Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fid-29 ta’ Ġunju 2023 – E. M. A., E. M. A., M. I. A.

(Kawża C-395/23, Anikovi 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti fil-proċedura ta’ ġurisdizzjoni volontarja: E. M. A., E. M. A., M. I. A.

Domandi preliminari

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 1[(2)](e) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri 1 jkopri kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ġurisdizzjoni volontarja intiżi li tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal att ta’ trasferiment, bħal pereżempju bejgħ, ta’ proprjetà immobbli jew ta’ partijiet indiviżi ta’ proprjetà immobbli li jkunu jappartjenu lil minuri?

Liema regolament jiddetermina l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ġurisdizzjoni volontarja intiżi li tingħata awtorizzazzjoni ġudizzjarja għal att ta’ trasferiment, bħal pereżempju bejgħ, ta’ proprjetà immobbli jew ta’ partijiet indiviżi ta’ proprjetà immobbli li jkunu jappartjenu lil minuri? Din il-ġurisdizzjoni internazzjonali tappartjeni lill-qorti tal-post fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament 2019/1111, jew lill-qorti tal-post fejn tkun tinsab il-proprjetà, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) 1 jew bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali 2 ?

Trattat internazzjonali bilaterali bejn Stat Membru (ir-Repubblika tal-Bulgarija) u pajjiż terz (l-Unjoni Sovjetika, rispettivament il-Federazzjoni Russa), konkluż qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni, jidderoga mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2019/1111 dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri f’sitwazzjoni fejn dan it-trattat internazzjonali ma jissemmiex fil-Kapitolu VIII tar-Regolament 2019/1111?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2019, L 178, p. 1.

1     ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87.

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.