Language of document : ECLI:EU:T:2013:277

Kawża T‑384/10

Ir-Renju ta’ Spanja

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Fond ta’ Koeżjoni — Regolament (KE) Nru 1164/94 — Proġetti li jikkonċernaw il-provvista tal-ilma għaċ-ċentri residenzjali fil-baċir idrografiku tax-xmara Guadiana fir-reġjun ta’ Andévalo, it-tindif u l-purifikazzjoni tal-baċir tax-xmara Guadalquivir u l-provvista tal-ilma lil sistemi supramuniċipali tal-provinċji ta’ Granada u ta’ Málaga — Kanċellament parzjali tal-għajnuna finanzjarja — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u għal servizzi — Kunċett ta’ xogħol — Diviżjoni ta’ kuntratti — Determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji — Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tad-29 ta’ Mejju 2013

1.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37 — Xogħol — Kunċett — Kriterji — Funzjoni ekonomika jew teknika tar-riżultat tax-xogħlijiet — Kostruzzjoni ta’ netwerk ta’ pajpijiet konnessi mal-istess impjant ċentrali u li jifformaw partijiet intiżi għad-distribuzzjoni ta’ ilma li jinxtorob għall-istess żona residenzjali mill-punt ta’ proviżjoni wieħed — Klassifikazzjoni bħala xogħol wieħed

(Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikoli 1(ċ) u 6(4))

2.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37 — Xogħol — Diviżjoni artifiċjali ta’ xogħol wieħed — Konstatazzjoni mhux suġġetta għad-demostrazzjoni tal-intenzjoni li jiġi evitat regolament tal-Unjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/37, Artikolu 6(4))

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Kuntratti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tax-xogħlijiet pubbliċi iżda li għandhom interess transkonfinali ċert — Obbligu li jiġu osservati r-regoli fundamentali tat-Trattat

(Artikoli 49 TFUE, 56 TFUE u 114 TFUE)

4.      Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali — Interventi strutturali — Finanzjament mill-Unjoni — Sospensjoni jew tnaqqis ta’ għajnuna finanzjarja minħabba irregolarità — Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Artikolu 5(4) TUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1164/94, Artikolu 8(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1386/2002, Artikolu 17(1))

5.      Atti tal-istituzzjonijiet — Regoli ta’ kondotta amministrattiva ta’ portata ġenerali — Att intiż sabiex joħloq effetti esterni — Awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni awtur tal-att — Obbligu li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali kif ukoll ir-regoli superjuri tad-dritt tal-Unjoni

1.      Fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, l-eżistenza ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, għandha tiġi evalwata meta mqabbla mal-funzjoni ekonomika u teknika tar-riżultat tax-xogħlijiet imsemmija mill-kuntratti pubbliċi kkonċernati. Barra minn hekk, sabiex ir-riżultat ta’ xogħlijiet distinti jkun jista’ jitqies li huwa xogħol fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li dawn jissodisfaw jew l-istess funzjoni ekonomika jew l-istess funzjoni teknika. Il-konstatazzjoni ta’ identità ekonomika jew ta’ identità teknika hija għalhekk alternattiva u mhux kumulattiva. It-tnedija fl-istess ħin tal-kuntratti, ix-xebh tal-avviżi ta’ kuntratt, l-unità tal-kuntest ġeografiku li fih il-kuntratti huma mnedija u l-eżistenza ta’ awtorità kontraenti waħda jikkostitwixxu wkoll indizji addizzjonali li jsostnu li dawn il-kuntratti ta’ xogħlijiet distinti jikkorrispondu fir-realtà għal xogħol uniku.

Għalhekk, proġett li jipprevedi l-kostruzzjoni ta’ netwerk wieħed ta’ pajpijiet konnessi mal-istess impjant ċentrali b’mod li l-partijiet differenti tal-proġett huma intiżi biex jissodisfaw, flimkien, l-istess funzjoni ekonomika u teknika, jiġifieri d-distribuzzjoni ta’ ilma li jinxtorob għall-istess żona residenzjali mill-punt ta’ proviżjoni wieħed, jikkostitwixxi xogħol uniku. Bl-istess mod, fir-rigward tax-xogħlijiet li jikkonsistu fit-trasportazzjoni ta’ beni ta’ utilità pubblika f’żona ġeografika konkreta, il-fatt li dan in-netwerk ta’ pajpijiet huwa intiż sabiex jipprovdi ilma lil diversi muniċipalitajiet ma jimpedixxix li jiġi konkluż, meta meħud kollu flimkien, li huwa jissodisfa l-istess funzjoni ekonomika u teknika. Fl-aħħar nett, elementi bħall-viċinanza fiż-żmien evidenti bejn l-għoti taż-żewġ kuntratti, li dawn il-kuntratti jirreferi għall-istess reġjun u li t-tnejn li huma ngħataw mill-istess awtorità kontraenti, anki jekk mhux deċiżiv għall-eżistenza ta’ xogħol wieħed, jikkostitwixxu indizji addizzjonali li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ xogħol wieħed.

(ara l-punti 67-69, 74, 76, 77, 80, 81)

2.      Il-konstatazzjoni ta’ diviżjoni tal-kuntratt bi ksur tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 93/37, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, ma tippreżumix li tintwera l-intenzjoni suġġettiva li tiġi evitata l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fiha. Peress li tali konstatazzjoni kienet ġiet stabbilita, ma huwiex rilevanti li l-ksur jirriżulta jew le mir-rieda tal-Istat Membru li huwa imputabbli, għan-negliġenza tiegħu jew inkella għad-diffikultajiet tekniċi li dan tal-aħħar kellu jaffronta.

(ara l-punt 95)

3.      Għalkemm huwa minnu li r-regoli tad-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma japplikawx għall-kuntratti li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-livell stabbilit mill‑imsemmija direttivi, dan ma jfissirx madankollu li dawn il-kuntratti tal-aħħar huma esklużi mill‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti li, minħabba l-valur tagħhom, ma humiex suġġetti għall-proċeduri previsti mir-regoli tal-Unjoni dwar il-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l‑awtoritajiet kontraenti huma madankollu marbuta li josservaw ir-regoli fundamentali u l-prinċipji ġenerali tat-Trattat b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

Madankollu, l-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tat-Trattati għall-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti b’valur inqas mil-livell meħtieġ għall-applikazzjoni tad-direttivi tippresupponi li l-kuntratti inkwistjoni jkollhom interess transkonfinali ċert. L-eżistenza ta’ tali interess jista’ jiġi indikati mill-kriterji oġġettivi bħal, b’mod partikolari, l-ammont kunsiderevoli tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, b’mod partikolari fil-każ ta’ viċinanza ta’ dan il-post ma’ żona transkonfinali li tista’ tattira l-interess ta’ operaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, huwa possibbli wkoll li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ dan l-interess fil-każ, pereżempju, tal-interess ekonomiku żgħir ħafna tal-kuntratt inkwistjoni.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mit-Trattat FUE, u b’mod partikolari l-libertajiet fundamentali, dan jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ xogħlijiet jew ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi jew tfixkel b’mod ieħor l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi analogi b’mod legali. Minn dan isegwi li meta jiġi applikat il-kriterju tal-esperjenza fl-Istat Membru tagħhom għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtoritajiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

(ara l-punti 109-111, 114, 115, 119, 121)

4.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ksur ta’ obbligi li l-osservanza tagħhom hija ta’ importanza fundamentali għall-funzjonament tajjeb ta’ sistema tal-Unjoni jista’ jkun issanzjonat bit-telf ta’ dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħad-dritt għall-għajnuna finanzjarja. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ konformità tal-proġetti ffinanzjati mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, mal-atti adottati abbażi ta’ dawn tal-aħħar u mal-politika tal-Unjoni, kif espressi bl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1164/94, li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni, huma biss l-ispejjeż imwettqa skont ir-regoli tal-Unjoni u skont l-atti adottati abbażi ta’ dawn tal-aħħar li għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni. Konsegwentement, hekk kif il-Kummissjoni ssib l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-ħlasijiet imwettqa minn Stat Membru, hija għandha tipproċedi b’rettifika tal-kontijiet ippreżentati minn dan tal-aħħar u timponi l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa sabiex tistabbilixxi mill-ġdid sitwazzjoni li fiha l-ispejjeż kollha li huma s-suġġett tat-talba għal kofinanzjament mill-Fondi ta’ Koeżjoni jkunu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u dan fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fir-rigward tal-modalitajiet tal-kalkolu ta’ korrezzjonijiet finanzjarji, jekk jirriżulta li, fid-dawl tal-fatti ta’ każ determinat, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni li tikkonsisti fl-annullament tal-ispejjeż kollha tal-proġetti inkwistjoni kienet tkun sanzjoni sproporzjonata meta mqabbla mal-gravità tal-irregolaritajiet misjuba u li ma huwiex possibbli jew fattibbli li l-ammont tal-ispejjeż irregolari jiġi kkwantifikat b’mod preċiż, ikun xieraq li jiġu applikati korrezzjonijiet fuq bażi ta’ somma f’daqqa.

(ara l-punti 134, 136, 137, 140, 141)

5.      Billi tadotta regoli ta’ kondotta amministrattiva intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni u billi tħabbar, bil-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom minn dak il-mument ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tidderoga minn dawn ir-regoli mingħajr ma tiġi ppenalizzata, jekk ikun il-każ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ma jistax għaldaqstant jiġi eskluż li, taħt ċerti kundizzjonijiet u skont il-kontenut tagħhom, dawn ir-regoli ta’ kondotta li għandhom portata ġenerali jistgħu jkollhom effetti ġuridiċi u li, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni ma tistax tinjorahom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-imsemmija prinċipji ġenerali tad-dritt, sakemm tali aġir ma jmurx kontra regoli oħra superjuri tad-dritt tal-Unjoni.

(ara l-punt 144)