Language of document : ECLI:EU:T:2013:277

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

29 ta’ Mejju 2013 (*)

“Fond ta’ Koeżjoni — Regolament (KE) Nru 1164/94 — Proġetti li jikkonċernaw il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali fil-baċir idrografiku tax-xmara Guadiana fir-reġjun ta’ Andévalo, it-tindif u l-purifikazzjoni tal-baċir tax-xmara Guadalquivir u l-provvista tal-ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga — Kanċellament parzjali tal-għajnuna finanzjarja — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal servizzi — Kunċett ta’ xogħol — Diviżjoni ta’ kuntratti — Determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji — Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑384/10,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn J. M. Rodríguez Cárcamo, sussegwentement minn A. Rubio González, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Steiblytė, D. Kukovec u B. Conte, bħala aġenti, assistiti inizjalment minn J. Rivas Andrés, X. García García, avukati, u de M. Vilarasau Slade, solicitor, sussegwentement minn J. Rivas Andrés u X. García García,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4147, tat-30 ta’ Ġunju 2010, li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni għal dawn il-(gruppi ta’) proġetti li ġejjin: “Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo” (2000.ES.16.C.PE.133), “Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (2000.16.C.PE 066), “Il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga” (2002.ES.16.C.PE.061),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen u M. Kancheva (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dispożizzjonijiet dwar il-Fond ta’ Koeżjoni

1        L-Artikolu 158 KE (li sar, wara l-emendi, l-Artikolu 174 TFUE), jipprovdi s-segwenti:

“Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali, il-Komunità għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdanha.

B’mod partikolari, il-Komunità għandu jkollha l-iskop li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni jew gżejjer li huma anqas favoriti, inklużi iż-żoni rurali.”

2        Abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 161 KE (li sar, wara l-emendi, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 177 TFUE):

“Il-Kunsill [...] jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni biex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-proġetti fl-oqsma ta’ l-ambjent u ta’ networks trans-Ewropej fil-qasam ta’ l-infrastruttura tat-trasport”

3        Il-Fond ta’ Koeżjoni nħoloq permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta’ Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 9).

4        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1164/94, fil-verżjoni emendata tiegħu, jistabbilixxi l-ammonti ta’ riżorsi finanzjarji li jistgħu jingħataw għal proġetti eliġibbli għal għajnuna mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perijodu 2000-2006.

5        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1164/1994, kif emendat, jistabbilixxi li r-rata ta’ għajnuna Komunitarja mogħtija mill-Fond ta’ Koeżjoni hija bejn 80 u 85 % tal-ispejjeż pubbliċi jew ekwivalenti.

6        L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 jistabbilixxi, fil-verżjoni emendata tiegħu, li:

“Proġetti finanzjati mill-Fond għandhom ikunu skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati, skond l-istrumenti adottati in segwitu tagħhom u skond politiki Komunitarji, inklużi dawk li jikkonċernaw il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, ir-rettikolati trans-Ewropej, il-kompetizzjoni u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.”

7        L-Artikolu 12(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1164/94 jistabbilixxi, fil-verżjoni emendata tiegħu, is-segwenti:

“1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni ta’ l-estimi tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli l-ewwel nett għall-kontroll finanzjarju tal-proġetti. Għal dak il-għan, il-miżuri li għandhom jieħdu għandhom jinkludu:

[…]

(ċ)      li jiżguraw li l-proġetti huma amministrati skond ir-regoli applikabbli tal-Komunità u li l-fondi impoġġija għad-dispożizzjoni tagħhom jintużaw skond il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;

[…]”

8        Ir-regoli ta’ ġestjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni huma ddettaljati fl-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, kif emendat.

9        L-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, kif emendat, jipprovdi s-segwenti:

“Korrezzjonijiet finanzjarji

1. Jekk, wara li tlesti il-verifiki meħtieġa, il-Kummissjoni tikkonkludi li:

(a)      l-implementazzjoni ta’ proġett ma tiġġustifikax l-għajnuna mogħtija kollha jew parti minnha, inkluż in-nuqqas li tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet fid-deċiżjoni li tingħata għajnuna u b’mod partikolari kwalunkwe bdil sinnifikanti li jaffettwa l-implementazzjoni tal-proġett u li għalih ma tkunx intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, jew

(b)      hemm irregolarità fir-rigward ta’ l-assistenza mill-Fond u li l-Istat Membru nvolut ma ħax il-miżuri ta’ korrezzjoni meħtieġa, il-Kummissjoni għandha tissospendi l-għajnuna fir-rigward tal-proġett konċernat u filwaqt li tagħti rraġunijiet tagħha, għandha titlob li l-Istat Membru jagħmel il-kummenti tiegħu fi żmien perjodu speċifikat.

Jekk l-Istat Membru jagħmel oġġezzjoni għall-osservazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-Istat Membru għal seduta, li fiha, ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu sabiex jilħqu ftehim dwar l-osservazzjonijiet u għandhom joħorġu konklużjonijiet minnhom.

2. Fl-aħħar tal-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha, soġġetta li tiġi rispettata l-proċedura x-xierqa, jekk fi żmien tlett xhur ma jkun intlaħaq ebda qbil, wara li jiġu kunsidrati l-kummenti ta’ l-Istat Membru, tiddeċiedi li:

(a)      tnaqqas il-pagament fuq kont li hemm referenza għalih f’Artikolu D(2), jew,

(b)      tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa. Dan għandu jfisser li titneħħa parti jew l-assistenza kollha mogħtija għall-proġett.

Dawn id-deċiżjonijiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-Kummissjoni, meta tiddeċiedi l-ammont tal-korrezzjoni, għandha tikkunsidra t-tip ta’ l-irregolarità jew bidla u kemm huwa kbir l-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll. Kull tnaqqis jew tħassir għandu jwassal għal irkupru ta’ l-ammonti mħallsa.

3. Kull somma riċevuta b’mod mhux dovut u li għandha tiġi rkuprata għandha titħallas lill-Kummissjoni. Għandhom jiġu mitlubin l-interessi fuq il-kont ta’ ħlas lura tard bi qbil mar-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implementazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3 u għandha tinforma lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bihom.”

10      L-Artikoli 17 sa 21 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002, tad-29 ta’ Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna mogħtija taħt il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-proċedura sabiex isiru korrezzjonijiet finanzjarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 14, Vol. 1, p. 162), jippreċiżaw l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament u jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-proċedura li għandha tiġi osservata sabiex jiġu applikati l-korrezzjonijiet għall-għajnuna riċevuta mill-Fond ta’ Koeżjoni mill-1 ta’ Jannar 2000.

11      L-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1389/2002 jistabbilixxi li:

“1.      L-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Kummissjoni taħt Artikolu Ħ(2) ta’ Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1164/94 għal irregolaritajiet individwali jew sistematiċi għandu jiġi stmat kull meta jkun possibbli u prattikabbli fuq il-bażi ta’ files individwali u għandu jkun ugwali għall-ammont ta’ nfiq mitlub bi żball mill-Fondi, wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità.

2. Meta ma jkunx possibbli jew prattikabbli li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ infiq irregolari b’mod preċiż, jew meta ma jkunx addattat li jiġi kkanċellat l-infiq kollu msemmi, u l-Kummissjoni għalhekk tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq estrapolazzjoni jew rati bażi, hija għandha tipproċedi kif ġej:

(a)      fil-każ ta’ estrapolazzjoni, għandha tuża kampjun rappreżentattiv ta’ transazzjonijiet b’karatteristiċi simili;

(b)      fil-każ ta’ rata bażi, għandha tistma l-importanza u s-severità tal-ksur tar-regoli u l-implikazzjonijet finanzjarji ta’ kull nuqqas fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li wassal għall-irregolarità stabbilita.

[…]”

12      Il-Linji gwida dwar il-prinċipji, kriterji u skali indikattivi li għandhom jiġu applikati mid-dipartimenti tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Koeżjoni [C(2002) 2871] (iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2002”) jiddeskrivu l-kriterji u l-prinċipji ġenerali użati mill-Kummissjoni Ewropea fil-prattika għad-determinazzjoni tal-imsemmija korrezzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-Linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom japplikaw għall-ispejjeż ikkofinanzjati mill-Fondi strutturali u mill-Fond ta’ Koeżjoni fil-każ li jkun hemm nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi (iktar ’il quddiem l-“linji gwida tal-2007”) jipprovdu l-ammonti u l-iskali indikattivi li għandhom jiġu applikati speċifikament għall-irregolaritajiet misjuba fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi kkofinanzjati mill-Fondi ta’ Koeżjoni.

 Id-dispożizzjonijiet rilevanti li jirrigwardaw il-kuntratti pubbliċi

13      Il-leġiżlazzjoni ta’ riferiment dwar il-kuntratti pubbliċi, rilevanti abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), hija kkostitwita, b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 163), u mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

 Id-Direttiva 93/37

14      Skont id-dispożizzjonijiet tal-preambolu tagħha u tat-tieni premessa tagħha, id-Direttiva 93/37 hija intiża li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti sabiex il-kuntratti kkonċernati jinfetħu għal kompetizzjoni effettiva. L-għaxar premessa tal-imsemmija direttiva tippreċiża li l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva teħtieġ “li avviżi ta’ kuntratti magħmula minn awtoritajiet ta’ kuntrattar ta’ l-Istati Membri jiġu rriklamati fil-Komunità [reklamar Komunitarju tal-avviżi ta’ kuntratti stabbiliti mill-awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri]”.

15      Skont l-Artikolu 1(ċ), (e), (f) u (g), tad-Direttiva 93/37:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttva:

[…]

(ċ)      ‘xogħol’ ifisser ir-riżultat ta’ bini jew inġinerija ċivili, xogħlijiet kunsidrati bħala sħaħ li jilħqu funzjoni ekonomika u teknika;

[…]

(e)      ‘proċeduri miftuħa’ huma dawn il-proċeduri nazzjonali fejn il-kuntratturi kollha interessati jistgħu jissottomettu offerti;

(f)      ‘proċeduri ristretti’ huma dawn il-proċeduri nazzjonali fejn biss dawk il-kuntratturi mistiedna mill-awtroitajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti] jistgħu jissottomettu offerti;

(g)      ‘proċeduri negozjati’ huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet ta’ kuntrattar jikkonsultaw kuntratturi tal-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed jew aktar minnhom;

[…]”

16      L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 93/37 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jaraw li l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti] jaqblu jew jasssiguraw li jkun hemm qbil ma’ din id-Direttiva meta huma jissussidjaw direttament b’aktar minn 50 % kuntratt tax-xogħlijiet mogħti minn entità apparti minnhom infushom.”

17      L-Artikolu 6(1), (4) u (6) tad-Direttiva 93/37 jistabbilixxi:

“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

(a)      kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi li l-valur stmat tagħhom nett mit-taxxa ta’ valur miżjud (VAT) ma jkunx inqas mill-ekwivalenti f’[EUR] ta’ 5000000 dritt speċjali ta’ ġbid (SDRs);

(b)      kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) li l-valur stmat tagħhom nett mill-VAT ma jkunx inqas minn [EUR] 5000000.

[…]

4.      L-ebda xogħol jew kuntratt ma jista’ jinqasam bl-intenzjoni li jevita l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

6.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kuntratturi varji.”

18      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/37 jipprovdi li, meta jingħataw kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri miftuħa u ristretti, ħlief fil-każijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3, li fihom huwa possibbli li tiġi applikata l-proċedura nnegozjata. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(3)(d) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-awtoritajiet ta’ kuntrattar jistgħu jagħtu l-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi tagħhom permezz ta’ proċedura innegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ l-avviż tal-kuntratt, fil-każi li ġejjin:

[…]

(d)      għal xogħlijiet addizzjonali mhux inklużi fil-proġett inizjalment meqjus jew fil-kuntratt għall-ewwel konkluż imma li, minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, isiru meħtieġa biex isir ix-xogħol deskritt hemmhekk, bil-kondizzjoni li l-għotja tkun magħmula lill-kuntrattur li qiegħed jagħmel dan ix-xogħol:

–        meta dawn ix-xogħlijiet ma jistgħux ikunu separati teknikament jew ekonomikament mill-kuntratt prinċipali mingħajr inkonvenjenza kbira għall-awtoritajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti], jew

–        meta xogħlijiet bħal dawn, għalkemm separabbli mill-attwazzjoni tal-kuntratt oriġinali, huma strettament meħtieġa għall-istadji ta’ wara tagħha.

Madankollu, l-ammont globali ta’ kuntratti mogħtija għal xogħlijiet addizzjonali ma jistax jaqbeż il-50 % ta’ l-ammont tal-kuntratt prinċipali.”

19      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 93/37 jistabbilixxi:

“Awtoritajiet ta’ kuntrattar [awtoritajiet kontraenti] għandhom jgħarrfu, permezz ta’ avviż indikattiv, il-karatteristiċi essenzjali tal-kuntratti tax-xogħlijiet li għandhom ħsieb jagħtu u l-estimi tal-valur li ma jkunx anqas mill-valur bażiku stabbilit fl-Artikolu 6(1).”

20      L-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 jiddefinixxi l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, skont il-paragrafi 1, 2 u 4 tal-imsemmija dispożizzjoni:

“1. Il-kriterji li fuqhom l-awtoritajiet ta’ kuntrattar [l-awtoritajiet kontraenti] għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti għandhom ikunu:

(a)      jew l-irħas prezz biss;

(b)      jew, meta l-għoti jsir lejn l-iktar offerta ekonomikament vantaġġjuża, diversi kriterji skond il-kuntratt: eż. prezz, perijodu biex jitlesta, spejjeż, profitabilità, meritu tekniku.

2. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 1(b), l-awtorità ta’ kuntrattar għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt il-kriterji kollha li beħsiebha tapplika għall-għoti, f’ordni dixxendenti meta possibbli.

[…]

4. Jekk, għal kuntratt partikolari, […] l-offerti jidhru li huma abnormalment baxxi b’relazzjoni max-xogħol, l-awtorità ta’ kuntrattar għandha, qabel ma tirrifjuta dawk l-offerti, titlob, bil-miktub, dettalji tal-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkonsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti billi tikkunsidra l-ispjegazzjonijiet li jkunu waslu.”

 Id-Direttiva 92/50

21      L-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi:

“2. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw jew jassiguraw konformità ma’ din id-Direttiva meta huma jissussidjaw direttament b’iktar minn 50 % kuntratt ta’ servizz mogħti minn entità barra minnhom infushom inkonnessjoni ma’ kuntratt tax-xogħol fis-sens ta’ l-Artikolu 1a(2) tad-Direttiva 71/305/KEE.”

22      L-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi:

“1. (a) Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:

–        kuntratti ta’ servizz pubbliku imsemmija fl-Artikolu 3(3), kuntratti ta’ servizz pubbliku li għandhom x’jaqsmu ma servizzi imsemmija fl-Anness I B, is-servizzi fil-kategorija 8 fl-Anness I A u s-servizzi ta’ telekomunikazzjoni fil-kategorija 5 ta’ l-Anness I A taħt ir-referenzi CPC 7524, 7525 u 7526, mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(b), fejn il-valur nett tat-taxxa miżjuda fuq il-valur (VAT) stmat ma jkux inqas minn 200000 [EUR],

[…]

3. Is-selezzjoni tal-metodu tal-valutazzjoni m’għandux jintuża bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, lanqas m’għandha ħtieġa ta’ akkwist għal ammont partikolari ta’ servizzi tinqasam bl-intenzjoni li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.”

23      L-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi:

“L-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jagħtu kuntratt ta’ servizz pubbliku bi proċedura negozjata miftuħa, jew ristretta jew taħt kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11, għandhom jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ notifika.”

24      L-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi:

“In-notifiki msemmija fl-Artikoli 15(2) u (3) għandhom jiġu ppubblikati kompletament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u fil-bank ta’ l-informazzjoni TED fil-lingwa oriġinali tagħhom. Sommarju ta’ l-elementi importanti ta’ kull notifika għandu jiġi ppubblikat fil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet, it-test fil-lingwa oriġinali biss ikun dak awtentiku.”

25      L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 92/50 jistabbilixxi:

“Fi proċeduri miftuħa l-limitu taż-żmien għall-irċevuta ta’ l-offerti għandu jkun iffissat mill-awtoritajiet kontraenti f’mhux inqas minn 52 jum mid-data ta’ meta tintbagħat in-notifika.”

26      Il-Kapitolu 3 tad-Direttiva 92/50 jiddefinixxi l-kriterji ta’ għoti ta’ kuntratti għal servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Skont l-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva:

“1. Mingħajr preġudizzju għal liġijiet nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi għar-rimunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, il-kriterji li fuqhom l-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti tal-kuntratti jistgħu jkunu:

(a)      meta l-għoti jsir lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, varji kriterji li jirrelataw għall-kuntratt: per eżempju, kwalità, mertu tekniku, karatteristiċi estetiċi u funzjonali, assistenza teknika u servizz ta’ wara l-bejgħ, data ta’ kunsinna, perjodu ta’ kunsinna jew perjodu tal-kompletazzjoni, prezz; jew;

(b)      l-iktar prezz baxx biss.

2. Meta l-kuntratt għandu jingħata lill-oferta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l-awtorità kontraenti għandha tiddikjara fid-dokumenti tal-kuntratt jew fin-notifika ta’ offerta il-kriterja ta’ l-għoti li hija jkollha l-intenzjoni tapplika, meta possibbli f’ordni dixxendenti ta’ importanza.”

27      Skont l-Artikolu 37 tad-Direttiva 92/50:

“Jekk, għal kuntratt partikolari, offerti jidhru li jkunu anormalment baxxi f’relazzjoni għas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-awtorità kontraenti għandha, qabel ma tiċħad dawk l-offerti, titlob bil-miktub dettalji ta’ l-elementi kostitwenti ta’ l-offerta li hija tikkunsidra relevanti u għandha tivverifika dawk l-elementi kostitwenti u tieħu kont ta’ l-ispjegazzjonijiet riċevuti.

L-awtorità kontraenti tista’ tieħu inkonsiderazzjoni spjegazzjonijiet li huma ġġustifikati fuq bażi oġġettiva inkluża l-ekonomija tal-metodu li bih jiġi pprovdut is-servizz, jew is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula, jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għad-dispożizzjonijiet tas-servizzi, jew l-oriġinalità tas-servizz propost mill-offerent.

Jekk id-dokumenti relatati mal-kuntratt jipprovdu għall-għoti tiegħu bl-iktar prezz baxx offert, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni ċ-ċaħda ta’ offerti li hija tikkunsidra li jkunu baxxi wisq.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-proġett u l-gruppi ta’ proġetti kkonċernati

 Il-proġett Andévalo

28      Permezz tad-deċiżjoni C (2001) 4113 tat-18 ta’ Diċembru 2001, emendata sussegwentement permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 3835 tal‑21 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni tat għajnuna abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġett b’numru ta’ referenza 2000.ES.16.C.PE.133 u intitolat “Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo” (iktar ’il quddiem, il-“proġett Andévalo”). Dan il-proġett kellu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna u ta’ provvista tal-ilma għall-muniċipalitajiet li jinsabu tul l-imsemmija xmara. L-ispiża pubblika totali jew ekwivalenti ammissibbli għal dan il-proġett kienet ġiet stabbilita għal EUR 11 419 216 u l-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni kienet ġiet stabbilita għal EUR 9 135 373.

29      Il-proġett Andévalo ġie implementat mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-kuntratti għal xogħlijiet segwenti:

–        il-kuntratt Nru 1, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C6 dwar il-parti Punent tal-Andévalo, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mogħti fil-5 ta’ Diċembru 2000 għall-ammont ta’ EUR 6 729 606.04, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 6 393 693.58;

–        il-kuntratt Nru 2, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C7 dwar il-parti Lvant tal-Andévalo, partijiet I, IV u VI, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fit-2 ta’ Frar 2000, għall-ammont ta’ EUR 2 286 142.95, VAT inkluża;

–        il-kuntratt Nru 3, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C8 dwar il-parti Lvant tal-Andévalo, partijiet II, III, V u VII, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fl-1 ta’ Diċembru 2000, għall-ammont ta’ EUR 2 461 997, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 2 491 978.77. Dan il-kuntratt kien is-suġġett ta’ anness konkluż direttament mal-parti kontraenti għall-ammont ta’ EUR 172 867.02, VAT inkluża.

30      Il-korp responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-proġett Andévalo kien id-Dirección General de Obras Hidráulicas de la Junta de Andalucía (Direttorat ġenerali għax-xogħlijiet idroliċi tal-Gvern ta’ Andalucía). Dan il-korp iddelega din il-funzjoni lill-kumpannija GIASA.

 Grupp ta’ proġetti Guadalquivir

31      Permezz tad-deċiżjoni C (2000) 4316 tad-29 ta’ Diċembru 2000, emendata sussegwentement permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 3417 tal-1 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni tat għajnuna abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġett b’numru ta’ referenza 2000.16.C.PE.066 u intitolat “Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (iktar ’il quddiem, il-“grupp ta’ proġetti Guadalquivir”). Dan il-grupp ta’ proġetti kellu bħala għan li jtejjeb l-ipproċessar tad-dranaġġ tul ix-xmara Guadalquivir skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26). L-ispiża pubblika totali jew ekwivalenti ammissibbli għal dan il-grupp ta’ proġetti kienet ġiet stabbilita għal EUR 40 430 000 u l-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni kienet ġiet stabbilita għal EUR 32 079 293.

32      Il-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kien jinkludi sitt proġetti, fosthom il-proġett Nru 1, intiż għall-kostruzzjoni ta’ fabbriki għall-ipproċessar tal-ilma mormi u dranaġġ fil-komuni ta’ Morón de la Frontera (Spanja), Arahal (Spanja) u Mairena-El Viso del Alcor (Spanja), u l-proġett Nru 2, intiż għall-kostruzzjoni ta’ kollettur tul il-Guadalquivir fiż-żona ta’ El Aljarafe.

33      Il-proġett Nru 1 ġie implementat mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-kuntratti għal xogħlijiet segwenti:

–        il-kuntratt Nru 1, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C9 dwar l-impjant ta’ purifikazzjoni ta’ ilma mormi ta’ Arahal, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fit-30 ta’ Jannar 2001 għal ammont ta’ EUR 2 695 754.97, VAT inkluża;

–        il-kuntratt Nru 2, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C10 dwar ix-xogħlijiet għall-irfinar ta’ kolletturi tal-impjant ta’ purifikazzjoni ta’ ilma mormi ta’ Arahal, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fil-5 ta’ Lulju 2002 għal ammont ta’ EUR 1 489 645.75, VAT inkluża;

–        il-kuntratt Nru 3, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C11 marbut mal-proġetti u max-xogħlijiet tal-impjant ta’ purifikazzjoni ta’ ilma mormi ta’ Morón de la Frontera, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fil-15 ta’ Diċembru 2000 għal ammont ta’ EUR 4 223 345.28, VAT inkluża;

–        il-kuntratt Nru 4, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C12 dwar il-kolletturi ta’ Morón de la Frontera, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fil-15 ta’ Diċembru 2000 għal ammont ta’ EUR 1 731 763.63, VAT inkluża;

–        il-kuntratt Nru 5, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C13 dwar il-kolletturi ta’ Mairena u El Viso del Alcor, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fit-18 ta’ Diċembru 2000 għal ammont ta’ EUR 1 839 563.07, VAT inkluża.

34      Il-proġett Nru 2 ġie implementat mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-kuntratti għal xogħlijiet segwenti:

–        il-kuntratt Nru 6, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C14 dwar it-tindif ta’ El Aljarafe u l-kolletturi tan-naħa tal-lemin tal-Guadalquivir, parti I, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fl-10 ta’ Diċembru 2001 għal ammont ta’ EUR 9 406 625.91, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntatt kien ta’ EUR 8 118 902.97;

–        il-kuntratt Nru 7, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C15 dwar it-tindif ta’ El Aljarafe u l-kolletturi tan-naħa tal-lemin tal-Guadalquivir, parti III, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fil-25 ta’ Ottubru 2002 għal ammont ta’ EUR 8 759 174.44, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntatt kien ta’ EUR 7 360 382.98;

–        il-kuntratt Nru 8, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C16 dwar it-tindif ta’ El Aljarafe u l-kolletturi tan-naħa tal-lemin tal-Guadalquivir, parti IV, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fl-20 ta’ Novembru 2002 għal ammont ta’ EUR 3 091 893.55, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntatt kien ta’ EUR 2 273 420.82.

35      Il-korp responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kien l-Agencia Andaluza del Agua de la Consejería de Medio Ambiente de la Junta de Andalucía (Aġenzija ta’ Andalucía tal-ilma tad-Dipartiment tal-Ambjent tal-Gvern ta’ Andalucía). Dan il-korp iddelega din il-funzjoni lill-kumpannija GIASA.

 Grupp ta’ proġetti Granada u Málaga

36      Permezz tad-deċiżjoni C (2001) 4689 tal-24 ta’ Diċembru 2002, emendata sussegwentement permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 3784 tas‑16 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni tat għajnuna abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni lill-grupp ta’ proġetti b’numru ta’ referenza 2002.ES.16.C.PE.061 u intitolat “Il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga” (iktar ’il quddiem, il-“grupp ta’ proġetti Granada u Málaga”). Dan il-grupp ta’ proġetti kellu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna u ta’ provvista tal-ilma għall-muniċipalitajiet li jinsabu fil-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga. L-ispiża pubblika totali jew ekwivalenti ammissibbli għal dan il-proġett kienet ġiet stabbilita għal EUR 22 406 817 u l-kontribuzzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni kienet ġiet stabbilita għal EUR 17 925 453.

37      Il-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga kien jinkludi sitt proġetti, fosthom il-proġetti Nru 3 u Nru 4, intiżi rispettivament għall-kostruzzjoni ta’ ringroad u għall-kostruzzjoni ta’ baċir li jirregola l-provvista tal-ilma għar-reġjun ta’ Antequera (Spanja), u l-proġett Nru 5, intiż għall-kostruzzjoni ta’ baċir li jirregola l-ilma u għall-kostruzzjoni ta’ xibka metallika għall-provvista tal-ilma tar-reġjun ta’ Axarquía.

38      Il-proġetti Nru 3 u Nru 4 ġew implementati mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-kuntratti għal xogħlijiet u għal servizzi segwenti:

–        il-kuntratt Nru 1, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C1 dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet għar-ringroad għall-provvista ta’ Antequera, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fis-26 ta’ Diċembru 2002 għal ammont ta’ EUR 5 100 083.94, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 4 922 173.86;

–        il-kuntratt Nru 2, jiġifieri l-kuntratt għal servizzi C2 dwar il-ħolqien tal-proġett u d-direzzjoni tax-xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ ringroad u ta’ baċir li jirregola l-ilma intiż għall-provvista ta’ Antequera, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fl-1 ta’ Lulju 2002 għal ammont ta’ EUR 349 708.28, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 347 136.30;

–        il-kuntratt Nru 3, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C3 dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet tal-baċir li jirregola l-ilma intiż għall-provvista ta’ Antequera, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fid-19 ta’ Mejju 2002 għal ammont ta’ EUR 3 632 124.71, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 3 514 731.79.

39      Il-proġett Nru 5 ġie implementat mill-awtoritajiet Spanjoli permezz tal-kuntratti għal xogħlijiet u għal servizzi segwenti:

–        il-kuntratt Nru 4, jiġifieri l-kuntratt għal xogħlijiet C4 dwar l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet marbuta mal-baċir Nru 1 tas-sistema ta’ provvista ta’ Axarquía u max-xibka metallika ta’ Velez-Malaga (Spanja), ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fl-20 ta’ Novembru 2003 għal ammont ta’ EUR 10 959 270, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 9 605 655.66;

–        il-kuntratt Nru 5, jiġifieri l-kuntratt għal servizzi C5 dwar il-ħolqien tal-proġett u d-direzzjoni tax-xogħlijiet marbuta mal-kostruzzjoni tal-baċir Nru 1 tas-sistema ta’ provvista ta’ Axarquía u x-xibka metallika ta’ Velez-Malaga, mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u mogħti fit-18 ta’ Novembru 2003 għal ammont ta’ EUR 341 043.97, VAT inkluża. Il-valur stmat mingħajr VAT ta’ dan il-kuntratt kien ta’ EUR 383 922.38, jiġifieri EUR 180 821.74 għall-ħolqien tal-proġett u EUR 203 100.64 għad-direzzjoni tax-xogħlijiet.

40      Il-korp responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-grupp ta’ proġetti kien id-Dirección General de Obras Hidráulicas de la Junta de Andalucía. Dan il-korp iddelega din il-funzjoni lill-kumpannija GIASA.

 Il-proċedura amministrattiva

41      Bejn it-13 u s-17 ta’ Settembru 2004, it-13 u s-17 ta’ Diċembru 2004 u l-25 u d-29 ta’ April 2005, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ verifika fi Spanja dwar, rispettivament, il-proġett Andévalo, il-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga.

42      Permezz tal-ittri tat-13 ta’ Mejju 2005, tal-15 ta’ Diċembru 2005 u tal-20 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli tliet rapporti li jidentifikaw ċerti irregolaritajiet ikkonstatati fil-kuntest tal-proġett u tal-gruppi ta’ proġetti vverifikati li jikkonċernaw il-ksur tar-regoli li jirregolaw l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu dawn ir-rapporti permezz tal-ittri tas-26 ta’ Lulju 2005, tat-3 ta’ Marzu 2006 u tad-19 ta’ April 2006.

43      Permezz tal-ittra tad-9 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat l-awtoritajiet Spanjoli li l-irregolaritajiet ikkonstatati kienu tqiesu bħala li seħħew u indikat l-intenzjoni tagħha li tibda proċedura ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet intermedjarji u l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu lill-Kummissjoni permezz tal-ittri tal-11 u tat-18 ta’ Mejju kif ukoll tad-29 ta’ Ottubru 2009.

44      Fl-10 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni organizzat seduta mal-awtoritajiet Spanjoli intiża biex jintlaħaq ftehim dwar il-kwistjonijiet ikkontestati. Matul din is-seduta, l-awtoritajiet Spanjoli talbu perijodu addizzjonali ta’ 15-il jum sabiex jipproduċu provi oħra dwar dan il-fajl. Fit-2 ta’ Diċembru 2009, l-awtoritajiet Spanjoli bagħtu d-dokumenti inkwistjoni.

45      Permezz tal-ittra tal-11 ta’ Frar 2010, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli l-verżjoni finali tal-minuti tas-seduta.

 Id-deċiżjoni kkontestata

46      Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2010) 4147 li tnaqqas l-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta’ Koeżjoni għal dawn il-(gruppi ta’) proġetti li ġejjin: “Il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali li jinsabu fil-Baċir Idrografiku tax-Xmara Guadiana: Reġjun ta’ Andévalo” (2000.ES.16.C.PE.133), “Tindif u purifikazzjoni tal-Baċir ta’ Guadalquivir: Guadaira, Aljarafe u EE NN PP tal-Guadalquivir” (2000.16.C.PE 066), “Il-provvista ta’ ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga” (2002.ES.16.C.PE.061) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li ġiet innotifikata lir-Renju ta’ Spanja fl-1 ta’ Lulju 2010.

47      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li sabet, matul il-missjonijiet ta’ verifika fuq il-post fi Spanja, ċerti irregolaritajiet li jikkonċernaw il-ksur, mill-awtoritajiet Spanjoli, ta’ regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. B’mod partikolari, hija qieset li ċerti kuntratti ppubblikati mill-kumpannija GIASA, dwar kemm il-proġett Andévalo kif ukoll il-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, kienu ngħataw b’mod partikolari bi ksur tal-Artikoli 6, 7, 11 u 30 tad-Direttiva 93/37, tal-Artikoli 7, 15, 18, 36 u 37 tad-Direttiva 92/50 u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità.

48      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu ddividew b’mod artifiċjali ċerti kuntratti pubbliċi li jikkorrispondu għal xogħol wieħed sabiex dawn ma jkunux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37 u għalhekk sabiex jiġi evitat l-obbligu li jiġi ppubblikat avviż ta’ kuntratt fil-Ġurnal Uffiċjali. Fil-fehma tagħha, din l-irregolarità tikkonċerna b’mod partikolari l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-proġett Andévalo, il-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga. Hija kkonstatat ukoll li, fid-dawl tal-ammont ta’ għoti tal-kuntratti Nru 2 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, kull wieħed minnhom kellu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

49      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-awtorità kontraenti kienet inkludiet fil-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti kollha inkwistjoni l-kriterju ta’ esperjenza fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA. Hija qieset, minn naħa, li l-inklużjoni ta’ dan il-kriterju ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwantu kienet tirrigwarda l-kapaċità tal-offerenti u mhux is-suġġett tal-kuntratt u għalhekk kienet tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Min-naħa l-oħra, hija qieset li l-fatt li hemm bżonn ta’ esperjenza fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA kien jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità. Barra minn hekk, hija kkontestat il-metodu msejjaħ “prezz medju”, użat għall-għoti ta’ punti fl-evalwazzjoni ekonomika magħmula matul il-fażi ta’ għoti tal-parti l-kbira tal-kuntratti inkwistjoni. Il-Kummissjoni qieset li dan il-metodu ma kienx konformi mal-leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni, sa fejn l-użu tiegħu seta’ jiffavorixxi, f’kundizzjonijiet ugwali għall-kriterji l-oħra, offerti iktar onerużi li jqarrbu lejn il-limitu ta’ “prezz medju” meta mqabbla ma’ offerti oħra inqas onerużi.

50      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Spanjoli talli użaw il-proċedura nnegozjata prevista fid-Direttiva 93/37 għall-għoti ta’ xogħol addizzjonali għal kuntratt pubbliku li kien diġà ngħata mingħajr pubblikazzjoni, għalhekk, qabel l-avviż ta’ kuntratt. Fil-fehma tagħha, l-awtoritajiet Spanjoli ma kienx irnexxielhom juru l-eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevisti li jippermettulhom jużaw tali proċedura skont l-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, b’tali mod li misshom għalhekk implementaw il-proċedura miftuħa. Hija llimitat din l-irregolarità għall-anness inkluż mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntratt Nru 3 marbut mal-proġett Andévalo wara l-għoti tiegħu.

51      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kkritikat lill-awtoritajiet Spanjoli talli pprovdew, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti mogħtija fil-kuntest tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, proċedura ta’ “pre-attribuzzjoni” li tikkonsisti fil-possibbiltà li l-kundizzjonijiet tal-imsemmija kuntratti jiġu nnegozjati mal-parti kontraenti saħansitra wara l-għoti tagħhom. Fil-fehma tagħha, din il-proċedura kienet tikser il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tista’ telimina l-effikaċja kollha tal-proċedura miftuħa li wasslet għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti.

52      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew, għall-kuntratti Nru 2 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, terminu insuffiċjenti għall-preżentazzjoni ta’ offerti, kuntrarjament għar-rekwiżiti tad-Direttiva 92/50.

53      Fid-dawl tal-irregolaritajiet ikkonstatati, il-Kummissjoni qieset li l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja kienet xierqa f’dan il-każ. Madankollu, hija qieset li, fil-kawża preżenti, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni li tikkonsisti fl-annullament tal-ispejjeż kollha tal-proġetti inkwistjoni kienet tkun sanzjoni sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-irregolaritajiet misjuba. Barra minn hekk, hija indikat li, peress li ma kienx possibbli jew vijabbli li l-ammont tal-ispejjeż irregolari jiġi kkwantifikat b’mod preċiż, kien xieraq li jiġu applikati korrezzjonijiet fuq bażi ta’ somma f’daqqa.

54      B’mod partikolari, fir-rigward tal-proġett Andévalo, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna totali kellha titnaqqas b’EUR 1 642 572.60 skont il-perċentwali ta’ korrezzjoni segwenti:

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratt Nru 3, minħabba d-diviżjoni indebita ta’ dan il-kuntratt u l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali;

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 1 u Nru 3, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji; madankollu, għall-kuntratt Nru 3, din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjoni indikata fl-inċiż preċedenti;

–        10 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratt Nru 2, li l-ammont tiegħu huwa inqas mil-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji;

–        25 % tal-valur iċċertifikat tal-anness tal-kuntratt Nru 3, minħabba l-għoti dirett irregolari ta’ dan tal-aħħar.

55      Fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna totali kellha titnaqqas b’EUR 3 837 074.52 skont il-perċentwali ta’ korrezzjoni segwenti:

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratt Nru 8, minħabba d-diviżjoni indebita ta’ dan il-kuntratt u l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali;

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji; madankollu, għall-kuntratt Nru 8, din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjoni indikata fl-inċiż preċedenti;

–        10 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 li l-ammont tagħhom huwa inqas mil-livell ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji.

56      Fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna totali kellha titnaqqas b’EUR 2 295 581.47, skont il-perċentwali ta’ korrezzjoni segwenti:

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 1 u Nru 3, minħabba d-diviżjoni indebita ta’ dawn il-kuntratti u l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali;

–        10 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 1, Nru 3 u Nru 4, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji, peress li, minkejja li għal dawn il-kuntratti ntuża l-kriterju irregolari ta’ “prezz medju”, il-kriterju irregolari u diskriminatorju tal-esperjenza ma ġiex applikat; madankollu, għall-kuntratti Nru 1 u Nru 3, din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjoni indikata fl-inċiż preċedenti;

–        10 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 1, Nru 3 u Nru 4, minħabba l-inklużjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti rispettivi ta’ proċedura ta’ “pre-attribuzzjoni” irregolari; madankollu din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjonijiet indikati fl-inċiż preċedenti;

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti Nru 2, u Nru 5, minħabba l-użu ta’ kriterji ta’ għoti irregolari u diskriminatorji;

–        25 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti għal servizzi Nru 2 u Nru 5, minħabba l-assenza ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ dawn il-kuntratti u l-inklużjoni fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratti rispettivi ta’ proċedura ta’ “pre-attribuzzjoni” irregolari; madankollu din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjonijiet indikati fl-inċiż preċedenti;

–        10 % tal-kontribuzzjoni mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-ammont ta’ spejjeż iċċertifikati ddikjarati għall-kuntratti għal servizzi Nru 2 u Nru 5, minħabba li ġie previst terminu insuffiċjenti għall-preżentazzjoni tal-offerti għall-imsemmija kuntratti; madankollu din il-korrezzjoni finanzjarja ġiet inkluża fil-korrezzjonijiet indikati fl-inċiż preċedenti.

57      L-ammont massimu tal-għajnuna mogħtija abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-proġett Andévalo, għall-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u għall-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga ġie stabbilit, rispettivament, għal EUR 7 260 394.79, EUR 28 242 218.48 u EUR 15 629 871.53.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

58      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Settembru 2010, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta din l-azzjoni.

59      Permezz tal-ittra tal-21 ta’ Settembru 2012, il-Qorti Ġenerali talbet b’mod partikolari lir-Renju ta’ Spanja li jipproduċi, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura taħt l-Artikolu 64(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, lista li tippreċiża, għal kull kuntratt pubbliku inkwistjoni, il-valur stmat tiegħu mingħajr VAT, l-ammont li għalih ingħata li jinkludi l-VAT u l-ammont li għalih ingħata li ma jinkludix VAT. Ir-Renju ta’ Spanja ssodisfa din it-talba fit-terminu stabbilit.

60      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

61      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Sunt tal-motivi għall-annullament

62      Insostenn tar-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jippreżenta tliet motivi, fejn l-aħħar wieħed tqajjem b’mod sussidjarju.

63      Permezz tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat korrezzjonijiet finanzjarji minħabba ksur tad-Direttiva 93/37, għalkemm l-ebda mill-kuntratti kkonċernati ma kien suġġett għal din id-direttiva. Permezz tat-tieni motiv, huwa jikkontesta li ċerti kuntratti dwar proġetti ffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni kienu s-suġġett ta’ diviżjoni li tmur kontra l-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva sabiex dawn ma jaqgħux taħt l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Permezz tat-tielet motiv, huwa jakkuża lill-Kummissjoni b’nuqqas ta’ trasparenza matul id-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji u bi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

64      Għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment jakkuża lill-Kummissjoni li kkonkludiet li ċerti kuntratti li implementaw il-proġetti kkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata kienu ngħataw bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37. Skont ir-Renju ta’ Spanja, dawn il-kuntratti jaqgħu lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-valur tal-kuntratti li għandhom jingħataw. Il-Kummissjoni twieġeb u tgħid li dawn il-kuntratti kienu s-suġġett ta’ diviżjoni artifiċjali mwettqa mill-awtoritajiet Spanjoli sabiex l-imsemmija kuntratti ma jkunux jaqgħu taħt ir-rekwiżiti previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Peress li r-risposta għal din l-aħħar domanda hija s-suġġett tat-tieni motiv imqajjem mir-Renju ta’ Spanja u għalhekk taffettwa l-evalwazzjoni tal-ewwel motiv, it-tieni motiv għandu jiġi deċiż l-ewwel, sussegwentement l-ewwel motiv u fl-aħħar nett it-tielet motiv.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ diviżjoni tal-kuntratti pubbliċi

65      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-proġett Andévalo, il-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Grenada u Málaga ġew diviżi b’mod artifiċjali mill-awtoritajiet Spanjoli bi ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37. Barra minn hekk, huwa jsostni li, sabiex tinsab l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni missha wriet ir-rieda tal-awtoritajiet Spanjoli li jevitaw, permezz ta’ din id-diviżjoni, l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għall-kuntratti pubbliċi kkonċernati.

66      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37, l-ebda xogħol u l-ebda kuntratt ma jista’ jinqasam sabiex l-imsemmi kuntratt jevita l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(ċ) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kelma “xogħol” bħala r-riżultat ta’ bini jew ta’ inġinerija ċivili intiżi sabiex huma stess jilħqu funzjoni ekonomika u teknika. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Renju ta’ Spanja kisirx l-Artikolu 6(4) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi vverifikat jekk l-għan tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni jikkostitwixxix l-istess xogħol wieħed fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tal-istess direttiva.

67      Skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37 għandha tiġi evalwata meta mqabbla mal-funzjoni ekonomika u teknika tar-riżultat tax-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti pubbliċi kkonċernati (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑16/98, Ġabra p. I‑8315, punti 36, 38 u 47; tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑187/04 u C‑188/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27; tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et, C‑220/05, Ġabra p. I‑385, punt 41, u tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑574/10, punt 37).

68      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex ir-riżultat ta’ xogħlijiet distinti jkun jista’ jitqies li huwa xogħol fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37, huwa biżżejjed li dawn jissodisfaw jew l-istess funzjoni ekonomika jew l-istess funzjoni teknika (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 67 iktar ’il fuq, punt 29). Il-konstatazzjoni ta’ identità ekonomika jew ta’ identità teknika hija għalhekk alternattiva u mhux kumulattiva kif jallega r-Renju ta’ Spanja.

69      Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, it-tnedija fl-istess ħin tal-kuntratti kkontestati, ix-xebh tal-avviżi ta’ kuntratt, l-unità tal-kuntest ġeografiku li fih il-kuntratti huma mnedija u l-eżistenza ta’ awtorità kontraenti waħda jikkostitwixxu wkoll indizzji addizzjonali li jsostnu li dawn il-kuntratti ta’ xogħlijiet distinti jikkorrispondu fir-realtà għal xogħol uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 67 iktar ’il fuq, punt 65).

70      F’din il-kawża, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kuntratti marbuta mal-proġett Andévalo u mal-gruppi ta’ proġetti Guadalquivir u Grenada u Málaga kienu jissodisfaw l-istess u l-identika funzjoni teknika jew ekonomika u li għalhekk jikkostitwixxu l-istess xogħol wieħed li ma setax jiġi diviż f’kuntratti pubbliċi distinti (premessi 66, 97 u 122 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija qieset li, fit-tliet każijiet, il-viċinanza fiż-żmien tal-avviżi ta’ kuntratti, ix-xebh bejniethom u l-eżistenza ta’ entità kontraenti waħda u li hija l-istess, kienu jikkostitwixxu provi addizzjonali insostenn tal-kunsiderazzjoni li tipprovdi li l-għanijiet tal-kuntratti inkwistjoni kienu jikkorrispondu għal xogħol uniku (premessi 67, 98, 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-oġġezzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja.

72      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proġett Andévalo, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment isostni li l-imsemmi proġett huwa kkostitwit minn numru ta’ “partijiet” distinti, li ma humiex interdipendenti, intiżi sabiex jipprovdu ilma lil żoni ġeografiċi differenti. Għal din ir-raġuni, ix-xogħlijiet ikkonċernati mit-tliet kuntratti pubbliċi li jimplementaw dan il-proġett ma jistgħux jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-istess unità teknika jew ekonomika.

73      Dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja ma jistax jintlaqa’.

74      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-proġett Andévalo kien kompost minn “partijiet” differenti, id-deskrizzjoni ta’ dan il-proġett ipprovduta fid-Deċiżjoni C (2001) 4113, u li ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mir-Renju ta’ Spanja, turi, minn naħa, li l-imsemmi proġett kien jipprovdi għall-kostruzzjoni ta’ network wieħed ta’ pajpijiet u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar kienu ser ikunu konnessi mal-istess impjant ċentrali msemmi “Nudo Norte”. Għalhekk, il-“partijiet” differenti tal-proġett kienu intiżi biex jissodisfaw, flimkien, l-istess funzjoni ekonomika u teknika, jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ ilma li jinxtorob għall-istess żona residenzjali mill-punt ta’ proviżjoni wieħed. Din il-konklużjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-fatt li t-tliet kuntratti pubbliċi li jimplementaw il-proġett Andévalo (ara l-punt 29 iktar ’il fuq) kellhom bħala għan il-kostruzzjoni tal-istess u tal-uniku netwerk ta’ pajpijiet.

75      It-tieni nett, l-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 67 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li netwerk ta’ distribuzzjoni ta’ elettriku li jinsab fid-dipartiment Franċiż ta’ Vendée, meqjus kollu flimkien, kien jissodisfa l-istess funzjoni ekonomika u teknika, jiġifieri t-trasportazzjoni u l-bejgħ lill-konsumaturi tal-enerġija elettrika. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li x-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti pubbliċi kkonċernati f’din il-kawża kienu jifformaw parti minn xogħol uniku (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 67 iktar ’il fuq, punti 64 u 66).

76      Issa, dan ir-raġunament japplika għall-każ ta’ netwerk ta’ pajpijiet ta’ ilma bħal f’din il-kawża. Fil-fatt, il-funzjoni tax-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti pubbliċi inkwistjoni tikkonsisti, bħal fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 67 iktar ’il fuq, fit-trasportazzjoni ta’ beni ta’ utilità pubblika f’żona ġeografika konkreta u, għalkemm dan in-netwerk ta’ distribuzzjoni huwa intiż sabiex jipprovdi ilma lil diversi muniċipalitajiet, dan ma jimpedixxix li jiġi konkluż, meta meħud kollu flimkien, li huwa jissodisfa l-istess funzjoni ekonomika u teknika. Barra minn hekk, raġunament simili ġie segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 67 iktar ’il fuq, dwar il-kostruzzjoni ta’ żewġ konnessjonijiet ta’ awtostradi. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ix-xogħlijiet kollha ta’ inġinerija ċivili marbuta ma’ din il-kostruzzjoni għandhom jitqiesu bħala li jifformaw parti mill-istess xogħol sa fejn huma intiżi, meta meħuda flimkien, li jagħqdu flimkien bosta komuni milquta minn problemi ta’ traffiku (sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, punt 67 iktar ’il fuq, punt 27).

77      It-tielet nett, għandu qabelxejn jiġi rrilevat, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm viċinanza fiż-żmien evidenti bejn l-għoti tal-kuntratt Nru 1 marbut mal-proġett Andévalo u dak marbut mal-kuntratt Nru 3 dwar l-istess proġett, b’differenza ta’ biss erbat ijiem bejn wieħed u l-ieħor. Iktar minn hekk, il-kuntratti jirreferu għall-istess reġjun, jiġifieri Andévalo, b’tali mod li d-diviżjoni ta’ dan tal-aħħar f’żewġ partijiet, jiġifieri l-parti tal-Lvant ta’ Andévalo u l-parti tal-Punent ta’ Andévalo, ma tistax titqies li hija biżżejjed biex jiġi konkluż li hemm żewġ żoni ġeografiċi distinti. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija kuntratti ngħataw mill-istess awtorità kontraenti, jiġifieri l-kumpannija GIASA. Għalkemm dawn l-aħħar elementi waħedhom ma humiex deċiżivi fir-rigward tal-eżistenza ta’ xogħol uniku, huma jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq, indizzji addizzjonali li jiġġustifikaw li f’din il-kawża tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ xogħol wieħed.

78      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li x-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-proġett Andévalo kienu jifformaw parti mill-istess xogħol wieħed fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37.

79      It-tieni nett, fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, b’mod partikolari, li x-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta ma’ dan il-grupp ta’ proġetti ma kinux jikkostitwixxu xogħol fis-sens tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għaliex huma kienu amministrati minn entitajiet differenti u kienu jikkonċernaw ċentri residenzjali li ġeografikament jinsabu ’l bogħod.

80      F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, bħalma ġie indikat għall-proġett Andévalo, mid-deskrizzjoni tal-proġett Nru 2 stabbilit fid-Deċiżjoni C (2000) 4316 jirriżulta li l-imsemmi proġett kien jirrigwarda l-kostruzzjoni ta’ “partijiet” differenti tal-istess netwerk ta’ ilma mormi, li kienu konnessi mal-istess impjant ta’ purifikazzjoni jew kollettur. Il-kuntratti ta’ xogħol marbuta ma’ dan il-proġett kienu għalhekk jirreferu għall-istess netwerk, li l-“partijiet” tagħhom ma kinux indipendenti waħda mill-oħra. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif il-Kummissjoni kkonstatat (premessa 97 tad-deċiżjoni kkontestata), li l-imsemmija “partijiet”, meta meħuda flimkien, kienu intiżi sabiex jissodisfaw l-istess funzjoni teknika jew ekonomika, li kienet tikkonsisti fl-ipproċessar u fil-purifikazzjoni ta’ ilma mormi fl-istess impjant ta’ purifikazzjoni sabiex dan ikun jista’ jintrema’ sussegwentement fil-Guadalquivir.

81      It-tieni nett, għalkemm ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kuntratti pubbliċi inkwistjoni kienu jikkonċernaw ċentri residenzjali differenti, għandu jiġi madankollu kkonstatat li x-xogħlijiet ikkonċernati minn dawn il-kuntratti kellhom iseħħu f’żona ġeografika waħda, jiġifieri El Aljarafe. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, għalkemm dawn il-kuntratti jistgħu jirreferu għal operazzjonijiet imwettqa f’postijiet differenti, dan xorta ma jeliminax il-possibbiltà li jitqiesu li huma l-istess xogħol. Dan huwa l-każ meta dawn l-operazzjonijiet jitwettqu fl-istess żona ġeografika (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali F. Jacobs għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, punt 67 iktar ’il fuq, punt 72).

82      It-tielet nett, bħalma ġie stabbilit għall-proġett Andévalo fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-viċinanza fiż-żmien tal-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, u l-eżistenza ta’ awtorità kontraenti waħda għal dawn il-kuntratti kollha jikkostitwixxu indizzji addizzjonali favur l-argument li l-kuntratti kienu jikkorrispondu għal xogħol uniku.

83      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li x-xogħlijiet ikkonċernati mill-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kienu jifformaw parti mill-istess xogħol wieħed fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37.

84      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti jikkorrispondu għall-proġetti differenti skont id-deċiżjoni dwar approvazzjoni tal-għajnuna abbażi tal-Fond ta’ Koeżjoni.

85      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga jikkorrispondu għall-kostruzzjoni ta’ bypass fil-forma ta’ ċirku għall-provvista ta’ ilma għall-Antequera u ta’ impjant li jsostni din il-bypass fil-forma ta’ ċirku. L-argument tar-Renju ta’ Spanja li jipprovdi li dawn ix-xogħlijiet huma indipendenti ma jistax jintlaqa’. Bil-kontra, dawn jissodisfaw funzjoni ekonomika u teknika unika, jiġifieri l-provvista ta’ ilma li jinxtorob fl-istess żona ġeografika.

86      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat, kif il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kuntratti għal xogħlijiet Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga ġew issostanzjati mill-kuntratt Nru 2, li għandu bħala għan servizzi intiżi għall-ħolqien tal-proġett u għad-direzzjoni tax-xogħlijiet kemm tar-ringroad kif ukoll tal-baċir li jirregola l-provvista ta’ Antequerra (ara l-punt 38, iktar ’il fuq), fatt li juri li ż-żewġ kuntratti kienu jifformaw parti mill-istess xogħlijiet.

87      It-tielet nett, l-intervall qasir bejn il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ kuntratt għall-kuntratti Nru 1 u Nru 3, fejn l-ewwel wieħed ġie ppubblikat fid-29 ta’ Ġunju 2002 u t-tieni fis-16 ta’ Lulju 2002, kif ukoll l-eżistenza ta’ awtorità kontraenti waħda jikkostitwixxu indizzji addizzjonali tal-fatt li x-xogħlijiet ikkonċernati mill-imsemmija kuntratti jikkorrispondu għal xogħol wieħed.

88      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li x-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti Nru 1, u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga jifformaw parti mill-istess xogħol wieħed fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-argumenti eżaminati fil-punti 72 sa 88 iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-evalwazzjonijiet esposti fir-rapport tekniku anness mar-rikors juru li l-kuntratti inkwistjoni ma kinux jirrigwardaw xogħlijiet li jifformaw parti minn xogħol fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37.

90      Issa, l-evalwazzjonijiet esposti fl-imsemmi rapport ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-konklużjonijiet esposti fil-punti 78, 83 u 88 iktar ’il fuq.

91      Fil-fatt, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li r-rapport janalizza l-aspetti purament tekniċi, mingħajr ma janalizza fil-fond parametri oħra li huma wkoll rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ xogħol. Fil-fatt, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rapport jikkonċerna biss il-funzjoni teknika u ma jikkunsidrax il-funzjoni ekonomika tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni.

92      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rapport tekniku sempliċement jiddeskrivi tekniki differenti ta’ kull parti tax-xogħlijiet meqjusa b’mod individwali sabiex jiġi konkluż li hemm funzjoni differenti bejniethom. Issa, dan ma jippermettix li jitqiegħdu inkwistjoni l-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 72 sa 88 iktar ’il fuq li jipprovdu li l-partijiet differenti tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni huma interdipendenti u li, meqjusa kollha flimkien, jissodisfaw l-istess funzjoni teknika u ekonomika.

93      Għalhekk, ir-rapport tekniku għandu jitqies bħala li ma jurix li x-xogħlijiet ikkonċernati mill-kuntratti kkontestati kienu jikkorrispondu għal xogħlijiet differenti.

94      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni, sabiex tikkonstata ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37, missha pprovat l-eżistenza ta’ element suġġettiv, jiġifieri l-intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jiddividu l-kuntratti inkwistjoni sabiex dawn ma jkunux jaqgħu taħt l-obbligi tal-istess direttiva. Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

95      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-konstatazzjoni ta’ diviżjoni ta’ kuntratt li jikser il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jippreżumix li tintwera l-intenzjoni suġġettiva li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 67 iktar ’il fuq, punt 49). Peress li tali konstatazzjoni kienet, fil-każ inkwistjoni, ġiet stabbilita, ma huwiex rilevanti li l-ksur jirriżulta jew le mir-rieda tal-Istat Membru li huwa imputabbli, għan-negliġenza tiegħu jew inkella għad-diffikultajiet tekniċi li dan tal-aħħar kellu jaffronta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑71/97, Ġabra p. I‑5991, punt 15). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kemm fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza kif ukoll fis-sentenza Auroux et, punt 67 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx bħala meħtieġ, sabiex tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37, li l-Kummissjoni turi bil-quddiem, l-intenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li, permezz ta’ diviżjoni tal-kuntratt, jevita l-obbligi previsti fl-imsemmija direttiva.

96      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset fid-deċiżjoni kkontestata li x-xogħlijiet ikkonċernati mill-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-proġett Andévalo, dawk ikkonċernati mill-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u dawk ikkonċernati mill-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga kienu jikkostitwixxu rispettivament xogħol uniku, b’tali mod li l-fatt li l-għoti tal-imsemmija kuntratti twettaq separatament jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37.

97      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni ta’ korrezzjonijiet finanzjarji minħabba ksur tad-Direttiva 93/37 għal kuntratti li ma humiex irregolati mill-imsemmija direttiva u fuq l-osservanza tal-prinċipji u tad-dispożizzjonijiet applikabbli

98      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni inġustament qieset li l-kuntratti pubbliċi inkwistjoni kienu kisru d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37, għalkemm dawn ma kinux suġġetti għall-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva. Dan kien jirrigwarda b’mod partikolari l-kuntratt pubbliku Nru 3 marbut mal-proġett Andévalo, il-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4, Nru 5 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga. Barra minn hekk, huwa jżid jgħid li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, il-kuntratti pubbliċi li ma kinux suġġetti għad-Direttiva 93/37 kienu osservaw il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

99      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 93/37 jistabbilixxi li din id-direttiva tapplika għal kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li l-valur stmat tagħhom mingħajr VAT huwa daqs jew iktar minn EUR 5 miljun ta’ dritt speċjali ta’ ġbid. Għalhekk, huma biss il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet li l-valur stmat tagħhom mingħajr VAT huwa daqs jew iktar minn dan l-ammont li huma kkonċernati mill-imsemmija direttiva.

100    F’din il-kawża, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk il-valur stmat mingħajr VAT tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni laħaqx il-livell previst fid-Direttiva 93/37.

101    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 96 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-awtoritajiet Spanjoli kienu qasmu b’mod artifiċjali l-għoti tal-kuntratt Nru 3 mill-kuntratt Nru 1 fil-kuntest tal-proġett Andévalo, l-għoti tal-kuntratt Nru 8 mill-kuntratti Nru 6 u Nru 7 fil-kuntest tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-għoti tal-kuntratti Nru 1 u Nru 3 fil-kuntest tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga. Minn dan isegwi li dawn il-kuntratti jikkostitwixxu rispettivament l-istess xogħol wieħed b’tali mod li, sabiex jiġi ddeterminat jekk jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, hemm bżonn li jiġi inkluż, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva u fuq il-bażi ta’ data mibgħuta mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), il-valur stmat mingħajr VAT ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti u li jiġi għalhekk ivverifikat jekk l-ammont finali huwiex daqs jew iktar minn EUR 5 miljun.

102    L-ewwel nett, fir-rigward tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet li, fil-kuntest tal-proġett Andévalo, ġie diviż f’żewġ kuntratti distinti, jiġifieri l-kuntratti Nru 1 u Nru 3, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-valur stmat mingħajr VAT ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, jiġifieri rispettivament EUR 6 393 639.58 u EUR 2 491 978.77, huwa ta’ EUR 8 885 618.35. Peress li l-valur stmat mingħajr VAT tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet qabeż l-EUR 5 miljun, il-kuntratt inkwistjoni kien għalhekk jaqa’ taħt id-Direttiva 93/37.

103    It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet li, fil-kuntest tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir ġie diviż fi tliet kuntratti distinti, jiġifieri l-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-valur stmat mingħajr VAT ta’ dawn it-tliet kuntratti, jiġifieri rispettivament EUR 8 118 902.97, EUR 7 360 382.98 u EUR 2 273 420.82 huwa ta’ EUR 17 752 706.77. Peress li l-valur stmat mingħajr VAT tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet qabeż l-EUR 5 miljun, il-kuntratt inkwistjoni kien għalhekk jaqa’ taħt id-Direttiva 93/37.

104    It-tielet nett, fir-rigward tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet li, fil-kuntest tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, ġie diviż f’żewġ kuntratti distinti, jiġifieri l-kuntratti Nru 1 u Nru 3, għandu jiġi kkonstatat li l-ammont tal-valur stmat mingħajr VAT ta’ dawn iż-żewġ kuntratti, jiġifieri rispettivament EUR 4 922 173.86 u EUR 3 514 731.79, kien ta’ EUR 8 436 905.65. Peress li l-valur stmat mingħajr VAT tal-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet qabeż l-EUR 5 miljun, il-kuntratt inkwistjoni kien għalhekk jaqa’ taħt id-Direttiva 93/37.

105    Minn dan isegwi li l-argument tar-Renju ta’ Spanja, li jipprovdi li l-kuntratt Nru 3 marbut mal-proġett Andévalo, il-kuntratt Nru 8 marbut mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga ma kinux jilħqu l-ammont previst fid-Direttiva 93/37 u għalhekk ma kinux jaqgħu taħtha, ma jistax jintlaqa’.

106    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud inkwantu jirrigwarda l-kuntratt Nru 3 marbut mal-proġett Andévalo, il-kuntratt Nru 8 marbut mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbut mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga.

107    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntratti li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, jiġifieri l-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo u l-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, u b’mod partikolari l-kwistjoni dwar jekk dawn osservawx il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet li kienu japplikaw għalihom, għandu preliminarjament jitfakkar li, skont l-Artikolu H(1)(b) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ korrezzjoni finanzjarji meta hija ssib irregolarità f’dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Fond ta’ Koeżjoni u li l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ħa l-miżuri korrettivi.

108    Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94 essenzjalment jistabbilixxi li l-proġetti ffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-atti adottati abbażi tagħhom.

109    Skont il-ġurisprudenza, il-proċeduri partikolari u rigorużi previsti mid-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi japplikaw biss għall-kuntratti li l-valur tagħhom jaqbeż il-livell previst b’mod espliċitu f’kull waħda mill-imsemmija direttivi (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C‑59/00, Ġabra p. I‑9505, punt 19). Għalhekk, ir-regoli ta’ dawn id-direttivi ma japplikawx għall-kuntratti li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-livell stabbilit mill‑imsemmija direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑412/04, Ġabra p. I‑619, punt 65).

110    Dan ma jfissirx madankollu li dawn il-kuntratti tal-aħħar huma esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (digriet Vestergaard, punt 109 iktar ’il fuq, punt 19). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti li, minħabba l-valur tagħhom, ma humiex suġġetti għall-proċeduri previsti mir-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l‑awtoritajiet kontraenti huma madankollu marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, Ġabra p. I‑10745, punt 60; id-digriet Vestergaard, punt 109 iktar ’il fuq, punti 20 u 21; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑264/03, Ġabra p. I‑8831, punt 32, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Medipac‑Kazantzidis, C‑6/05, Ġabra p. I‑4557, punt 33).

111    Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tat-Trattati għall-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti b’valur inqas mil-livell meħtieġ għall-applikazzjoni tad-direttivi tippresupponi li l-kuntratti inkwistjoni jkollhom interess transkonfinali ċert (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Novembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑507/03, Ġabra p. I‑9777, punt 29, u tal‑21 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 109 iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

112    F’din il-kawża, għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk il-proġetti inkwistjoni kellhomx interess transkonfinali ċert u, wara, jekk dan ikun il-każ, jekk il-kuntratti inkwistjoni li permezz tagħhom dawn ġew implementati osservawx il-prinċipji ġenerali tat-Trattat.

113    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-proġetti inkwistjoni kellhomx interess transkonfinali, għandu jiġi kkonstatat li f’dan ir-rigward ir-Renju ta’ Spanja ma jressaq ebda argument kuntrarju.

114    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li kemm il-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo kif ukoll il-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kellhom interess transkonfinali ċert. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont il-ġurisprudenza, kriterji oġġettivi bħal, b’mod partikolari, l-ammont kunsiderevoli tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jistgħu jindikaw l-eżistenza ta’ tali interess. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli wkoll li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ dan l-interess fil-każ, pereżempju, tal-interess ekonomiku żgħir ħafna tal-kuntratt inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 20 u tal-15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso, C‑147/06 u C‑148/06, Ġabra p. I‑3565).

115    Issa, f’din il-kawża, fid-dawl tal-valur stmat mingħajr VAT kemm tal-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo kif ukoll ta’ kull wieħed mill-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir (ara l-punti 29 u 33 iktar ’il fuq) kif ukoll il-viċinanza tax-xogħlijiet mal-fruntiera Portugiża, dawn il-kuntratti kollha setgħu jattiraw l-interess ta’ operaturi stabbiliti fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari dawk stabbiliti fil-Portugall fid-dawl tal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, u mhux biss tal-operaturi lokali.

116    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratti msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq kellha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 110 iktar ’il fuq, tosserva l-prinċipji ġenerali tat-Trattat sabiex tiggarantixxi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwa għall-operaturi ekonomiċi kollha interessati minn dawn il-kuntratti.

117    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Spanjoli osservawx l-obbligi imposti fuqhom f’dak li jirrigwarda l-kuntratti msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Spanjoli kienu, b’mod partikolari, kisru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għaliex użaw, bħala kriterju ta’ għoti, il-kriterju tal-esperjenza fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA. Min-naħa tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li tali evalwazzjoni hija żbaljata.

118    Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 40 u 94 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kriterji li l-legalità tagħhom hija mqiegħeda inkwistjoni f’din il-kawża huma, għall-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo, il-kriterju tal-“esperjenza fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA” u, għall-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir il-kriterju tal-“kwalità u tat-terminu ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet matul l-aħħar ħames snin fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA”. Sa fejn il-kontenut ta’ dawn il-kriterji huma identiċi, huma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ analiżi komuni.

119    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mit-Trattat FUE, u b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali, jeżiġu mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi jew tfixkel b’mod ieħor l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi analogi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 1991, Säger, C‑76/90, Ġabra p. I‑4221, punt 12).

120    F’din il-kawża, il-kriterji użati għall-għoti tal-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo u l-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir li jieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenza tal-offerenti inkwistjoni fi Spanja biss, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA jistgħu jagħtu vantaġġ lil ċerti offerenti meta mqabbla ma’ oħra u għalhekk jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-każ ta’ impriża li ma tkunx ħadmet fi Spanja, f’Andalucía jew saħansitra ma kkollaboratx mal-kumpannija maħtura mill-awtoritajiet Spanjoli, l-esperjenza tagħha fil-qasam imsemmi mill-kuntratti pubbliċi inkwistjoni mhux ser tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-offerta tagħha tiġi evalwata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn il-kriterji ta’ għoti għandhom l-effett li jiffavorixxu l-offerti ta’ offerenti lokali u jippenalizzaw offerti ta’ operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħra, li għalihom huwa iktar diffiċli li tintwera l-esperjenza meħtieġa, minkejja li dan ma huwiex, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, diskriminazzjoni diretta.

121    Għalhekk għandu jiġi konkluż li, billi applikat il-kriterju tal-esperjenza fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA għall-għoti tal-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo u tal-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, l-awtoritajiet Spanjoli kisru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u li, għalhekk, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux osservaw il-prinċipji ġenerali Ewropej applikabbli għall-għoti ta’ dawn il-kuntratti pubbliċi.

122    Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ trasparenza meta ġew iddeterminati l-korrezzjonijiet finanzjarji u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

123    Ir-Renju ta’ Spanja jakkuża lill-Kummissjoni li ma ddeterminax b’mod trasparenti l-ammont ta’ kull korrezzjoni finanzjarja u li kisret, matul dan l-iffissar, il-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94. B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa jsostni li l-Kummissjoni ma osservatx il-linji gwida tal-2002 peress li din tal-aħħar akkumulat ċerti mill-korrezzjonijiet applikati. Barra minn hekk, huwa jqis li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kienu eliminaw il-kriterji ta’ għoti kkontestati mill-kuntratti pubbliċi li ġew wara hekk kif huma saru jafu bin-natura irregolari tagħhom.

124    Preliminarjament, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 96 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-awtoritajiet Spanjoli kienu qasmu b’mod artifiċjali l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 tal-proġett Andévalo, il-kuntratti pubbliċi Nru 6, Nru 7 u Nru 8 tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga. L-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest ta’ dan il-motiv li jipprovdi li huwa rnexxielu juri l-kuntrarju għandu għalhekk jiġi miċħud. Barra minn hekk, sa fejn il-kuntratt Nru 3 marbut mal-proġett Andévalo, il-kuntratt Nru 8 marbut mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, huma misshom kienu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

125    It-tieni nett, kif jirriżulta mill-punt 121 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li l-kriterju tal-esperjenza miksuba fi Spanja, f’Andalucía u mal-kumpannija GIASA inkwantu kriterju ta’ għoti għall-kuntratt Nru 2 marbut mal-proġett Andévalo u għall-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir kien irregolari u diskriminatorju.

126    It-tielet nett, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li jipprovdu li l-kriterji tal-esperjenza u tal-prezz medju jikkostitwixxu kriterji irregolari u diskriminatorji li jivvizzjaw l-għoti tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni. Din l-irregolarità tikkonċerna l-għoti tal-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-proġett Andévalo, il-kuntratti Nru 6, Nru 7 u Nru 8 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir u l-kuntratti Nru 1, Nru 3 u Nru 4 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga.

127    Ir-raba’ nett, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, ma kkontestax il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata f’dak li jikkonċerna l-ksur l-ieħor tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonstatat mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti Nru 2 u Nru 5 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, ir-Renju ta’ Spanja ma kkontestax l-ilmenti dwar id-diviżjoni indebita tal-kuntratti, in-nuqqas ta’ pubbliċità fil-Ġurnal Uffiċjali kif ukoll l-għoti ta’ terminu insuffiċjenti għall-preżentazzjoni tal-offerti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-għoti tal-kuntratti Nru 1, Nru 3 u Nru 4 marbuta mal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, ir-Renju ta’ Spanja ma kkontestax l-ilment dwar l-iffissar tal-proċedura irregolari ta’ “pre-attribuzzjoni” għall-għoti tal-kuntratti.

128    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kisritx il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità meta stabbilixxiet il-korrezzjonijiet finanzjarji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-irregolaritajiet kollha kkontestati fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 33, 34 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata). B’mod partikolari, huwa kkonċernat il-ksur segwenti.

129    Fir-rigward tal-proġett Andévalo, il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni huwa s-segwenti:

–        l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħata l-kuntratt Nru 1 marbut mal-imsemmi proġett, għaliex dan kien jistabbilixxi kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni meta ngħata l-kuntratt Nru 2 marbut mal-imsemmi proġett, għaliex dan il-kuntratt, li kien taħt il-livell li abbażi tiegħu tapplika d-Direttiva 93/37, kien jistabbilixxi kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 7(3)(d), l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħata l-kuntratt Nru 3 marbut mal-imsemmi proġett, għaliex dan il-kuntratt ġie indebitament diviż mill-kuntratt Nru 1, ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, ġie emendat permezz tal-użu tal-proċedura nnegozjata għall-għoti u kien jistabbilixxi kriterji diskriminatorji u irregolari.

130    Fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Guadalquivir, il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni huwa s-segwenti:

–        il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni meta ngħataw il-kuntratti Nru 1, Nru 2, Nru 4 u Nru 5 marbuta mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dawn il-kuntratti, li kienu taħt il-livell li abbażi tiegħu tapplika d-Direttiva 93/37, kienu jistabbilixxu kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħataw il-kuntratti Nru 6 u Nru 7 marbuta mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dawn kienu jistabbilixxu kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħata l-kuntratt Nru 8 marbut mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dan il-kuntratt ġie indebitament diviż mill-kuntratti Nru 6 u Nru 7, ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali u kien jistabbilixxi kriterji diskriminatorji u irregolari.

131    Fir-rigward tal-grupp ta’ proġetti Granada u Málaga, il-ksur ikkonstatat mill-Kummissjoni huwa s-segwenti:

–        l-Artikolu 6(4), l-Artikolu 11(1), l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħataw il-kuntratti Nru 1 u Nru 3 marbuta mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dawn il-kuntratti huma s-suġġett ta’ diviżjoni artifiċjali maħluqa minn kuntratt pubbliku li ġie indebitament diviż, ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u kienu jistabbilixxu proċedura irregolari ta’ “pre-attribuzzjoni” kif ukoll kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        l-Artikolu 7(4), l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 30 tad-Direttiva 93/37 meta ngħata l-kuntratt Nru 4 marbut mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dan il-kuntratt kien jistabbilixxi proċedura irregolari ta’ “pre-attribuzzjoni” kif ukoll kriterji diskriminatorji u irregolari;

–        l-Artikolu 7(3), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 18(1), l-Artikolu 36 u l-Artikolu 37 tad-Direttiva 92/50 meta ngħataw il-kuntratti Nru 2 u Nru 5 marbuta mal-imsemmi grupp ta’ proġetti, għaliex dawn il-kuntratti ma ġewx ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali u kienu jistabbilixxu kriterji diskriminatorji u irregolari.

132    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu H(2)(b) u l-Artikolu H(3) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu korrezzjonijiet finanzjarji għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Billi tistabbilixxi l-ammont tal-korrezzjoni, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-irregolarità jew tal-emenda u tal-portata tal-impatt finanzjarju potenzjali tan-nuqqasijiet eventwali tas-sistemi ta’ ġestjoni jew ta’ kontroll.

133    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, T‑308/05, Ġabra p. II‑5089, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jerġa’ jitfakkar li l-ksur ta’ obbligi li l-osservanza tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema Komunitarja jista’ jkun issanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-dritt għall-għajnuna finanzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Settembru 2002, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, T‑199/99, Ġabra p. II‑3731, punti 134 u 135, u tal-19 ta’ Novembru 2008, Il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑404/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 89, u l-ġurisprudenza ċċitata).

135    Fir-rigward tal-Fond ta’ Koeżjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12(1) u (2) tar-Regolament Nru 1164/94, huma l-Istati Membri li huma responsabbli, fl-ewwel lok, mill-kontroll finanzjarju tal-proġetti u li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiggarantixxu l-użu regolari ta’ fondi Ewropej, sabiex iħarsu li dawn il-proġetti jiġu amministrati skont il-leġiżlazzjoni kollha applikabbli tal-Unjoni, sabiex jipprevjenu u jsibu irregolaritajiet u biex jiżguraw l-eżistenza u l-funzjonament tajjeb fl-Istati Membri ta’ sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll b’mod li l-fondi Ewropej jiġu użati b’mod regolari u effikaċi.

136    Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ konformità tal-proġetti ffinanzjati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, mal-atti adottati abbażi ta’ dawn tal-aħħar mal-politika tal-Unjoni, kif espressi bl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94, huma biss l-ispejjeż imwettqa skont ir-regoli tal-Unjoni u skont l-atti adottati abbażi ta’ dawn tal-aħħar li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. Konsegwentement, hekk kif il-Kummissjoni ssib l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-ħlasijiet imwettqa minn Stat Membru, hija għandha tipproċedi b’rettifika tal-kontijiet ippreżentati minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑81/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

137    Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1386/2002, l-ammont tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 għall-irregolaritajiet individwali jew sistematiċi huwa evalwat, kull meta dawn huwa possibbli jew fattibbli, fuq il-bażi ta’ fajls individwali u huwa daqs l-ammont tal-ispejjeż li jkun ġie imputat b’mod żbaljat lill-Fond ta’ Koeżjoni, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, meta ma jkunx possibbli jew fattibbli li l-ammont tal-ispejjeż irregolari jiġu kkwantifikati b’mod preċiż, jew meta jkun sproporzjonat li jiġu annullati l-ispejjeż kollha inkwistjoni, il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha fuq estrapolazzjoni jew fuq bażi ta’ somma f’daqqa.

138    F’dan ir-rigward, għad hemm bżonn li jitfakkar li mill-punt 1 tal-linji gwida tal-2002 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-għan tal-korrezzjonijiet finanzjarji huwa li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni b’mod li l-ispejjeż kollha suġġetti għal talba ta’ kofinanzjament tal-Fondi strutturali jkunu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dan il-qasam.

139    F’din il-kawża, ġie kkonstatat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv li l-Kummissjoni kienet identifikat, mingħajr ma wettqet żball, ċerti irregolaritajiet dwar il-ksur mill-awtoritajiet Spanjoli ta’ regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi f’dak li jikkonċerna l-proġett Andévalo u l-gruppi ta’ proġetti Guadalquivir u Granada u Málaga, inkwistjoni f’din il-kawża (ara l-punti 98 u 121 iktar ’il fuq). Issa, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-irregolaritajiet affettwaw b’mod deċiżiv il-proċedura tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi marbuta ma’ dan il-proġett u ma’ dawn il-gruppi ta’ proġetti.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li sabet ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li jirregolaw l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni kellha timponi l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni li fiha l-ispejjeż kollha li huma s-suġġett tat-talba għal kofinanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni jkunu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u dan fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

141    Fir-rigward tal-modalitajiet tal-kalkolu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, mill-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, l-ewwel nett qieset li, fid-dawl tal-fatti f’din il-kawża, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni li tikkonsisti fl-annullament tal-ispejjeż kollha tal-proġetti inkwistjoni kienet tkun sanzjoni sproporzjonata meta mqabbla mal-irregolaritajiet misjuba. It-tieni nett, hija qieset li, peress li ma kienx possibbli jew fattibbli li l-ammont tal-ispejjeż irregolari jiġi kkwantifikat b’mod preċiż, kien xieraq li jiġu applikati korrezzjonijiet fuq bażi ta’ somma f’daqqa.

142    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, fl-linji gwida tal-2007 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), għall-kuntratti kkonċernati mid-direttivi Ewropej fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-iskali speċifiċi li għandhom japplikaw skont it-tip ta’ irregolarità huma s-segwenti:

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat meta ma jiġux osservati l-proċeduri fil-qasam tal-pubbliċità;

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat meta jiġu applikati kriterji ta’ għoti illegali. Dan l-ammont jista’ jitnaqqas għal 10 % jew għal 5 % skont il-gravità tal-illegalità;

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat jekk il-kuntratt ingħata bi proċedura miftuħa jew ristretta, iżda l-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerent matul il-proċedura tal-għoti. Dan l-ammont jista’ jitnaqqas għal 10 % jew għal 5 % skont il-gravità tal-illegalità.

143    Sussegwentement, fil-linji gwida tal-2007, għall-kuntratti li ma humiex suġġetti għad-direttivi Ewropej fil-qasam tal-kuntratt pubbliku, l-iskali indikattivi li għandhom japplikaw skont it-tip ta’ irregolarità huma s-segwenti:

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat meta ma jiġix osservat il-grad xieraq ta’ pubbliċità u ta’ trasparenza;

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 25 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat meta l-imsemmi kuntratt ma jitqiegħedx b’mod xieraq għall-kompetizzjoni;

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % tal-ammont tal-kuntratt inkriminat meta jiġu applikati kriterji ta’ għoti illegali. Dan l-ammont jista’ jitnaqqas għal 5 % skont il-gravità tal-illegalità;

–        korrezzjoni finanzjarja ta’ 10 % fil-każ ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan l-ammont jista’ jitnaqqas għal 5 % skont il-gravità tal-illegalità.

144    Għandu jitfakkar li, billi tadotta regoli ta’ kondotta amministrattiva intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni u billi tħabbar, bil-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn dak il-mument ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tidderoga minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ppenalizzata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jistgħu jkollhom effetti ġuridiċi u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax tinjorahom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew mal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sakemm tali aġir ma jmurx kontra regoli oħra superjuri tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 209 sa 211, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2007, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, T‑374/04, Ġabra p. II‑4431, punt 111, u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-ammonti ta’ korrezzjonijiet finanzjarji applikati mill-Kummissjoni (ara l-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq) jikkorrispondu għal dawk stabbiliti fl-linji gwida tal-2007 u li, għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ma tista’ tiġi akkużata b’ebda nuqqas ta’ trasparenza sa fejn hija osservat l-iskali indikattivi li hija stess imponiet fuqha nfisha.

146    Barra minn hekk, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jipprovdi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu din tal-aħħar applikat korrezzjonijiet akkumulati kuntrarjament għal dak li huwa pprovdut fl-linji gwida tal-2002 għandu jiġi miċħud.

147    F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif ġustament jirrileva r-Renju ta’ Spanja, it-tielet paragrafu tal-punt 2.5 tal-linji gwida tal-2002 jistabbilixxu li, meta diversi korrezzjonijiet finanzjarji fil-forma ta’ somma f’daqqa jiġu applikati, dawn ma jistgħux ikunu akkumulati. Dan il-punt essenzjalment jistabbilixxi li l-korrezzjoni finanzjarja li tikkonċerna l-irregolarità l-iktar gravi li tirrigwarda kuntratt pubbliku partikolari hija l-unika waħda li għandha tiġi applikata, sa fejn din l-irregolarità tindika r-riskju ta’ dan il-kuntratt meħud kollu kemm hu.

148    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-uniku anness tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Sinteżi tal-korrezzjonijiet finanzjarji/rimbors għall-gruppi ta’ proġetti” (ara wkoll il-punti 54 sa 56 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma akkumulatx il-korrezzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw mill-ksur differenti li jikkonċerna l-istess kuntratt pubbliku. Bil-kontra, hija tieħu bħala riferiment, għal kull kuntratt pubbliku inkwistjoni, il-korrezzjoni finanzjarja l-iktar oneruża u inkludiet il-korrezzjonijiet finanzjarji li tikkonċernah fihom. Dan wassal għat-tnaqqis tal-ammont finali tal-korrezzjonijiet finanzjarji applikabbli għall-kuntratti pubbliċi inkwistjoni u, għalhekk, kien ta’ vantaġġ għall-awtoritajiet Spanjoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jipprovdi li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu din tal-aħħar applikat korrezzjonijiet akkumulati kuntrarjament għal dak previst fl-linji gwida tal-2002 ma huwiex sostnut fattwalment.

149    Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità inkwantu din ma ħaditx inkunsiderazzjoni, konformament mal-punt 2.4 tal-linji gwida tal-2002, tal-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli, wara li rċevew notifika tal-irregolaritajiet ikkonstatati, kienu biddlu l-prattika tagħhom f’kuntratti sussegwenti. F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja ma pprovda ebda prova insostenn tal-argument tiegħu. It-tieni nett, anki jekk jiġi preżunt li din il-bidla fil-prattika hija pprovata, dan ma jneħħix mill-fatt li l-kuntratti inkwistjoni kienu diġà ngħataw fuq il-bażi ta’ applikazzjoni irregolari tar-regoli li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod li kien meħtieġ li jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji sabiex din is-sitwazzjoni irregolari tiġi rettifikata. Konsegwentement, din il-bidla ulterjuri ta’ prattika ma setax ikollha effett fuq il-kuntratti inkwistjoni li huma s-suġġett tat-talba għal kofinanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni.

150    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, kemm it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

152    Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Mejju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.