Language of document : ECLI:EU:C:2022:201

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Marzu 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Kunċett – Proċeduri dixxiplinari mibdija kontra mħallef ta’ qorti ordinarja – Ħatra tal-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-proċedura mill-President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Azzjoni ċivili għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn il-President ta’ din l-Awla Dixxiplinari u l-Qorti Suprema – Assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju sabiex tistħarreġ il-validità tal-ħatra ta’ Mħallef tal-Qorti Suprema u Inammissibbiltà ta’ tali azzjoni skont id-dritt nazzjonali – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑508/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

M. F.

vs

J. M.,

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny,

Rzecznik Praw Obywatelskich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal (Relatur), K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, S. Rodin u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, F. Biltgen u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. F., minn W. Popiołek, radca prawny,

–        għal J. M., minnu stess,

–        għall-Prokurator Generalny, minn M. Słowińska kif ukoll minn R. Hernand, A. Reczka u S. Bańko,

–        għar-Rzecznik Praw Obywatelskich, minn M. Taborowski u P. Filipek,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn S. Żyrek u A. Dalkowska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn K. Herrmann kif ukoll minn P. Van Nuffel u H. Krämer, sussegwentement minn K. Herrmann u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6(3) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 267 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. F. u J. M. dwar talba intiża sabiex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn dan tal-aħħar u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

 Il-Kostituzzjoni

3        L-Artikolu 144(2) u (3) tal-Konstytucja Rzeczypospolitej Polskiej (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) huwa fformulat kif ġej:

“2.      Sabiex ikunu validi, l-atti uffiċjali tal-President tar-Repubblika għandhom jiġu kontraffirmati mill-President tal-Kunsill tal-Ministri li b’hekk tiskatta r-responsabbiltà tiegħu quddiem is-Sejm [(Diète)].

3.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ma japplikawx fil-każijiet li ġejjin:

[…]

17)      il-ħatra tal-Imħallfin;

[…]”

4        Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) jaħtar lill-Imħallfin, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“KRS”), għal żmien indeterminat.

 Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

5        L-Artikolu 189 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jistabbilixxi:

“Rikorrent jista’ jressaq quddiem il-qorti talba għall-konstatazzjoni tal-eżistenza jew tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ġuridika jew ta’ dritt, sakemm huwa jkollu interess leġittimu li jaġixxi.”

 Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

6        L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5), daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ April 2018. Din il-liġi ġiet sussegwentement emendata diversi drabi.

7        Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet b’mod partikolari, fi ħdan l-imsemmija qorti, awla ġdida msejħa Izba Dyscyplinarna (Awla Dixxiplinari).

8        L-Artikolu 27(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

1.)      il-proċeduri dixxiplinari:

a)      dwar l-Imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)],

b)      eżaminati mis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] inkonnessjoni mal-proċeduri dixxiplinari taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

–        il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji […],

[…]

[…]

2.      il-proċeduri fil-qasam tad-dritt industrijali u tas-sigurtà soċjali li jinvolvu lill-Imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

[…]”

9        L-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jipprovdi:

“Wara konsultazzjoni mal-ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-President tar-Repubblika għandu jippubblika fil-Monitor Polski [(Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja)] in-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti ta’ Imħallfin li għandhom jimtlew fid-diversi kmamar tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

10      Skont l-Artikolu 33(1) tal-imsemmija liġi:

“Ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ Imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandha tiġi stabbilita fil-mument tal-għoti tal-att tal-ħatra. […]”

 Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

11      L-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas-27 ta’ Lulju 2001, kif emendata (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 23, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), tipprovdi fl-Artikolu 110 tagħha:

“1.      Fil-każijiet dixxiplinari li jinvolvu lil Imħallfin, dawn li ġejjin għandhom jiġġudikaw:

1)      fl-ewwel istanza:

a)      il-qrati dixxiplinari fi qrati tal-appell, komposti minn tliet imħallfin;

[…]

3.      Il-qorti dixxiplinari li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-Imħallef li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari jeżerċita l-kariga tiegħu ma hijiex ammessa li tieħu konjizzjoni tal-kawżi msemmija fil-punt (1)(a) tal-paragrafu 1. Il-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża għandha tiġi maħtura mill-President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari fuq talba tal-membru tal-persunal dixxiplinari.”

 Il-Liġi dwar il-KRS

12      Il-KRS huwa rregolat mill-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura) tat-12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal-2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata, b’mod partikolari, bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 3) u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra) tal-20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”).

13      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-KRS jipprovdi:

“Jekk iktar minn kandidat wieħed applika għal pożizzjoni ta’ mħallef, [il-KRS] għandu jeżamina u jevalwa b’mod konġunt il-kandidaturi kollha li jkunu ġew ippreżentati. F’din is-sitwazzjoni, [il-KRS] għandu jadotta riżoluzzjoni li tinkludi d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-preżentazzjoni ta’ proposta għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ mħallef, fir-rigward tal-kandidati kollha.”

14      Skont l-Artikolu 43(2) ta’ din il-liġi:

“Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tiġix ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, din issir definittiva għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra għall-funzjonijiet ta’ mħallef tal-parteċipanti li ma jkunux ippreżentaw rikors, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1)ter.”

15      L-Artikolu 44 tal-imsemmija liġi jiddikjara:

“1.      Parteċipant fil-proċeduri jista’ jappella quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni tal-[KRS] hija illegali, sakemm mhux previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet separati. […]

1a.      Fil-każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-funzjoni ta’ Mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ir-rikorsi għandhom jitressqu quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja). F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Ir-rikors quddiem in-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] ma jistax ikun ibbażat fuq evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar, mill-kandidati, tal-kriterji li jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ Mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1 ter.      Jekk ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1) ma tiġix ikkontestata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura fil-każijiet individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-kariga ta’ Mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], ir-riżoluzzjoni msemmija ssir definittiva, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għas-sottomissjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ Mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] kif ukoll għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni li ma tiġix sottomessa proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ Mħallef tal-istess qorti, fil-każ ta’ parteċipanti fil-proċeduri li ma ppreżentawx rikors.

[…]

4.      Fil-każijiet individwali dwar il-ħatra għall-funzjoni ta’ Mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], l-annullament min-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] tar-riżoluzzjoni [tal-KRS] sabiex ma tiġix ippreżentata l-proposta ta’ ħatra għall-uffiċċju ta’ Mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] hija ekwivalenti għal aċċettazzjoni tal-kandidatura tal-parteċipant fil-proċedura li ppreżenta rikors, għall-kariga vakanti ta’ Mħallef fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], kariga li għaliha, fid-data ta’ għoti tas-sentenza tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], il-proċedura quddiem [il-KRS] ma kinitx intemmet jew, fl-assenza ta’ tali proċedura, għall-kariga vakanti li jmiss ta’ Mħallef fi ħdan is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li hija s-suġġett ta’ avviż.”

16      Il-paragrafu 1a tal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie introdott f’dan l-artikolu permezz tal-Liġi tat-8 ta’ Diċembru 2017 li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra, li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2018, u l-paragrafi 1ter u 4 ġew introdotti fih permezz tal-Liġi tal-20 ta’ Lulju 2018 li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 2018. Qabel l-introduzzjoni ta’ dawn l-emendi, ir-rikorsi indikati fl-imsemmi paragrafu 1a kellhom jiġu ppreżentati quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] konformement mal-paragrafu 1 tal-istess Artikolu 44.

17      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Marzu 2019, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) iddikjarat l-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS inkompatibbli mal-Artikolu 184 tal-Kostituzzjoni, minħabba, essenzjalment, li l-kompetenza mogħtija lin-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) mill-imsemmi paragrafu 1a ma kienet iġġustifikata la fid-dawl tan-natura tal-kawżi kkonċernati, la tal-karatteristiċi organizzattivi tal-imsemmija qorti, u lanqas tal-proċedura applikata minn din tal-aħħar. F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) indikat ukoll li din id-dikjarazzjoni ta’ antikostituzzjonalità “twassal neċessarjament għall-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji pendenti kollha bbażati fuq id-dispożizzjoni mħassra”.

18      Sussegwentement, l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ġie emendat bl-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy — Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv) tas-26 ta’ April 2019 (Dz. U. tal-2019, pożizzjoni 914) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-26 ta’ April 2019”), li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Mejju 2019. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 44 huwa issa fformulat kif ġej:

“Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni [tal-KRS] hija illegali, sakemm dispożizzjonijiet separati ma jipprevedux mod ieħor. Ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat rikors fil-kawżi individwali li jirrigwardaw il-ħatra fil-kariga ta’ Mħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

19      Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Liġi tas-26 ta’ April 2019 jipprevedi li għar-“rikorsi li jikkontestaw ir-riżoluzzjonijiet [tal-KRS] f’kawżi individwali dwar il-ħatra ta’ Mħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li jkunu ppreżentati iżda li ma jkunux ġew konklużi qabel ma din il-Liġi tidħol fis-seħħ, ma jkunx hemm lok li tingaħata deċiżjoni ex lege”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      M. F. jeżerċita l-funzjoni ta’ mħallef fi ħdan is-Sąd Okręgowy w P. (il-Qorti Reġjonali ta’ P., il-Polonja). Fis-17 ta’ Jannar 2019, l-assistent Uffiċjal Dixxiplinari responsabbli mill-kawżi li jikkonċernaw l-imħallfin fil-qrati ordinarji ddeċieda li jibda proċeduri dixxiplinari kontra M. F. minħabba allegat dewmien fil-proċeduri mmexxija minnha u minħabba allegat dewmien fir-redazzjoni tal-motivi tad-deċiżjonijiet tagħha. Fil-kwalità tiegħu ta’ President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari tal-imsemmija qorti, fit-28 ta’ Jannar 2019, J. M. adotta, abbażi tal-Artikolu 110(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, digriet li jaħtar lis-Sąd Dyscyplinarny przy Sądzie Apelacyjnym w […] (il-Qorti Dixxiplinari tal-Qorti tal-Appell ta’ […], il-Polonja) bħala qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, ta’ din il-proċedura dixxiplinari.

21      Wara l-adozzjoni tal-imsemmi digriet, M. F. adixxa lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) b’rikors ibbażat fuq l-Artikolu 189 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, intiż sabiex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn J. M. u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fis-sens tal-Artikolu 33(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, minħabba irregolaritajiet li affettwaw il-ħatra tiegħu fi ħdan l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). M. F. talbet ukoll li l-persuni kollha maħtura Mħallfin fi ħdan din l-istess awla dixxiplinari jiġu rrikużati u li l-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tiġi indikata sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors. Fl-aħħar nett, M. F. talbet li tiġi ordnata, b’mod kawtelatorju u matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, is-sospensjoni tal-proċeduri dixxiplinari mibdija kontriha.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, M. F. sostniet li l-ineffettività tal-ħatra ta’ J. M. fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tirriżulta mill-fatt li l-għoti lill-persuna kkonċernata, fl-20 ta’ Settembru 2018, tal-att ta’ ħatra tiegħu mill-President tar-Repubblika seħħ filwaqt li r-riżoluzzjoni tal-KRS tat-23 ta’ Awwissu 2018 li pproponiet il-ħatra ta’ J. M. għal din il-pożizzjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat fis-17 ta’ Settembru 2018 quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva), abbażi tal-Artikolu 44(1a)tal-Liġi dwar il-KRS, minn kandidat mhux propost għall-ħatra skont l-imsemmija riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-proċedura tal-għażla inkwistjoni twettqet wara komunikazzjoni tal-President tar-Repubblika adottata abbażi tal-Artikolu 31(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u ppubblikata fid-29 ta’ Ġunju 2018, komunikazzjoni li ma kellhiex il-kontrofirma ministerjali meħtieġa.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Mejju 2019, l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) inkarigat lill-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tal-imsemmija qorti sabiex teżamina r-rikors ta’ M. F. u, b’mod partikolari, it-talba għal miżura kawtelatorja mressqa minnha.

24      Fl-okkażjoni ta’ din l-aħħar talba, din l-awla, li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-imsemmija qorti tqis, preliminarjament, li r-rabta li tippreżenta l-kawża prinċipali ma’ dan id-dritt tirriżulta mill-fatt li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit minnu ma huwiex applikabbli biss għall-proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali li fihom dawn japplikaw id-dritt sostantiv tal-Unjoni. Fil-fatt, dan il-prinċipju japplika wkoll fil-każijiet fejn hemm lok li jiġi evalwat jekk Stat Membru jikkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jiżgura li l-istanzi li jistgħu, bħala qrati fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jiddeċiedu f’oqsma koperti minn dan tal-aħħar, jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-imsemmi prinċipju u, b’mod partikolari, dawk li jridu li tali istanzi jikkostitwixxu qrati indipendenti u imparzjali stabbiliti minn qabel bil-liġi. Għalhekk, tali rekwiżit għandu jiġi osservat meta Stat Membru jagħti lil istanza bħalma huwa l-konvenut fil-kawża prinċipali s-setgħa li jinnomina lill-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri dixxiplinari mibdija kontra Mħallfin.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva, fl-ewwel lok, li, minkejja li r-rabta statutorja bejn imħallef u l-qorti li fiha dan tal-aħħar jiġi fdat mandat tista’ tiġi pparagunata ma’ relazzjoni ta’ xogħol li l-eżistenza tagħha tista’ tiġi kkonstatata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 189 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, mill-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jirriżulta li l-mandat ta’ mħallef, li jagħti d-dritt għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja, jirrifletti relazzjoni ġuridika li taqa’ taħt id-dritt pubbliku u mhux taħt id-dritt ċivili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, azzjoni li għandha, bħal dik fil-kawża prinċipali, bħala għan li tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ mandat ta’ mħallef ma hijiex kawża ċivili li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tal-proċedura ċivili, b’mod partikolari tal-Artikolu 189 tiegħu. Madankollu, fid-dritt nazzjonali, ma teżistix proċedura li tippermetti li jiġi kkontestat l-att li bih il-President tar-Repubblika wettaq il-ħatra ta’ mħallef.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ammissibbiltà ta’ rikors bħal dak fil-kawża prinċipali tiddependi fuq jekk, f’tali kuntest leġiżlattiv nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħtih is-setgħa, li hija ma għandhiex skont id-dritt nazzjonali, li tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik fil-kawża prinċipali, li l-konvenut ikkonċernat ma għandux mandat ta’ mħallef. L-ammissibbiltà tat-talba għal miżura kawtelatorja li għandha quddiemha l-imsemmija qorti u l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha huma huma stess suġġetti għall-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors fil-kawża prinċipali.

27      Skont il-qorti tar-rinviju, din il-kompetenza u din l-ammissibbiltà jistgħu jirriżultaw direttament mid-dritt tal-Unjoni meta l-att ta’ ħatra tal-Imħallef ikkonċernat, bħal f’dan il-każ, isir bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li l-awtoritajiet Pollakki effettivament ħadmu biex jeskludu kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbiltà tar-regoli jew tal-proċeduri nazzjonali ta’ ħatra tal-Imħallfin mad-dritt tal-Unjoni fi stadju preċedenti għall-ħruġ tal-att ta’ ħatra.

28      F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tenfasizza li qabel kienet teżisti, skont l-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(1), u wara skont l-Artikolu 43 l-Artikolu 44(1) u (1a) tal-Liġi dwar il-KRS, possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjoni li permezz tagħha l-KRS jipproponi l-ħatra ta’ persuna fil-kwalità ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Madankollu, minkejja li kienet inbdiet il-proċedura intiża sabiex timtela l-ħatra tal-Imħallfin imsejħa sabiex jikkomponu l-Awla Dixxiplinari l-ġdida tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u li b’mod partikolari wasslet għall-ħatra tal-konvenut fil-kawża prinċipali, u li diversi kandidati għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef ta’ din l-Awla l-ġdida kienu wrew l-intenzjoni tagħhom li jippreżentaw rikorsi abbażi ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur Pollakk kien deliberatament inkluda, fl-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS, paragrafu 1b li jipprevedi li tali rikorsi minn issa’ l quddiem ma kellhomx iktar il-konsegwenza li jipprekludu l-ħatriet maħsuba.

29      Barra minn hekk, wara li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2018, staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, fil-kawża li, sadanittant, tat lok għas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Nomina tal-imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B. et”, EU:C:2021:153), dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix emendi bħal dawk li laqtu l-Artikolu 44 tal-Liġi tal-KRS, il-leġiżlatur Pollakk, fir-rigward tas-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2019 tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, adotta l-liġi tas-26 ta’ April 2019 bl-effett, minn naħa, li jiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi pendenti quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) bħal dawk li taw lok għall-imsemmi rinviju għal deċiżjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, din l-istess liġi kienet, mill-ġdid, emendat l-Artikolu 44 tal-Liġi tal-KRS sabiex tiġi eskluża, fil-futur, kull possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors ġudizzjarju kontra riżoluzzjoni tal-KRS li tipproponi kandidat għall-ħatra fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

30      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-kuntest tal-kawżi magħquda li, sadanittant, taw lok għas-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K. et”, EU:C:2019:982), il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita, b’mod preliminari, b’domandi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-implimentazzjoni u l-mod ta’ ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). F’tali kuntest, il-poter eżekuttiv kien obbligat jastjeni milli jipproċedi b’tali ħatriet sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qorti nazzjonali li għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jkunu adottaw deċiżjoni.

31      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-ħatra ta’ J. M. fil-funzjonijiet tal-Imħallef tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) seħħet meta kien ġie ppreżentat rikors kontra r-riżoluzzjoni tal-KRS li ppropona din il-ħatra u l-fatt li l-proċedura ta’ ħatra nfetħet permezz ta’ att tal-President tar-Repubblika mingħajr il-kontrofirma ministerjali meħtieġa skont l-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni, għandhomx bħala konsegwenza ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u, b’mod iktar preċiż, tal-ħtieġa ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta.

32      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-kwalità ta’ Mħallef ta’ persuna għas-sempliċi fatt li l-istanza li fi ħdanha nħatret, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ma tikkostitwixxix, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġ, qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

33      Fil-ħames lok, u fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet analogi għal dawk li ġġustifikaw id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi magħquda li, minn dak iż-żmien, taw lok għas-sentenza A. K. et, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li, peress li l-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li lilha d-dritt nazzjonali jagħti l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima bħal dik fil-kawża prinċipali, ma hijiex qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tassumi hija stess il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-imsemmija tilwima.

34      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-proċeduri għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol, qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tista’ tikkonstata li ma għandux il-kwalità ta’ mħallef id-destinatarju ta’ att li, filwaqt li jaħtar lil dan fil-kariga ta’ mħallef f’din il-qorti, ġie adottat abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jew b’mod inkompatibbli mal-imsemmi prinċipju, meta jsir intenzjonalment ostakolu għall-eżami ta’ din il-kwistjoni qabel ma jiġi kkonsenjat l-imsemmi att?

2)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta], moqrija flimkien mal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta att ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef jinħareġ wara li l-qorti nazzjonali tkun għamlet domanda preliminari għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, li r-risposta tagħha hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-applikazzjoni tagħha għamlitha possibbli li jiġi kkonsenjat l-att imsemmi?

3)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(3) TUE kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva minħabba l-assenza ta’ garanzija tad-dritt għall-qorti, meta att ta’ ħatra għall-kariga ta’ mħallef jinħareġ wara proċedura ta’ ħatra mwettqa bi ksur flagranti tad-dispożizzjonijiet legali tal-imsemmi Stat li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin?

4)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta] moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta l-leġiżlatur nazzjonali joħloq, f’qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, entità organizzattiva li ma tikkostitwixxix qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

5)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 2, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta] moqrija flimkien mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kwistjonijiet relatati mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol u mal-kwalità ta’ mħallef tad-destinatarju ta’ att li jaħtru għall-kariga ta’ mħallef ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu deċiżi minn entità organizzattiva ta’ din il-qorti tal-aħħar istanza, liema entità, kompetenti abbażi tad-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat, hija magħmula esklużivament minn persuni li l-atti ta’ ħatra tagħhom huma vvizzjati bid-difetti indikati fid-domandi 2 sa 4, b’mod li ma tkunx qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, iżda [li dawn għandhom jiġu deċiżi minn] entità organizzattiva oħra ta’ din il-qorti tal-aħħar istanza, liema [entità] tissodisfa min-naħa tagħha r-rekwiżiti li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-eżistenza ta’ qorti?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 Fuq it-talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa

35      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti sostniet li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura kienet iġġustifikata, l-ewwel nett, fid-dawl tan-neċessità li tiddeċiedi dwar it-talba għal miżura kawtelatorja li hija adita biha fit-terminu ta’ sebat ijiem previst mid-dritt nazzjonali. It-tieni nett, lil hinn minn din il-kawża, ir-risposti għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huma determinanti fir-rigward tal-possibbiltà futura li jitressqu azzjonijiet għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol fir-rigward ta’ ċertu numru ta’ Mħallfin assenjati reċentement fl-awli differenti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u li l-ħatra tagħhom saret f’kundizzjonijiet parzjalment jew totalment analogi għal dawk li kienu madwar il-ħatra tal-konvenut fil-kawża prinċipali. It-tielet nett, tali risposti jippermettu, jekk ikun il-każ, li jiġi prekluż li tali ħatriet ikunu jistgħu jseħħu fil-futur.

36      L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien.

37      Għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż biex jissodisfa sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fl-20 ta’ Awwissu 2019, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

39      F’dan ir-rigward, mid-dikjarazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tal-azzjoni ċivili tagħha għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn J. M. u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), M. F. trid, essenzjalment, tikseb, inizjalment, is-sospensjoni b’mod provviżorju u, fit-tieni lok, li titqies bħala ineffettiva d-deċiżjoni li permezz tagħha J. M., fil-kwalità tiegħu bħala President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ħatar lill-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura dixxiplinari miftuħa fir-rigward tagħha.

40      Issa, fir-rigward, qabel kollox, tal-fatt li l-qorti tar-rinviju ġiet adita, b’mod partikolari, b’talba għal miżuri provviżorji, għandu jitfakkar li l-fatt li talba għal deċiżjoni preliminari ssir fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li tippermetti l-adozzjoni ta’ tali miżuri ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jistabbilixxi li n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata fi żmien qasir (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2017, Weiss et, C‑493/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:792, punt 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Sussegwentement, il-kjarifika tal-punt dwar jekk id-deċiżjoni ta’ J. M. li tindika l-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura dixxiplinari miftuħa kontra M. F. tmurx kontra, jekk ikun il-każ, id-dritt tal-Unjoni lanqas ma hija ta’ natura li toħloq sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja li tiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa.

42      Fl-aħħar nett, is-sempliċi possibbiltà li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li ġew indirizzati lilha f’din il-kawża tista’, lil hinn mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, tiftaħ it-triq għal rikorsi oħra għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol diretta kontra mħallfin oħra reċentement maħtura fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew tikkontribwixxi sabiex jiġu evitati ħatriet analogi fil-ġejjieni, lanqas ma tidher li hija ta’ natura li tiġġustifika li din il-kawża tkun suġġetta għal proċedura mħaffa.

43      Barra minn hekk, f’dan il-każ, ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, kif jirriżulta mill-punti 29, 30 u 33 ta’ din is-sentenza, uħud mid-domandi tal-qorti tar-rinviju li fuqhom hija bbażata d-domanda magħmula fil-kawża preżenti kienu, essenzjalment, diġà s-suġġett, meta tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ rinviji għal deċiżjoni preliminari oħrajn li kienu jinsabu fi stadji ta’ pproċessar pjuttost avvanzati.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

44      Wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-partijiet ikkonċernati, fosthom il-Gvern Pollakk, ippreżentaw l-argumenti orali tagħhom fis-seduta li nżammet fit-22 ta’ Settembru 2020. L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-15 ta’ April 2021, f’liema data ngħalqet, konsegwentement, il-fażi orali tal-proċedura.

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Mejju 2021, il-Gvern Pollakk talab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

46      Insostenn ta’ din it-talba, l-imsemmi gvern invoka l-fatt li kienu jeżistu differenzi ta’ opinjoni bejn, minn naħa, il-konklużjonijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawża Repubblika (C‑896/19, EU:C:2020:1055) u s-sentenza tal-20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311), fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin nazzjonali fid-diversi Stati Membri fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

47      Il-Gvern Pollakk huwa wkoll tal-opinjoni li ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura huwa ġġustifikat, f’dan il-każ, minħabba l-fatt li, fil-konklużjonijiet ippreżentati f’din il-kawża, li dan il-gvern ma jaqbilx magħhom, l-Avukat Ġenerali ma ħax inkunsiderazzjoni biżżejjed l-argumenti tal-gvern imsemmi, b’tali mod li dawn il-konklużjonijiet ma humiex oġġettivi.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu d-dmir li pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, jipproponi konklużjonijiet immotivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan tal-aħħar jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Gvern Pollakk dwar l-allegat nuqqas ta’ oġġettività tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-imsemmi gvern iqis li l-argumenti tiegħu ma ttiħdux suffiċjentement inkunsiderazzjoni f’dawn il-konklużjonijiet jew f’dawk, li jirreferu għalihom fil-parti l-kbira dawn tal-aħħar, mogħtija mill-Avukat Ġenerali fil-kawża li kienet is-suġġett ta’ trattament ikkoordinat ma’ din il-kawża u li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ stħarriġ straordinarju u tal-kawżi pubbliċi tal-Qorti Suprema - Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798), ma hijiex, f’kull każ, tali li tistabbilixxi tali nuqqas ta’ oġġettività.

51      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li hija għandha, wara l-proċedura bil-miktub u s-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi neċessarji kollha sabiex tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tirrileva, barra minn hekk, li t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Gvern Pollakk ma tiżvela l-ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni li hija mitluba tagħti.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Skont il-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Ġenerali, il-Polonja), proċedura intiża sabiex jiġi kkonstatat li persuna ma għandhiex relazzjoni ta’ xogħol bħala mħallef u li hija ma setgħetx, konsegwentement, legalment tindika l-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri dixxiplinari miftuħa kontra qorti oħra taqa’ taħt id-dritt nazzjonali u taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri, b’tali mod li hija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

55      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni interpretattiva biss sa fejn il-qorti tar-rinviju hija effettivament mitluba tapplika b’mod konkret id-dritt tal-Unjoni fil-kawża li hija adita biha, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Fi kwalunkwe każ, u anki jekk tingħata interpretazzjoni iktar estensiva tal-imsemmija dispożizzjoni, din tal-aħħar tibqa’ irrilevanti f’dan il-każ, peress li, minn naħa, meta jaħtar il-korp kompetenti bħala qorti dixxiplinari, il-President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jiddeċidix fuq il-mertu ta’ tilwima individwali fi tmiem proċedura kontradittorja. Min-naħa l-oħra, dan l-istess President ma huwiex kompetenti sabiex jadotta deċiżjonijiet oħra li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u li dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin u, fejn ikun il-każ, ta’ regoli dwar l-istħarriġ ġudizzjarju applikabbli fil-kuntest ta’ tali proċeduri ta’ ħatra kif ukoll ta’ regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-Imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 56 u 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Min-naħa l-oħra, l-argumentazzjoni mressqa mill-Prosekutur Ġenerali essenzjalment tirrigwarda l-portata stess tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-domandi magħmula u, għalhekk, l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, tali interpretazzjoni taqa’ manifestament taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ammissibbiltà

59      Indipendentement mid-diversi oġġezzjonijiet magħmula minn J. M., mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Gvern Pollakk dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja stess li għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija adita mill-qorti nazzjonali, sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess jew l-ammissibbiltà tat-talba mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo, C‑472/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:684, punt 25).

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat regolarment li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkunu tressqu quddiemhom u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tkunx tirrigwarda formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti li l-qrati tar-rinviju “ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza” fil-kawża li jkunu adita biha (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li kawża hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma għandhom jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza dwar id-deċiżjoni preliminari (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63      Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-rikors ta’ natura ċivili ppreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huwa intiż, ċertament, formalment sabiex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn J. M. u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Madankollu, id-deskrizzjoni tal-kawża prinċipali li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni turi li M. F. ma tikkontestax tant l-eżistenza ta’ tali relazzjoni kuntrattwali jew statutorja bejn J. M. u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kwalitajiet rispettivi tagħhom ta’ impjegat u ta’ persuna li timpjega jew dik ta’ drittijiet jew obbligi li jirriżultaw minn tali relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet għaliha, iżda pjuttost il-kundizzjonijiet li fihom J. M. inħatar Imħallef fi ħdan l-Awla Dixxiplinari tal-imsemmija qorti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-imsemmija deskrizzjoni, permezz tal-preżentata tal-imsemmi rikors, M. F. għandha l-intenzjoni, fir-realtà, essenzjalment li tikkontesta d-deċiżjoni li permezz tagħha J. M., bħala Mħallef u President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għandu l-intenzjoni, skont l-Artikolu 110(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni, fl-ewwel istanza, tal-proċedura dixxiplinari miftuħa kontra M. F.

64      Insostenn tar-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, M. F. issostni għalhekk, essenzjalment, li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom saret il-ħatra ta’ J. M., l-imsemmija deċiżjoni ta’ ħatra ġiet adottata minn persuna li ma għandhiex il-kwalità ta’ mħallef indipendenti u imparzjali stabbilit minn qabel bil-liġi u, għaldaqstant, li d-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq ma huwiex iggarantit fil-kuntest tal-proċedura dixxiplinari miftuħa kontra tagħha quddiem l-imsemmija qorti dixxiplinari.

65      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, M. F. titlob, b’mod partikolari, li tiġi ordnata, b’mod kawtelatorju, is-sospensjoni tal-imsemmija proċedura dixxiplinari. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa barra minn hekk fl-okkażjoni tal-eżami li jirrigwarda speċifikament l-imsemmija talba għal miżura kawtelatorja li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

66      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tinkiseb deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja bil-għan li jiġi evitat il-ksur ta’ dritt serjament mhedded, għandu, ċertament, jitfakkar li, sa fejn tali tip ta’ azzjoni hija awtorizzata mid-dritt nazzjonali u li qorti tar-rinviju qieset li l-azzjoni li hija adita biha abbażi ta’ dan id-dritt hija ammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tpoġġi indiskussjoni din l-evalwazzjoni, b’tali mod li d-domandi magħmula minn din il-qorti nazzjonali jistgħu jirrispondu għal bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija ġiet adita biha regolarment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 64 u 65).

67      F’dan il-każ, madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, meta tkun adita b’azzjoni ċivili għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ġuridika bħal dik fil-kawża prinċipali, hija ma għandhiex preċiżament, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, il-ġurisdizzjoni li tippermettilha tiddeċiedi dwar il-legalità tal-att li bih il-persuna kkonċernata tkun ġiet maħtura mħallef, u li l-ammissibbiltà tal-imsemmija azzjoni lanqas ma tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ dan id-dritt nazzjonali.

68      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tippreżumi li l-qorti tar-rinviju jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali, sabiex din ma titqiesx bħala purament ipotetika (digriet tas-6 ta’ Settembru 2018, Di Girolamo, C‑472/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:684, punt 31).

69      Għalkemm jista’ madankollu jkun differenti f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. et, punt 166 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza A.B. et, punt 150), tali soluzzjoni ma tistax madankollu tiġi adottata f’din il-kawża.

70      Fil-fatt, fl-ewwel lok, u kif ġie enfasizzat fil-punti 63 sa 65 ta’ din is-sentenza, mid-deskrizzjoni tal-kawża prinċipali li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li hija intiża formalment għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol bejn J. M. u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali bħalissa hija barra minn hekk totalment estranja għaliha, l-azzjoni mressqa minn din tal-aħħar hija intiża b’mod definittiv sabiex tikkontesta l-validità tal-ħatra ta’ J. M. fil-pożizzjoni tiegħu bħala Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u għalhekk biex tiġi riżolta kwistjoni legali li qamet fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari fil-preżent mibdija kontriha quddiem qorti oħra, jiġifieri proċedura ġudizzjarja distinta minn dik mibdija fil-kawża prinċipali u li hija barra minn hekk titlob lill-qorti tar-rinviju tordna s-sospensjoni tagħha b’mod kawtelatorju.

71      Minn dan isegwi li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża jirrigwardaw intrinsikament tilwima differenti minn dik fil-kawża prinċipali u li fir-realtà din tal-aħħar tikkostitwixxi biss aċċessorju, sa fejn, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex li tevalwa jekk il-ħatra ta’ J. M. bħala President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u n-nomina minn dan l-imħallef tal-qorti dixxiplinari msejħa sabiex tieħu konjizzjoni ta’ proċeduri dixxiplinari bħal dawk li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija s-suġġett tagħhom, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u, finalment, jekk il-qorti dixxipplinari hekk maħtura minn J. M. biex tisma’ tali proċeduri fir-rigward ta’ din ir-rikorrenti tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, sabiex tevalwa b’mod sħiħ il-portata tal-imsemmija domandi u sabiex tagħtihom risposta xierqa, li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw din it-tilwima l-oħra pjuttost milli tillimita ruħha għall-konfigurazzjoni tal-kawża prinċipali, kif jeħtieġ madankollu l-Artikolu 267 TFUE.

72      Fit-tieni lok, jidher li, fin-nuqqas ta’ dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-ħatra ta’ J. M. bħala President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jew kontra l-att ta’ J. M. li jinnomina lill-qorti dixxiplinari responsabbli mill-eżami tal-imsemmija tilwima, M. F. setgħet qajmet, quddiem l-imsemmija qorti, kontestazzjoni bbażata fuq il-ksur eventwali, li jirriżulta mill-imsemmi att, tad-dritt tagħha li din l-istess tilwima tiġi deċiża minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, wara li tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 110(3) u l-Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, sa fejn jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji, jiġifieri mħallfin li jistgħu jiġu msejħa jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfawx ir-rekwiżit li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jgħid li tali kawżi għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita bil-liġi” [sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema Dixxiplinari għal Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 176.

74      Barra minn hekk, sa fejn jimponi tali rekwiżit, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jitqies li għandu effett dirett (ara, b’analoġija, is-sentenza A.B. et, punt 146), b’tali mod li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti dixxiplinari hekk indikata li tħalli mhux applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali, imsemmija fil-punt preċedenti, li bis-saħħa tagħhom tkun seħħet l-imsemmija ħatra u, għaldaqstant, li tiddikjara li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża mressqa quddiemha.

75      Fit-tielet lok, mill-ispjegazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza, kif ukoll mill-kliem stess tal-ewwel domanda preliminari jirriżulta li d-domandi magħmula f’dan il-każ mill-qorti tar-rinviju huma b’mod partikolari marbuta mal-fatt li l-ordinament ġuridiku nazzjonali ġie deliberatament rivedut mil-leġiżlatur Pollakk sabiex jipprekludi, minn issa’ l quddiem, li l-proċess ta’ ħatra tal-Imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl, preċiżament, tal-għan u tal-effetti ta’ din ir-riformulazzjoni leġiżlattiva, hija tistax tqis li għandha, permezz tad-dritt tal-Unjoni, il-kompetenza sabiex teżerċita tali stħarriġ fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

76      Issa, l-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, ir-riżoluzzjoni tal-KRS tat-23 ta’ Awwissu 2018 li tipproponi l-ħatra ta’ J. M. fil-pożizzjoni ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat, abbażi tal-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KRS, quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva), minn kandidat mhux propost għall-ħatra bis-saħħa tal-imsemmija riżoluzzjoni.

77      It-tieni nett, fir-rigward tal-emendi leġiżlattivi, ikkritikati mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, li affettwaw suċċessivament l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS, għandu jiġi enfasizzat li, minn meta tressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, fid-dispożittiv tas-sentenza A.B. et, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet li jemendaw l-istat tad-dritt nazzjonali fis-seħħ u li skonthom:

–        minn naħa, minkejja l-preżentata, minn kandidat għal pożizzjoni ta’ mħallef f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ korp bħall-KRS li ma jaċċettax il-kandidatura tiegħu, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika, din id-deċiżjoni għandha natura definittiva sa fejn din tippreżenta lil dawn il-kandidati l-oħra, b’tali mod li dan ir-rikors ma jostakolax il-ħatra ta’ dawn tal-aħħar mill-President tar-Repubblika u li l-eventwali annullament tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn din ma tkunx ippreżentat lir-rikorrent għall-ħatra ma jistax iwassal għal evalwazzjoni ġdida tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar għall-finijiet tal-għoti eventwali tal-pożizzjoni kkonċernata, u,

–        min-naħa l-oħra, tali rikors ma jistax ikun fondat fuq motiv ibbażat fuq evalwazzjoni mhux xierqa tal-osservanza, mill-kandidati, tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni meta tittieħed deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta ta’ ħatra,

meta jkun jidher, kif il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza msemmija, biex tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin hekk maħtura mill-President tar-Repubblika fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet tal-KRS, fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-individwi f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

78      Barra minn hekk, f’dan l-istess dispożittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-preżenza ta’ emendi fl-ordinament ġuridiku nazzjonali li, l-ewwel nett, iċaħħdu lil qorti nazzjonali mill-kompetenza tagħha sabiex tagħti deċiżjoni fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq rikorsi ppreżentati minn kandidati għal pożizzjonijiet ta’ mħallfin f’qorti bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra deċiżjonijiet ta’ korp bħalma huwa l-KRS li ma jippreżentax il-kandidatura tagħhom, iżda li jippreżenta dik ta’ kandidati oħra lill-President tar-Repubblika bil-għan li jinħatru għal dawn il-pożizzjonijiet, li, it-tieni, jiddekretaw li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni ipso jure fuq tali rikorsi meta jkunu għadhom pendenti, billi jeskludu li l-eżami tagħhom ikun jista’ jitkompla jew li jkunu jistgħu jerġgħu jiġu introdotti, u li, it-tielet, iċaħħdu, b’dan il-mod, lil tali qorti nazzjonali mill-possibbiltà li tikseb risposta għad-domandi preliminari li hija tkun indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        l-Artikolu 267 TFUE u l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali emendi meta jidher, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-qorti tar-rinviju tevalwa, fil-kawża li tat lok għas-sentenza A.B. et, abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi kellhom bħala effetti speċifiċi li jipprekludu lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi preliminari bħal dawk li sarulha minn din il-qorti u li jeskludu kull possibbiltà ta’ repetizzjoni futura, minn qorti nazzjonali, ta’ domandi analogi għalihom;

–        it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali emendi meta jidher, li hija l-istess qorti tar-rinviju li għandha tevalwa abbażi tal-elementi rilevanti kollha, li dawn l-emendi huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin maħtura, mill-President tar-Repubblika, abbażi tal-imsemmija deċiżjonijiet tal-KRS, fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tas-setgħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva, u dwar in-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi quddiemhom u, għaldaqstant, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-persuni fil-kawża f’soċjetà demokratika u Stat tad-dritt.

79      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat fl-imsemmi dispożittiv li, meta jseħħ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qorti tar-rinviju fil-kawża li wasslet għas-sentenza A.B. et li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati favur l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ preċedentement filwaqt li teżerċita hija stess l-istħarriġ ġudizzjarju previst minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.

80      It-tielet nett, għandu jitfakkar li, fil-punti 129 u 156 ta’ din is-sentenza A.B. et, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, b’mod partikolari, li tali ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jista’ jseħħ f’ċirkustanzi li fihom l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ Mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali, f’kuntest ġuridiku u fattwali nazzjonali partikolari, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom isseħħ f’daqqa t-tneħħija tar-rimedji ġudizzjarji eżistenti sa dak iż-żmien f’dak li jikkonċerna tali proċess ta’ ħatra jew ta’ tneħħija tal-effettività ta’ tali rimedji, jidhru li huma tali li jistgħu joħolqu, fil-ħsieb tal-individwi, dubji ta’ natura sistemika f’dak li jikkonċerna l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Imħallfin maħtura fl-aħħar tal-proċedura.

81      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll espressament, f’dawn l-istess punti 129 u 156, li, bħala tali, l-assenza eventwali tal-possibbiltà li jiġi eżerċitat rimedju ġudizzjarju fil-kuntest ta’ tali proċess ta’ ħatra tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, essenzjalment, sabiex tinkiseb forma ta’ invalidità erga omnes tal-ħatra tal-konvenut fil-kawża prinċipali fil-funzjonijiet ta’ Mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), minkejja li d-dritt nazzjonali ma jawtorizzax u qatt ma awtorizza lill-individwi kollha sabiex jikkontestaw il-ħatra tal-Imħallfin permezz ta’ azzjoni diretta għal annullament jew għal annullament ta’ tali ħatra.

82      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal u tal-fatt li l-funzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE tikkonsisti fil-provvista lil kull qorti tal-Unjoni tal-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għaliha għas-soluzzjoni ta’ tilwim reali quddiemha filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, f’dan il-kuntest, is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji kollha li għandhom l-individwi, għandu jitqies li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jmorru lil hinn mill-kuntest tal-missjoni ġudizzjarja li taqa’ fuq din tal-aħħar skont l-imsemmi Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1980, Foglia, 104/79, EU:C:1980:73, punt 12).

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) [il-Qorti Suprema (Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja] hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.