Kawża C‑791/19
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal‑15 ta’ Lulju 2021
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-imħallfin – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ksur dixxiplinari minħabba l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Qrati dixxiplinari indipendenti u stabbiliti bil-liġi – Osservanza tat-terminu raġonevoli u tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri dixxiplinari – Artikolu 267 TFUE – Limitazzjoni tad-dritt u tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”
1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Proċedura mħaffa – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament mgħaġġel – Assenza – Natura sensittiva u kumplessa tal-problemi legali mqajma li ma hijiex adattata għall-applikazzjoni ta’ tali proċedura
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 133(1))
(ara l-punti 32-34)
2. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))
(ara l-punti 52-54)
3. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Portata
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48)
(ara l-punti 55-61, 95-98, 228)
4. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Awla Dixxiplinari ġdida tal-Qorti Suprema komposta minn imħallfin maħtura mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura – Awla inkarigata milli tiddeċiedi kawżi dixxiplinari tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Awla komposta esklużivament minn imħallfin ġodda li jibbenefikaw minn remunerazzjoni partikolarment għolja u minn grad ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja partikolarment elevat – Dubji leġittimi mnissla, fil-ħsieb tal-persuni f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-awla fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha b’rabta mal-interessi inkwistjoni – Ksur – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 258 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)
(ara l-punti 80‑83, 86, 102‑110, 112, 113, 235, u d-dispożittiv 1)
5. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiddefinixxix b’mod ċar u preċiż l-aġir li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin – Leġiżlazzjoni li ma tippermettix li jiġi evitat li dawn l-imħallfin jiġu esposti għar-riskju li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom sempliċement minħabba d-deċiżjoni tagħhom – Awla kompetenti biex tieħu konjizzjoni ta’ kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)
(ara l-punti 134, 136‑141, 146‑148, 157, 235, u d-dispożittiv 1)
6. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tar-rekwiżit tal-qorti stabbilita mil-liġi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża dixxiplinari mmexxija kontra mħallef – Assenza tal-kriterji li jirregolaw tali ħatra – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)
(ara l-punti 164, 172, 173, 176, 235, u d-dispożittiv 1)
7. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra mħallef li diġà kien suġġett għal tali proċedura fl-istess kawża, magħluqa permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggrarantixxix l-eżami tal-kawżi dixxiplinari tal-imħallfin fi żmien raġonevoli – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikolu 2, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)
(ara l-punti 187, 193, 197, 202, 235, u d-dispożittiv 1)
8. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji biex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin – Proċedura dixxiplinari kontra mħallef li ma jistax jipparteċipa fil-proċedura minħabba raġunijiet ta’ saħħa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura għall-atti ta’ ħatra ta’ avukat li għandu jiddefendi l-interessi ta’ dan l-imħallef – Tkomplija tal-proċedura dixxiplinari fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef jew tar-rappreżentant tiegħu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix id-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin imqiegħda inkwistjoni – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(Artikoli 2 u 19 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 48)
(ara l-punti 208-210, 213, 235, u d-dispożittiv 1)
9. Stati Membri – Obbligi – Kompetenza tal-qrati nazzjonali biex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tista’ tesponi lil imħallef għal proċedura dixxiplinari minħabba li jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu
(It-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikoli 267 TFUE)
(ara l-punti 223‑227, 230, 231, 234, 235, u d-dispożittiv 2)
Sunt
Il-leġiżlazzjoni Pollakka dwar is-sistema dixxiplinari tal-imħallfin hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni
Ir-rekwiżit ta’ indipendenza jeżiġi li din is-sistema tippreżenta l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji
Fl-2017, il-Polonja adottat sistema dixxiplinari ġdida li tirrigwarda l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) u tal-qrati ordinarji. Fil-kuntest ta’ din ir-riforma leġiżlattiva, ġiet stabbilita awla ġdida, l-Izba Dyscyplinarna (iktar’ il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”), fi ħdan il-Qorti Suprema. Din l-awla kienet responsabbli, b’mod partikolari, sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi dixxiplinari li jirrigwardaw l-imħallfin tal-Qorti Suprema, u, fl-appell, dawk li jirrigwardaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji.
Billi qieset li, billi adottat din is-sistema dixxiplinari ġdida, il-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (1), il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ssostni b’mod partikolari li din is-sistema dixxiplinari la tiggarantixxi l-indipendenza u lanqas l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, komposta esklużivament minn imħallfin magħżula mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar’ il quddiem il-“KRS”), fejn 23 mill-25 membri tiegħu huma maħtura mill-awtoritajiet politiċi.
Fis-sentenza mogħtija f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li din is-sistema dixxiplinari ġdida tal-imħallfin tippreġudika l-indipendenza tagħhom. Min-naħa l-oħra, din l-istess sistema ma tippermettix lill-imħallfin ikkonċernati josservaw, b’indipendenza sħiħa, l-obbligi imposti fuqhom fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
Inizjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Polonja naqset mili twettaq l-obbligi tagħha, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u r-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni jeżiġu li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tagħhom fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni tipprovdi l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jirrikjedi, b’mod partikolari, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, kif ukoll il-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati f’qorti.
Issa, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, il-Polonja ma żguratx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari u, b’hekk, ippreġudikat l-indipendenza tal-imħallfin billi ma żguratx lil dawn tal-aħħar li l-proċeduri dixxiplinari mressqa kontrihom jiġu kkontrollati minn istanza li toffri tali garanziji. Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, l-indipendenza tal-qrati għandha tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv. Issa, skont ir-riforma leġiżlattiva tal-2017, il-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema u, b’mod partikolari, dak tal-membri tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema huwa essenzjalment iddeterminat mill-KRS - korp li ġie mibdul b’mod qawwi mill-poteri eżekuttivi u leġiżlattivi Pollakki. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li l-Awla Dixxiplinari hija msejħa tkun komposta esklużivament minn imħallfin ġodda magħżula mill-KRS li ma kinux ipoġġu diġà fi ħdan il-Qorti Suprema u li jibbenefikaw b’mod partikolari minn remunerazzjoni għolja ħafna u minn grad ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja partikolarment elevat, meta mqabbel mal-kundizzjonijiet prevalenti fl-awli ġudizzjarji l-oħra ta’ din il-qorti. Dawn l-elementi kollha huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza dixxiplinari fir-rigward ta’ influwenzi diretti jew indiretti tal-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki, u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni.
Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari b’hekk ma humiex iggarantiti, li l-Polonja ppermettiet li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala reat dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin tal-qrati ordinarji. Filwaqt li tfakkar il-ħtieġa li jiġi evitat li s-sistema dixxiplinari tkun tista’ tintuża għal finijiet ta’ stħarriġ politiku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ pressjoni fuq l-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li, f’dan il-każ, is-sistema dixxiplinari l-ġdida tal-imħallfin, li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-aġir li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar, jippreġudika wkoll l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin.
Fit-tielet lok, il-Polonja, minn naħa, lanqas ma żgurat li l-kawżi dixxiplinari indirizzati kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati f’terminu raġonevoli, u b’hekk ippreġudikat mill-ġdid l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin. Fil-fatt, skont is-sistema dixxiplinari l-ġdida, imħallef li kien is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari magħluqa permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva jista’ jerġa’ jkun is-suġġett ta’ tali proċeduri fl-istess kawża, b’tali mod li dan l-imħallef jibqa’, b’mod permanenti, taħt it-theddida potenzjali ta’ tali proċeduri. Min-naħa l-oħra, ir-regoli proċedurali l-ġodda applikabbli għall-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin huma ta’ natura li jirrestrinġu d-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin imqiegħda inkwistjoni. Fil-fatt, skont din is-sistema l-ġdida, l-atti marbuta mal-ħatra ta’ avukat ta’ mħallef u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma jinterrompewx il-proċedura, mingħajr ma jistennew li l-proċedura tista’ tiżvolġi minkejja l-assenza ġġustifikata tal-imħallef jew tal-avukat tiegħu. Barra minn hekk, speċifikament meta dawn jaqgħu, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ sistema dixxiplinari li tippreżenta n-nuqqasijiet diġà rrilevati iktar ’il fuq, ir-regoli proċedurali l-ġodda ċċitati iktar’ il fuq jistgħu jkollhom it-tendenza li jżidu r-riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tat lill-President tal-Awla Dixxiplinari msemmija iktar’ il fuq is-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dixxiplinari relatati mal-imħallfin tal-qrati ordinarji, il-Polonja ma ggarantixxietx li tali kawżi jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita bil-liġi” kif jeżiġi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, billi ppermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni prelminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinbeda proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-imħallfin nazzjonali jistgħu jesponu lilhom infushom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li għamlu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jintlaqgħu, peress li jippreġudikaw l-eżerċizzju effettiv mill-imħallfin nazzjonali kkonċernati tal-fakultà jew tal-obbligu li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja, previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll is-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja hekk stabbilita mit-Trattati sabiex tiġi żgurata l-unità ta’ interpretazzjoni u l-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni.