Language of document : ECLI:EU:T:2005:176


SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)


25 ta’ Mejju 2005 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċedura ta' oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark verbali Komunitarja PC WORKS – Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti W WORKS PRO – Rifjut ta' reġistrazzjoni – Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament (KE)  Nru 40/94”

Fil-kawża T-352/02

Creative Technology Ltd, stabbilita f’Singapor (Singapor), irrappreżentata minn M. Edenborough, barrister, J. Flintoft, S. Jones u P. Rawlinson, solicitors,

rikorrenti

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn B. Holst Filtenborg u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, li kienet

José Vila Ortiz, residenti f’Valenzja (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI ta' l-4 ta' Settembru 2002 (kawża R 265/2001-4) dwar oppożizzjoni bejn Creative Technology Ltd u s-sur José Vila Ortiz,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: H. Jung,

wara rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta' Novembru 2002,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta' April 2003,

wara s-seduta ta' l-24 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta' Novembru 1997, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament (KE) Nru 40/94 tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        Il-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PC WORKS. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 9 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-trade marks tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad- deskrizzjoni segwenti: "apparat għar-reġistrazzjoni, it-trażmissjoni u r-riproduzzjoni tal-ħoss u ta' l-istampi, loud speakers, amplifikaturi, apparat li jaqra’ d-diski, apparat li jaqra’ l-frekwenzi, apparat li jaqra’ l-kompakt disk, tuners u partijiet u aċċesorji ta' dawn l-oġġetti".

3        L-applikazzjoni ġiet ippublikata fis-26 ta' Ottubru 1998, fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 81/98.

4        Fit-22 ta' Jannar 1999, is-sur J. Vila Ortiz ressaq oppożizzjoni skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94 kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tar-rikorrenti, li fih invoka probabbiltà ta' konfużjoni skond l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess Regolament. L-oppożizzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti kollha koperti mill-applikazzjoni għat-trade mark tar-rikorrenti u li kienet imsejsa fuq it-trade mark figurattiva nazzjonali riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

5        Din it-trade mark kienet ġiet irreġistrata fl-10 ta' Ottubru 1994 fi Spanja għal “apparat elettroniku audio; loud speakers; apparat għar-riproduzzjoni tal-ħoss; radjijiet; televiżjonijiet u apparat tal-vidjo” li jaqgħu taħt il-klassi 9.

6        Permezz tad-deċiżjoni tas-26 ta' Jannar 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni u konsegwentement rrifjutat l-applikazzjoni tar-rikorrenti għall-prodotti kollha.

7        Fid-19 ta' Marzu 2001, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni (kawża R 265/2001). F'dan l-appell, hija emendat id-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni tagħha billi żiedet is-segwenti preċiżazzjoni "il-prodotti kollha ċċitati aktar ’il fuq li jikkonċernaw il-kompjuters u l-partijiet mekkaniċi u elettroniċi tal-kompjuters".

8        Permezz tad-deċiżjoni ta’ l-4 ta' Settembru 2002 (aktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ir-Raba' Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u rrifjuta l-appell. Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-applikazzjoni għal trade mark u t-trade mark preċedenti kienu essenzjalment ikopru l-istess kategorija ta' prodotti, jiġifieri l-apparat elettroniku intiż sabiex jipproduċi l-ħsejjes u l-immaġini, u li ż-żewġ sinjali in kwistjoni kienu simili fuq livell viżiv, fonetiku u konċettwali.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Matul is-seduta, r-rikorrenti ddikjarat li kienet qed tirrinunzja għall-kap tat-talba tagħha intiż li l-UASI jiġi ordnat jilqa’ l-applikazzjoni għal trade mark tagħha.

10      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni;

–        tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura kif ukoll l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Bord ta’ l-Appell u d-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

11      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

12      In sostenn tat-talba tagħha r-rikorrenti ressqet motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 40/94, safejn il-Bord ta’ l-Appell ma kienx iġġustifikat jikkonkludi li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

 L-argumenti tal-partijiet

13      Ir-rikorrenti tosserva li l-paragun bejn iż-żewġ trade marks, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta' konfużjoni, irid isir billi tiġi kkunsidrata l-impressjoni globali mogħtija minn kull wieħed mis-sinjali. Min-naħa l-oħra, matul tali evalwazzjoni mhuwiex permess li t-trade marks in kwistjoni jiġu skomposti sabiex jiġu mqabbla l-varji elementi li minnhom huma magħmulin, b’mod partikolari meta, bħall f’dan il-każ, minn naħa, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li tippermetti li jiġi konkluż li l-pubbliku kkonċernat ser jiġi influwenzat minn tali operazzjoni u li, min-naħa l-oħra, l-elementi li jikkomponu t-trade marks in kwistjoni, fihom infushom, ftit li xejn għandhom karattru distintiv, peress li essenzjalment jinsab, għal kull waħda mit-trade marks in kwistjoni, fl-impressjoni globali mogħtija mill-interazzjoni ta' dawn l-elementi varji. Skond ir-rikorrenti huwa wkoll inapproprjat li tiġi mogħtija protezzjoni lil trade mark meta din il-protezzjoni hija bbażata fuq wieħed mill-elementi kostitwenti tagħha li ftit li xejn għandu karattru distintiv.

14      F'dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija komposta minn tliet elementi, l-ittra "w", il-kelma "work" u l-kelma "pro", filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tinkludi biss żewġ elementi, il-kelma "pc" u l-kelma "works". Barra minn dan, filwaqt li l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jirriżulta mill-interazzjoni ta’ bejn l-elementi "w" u "works", it-tielet komponent mhuwiex daqshekk importanti fl-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, il-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huwa bbażat fuq l-interazzjoni ta’ bejn il-kelma "pc" u "works".

15      Għaldaqstant, il-fatt biss li l-ittri li jikkomponu l-kelma "works" huma l-istess għaż-żewġ sinjali in kwistjoni mhumiex biżżejjed sabiex juri li hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn dawn iż-żewġ sinjali.

16      F'dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni fuq il-livell viżiv, ir-rikorrenti tosserva li t-trade mark preċedenti hija waħda figurattiva filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija waħda verbali. Hija b’mod partikolari tenfasizza li t-tliet elementi li jiffurmaw it-trade mark preċedenti huma disposti vertikalment, bl-element magħmul mill-ittra "w" li jiddomina l-impressjoni globali, filwaqt li ż-żewġ komponenti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huma disposti orizzontalment.

17      Fuq il-livell fonetiku, it-trade mark preċedenti hija oralment rrappreżentata kemm mill-pronunzja suċċessiva tat-tliet elementi li jiffurmawha jiġifieri "w" "work" u "pro" kif ukoll mill-pronunzja tal-kelma "work" waħedha, jekk wieħed jikkunsidra l-elementi "w" u "pro" bħala purament grafiċi. Bil-kontra ta’ dan, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tista’ tiġi rrappreżentata biss mill-pronunzja tal-kliem "pc works" flimkien. Skond ir-rikorrenti, indipendentement mill-pronunzja tat-trade mark preċedenti, il-pronunzja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija differenti peress li l-ittra "w" ma tistax tiġi konfuża ma' l-element "pc" u l-kelma "work" u mhijiex suxxettibli li tiġi konfuża ma' l-element verbali "pc works".

18      Fuq il-livell konċettwali, ir-rikorrenti ssostni li anke jekk il-kliem "work" u "works" ma' għandhom ebda valur sinjifikattiv għall-konsumatur medju Spanjol, fil-konfront ta’ liema għandha tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfuzjoni, dan ta' l- aħħar mhuwiex probabbli li jassoċjhom u li jikkunsidrhom bħala żewġ kelmiet differenti. B’mod partikolari huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jifhem il-kelma "works" bħala l-plural tal-kelma "work". Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, jekk jiġi konkluż li l-pubbliku in kwistjoni jaf suffiċjentement il-lingwa Ingliża sabiex ikun jista’ jifhem is-sens ta' dan il-kliem, bl-istess mod għandu jiġi ammess li dan huwa wkoll f’pożizzjoni li jifhem is-sinjifikat differenti tagħhom.

19      Barra minn dan, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għat-trade mark, min-natura tagħhom, huma s-suġġett ta' deċiżjonijiet ta' xiri magħmula b’attenzjoni min-naħa tal-konsumatur in kwistjoni, fis-sens li dan ta' l-aħħar jiddeċiedi li jixtrihom biss meta jkun żgur li dawn effettivament jikkorrispondu għall-bżonnijiet tiegħu. Din iċ-ċirkustanza tkompli tnaqqas il-possibbiltà ta' konfużjoni għall-pubbliku kkonċernat.

20      L-UASI jsostni li l-Bord ta’ l-Appell m’għamel l-ebda żball ta' dritt u li huwa ġustament stabbilixxa l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

 Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

21      L-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li "jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi milqugħa: jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti."

22      Skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni r-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbutin ekonomikament.

23      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni u billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti tal-kawża, b’mod partikolari l-interdipendenza ta’ bejn ix-xebh tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F'dan il-każ, minħabba n-natura tal-prodotti kkonċernati li d-deskrizzjoni tagħhom hija riprodotta fil-punti 2, 5 u 7 aktar ‘il fuq, il-pubbliku kkonċernat, li fil-konfront tiegħu trid issir l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni, huwa magħmul minn konsumaturi medji. Barra minn hekk mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta wkoll li l-pubbliku kkonċernat huwa dak li joqgħod fit-territorju ta' l-Istat Membru fejn it-trade mark preċedenti tkun protetta jiġifieri, f'dan il-każ, Spanja.

25      Issa, għalkemm huwa minnu li l-prodotti offerti mir-rikorrenti, li jikkonsistu f’attrezzatura awdjoviżiva, għall-użu, b’mod partikolari, in konessjoni ma' kompjuter, huma intiżi għall-pubbliku li għandu għarfien ftit jew wisq approfondit ta’ l-informatika u li huwa familjari ma' l-użu ta’ materjal elettroniku, xorta jibqa l-fatt li, fiż-żmien preżenti, l-provvista u l-konsum ta' dawn il-prodotti u d-diffużjoni tagħhom fost pubbliku akbar, magħmul essenzjalment minn żgħażagħ, huma tali li ma jistgħux jiġu meqjusa bħala riżervati għal ċirkolu ristrett u speċjalizzat ta' konsumaturi, anke jekk ma jistgħux jiġu definiti bħala prodotti ta' konsum tal-massa. Bl-istess mod, għalkemm huwa minnu li xi wħud mill-prodotti kkonċernati huma suxxetibli, minħabba l-grad ta' sofistikazzjoni u l-prezz tagħhom, li jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni ta' xiri meħuda b’aktar attenzjoni, dan mhuwiex il-każ, kif ġustament enfasizza l-UASI fir-risposta tiegħu, għall-prodotti kollha in kwistjoni. Għaldaqstant hemm bżonn li l-pubbliku kkonċernat jitqies bħala li huwa magħmul minn konsumaturi medji li huma normalment informati, raġonevolment kawti u ċirkospetti.

26      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar ‘il fuq, għandu għalhekk isir il-paragun, minn naħa, tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tas-sinjali in kwistjoni.

 Fuq il-prodotti in kwistjoni

27      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha relevanti li jikkaraterizzaw ir-relazzjoni bejn dawn il-prodotti jew servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, min ser jużahom, l-użu tagħhom kif ukoll jekk dawn humiex in kompetizzjoni jew inkella jikkumplimentawx lil xulxin (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Institut für Lernsysteme vs il-UASI – Educational Services (ELS), T-388/00, Ġabra p. II-4301, punt 51).

28      F’dan il-każ, l-oppożizzjoni hija msejsa fuq trade mark preċedenti rreġistrata għall-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 9 u kienet intiża kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal prodotti li jaqgħu taħt l-istess klassi.

29      Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkuntestax il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell li jgħidu li t-trade marks in kwistjoni essenzjalment jirrigwardaw l-istess tip ta' prodotti, jiġifieri apparat elettroniku intiż sabiex jipproduċi l-ħsejjes u l-immaġini.

30      Din il-konklużjoni għandha tiġi milqugħa.

31      Il-preċiżazzjoni li r-rikorrenti ressqet quddiem il-Bord ta’ l-Appell (ara punt 7 aktar ‘il fuq), fir-rigward tad-deskrizzjoni tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tagħha, tirrestrinġi tali applikazzjoni għal dak l-apparat u dak it-tagħmir intiż sabiex jintuża b’konnessjoni ma’ kompjuters u ma’ hardware tal-kompjuters biss, ma tbiddilx tali evalwazzjoni. Infatti, il-fatt biss li l-istess preċiżazzjoni ma tirriżultax fid-deskrizzjoni tal-prodotti ta' min ressaq l-oppożizzjoni mhijiex biżżejjed sabiex tinvalida l-konklużjoni li tgħid li l-prodotti in kwistjoni għandhom l-istess natura u li huma suxxettibbli li jkunu intiżi għall-istess użu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, kif ġustament ġie osservat mill-UASI fil-punt 21 tar-risposta tiegħu, li d-deskrizzjoni tal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti hija wiesgħa biżżejjed sabiex xorta waħda tinkludi l-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

 Fuq is-sinjali in kwistjoni

32      F'dan il-każ, it-trade mark preċedenti hija magħmula minn sinjali mħallta, figurattivi u verbali, magħmulin minn tliet elementi pożizzjonati vertikalment fejn l-ewwel wieħed huwa kompost minn sinjal li jirriproduċi disk iswed li fih hemm miktub "w" majjuskola ta' kulur abjad, it-tieni jikkonsisti fil-kelma "work" miktuba b'ittri majjuskoli ta' kulur iswed u t-tielet jikkonsisti f'rettangolu iswed li fih hemm miktub tliet ittri żgħar majjuskoli ta' kulur abjad, spazjati, li jiffurmaw il-kelma "pro". It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-element verbali "pc works".

33      Qabel kollox, f’dak li jirrigwarda l-paragun fuq livell viżiv bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni, għandu jiġi mfakkar, a titolu preliminari, li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ppreċiżat li xejn ma jimpedixxi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta' xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva, peress li dawn iż-żewġ tipi ta' trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ tagħti impressjoni viżiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, Vedial vs L-UASI – France Distribution (HUBERT), T-110/01, Ġabra p. II-5275, punt 51).

34      Wara dan għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà ddeċidiet li trade mark kumplessa, verbali u figurattiva, ma tistax tiġi meqjusa bħala li tixbah trade mark oħra, li hija identika jew simili għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, ħlief jekk dan il-komponent ma jikkostitwixxix l-element dominanti fl-impressjoni globali mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent huwa suxxettibli li, waħdu, jiddomina l-immaġini ta’ din it-trade mark li l-pubbliku kkonċernat iżomm f’moħħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark ma jibqgħux importanti fl-impressjoni globali mogħtija minnha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 33)

35      F'dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li wieħed mill-elementi tat-trade mark preċedenti, jiġifieri l-kelma "work" tixbah ħafna lil wieħed mill-elementi verbali li minnhom hija magħmula t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

36      Għandu wkoll jiġi osservat li f’dak li jirrigwarda l-paragun viżiv bejn is-sinjali in kwistjoni, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-kliem "work" u "works" jiffurmaw, fuq il-livell viżiv, l-elementi dominanti tat-trade mark preċedenti u tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni rispettivament.

37      F'dan ir-rigward, f'dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-trade mark preċedenti, għandu jiġi osservat li l-element kompost mill-kelma "work" għandu pożizzjoni ċentrali meta mqabbel ma' l-elementi grafiċi l-oħra tas-sinjal u jikkostitwixxi proporzjonalment l-aktar komponent sinjifikattiv tagħha fir-rigward tad-daqs. Barra minn hekk, l-element grafiku kkostitwit mir-rettangolu l-iswed bl-ittri "pro", li jidher taħt il-kelma "work", jipproduċi, bid-daqs u l-kulur tiegħu, efett ta' enfażi, li minn naħa, jżid l-impressjoni li dan l-element għandu biss funzjoni sekondarja meta mqabbel ma' l-element kompost mill-kelma "work" u, min-naħa l-oħra, jikkontribwixxi sabiex jiġi msaħħaħ l-impatt viżiv ta' dan ta' l-aħħar. Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-element kompost mid-disk l-iswed li fih l-ittra "w", hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-impatt viżiv tiegħu huwa għal kollox inqas meta mqabbel ma' dak ta' l-element li jirriproduċi l-kelma "work", essenzjalment minħabba d-daqs iżgħar tiegħu. Għaldaqstant jirriżulta, li l-Bord ta' l-Appell m’għamel ebda żball ta' evalwazzjoni meta kkonkluda li dan l-element jiddomina l-impressjoni viżiva globali tat-trade mark preċedenti.

38      F'dak li jirrigwarda, t-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hemm lok li l-kelma "works" tiġi meqjusa bħala dominanti meta mqabbla mal-kelma "pc", li għalkemm hija l-ewwel element tas-sinjal, hija għandha impatt viżiv ħafna iżgħar, minħabba l-fatt li din tokkupa biss ftit aktar minn terz ta' l-ispazju meħud mill-kelma "works". Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma kienx żbaljat meta kkonkluda li dan l-aħħar element jikkostitwixxi l-element li jiddomina l-impressjoni viżiva globali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

39      Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li jiġi kkunsidrat li jeżisti xebh kbir viżiv bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni minħabba l-fatt li l-elementi dominanti tagħhom huma komposti, fil-parti l-kbira tagħhom, mill-istess sinjali grafiċi, jiġifieri l-ittri "w" "o" "r" u "k" impoġġija fl-istess sekwenza, li tirriproduċi l-kelma "work" u huma differenti minn xulxin biss safejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni żżid sinjal ieħor ma' din is-sekwenza, jiġifieri l-ittra "s".

40      Fuq il-livell fonetiku, l-Bord ta' l-Appell ikkunsidra, kif għamel l-UASI fir-risposta tiegħu, li mhuwiex probabbli wisq li l-konsumaturi Spanjoli jindikaw it-trade mark ta' min ressaq l-oppożizzjoni billi jippronunzjaw l-elementi verbali kollha tagħha, jiġifieri "w", "work" u "pro". Fil-fatt, minħabba li ma jagħmlux analiżi dettaljata tat-trade mark, huma x’aktarx jikkonċentraw ruħhom fuq il-kelma "work", billi jipperċepixxu l-element kompost mill-ittra "w" bħala purament dekorattiv u billi ma jagħtux każ l-element "pro" minħabba d-daqs żgħir tiegħu.

41      Qabel kollox, hemm lok li jiġi osservat, li l-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord ta' l-Appell hija r-riżultat ta' analiżi li tgħaqqad flimkien kriterji ta' evalwazzjoni kemm fonetiċi kif ukoll viżivi. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk tali approċ huwiex kompatibbli ma' evalwazzjoni korretta tal-grad ta' xebh bejn iż-żewġ trade marks, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' eventwali probabbiltà ta' konfużjoni.

42      F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-veru sens tal-kelma, r-riproduzzjoni fonetika ta' sinjal kumpless tikkorrispondi ma' dik ta' l-elementi verbali kollha tiegħu, indipendentement mill-ispeċifikazzjonijiet grafiċi tagħhom, li jaqgħu aktar taħt l-analiżi tas-sinjal fuq il-livell viżiv.

43      Madankollu, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali bejn żewġ trade marks in kwistjoni, intiża sabiex tiġi stabbilita jew eskluża l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni għall-pubbliku rilevanti, hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni globali li kull wieħed minn dawn iż-żewġ sinjali jagħti lill-pubbliku kkonċernat.

44      Issa, fil-każ ta' trade mark kumplessa, verbali u figurattiva, l-elementi verbali huma fl-istess ħin elementi figurattivi, li, minħabba l-partikolaritajiet grafiċi tagħhom, jistgħu joħolqu impatt viżiv ftit jew wisq aċċentwat. Għaldaqstant, fil-każ li tali sinjal ikun kompost minn diversi elementi verbali, mhuwiex eskluż li xi uħud minnhom jistgħu, per eżempju minħabba d-daqs, il-kulur jew il-pożizzjoni tagħhom, jiġbdu aktar l-attenzjoni tal-konsumatur, b'tali mod li dan ta' l-aħħar, meta jkun irid jindika s-sinjal oralment, ikun imwassal sabiex jippronunzja biss dawn l-elementi u ma jagħtix każ ta' l-oħrajn. L-impressjoni viżiva maħluqa mill-partikolarijiet grafiċi ta' l-elementi verbali ta' sinjal kumpless tista' għalhekk tinfluwenza r-rappreżentazzjoni bil-leħen tas-sinjal.

45      F'dan il-każ, kif ġie osservat fil-punt 37 aktar 'il fuq, il-kelma "work" tiddomina l-impressjoni viżiva globali tat-trade mark preċedenti u tikkostitwixxi l-element verbali li jista' jiġbed l-aktar attenzjoni u li jkun immedjatament ipperċepit u faċilment miftakar. L-elementi verbali l-oħra tas-sinjal għandhom biss, f'dan ir-rigward, impatt żgħir. Fil-fatt, minn naħa, l-element "pro", ikun diffiċilment miftakar minħabba d-daqs żgħir tiegħu u ma jkunx immedjatament ipperċepit bħala kelma, peress li t-tliet ittri li jiffurmawh huma mbegħdin ħafna minn xulxin. Min-naħa l-oħra, is-sinjal "w", billi huwa kompost minn ittra waħda biss li, barra minn hekk, mhijiex użata ħafna fil-lingwa Spanjola, x'aktarx li jiġi pperċepit bħala element dekorattiv.

46      Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-Bord ta' l-Appell m'għamel ebda żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li jista' jkun probabbli li l-konsumatur Spanjol kkonċernat jindika oralment it-trade mark ta' min ressaq l-oppożizzjoni billi jippronunzja biss il-kelma "work". Peress li l-paragun fuq il-livell fonetiku għandu jsir bejn il-ħsejjes tas-sinjali "work" u "pc works", għandu jiġi konkluż li jeżisti ċertu xebh, peress li ż-żewġ sinjali jikkondividu, fl-istess sekwenza, l-biċċa l-kbira ta' l-ittri li minnhom huma komposti.

47      Il-Bord ta' l-Appell ikkonkluda li jeżisti xebh bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni anki fuq il-livell kunċettwali, filwaqt li ammetta li l-pubbliku kkonċernat jaf it-tifsira tal-kliem Ingliż "work" u "works". Fir-risposta tiegħu l-UASI ppreċiża li t-trade marks in kwistjoni jevokaw l-istess idea, jiġifieri dik ta' "sforz fiżiku intiż għar-realizazzjoni ta’ xi ħaġa".

48      F'dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi osservat li l-kelma "pc" li tidher fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru deskrittiv meta mqabbla mal-prodotti kkonċernati, peress li kemm fl-Ingliż kif ukoll fl-Ispanjol din hija abbrevjazzjoni għal-"kompjuter personali". Mil-lat kunċettwali, l-element distinttiv ta' din it-trade mark huwa għaldaqstant ikkostitwit mill-kelma "works". F'dak li jikkonċerna t-trade mark preċedenti, hemm lok li jiġi kkunsidrat, għal raġunijiet analogi ma' dawk mogħtija iktar 'il fuq fil-punti 43 sa 45 u fin-nuqqas ta' elementi figurattivi mhux verbali li għandhom forza evokatriċi awtonoma, li l-element dominanti fuq il-livell kunċettwali huwa kompost mill-kelma "work".

49      Barra minn hekk, kif ir-rikorrenti stess tidher li tirrikonoxxi, hemm lok li tiġi kkunsidrata bħala probabbli l-affermazzjoni li peress li l-pubbliku kkonċernat huwa kompost minn konsumaturi li għandhom ċerta familjarità ma' l-użu tal-kompjuters huwa għandu konoxxoneza biżżejjed tal-lingwa Ingliża sabiex jifhem is-sinjifikat tal-kelma "work" u sabiex jirrikonoxxi l-forma fil-plural tagħha fil-kelma "works".

50      F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Bord ta' l-Appell m'għamel ebda żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li ż-żewġ trade marks in kwistjoni jixxiebħu wkoll fuq il-livell kunċettwali.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fuq il-livelli viżiv, fonetiku u kunċettwali, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti huma simili.

 Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

52      Skond ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni, li għandha ssir billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti, għandha, f'dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, udittiv jew kunċettwali tat-trade marks in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali mogħtija mit-trade marks, billi jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra. p. I-6191, punt 23, u ELS, imsemmija iktar 'il fuq, punt 62). Fil-fatt, il-konsumatur medju tat-tip ta' prodott jew servizz in kwistjoni, li l-perċezzjoni tiegħu tat-trade marks għandha rwol importanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni, normalment, jara trade mark bħala ħaġa sħiħa u ma jagħmilx eżami tad-dettalji differenti (sentenza SABEL, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

53      F'dan il-każ, fid-dawl tax-xebh bejn it-trade marks in kwistjoni u tal-fatt li dawn ikopru prodotti ta' l-istess natura, hemm lok li jiġi konkluż li l-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidra li teżisti, f'dan il-każ, probabbiltà konkreta li l-pubbliku kkonċernat jista' jieħu żball f’dak li jirrigwarda l-oriġini kummerċjali ta' dawn il-prodotti.

54      Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal iktar 'il fuq, it-talbiet tar-rikorrenti għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skond l-Artikolu 87(2), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

56      Skond l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. L-istess ma japplikax għall-ispejjeż sostnuti għall-fini tal-proċedura quddiem id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni u t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex hija tiġi mħallsa lura dawn l-ispejjeż għandha, f'kull każ, tiġi miċħuda għal dan il-motiv. Għandha wkoll tiġi micħuda t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex hija tiġi mħallsa lura l-ispejjeż sostnuti għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell peress li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud

2)      Ir-rikorrenti hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Mejju 2005

H. Jung

 

       H. Legal

Reġistratur

 

      President



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.