Language of document : ECLI:EU:T:2012:13

Kawża T-304/09

Tilda Riceland Private Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva BASmALI — Trade mark preċedenti mhux irreġistrata u sinjal preċedenti BASMATI — Raġuni relattiva għal rifjut — Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ — Kundizzjonijiet — Prova tal-kisba ta’ drittijiet fuq is-sinjal mill-parti li topponi — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali invokat insostenn tal-oppożizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(4))

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, il-proprjetarju ta’ trade mark mhux irreġistrata jew ta’ sinjal ieħor użat fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali jista’ jippreżenta oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, meta u sa fejn, skont id-dritt applikabbli tal-Istat Membru, minn naħa, drittijiet fuq dan is-sinjal ikunu nkisbu qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew, jekk ikun il-każ, qabel id-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u, min-naħa l-oħra, dan is-sinjali jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Minn dan jirriżulta li waħda mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 hija li l-parti li topponi turi li hija l-proprjetarja tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni tagħha. Din il-kundizzjoni timplika li l-parti li topponi għandha turi l-kisba ta’ drittijiet fuq l-imsemmi sinjal. Dawn id-drittijiet għandhom jippermettu, skont din id-dispożizzjoni, li jiġi pprojbit l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Il-kwistjoni dwar jekk il-parti li topponi kisbitx drittijiet fuq it-trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjal użat fil-kummerċ — u għalhekk jekk hijiex il-proprjetarja ta’ sinjal invokat fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni — ma tistax tinjora d-dritt nazzjonali invokat insostenn tal-oppożizzjoni. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali applikabbli jintervjeni b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, biex jiddefinixxi l-modalitajiet għall-kisba tad-drittijiet fuq is-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni ppreżentata abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 16, 17, 22)