Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Marzu 2013 - Direct Way u Direct Way Worldwide vs Il-Parlament

(Kawża T-126/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Direct Way (Brussell, il-Belġju); u Directway Worldwide (Machelen, il-Belġju) (rappreżentant: E. van Nuffel d'Heynsbroeck, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement,

tannulla:

id-deċiżjoni tal-Parlament, b'data mhux magħrufa, li tiġi abbandunata l-proċedura ta' sejħa għal offerti implementata minħabba l-fatt li "l-offerti rċevuti b'konsegwenza tas-sejħa għal offerti kienu inaċċettabbli fir-rigward tal-kriterji ta' attribuzzjoni, b'mod partikolari l-prezzijiet proposti li huma għoljin wisq meta mqabbla mal-valur stabbilit fl-avviż ta' kuntratt", li dwarha l-grupp Direct Way ġie informat permezz ta' ittra tat-3 ta' Settembru 2012;

id-deċiżjoni tal-Parlament, b'data mhux magħrufa, li tiġi applikata l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni sabiex jingħata l-kuntratt, li dwarha l-grupp Direct Way ġie informat permezz tal-istedina li ntbagħtitlu fid-19 ta' Settembru 2012 sabiex jipparteċipa fil-proċedura;

id-deċiżjoni tal-Parlament, b'data mhux magħrufa, li l-kuntratt jingħata lil offerent kompetitur, li dwarha l-grupp Direct Way ġie informat permezz ta' ittra elettronika tal-21 ta' Diċembru 2012, ikkonfermata permezz ta' ittra tat-3 ta' Jannar 2013;

tiddikjara konsegwentament li l-kuntratt konkluż bejn il-Parlament u s.c.s. TMS Limousines huwa null;

tikkundanna lill-Parlament sabiex iħallas lill-grupp Direct Way l-ammont provviżorju ta' EUR 199 500 fis-sena bħala kumpens għad-dannu mġarrab;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju 2, tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regolament ta' implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju  u tal-prinċipju ta' ugwaljanza, kif ukoll fuq żball manifest ta' evalwazzjoni, peress li l-Parlament ta l-kuntratt permezz ta' proċedura nnegozjata bi prezz ogħla mill-prezz offrut mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inizjali.

Sussidjarjament, it-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regolament ta' implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipju ta' ugwaljanza, peress li l-Parlament biddel b'mod sostanzjali l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt i) billi ta l-kuntratt bi prezz ogħla mill-prezz meqjus bħala inaċċettabbli fil-kuntest tas-sejħa għal offerti inizjali (l-ewwel parti) u ii) billi naqqas l-istima tal-volum li għandu jiġi pprovdut meta mqabbel mal-volum stabbilit fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt, u b'hekk affettwa l-evalwazzjoni tal-prezz tal-offerti nnegozjati (it-tieni parti).

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25, tal-25 ta' Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

2 - Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta' Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).