Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Veliko Tarnovo (il-Bulgarija) fit-12 ta’ Jannar 2022 – DV vs Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Veliko Tarnovo

(Kawża C-30/22)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad – Veliko Tarnovo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: DV

Konvenut: Direktor na Teritorialno podelenie na Natsionalnia osiguritelen institut – Veliko Tarnovo

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(a) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) ta’ dan il-ftehim jekk dawn il-persuni kienu, mingħajr waqfien, ċittadini tal-istess Stat Membru wieħed u, fl-istess ħin, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1)(a) ta’ dan il-ftehim jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) fil-każ biss li kienu jeżerċitaw attività professjonali fit-territorju tar-Renju Unit fit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni u/jew wara dan it-tmiem?

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(c) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) ta’ dan il-ftehim kemm-il darba, fil-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, huma kienu residenti mingħajr waqfien u b’mod esklużiv fit-territorju tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu u, fl-istess ħin, matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni kollu sat-tluq tagħhom, kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-istess Stat Membru wieħed, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-persuni msemmija fl-Artikolu 30(1)(c) ta’ dan il-ftehim ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 31(1) jekk ma jkunux baqgħu residenti fit-territorju tar-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni?

Fil-każ li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 30(2) u tal-Artikolu 30(1)(a) u (c) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika twassal għall-konklużjoni li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għall-fatti fil-kawża prinċipali minħabba li ċ-ċittadin tal-Unjoni ma baqax residenti fit-territorju tar-Renju Unit wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(4) ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 30(3) ta’ dan il-ftehim, il-persuni li joqogħdu fl-Istat ospitanti jew li jaħdmu fl-Istat tax-xogħol tagħhom ma jibqgħux koperti mill-Artikolu 31(1) meta r-relazzjoni legali tagħhom bħala ħaddiem (impjegat) tintemm u għalhekk tilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom u telqu mit-territorju tal-Istat tax-xogħol jew tal-Istat ospitanti wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, jew dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjoni, imposta fl-Artikolu 30(4), tapplika għad-dritt ta’ residenza jew għad-dritt ta’ xogħol eżerċitat wara t-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni irrispettivament mid-data li fiha dawn id-drittijiet ikunu sussegwentement intemmu, jekk kienu jeżistu wara t-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni?

____________