Language of document : ECLI:EU:T:2016:89

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

17 ta’ Frar 2016 (*)

“Għajnuna legali — Talba ppreżentata wara l-preżentata ta’ rikors — Rikors previst minn persuna fiżika — Inammissibbiltà manifesta — Rikors previst minn persuna ġuridika — Ammissjoni”

Fil-Kawża T‑376/15 JA,

KJ, residenti f’Pariġi (Franza),

KK, stabbilita f’Pariġi,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME), irrappreżentata minn P. Lambert, E. Fierro Sedano u I. Jimeno Hierro, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għal għajnuna legali abbażi tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tagħti l-preżenti

Digriet (1)

 Talba u proċedura

1        Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti, KJ u KK, kumpannija li tagħha KJ hija rappreżentanta u l-unika azzjonista, talbu l-ammissjoni tagħhom għall-benefiċċju tal-għajnuna legali, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bil-ħsieb li jippreżentaw kawża intiża għall-annullament ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, ċaħda tal-proposta mressqa minn KK b’risposta għas-sejħa għal proposti u attivitajiet relatati taħt il-programmi ta’ ħidma 2014-2015 taħt l-inizjattiva Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u taħt il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplementa l-Orizzont 2020 (ĠU 2013, C 361, p. 9, iktar ’il quddiem is-“sejħa għal proposta H2020-SMEINST-1-2014”) u min-naħa l-oħra, ċaħda tat-talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni li kienet wasslet għaċ-ċaħda tal-proposta mressqa minn din il-kumpannija (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien u msejħa, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

2        Fl-osservazzjonijiet tagħha, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Settembru 2015, l-Agence exécutive pour les petites et moyennes entreprises (EASME) talbet iċ-ċaħda tat-talba.

3        Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti pproduċew addendum għat-talba tagħhom għal għajnuna legali li jinkludi atti ġustifikattivi marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, li l-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jinserixxi fil-proċess.

4        Fit-12 ta’ Novembru 2015, skont l-Artikolu 10(6) u tal-Artikolu 89(3)(ċ) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President tal-Qorti Ġenerali stieden lil KK sabiex tipprovdi l-kontijiet annwali tagħha li relattivi għall-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa. Huwa għamel ukoll lil KK mistoqsijiet marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika attwali (deskrizzjoni tal-attività eżatta tal-impriża u tal-funzjonament tagħha, numru ta’ impjegati, deskrizzjoni tal-attivi u l-passivi tagħha, deskrizzjoni tad-dħul mill-bejgħ tagħha u spjegazzjoni sommarja tal-oriġini tiegħu, deskrizzjoni tal-ispejjeż tal-impriża u spjegazzjoni sommarja tas-sors ta’ dawn l-ispejjeż kif ukoll, f’każ ta’ attività ta’ żbilanċ, spjegazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament tal-kumpannija). Din tal-aħħar pproduċiet l-atti tagħha u r-risposti għad-domandi fit-30 ta’ Novembru 2015.

 Id-dritt

5        Skont l-Artikolu 146(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-għoti tal-għajnuna legali huwa suġġett għal żewġ kundizzjonijiet, minn naħa, li r-rikorrent ma jkunx jista’, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, totalment jew parzjalment ikopri l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-azzjoni tiegħu ma tidhirx manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

 Fuq it-talba ta’ KJ

[omissis]

12      Peress li KJ ma għandhiex interess ġuridiku kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikors li hija tintendi li tippreżenta jidher li huwa manifestament inammissibbli. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 146(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba tagħha għal għajnuna legali għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra previsti mill-imsemmi artikolu.

 Fuq it-talba tal-kumpannija KK

13      Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ KK, din tal-aħħar pproduċiet il-kontijiet annwali tagħha (bilanċ kontabbli u kont tar-riżultati) għall-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa, kif ippreżentati quddiem l-awtorità fiskali. Minn dawn il-kontijiet jirriżulta li l-kumpannija, li l-prodotti tagħha huma fil-fażi ta’ żvilupp, ma kellha l-ebda dħul mill-bejgħ matul l-aħħar tliet snin finanzjarji magħluqa. Fl-aħħar tas-sena finanzjarja magħluqa fil-31 ta’ Diċembru 2014, hija ma kellhiex attivi, minbarra t-tagħrif espert tal-azzjonist uniku tagħha u tal-kollaboraturi tagħha, u kellha passiv ta’ [kunfidenzjali] (2). Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-kumpannija, dan il-passiv huwa marbut mal-ħlas tal-ispejjeż tas-sigurtà soċjali kif ukoll mal-investimenti mwettqa mill-kumpannija sabiex tippermetti l-iżvilupp tal-prodotti tagħha. Il-kumpannija tindika li dan il-passiv huwa ffinanzjat mill-azzjonist uniku tagħha, mill-finanzi tiegħu u minn self li huwa kiseb.

[omissis]

15      Issa, minn dawn l-elementi jirriżulta li KK ma għandhiex, f’isimha proprju, ir-riżorsi neċessarji sabiex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-kawża.

16      Madankollu, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha sabiex jiġi deċiż jekk persuna ġuridika għandhiex tiġi ammessa għall-benefiċċju tal-għajnuna legali ma tistax issir b’kunsiderazzjoni biss tar-riżorsi tagħha meħuda b’mod iżolat, indipendentement mis-sitwazzjoni tad-detenturi diretti jew indiretti tal-kapital tagħha.

17      Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-għajnuna legali tingħata lil dawk li ma għandhomx riżorsi biżżejjed sa fejn din l-għajnuna hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-aċċess għall-ġustizzja. Huwa fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, invokabbli mill-persuni ġuridiċi (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra, EU:C:2010:811, punt 59), li għandhom jiġu interpretati l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna legali, stabbiliti fl-Artikoli 146 sa 150 tar-Regoli tal-Proċedura.

18      Issa, persuna ġuridika ma tistax titqies li hija mċaħħda minn aċċess effettiv għall-ġustizzja fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sempliċement minħabba l-fatt li d-detenturi diretti jew indiretti tal-kapital tagħha jirrifjutaw li jużaw ir-riżorsi li huma għandhom sabiex din il-persuna ġuridika tkun tista’ tiftaħ kawża. F’tali ċirkustanzi, ma huwiex il-baġit tal-Unjoni li, bl-użu ta’ fondi pprovduti lill-Qorti Ġenerali, għandu jissana l-karenza tal-persuni li jikkontrollaw il-persuna ġuridika inkwistjoni u li, fl-aħħar mill-aħħar, huma interessati prinċipalment fid-difiża tad-drittijiet tagħha.

19      Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta’ persuna ġuridika li titlob il-benefiċċju tal-għajnuna legali, għandu jittieħed kont mhux biss tar-riżorsi finanzjarji proprji tagħha, iżda wkoll tar-riżorsi li għandu globalment il-grupp ta’ impriżi li hija tifforma parti minnu direttament jew indirettament u tal-possibbiltajiet finanzjarji tal-azzjonisti u assoċjati tagħha, kemm persuni fiżiċi kif ukoll ġuridiċi [ara, b’analoġija, id-Digrieti tas-7 ta’ Mejju 1982, Hasselblad vs Il-Kummissjoni, 86/82 R, Ġabra, EU:C:1982:151, punt 4, tal-14 ta’ Diċembru 1999, HFB et vs il-Kummissjoni, C‑335/99 P(R), Ġabra, EU:C:1999:608, punt 64, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, ArcelorMittal Wire France et vs il-Kummissjoni, T‑385/10 R, EU:T:2010:502, punti 39 sa 60].

20      F’dan il-każ, huwa stabbilit li KK, impriża b’membru wieħed b’responsabbiltà limitata, għandha azzjonist wieħed, KJ.

21      Mid-dokumenti prodotti fl-anness tat-talba għal għajnuna legali jirriżulta li KJ iddikjara mal-awtorità fiskali dħul gross ta’ żero għas-sena 2014. Id-dħul tiegħu joriġina minn allowances ta’ assistenza soċjali, li kienu jammontaw għal [kunfidenzjali] fix-xahar f’Settembru 2015. Fl-aħħar, huwa jindika li ma għandu l-ebda assi mobbli jew immobbli.

22      Minn dan jeħtieġ li jiġi konkluż li KJ jinsab f’inkapaċità, tal-inqas parzjali, li jagħmel tajjeb għall-impossibbiltà ta’ KK li tħallas l-ispejjeż tal-kawża.

23      Għaldaqstant KK tissodisfa l-ewwel kundizzjoni tal-għoti tal-għajnuna legali, stabbilita fl-Artikolu 146(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Jeħtieġ madankollu li jitfakkar li, skont l-Artikolu 150 tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-kundizzjonijiet li wasslu għall-għoti tal-għajnuna legali jinbidlu pendente lite, il-President jista’ jirtira l-benefiċċju, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, wara li tinstema’ l-persuna kkonċernata.

25      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-azzjoni prevista mill-kumpannija rikorrenti, din tikkonsisti fil-preżentata ta’ kawża kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati.

[omissis]

29      F’dan il-każ, il-provi prodotti minn KK fit-talba tagħha, anki jekk huma sommarji, huma suffiċjenti sabiex tiġi evalwata din it-talba fid-dawl tal-Artikolu 146(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

[omissis]

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-istħarriġ imwettaq mill-qorti meta teżamina jekk humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 146(2) tar-Regoli tal-Proċedura huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-għajnuna legali tingħata għal kawża li manifestament ma tistax tintrebaħ.

32      Issa, fid-dawl tal-atti prodotti, il-kawża prevista minn KK, prima facie u fl-intier tagħha, la kienet tidher a priori, manifestament inammissibbli u lanqas manifestament infondata.

33      Konsegwentement, jeħtieġ li KK tingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali.

34      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 148(7) tar-Regoli tal-Proċedura, id-digriet li jagħti l-għajnuna legali jista’ jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata jew jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista’ jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju tal-avukat.

35      F’dan il-każ, hemm lok li tiġi rriżervata d-deċiżjoni dwar l-ammont tal-ispejjeż u onorarji li għandhom jiġu assunti abbażi tal-għajnuna legali b’xejn. Madankollu, hemm lok li jiġi speċifikat, minn issa, il-limitu li fil-prinċipju ma’ jistax jinqabeż għall-ħlasijiet u l-onorarji tal-avukat.

36      Għaldaqstant, fid-dawl tas-suġġett u tan-natura tal-kawża, tad-diffikultajiet prevedibbli tal-kawża, tal-portata prevedibbli tax-xogħol legali li ser tiġġenera l-kawża u tal-interessi ekonomiċi li l-kawża tirrappreżenta għall-parti kkonċernata, l-ispejjeż u l-onorarji tal-avukat maħtur bħala għajnuna legali ma jistgħux, fil-prinċipju, jeċċedu ammont, mingħajr VAT, ta’ EUR 3000 għall-patroċinju ta’ KK.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

tordna:

1)      KK hija ammessa għall-benefiċċju tal-għajnuna legali.

2)      Għandu jitħallas ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ assistenza u ta’ rappreżentazzjoni ta’ KK lill-avukat maħtur sabiex jirrappreżenta, abbażi ta’ provi ġustifikattivi, fil-limitu tal-ammont ta’ EUR 3 000.

3)      It-talba għal għajnuna legali ta’ KJ hija miċħuda.

Magħmul fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Frar 2016.

Reġistratur

 

       Il-President

E. Coulon

 

       M. Jaeger


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Huma riprodotti biss il-punti tad-digriet preżenti li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli l-pubblikazzjoni tagħhom.


2 – Data kunfidenzjali moħbija.