




* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.