Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Sanitec Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-381/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sanitec Europe Oy (Helsinki, il-Finlandja) (rappreżentanti: J. Killick, Barrister, I. Reynolds, solicitor, P. Lindfelt u K. Struckmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla kompletament jew parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010 fil-Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju;

tiddikjara li r-rikorrenti mhijiex responsabbli għall-attività antikompetittiva fil-qasam tal-viti, u, jekk ikun neċessarju, tannulla d-deċiżjoni sa fejn tiddikjara lir-rikorrenti (jew lis-sussidjarji tagħha) responsabili għal dan il-ksur;

barra minn hekk jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

tordna kull miżura oħra li l-Qorti Ġenerali jidrilha xierqa fiċ-ċirkustanzi tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju - li tikkonċerna ftehim bejn impriżi li jkopri is-swieq tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta' Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija tal-installazzjonijiet sanitarji għal kmamar tal-banju u dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ u l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva, kif ukoll, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-multa imposta lilha.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq il-motivi li ġejjin:

L-ewwel nett, il-Kummissjoni naqset milli tevalwa jew teżamina l-kuntest ekonomiku u għaldaqstant ma stabbilietx, suffiċjentement fid-dritt, l-għan antikompetittiv tal-allegat ksur. Hija, aa kinitx intitolata legalment li tippreżumi (jew saħansitra li tikkunsidra) li d-diskussjonijiet (i) bejn persuni li ma jikkompetux kontra xulxin u (ii) dwar prezz mhux ekonomiku li l-ebda parteċipant fis-suq ma jħallas kellhom għan antikompetittiv.

It-tieni nett, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat li r-rikorrenti kienet responsabbli għal ksur fis-suq tal-viti minħabba l-ewwel motiv u l-fatt li la r-rikorrenti u lanqas s-sussidjarji tagħha ma jipproduċu l-viti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi, suffiċjentement fid-dritt, l-eżistenza tal-allegat ksur, b'mod partikolari minħabba li l-analiżi tagħha tal-provi kienet żbaljat fi Franza, fl-Italja u fir-rigward ta' Keramag Keramische Werke AG fil-Ġermanja, li għaliħ inżammet responsabbli r-rikorrenti.

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx interess li tistabbilixxi ksur fil-Pajjiżi l-Baxxi li kien preskritt.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset (i) milli tesponi b'mod adegwat l-allegazzjonijiet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u (ii) milli żżomm u tiżvela provi rilevanti u li potenzjalment jistgħu jiskaġunaw. Dawn in-nuqqasijiet proċedurali ppreġudikaw id-drittijiet ta' difiża tar-rikorrenti b'mod irrimedjabbli.

Bħala motiv sussidjarju ir-rikorrenti tinvoka l-fatt li hija ma setgħatx tinżamm responsabbli direttament u individwalment għal multa ta' EUR 9 873 060. Ir-rikorrenti ma nstabitx ħatja ta' kondotta illegali. Kienet responsabbli biss fil-kapaċità tagħha ta' kumpannija parent u għaldaqstant, inkwantu tali, ma tistax tinżamm responsabbli direttament u individwalment għal multa. Barra minn hekk, il-possibbilta ta' responsabbiltà diretta u invidiwali ma tissemmiex fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u din hija irregolarità proċedurali li tiġġustifika l-annullament.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti nżammet inġustament responsabbli in solidum għall-azzjonijiet tas-sussidjarja tagħha Keramag Keramische Werke AG. Ir-rikorrenti ma kellhiex l-azzjonijiet kollha ta' Keramag Keramische Werke AG matul il-perijodu rilevanti u ma kinitx f'pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuqha, li fil-fatt ma għamlitx.

Fl-istess ħin, l-investigazzjoni f'dan il-każ kienet ta' natura selettiva u arbitrarja peress li ħafna kumpanniji li allegatament ipparteċipaw għall-laqgħat jew għad-diskussjonijiet allegatament illegali qatt ma kienu suġġetti għal azzjonijiet.

Fl-aħħar nett, l-ammont tall-multa kien ma kienx iġġustifikat u kien sproporzjonatament għoli, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' implementazzjoni jew ta' effetti fuq is-suq. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha taħt l-Artikolu 261 TFUE sabiex tnaqqas il-multa.

____________