Appell ippreżentat fit-22 ta’ Awwissu 2013 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti fit-18 ta’ Ġunju 2013 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-143/11, Marcuccio vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-447/13)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
tannulla in toto u mingħajr eċċezzjoni d-digriet ikkontestat;
tirrinvija l-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa ppreżentat kontra d-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-18 ta’ Ġunju 2013, li permezz tiegħu ġie miċħud, bħala inammissibbli, rikors li kellu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba mressqa mill-appellant fis-16 ta’ Awwissu 2011 u intiża għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 3 316.31 għall-ispejjeż sostnuti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Frar 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni (F-81/09).
Insostenn tat-talbiet tiegħu, l-appellant isostni l-aggravji s-segwenti:
Nuqqas assolut ta’ motivazzjoni tad-digriet ikkontestat, b’mod partikolari minħabba l-iżnaturament u l-alterazzjoni tal-fatti.
Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati, distorti u illoġiċi:
tal-kunċett ta’ talba mressqa skont l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea;
tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, u nuqqas ta’ osservanza mhux motiva u illoġika tal-ġurisprudenza relatata miegħu;
tal-kunċett ta’ obbligu, li għandha istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, li tadotta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-Imħallef tal-Unjoni Ewropea.
Nuqqas assolut ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni, u nuqqas li tingħata deċiżjoni fuq talba fformulata f’din il-kawża mill-appellant.
Interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jwasslu għall-ksur manifest tal-prinċipju tad-dritt tal-Imħallef naturali stabbilita preċedentement bil-liġi, kif previst, inter alia, permezz tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.