Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2024 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla Estiża) fl-20 ta’ Diċembru 2023 fil-Kawża T-494/21, Ryanair u Malta Air vs Il-Kummissjoni (Air France-KLM u Air France; COVID-19)

(Kawża C-167/24 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, J. Carpi Badía u M. Farley, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ryanair DAC, Malta Air ltd., ir-Reubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Société Air France, Air France-KLM

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla s-sentenza appellata;

tagħmel użu mis-setgħa tagħha taħt it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi definittivament il-kawża;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-motivi li ma ġewx indirizzati; u

tirriżerva d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż ta’ din l-istanza fil-każ li tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali jew tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż, fil-każ li tiddeċiedi definittivament il-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju żbaljat sabiex tiddefinixxi meta benefiċjarju ta’ għajnuna huwa limitat għal entità waħda jew għal diversi entitajiet fi ħdan grupp ta’ kumpanniji għall-finijiet tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li fatturi li sempliċement jindikaw li: (i) b’mod ġenerali, Air France-KLM, bħala kumpannija omm, tista’ teżerċita livell ta’ kontroll fuq Société Air France (Air France) u Koninklijke Luchtvaart Maatschapij NV (KLM) u s-sussidjarji tagħhom; u (ii) jeżisti ċertu livell ta’ integrazzjoni, koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn Air France, Air France-KLM u KLM, kienu suffiċjenti sabiex juru li KLM effettivament ibbenefikat mill-għajnuna – u, għaldaqstant, għandha titqies li hija benefiċjarju għall-finijiet tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni – f’sitwazzjoni fejn il-kontenut preċiż u l-kundizzjonijiet preċiżi li abbażi tagħhom ingħatat l-għajnuna jipprekludu b’mod espliċitu li l-għajnuna tintuża għall-benefiċċju ta’ KLM.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet, b’mod inammissibbli, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk kinux biss uħud mill-kumpanniji tal-grupp Air France-KLM li kienu jikkostitwixxu l-benefiċjarju tal-miżura ta’ għajnuna – li huwa qasam li fih il-qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li jeżiġi evalwazzjonijiet kumplessi ekonomiċi, u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ – mingħajr ma stabilixxiet b’mod xieraq li r-raġunament tal-Kummissjoni kien ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

____________