Language of document : ECLI:EU:T:2024:425

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla Estiża)

26 ta’ Ġunju 2024 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance tal-edukazzjoni – Rifjut tal-għoti – Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Taħriġ professjonali – Edukazzjoni ogħla – Delega ta’ poteri – Teħid lura tas-setgħat iddelegati – Awtorità tal-Ħatra kompetenti”

Fil-Kawża T‑698/21,

Georgios Paraskevaidis, residenti fi Wezembeek-Oppem (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Pappas, D.-A. Pappa u A. Pappas, avocats,

rikorrent,

vs

IlKunsill talUnjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u M. Alver, bħala aġenti,

u

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. S. Bohr u I. Melo Sampaio, bħala aġenti,

konvenuta,

IL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, L. Truchot, H. Kanninen, R. Frendo (Relatriċi) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: A. Marghelis, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

–        l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Jannar 2022,

–        id-digriet tal‑15 ta’ Lulju 2022 li jordna li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tingħaqad mal-mertu,

wara s-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tiegħu bbażat fuq l-Artikolu 270 TFUE, ir-rikorrent, Georgios Paraskevaidis, jitlob l-annullament, l-ewwel nett, tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal‑4 ta’ Frar 2021, imtennija permezz tan-nota tiegħu tal‑1 ta’ Marzu 2021, li tipprovdi li ebda allowance tal-edukazzjoni ma kienet dovuta lilu għat-taħriġ segwit minn bintu matul il-perijodu mix-xahar ta’ Novembru 2019 sax-xahar ta’ Awwissu 2020 kif ukoll tad-deċiżjoni li tiffissa l-ħlas bin-nifs tas-somom imħallsa indebitament, ikkomunikata fid‑9 ta’ Marzu 2021 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet tal-PMO”), u, it-tieni nett, tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“AIPN”) tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad‑19 ta’ Lulju 2021 li tiċħad l-ilment tar-rikorrent kontra l-imsemmija deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar l-ilment”).

I.      Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrent huwa uffiċjal tal-Kunsill.

3        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/792 tat‑13 ta’ Mejju 2019 li tafda f’idejn il-Kummissjoni Ewropea — l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) — l-eżerċizzju ta’ ċerti setgħat mogħtija lill-awtorità tal-ħatra u l-awtorità bis-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ (ĠU 2019, L 129, p. 3, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019”), il-Kunsill inkariga lill-PMO b’mod partikolari bl-eżerċizzju tas-setgħat relatati mal-għoti u mal-amministrazzjoni tal-allowances tal-edukazzjoni. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni, il-PMO jirrinunzja milli jeżerċita s-setgħat iddelegati lilu favur il-Kunsill jekk, f’każ individwali, l-Awtorità tal-Ħatra jew l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi l-kuntratti ta’ ingaġġ tal-Kunsill jitolbu dan.

4        Bejn il‑25 ta’ Novembru 2019 u t‑30 ta’ Awwissu 2020, it-tifla tar-rikorrent segwiet programm ta’ taħriġ fil-psikopedagoġija (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ taħriġ”). Abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), allowance tal-edukazzjoni tħallset lir-rikorrent matul il-programm ta’ taħriġ (iktar ’il quddiem l-“allowance tal-edukazzjoni”).

5        Fl‑4 ta’ Frar 2021, il-PMO nnotifika lir-rikorrent b’deċiżjoni li permezz tagħha ġie rrifjutat id-dritt għall-allowance tal-edukazzjoni, minħabba li s-Sistema Ewropea ta’ Krediti ta’ Tagħlim għall-Edukazzjoni u għat-Taħriġ Professjonali (ECVET) li għaliha l-programm ta’ taħriġ kien jagħti dritt ma kinitx ta’ livell ogħla. Konsegwentement, l-ammonti li kienu tħallsu lilu għall-allowance tal-edukazzjoni kellhom jiġu rkuprati.

6        Fl‑1 ta’ Marzu 2021, wara talba għal eżami mill-ġdid tar-rikorrent imressqa fis‑27 ta’ Frar 2021, il-PMO tenna d-deċiżjoni msemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, filwaqt li enfasizza li bint ir-rikorrent kienet irċeviet biss 21 unità ECVET filwaqt li l-Konklużjoni Riveduta 237/05 dwar l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ attendanza regolari full-time fi stabbiliment tal-edukazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, approvata mill-Kulleġġ tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni matul l-284 laqgħa tiegħu, li nżammet fl‑1 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem il-“Konklużjoni Riveduta 237/05”) qieset li l-kundizzjoni dwar attendanza regolari full-time fi stabbiliment tal-edukazzjoni kienet tikkorrispondi għall-għoti ta’ 30 kreditu fil-kuntest tas-Sistema Ewropea tat-Trasferiment u tal-Akkumulazzjoni ta’ Krediti (ECTS).

7        Fid‑9 ta’ Marzu 2021, il-PMO bagħat lir-rikorrent pjan ta’ rimbors tas-somom imħallsa indebitament bħala allowance tal-edukazzjoni.

8        Fl‑31 ta’ Marzu 2021, ir-rikorrent, permezz ta’ formola online mibgħuta mis-sistema ta’ amministrazzjoni tal-persunal tal-Kunsill, ressaq ilment quddiemu skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra d-deċiżjonijiet tal-PMO (iktar ’il quddiem l-“ilment”), fejn ikkontesta, b’mod partikolari, l-applikabbiltà tal-Konklużjoni Riveduta 237/05. Fil‑21 ta’ April 2021, huwa ressaq ilment, f’termini identiċi, quddiem il-Kummissjoni.

9        Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ April 2021, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill talab lill-PMO jirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra li kienu ġew iddelegati lilu, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrent. Il-PMO kkonforma ma’ din it-talba permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem it-“teħid lura tas-setgħat iddelegati”).

10      Fid‑19 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill, filwaqt li informa lir-rikorrent dwar it-teħid lura tas-setgħat iddelegati, ċaħad l-ilment. Huwa sostna, essenzjalment, li l-allowance tal-edukazzjoni ma kinitx dovuta, skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-programm ta’ taħriġ kien ta’ natura professjonali u ma kienx iwassal għal diploma. Il-Kunsill żied jgħid li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-limitu minimu ta’ 30 kreditu ECTS previst mill-Konklużjoni Riveduta 237/05.

II.    Ittalbiet talpartijiet

11      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli fit-totalità tiegħu;

–        tannulla d-deċiżjonijiet tal-PMO kif ukoll id-deċiżjoni dwar l-ilment;

–        tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat lilha;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

13      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

III. Iddritt

A.      Fuq lammissibbiltà

14      Ir-rikors huwa intiż għall-annullament ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ żewġ istituzzjonijiet differenti li jirrifjutaw l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni lir-rikorrent. Id-deċiżjonijiet tal-PMO jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, filwaqt li d-deċiżjoni dwar l-ilment tingħata mill-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill, wara t-teħid lura tas-setgħat iddelegati matul il-proċedura prekontenzjuża.

15      Il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa indirizzat kontriha, minħabba li din ma hijiex l-Awtorità tal-Ħatra kompetenti li minnha toħroġ id-deċiżjoni dwar l-ilment, li hija l-uniku att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent. Hija tqis li, fid-dawl tat-teħid lura tas-setgħat iddelegati mill-Kunsill, kif ukoll tal-emenda tal-argumenti ta’ dritt li jsostnu d-deċiżjoni dwar l-ilment, din tal-aħħar issostitwixxiet id-deċiżjonijiet tal-PMO.

16      Fir-risposta, il-Kunsill sostna wkoll li, minħabba t-teħid lura tas-setgħat iddelegati, ir-rikors seta’ jiġi ppreżentat biss kontrih.

17      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-finalità tagħha stess, li hija dik li tippermetti lill-amministrazzjoni tirrevedi d-deċiżjoni tagħha, il-proċedura prekontenzjuża għandha natura evoluttiva, b’tali mod li, fis-sistema tar-rimedji previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni tista’, filwaqt li tiċħad l-ilment, tasal tibdel ir-raġunijiet li fuqhom ikun ġie adottat l-att ikkontestat (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2014, CP vs Il‑Parlament, F‑8/13, EU:F:2014:44, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-għan tal-proċedura ta’ lment huwa li tippermetti l-eżami mill-ġdid mill-Awtorità tal-Ħatra tal-att ikkontestat fir-rigward tal-ilmenti mressqa mill-persuna li tressaq l-ilment, jekk ikun il-każ billi tbiddel l-motivi li jservu ta’ sostenn għad-dispożittiv tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punti 32 u 33).

18      Għalhekk, il-motivazzjoni addizzjonali fl-istadju tad-deċiżjoni dwar l-ilment hija konformi mal-għan tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi preċiżament deċiżjoni motivata. Issa, din id-dispożizzjoni timplika neċessarjament li l-awtorità li għandha tiddeċiedi fuq l-ilment ma hijiex marbuta bil-motivazzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T‑585/16, EU:T:2017:613, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors, anki jekk formalment intiż kontra ċ-ċaħda tal-ilment, għandu bħala effett li jirreferi lill-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li kontra tiegħu l-ilment ġie ppreżentat, ħlief fl-ipoteżi fejn iċ-ċaħda tal-ilment ikollha portata differenti minn dik tal-att li kontra tiegħu ġie fformat l-ilment. Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment, tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura purament konfermattiva tal-att ikkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni dwar l-ilment ikun fiha eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, fir-rigward tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda jew meta hija tbiddel jew tissupplimenta d-deċiżjoni inizjali. F’din l-ipoteżi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew tqishom att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil dan tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2014, Mocová vs Il‑Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      F’dan il-każ, id-deċiżjoni dwar l-ilment ittieħdet mill-Kunsill, wara li talab lill-PMO jirrinunzja għall-kompetenzi tiegħu bħala Awtorità tal-Ħatra, konformement mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019. Il-Kunsill jikkonferma r-rifjut li tingħata l-allowance tal-edukazzjoni. Madankollu, il-motivazzjoni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni dwar l-ilment hija differenti minn dik li tinsab fid-deċiżjonijiet tal-PMO. Għalhekk, għalkemm il-PMO bbaża ruħu fuq il-Konklużjoni Riveduta 237/05 sabiex isostni li l-programm ta’ taħriġ ma kienx jissodisfa l-kriterju kwantitattiv tal-limitu minimu ta’ 30 kreditu ECTS sabiex jiġi kklassifikat bħala edukazzjoni ta’ livell ogħla, il-Kunsill jeskludi kompletament l-imsemmi kriterju sabiex jibbaża ruħu fuq kriterju kwalitattiv, li jikkonċentra l-analiżi fuq in-natura stess tal-programm ta’ taħriġ.

21      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, permezz tad-deċiżjoni dwar l-ilment, biddel kompletament ir-raġunijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-PMO billi wettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent. Għalhekk, l-imsemmija deċiżjoni għandha kontenut awtonomu u portata differenti mid-deċiżjonijiet tal-PMO u ma tistax titqies li hija purament konfermattiva tagħhom.

22      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni dwar l-ilment issostitwixxiet id-deċiżjonijiet tal-PMO u tikkostitwixxi, f’dan il-każ, l-att li jikkawża preġudizzju.

23      Konsegwentement, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-PMO u, għaldaqstant, kontra l-Kummissjoni, li minnha joriġinaw.

B.      Fuq ilmertu

24      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka, essenzjalment tliet motivi, ibbażati fuq:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ legalità minħabba, minn naħa, nuqqas ta’ bażi legali ratione temporis u, min-naħa l-oħra, applikazzjoni retroattiva illegali tal-Konklużjoni Riveduta 237/05;

–        it-tieni wieħed, fuq eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Konklużjoni Riveduta 237/05, li tistabbilixxi distinzjoni bejn il-programmi ta’ taħriġ professjonali u l-programmi li jwasslu għal diploma, kif ukoll in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-imsemmija distinzjoni;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

25      Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrent iqajjem ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-illegalità tat-teħid lura tas-setgħat iddelegati, li, konsegwentement, tqiegħed inkwistjoni l-kompetenza tal-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni dwar l-ilment.

26      Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-ewwel nett, b’mod konġunt, l-ewwel u t-tieni motiv, imbagħad ir-raba’ motiv u, fl-aħħar nett, it-tielet motiv.

1.      Fuq lewwel u ttieni motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-Konklużjoni Riveduta 237/05, minħabba l-applikazzjoni retroattiva tagħha u ta’ distinzjoni illegali bejn programmi edukattivi

27      Permezz tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta, essenzjalment, l-applikazzjoni retroattiva tal-Konklużjoni Riveduta 237/05 u għalhekk isostni nuqqas ta’ bażi legali ratione temporis fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-PMO.

28      Permezz tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Konklużjoni Riveduta 237/05, sa fejn din tagħmel distinzjoni bejn il-programmi ta’ taħriġ professjonali u l-programmi li jwasslu għal diploma. Ir-rikorrent jeċċepixxi wkoll l-inkompetenza tal-Kapijiet tal-Amministrazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-imsemmija distinzjoni.

29      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrent.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-punti 6 u 10 kif ukoll mill-punti 19 u 20 iktar ’il fuq, għalkemm id-deċiżjonijiet tal-PMO kienu bbażati fuq il-Konklużjoni Riveduta 237/05 li hija msemmija fl-ewwel u fit-tieni motiv, fid-deċiżjoni dwar l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill bidlet kompletament il-punti ta’ liġi li jsostnu l-analiżi sabiex tikkonkludi li l-allowance tal-edukazzjoni ma kinitx dovuta.

31      B’mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-ilment ċaħdet il-Konklużjoni Riveduta 237/05 li kienet tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjonijiet tal-PMO, filwaqt li enfasizzat li ma kienx neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-applikabbiltà tal-limitu minimu ta’ 30 kreditu ECTS li hija inkluża fl-imsemmija konklużjoni riveduta.

32      Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni motiv huma marbuta biss mad-deċiżjonijiet tal-PMO.

33      Issa, kif ġie kkonstatat fil-punt 23 iktar ’il fuq, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-PMO u, għaldaqstant, l-ewwel u t-tieni motiv relatati magħhom għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

2.      Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill sabiex jirtira d-delega tas-setgħat lill-PMO u joħroġ id-deċiżjoni dwar l-ilment

a)      Fuq lammissibbiltà tarraba’ motiv

34      Il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv billi jsostni li, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-produzzjoni ta’ motiv ġdid matul il-proċedura, li ma jirriżultax minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt li rriżultaw wara l-preżentata tar-rikors, hija pprojbita. Issa, peress li informa lir-rikorrent bit-teħid mill-ġdid tas-setgħat iddelegati fid-deċiżjoni dwar l-ilment, il-Kunsill iqis li l-motiv imqajjem minnu fl-istadju tar-replika huwa tardiv u, għaldaqstant, inammissibbli.

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, bħala prinċipju, il-produzzjoni ta’ motiv ġdid għandha tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn ir-rekwiżiti ma humiex applikabbli meta motiv, filwaqt li jista’ jiġi kklassifikat bħala motiv ġdid, ikun ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2016, La Ferla vs Il‑Kummissjoni u l-ECHA, T‑392/13, EU:T:2016:478, punt 65, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑301/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:676, punt 64).

36      Issa, kif isostni r-rikorrent, il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur ta’ att li jikkawża preġudizzju huwa ta’ ordni pubbliku, b’tali mod li jista’ jiġi invokat f’kull stadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Pipiliagkas vs Il‑Kummissjoni, T‑689/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:925, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Settembru 2022, Grieger vs Il‑Kummissjoni, T‑517/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:588, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv huwa ammissibbli.

b)      Fuq ilfondatezza tarraba’ motiv

38      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni dwar l-ilment hija vvizzjata b’illegalità minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħha. F’dan ir-rigward, huwa jqajjem, essenzjalment, żewġ ilmenti.

39      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill seta’ jirrevoka d-delega tas-setgħat magħmula lill-PMO fl-intier tagħha biss u mhux għal każ individwali. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-Artikoli 90c u 91a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludu kull teħid lura tas-setgħat iddelegati meta l-PMO jkun diġà eżerċita s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra, suġġett tad-delega. Huwa jżid ukoll li l-imsemmi teħid lura tal-poteri ddelegati jqajjem kwistjonijiet fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

40      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jallega ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali minħabba l-assenza ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni individwali tat-teħid lura ta’ kompetenza min-naħa tal-Kunsill, wara l-ilment tiegħu.

41      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

1)      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq innuqqas ta’ kompetenza talKunsill li jwettaq teħid lura tassetgħat iddelegati għal każ individwali

42      Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, istituzzjoni waħda jew iktar jistgħu jafdaw lil waħda minnhom jew lil korp interistituzzjonali l-eżerċizzju tas-setgħat kollha jew ta’ parti minnhom mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra, minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, il-promozzjonijiet jew it-trasferimenti ta’ uffiċjali. F’dan il-każ, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019, il-Kunsill għamel użu minn din il-possibbiltà billi ddelega lill-PMO, b’mod partikolari, is-setgħat tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra sabiex jagħti u jamministra t-talbiet għal allowances għall-edukazzjoni magħmula mill-persunal tiegħu.

43      Fir-rigward tal-oqsma li għalihom ġie applikat l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 90c tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-ilmenti għandhom jitressqu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra ddelegata, filwaqt li, skont l-Artikolu 91a tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorsi huma ppreżentati kontra l-istituzzjoni li minnha tiddependi l-Awtorità tal-Ħatra ddelegata.

44      Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni kienet, bħala prinċipju, kompetenti sabiex tadotta kull deċiżjoni dwar ilment imressaq fil-qasam tal-allowances għall-edukazzjoni fir-rigward tal-persunal tal-Kunsill.

45      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, delega ta’ kompetenza tikkostitwixxi att fejn l-awtorità li tiddelega ċċedi l-kompetenza ddelegata u għalhekk għandha l-effett ta’ trasferiment ta’ kompetenzi, li jipprojbixxi, a priori, lill-awtorità li tiddelega milli tagħmel użu mill-kompetenza ttrasferita, ħlief sabiex tivvizzja d-deċiżjoni tagħha minħabba nuqqas ta’ kompetenza (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Janssen-Cases vs Il‑Kummissjoni, T‑688/16, EU:T:2018:822, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-leġiżlatur ma eskludiex espliċitament, fir-Regolamenti tal-Persunal, il-possibbiltà ta’ teħid lura tas-setgħat iddelegati mill-istituzzjoni li tiddelega abbażi tal-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

47      Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza tammetti li l-awtorità li tiddelega tista’ teżerċita mill-ġdid il-kompetenza, filwaqt li tqis li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li fuqu hija bbażata n-natura formali tal-operazzjonijiet ta’ delega ta’ kompetenza, jeżiġi li hija tadotta, minn qabel, att espliċitu li permezz tiegħu hija tirkupra l-kompetenza ddelegata. Għalhekk, bl-istess mod li delega ta’ kompetenza teħtieġ l-adozzjoni ta’ att espliċitu li jittrasferixxi s-setgħa kkonċernata, it-teħid lura tas-setgħat iddelegati għandu jsir ukoll permezz tal-adozzjoni ta’ att espliċitu (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Janssen-Cases vs Il‑Kummissjoni, T‑688/16, EU:T:2018:822, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jippreżumi b’mod partikolari li t-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-persunal ikun iddefinit b’mod ċar u debitament ippubblikat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE, F‑89/07, EU:F:2008:97, punt 62).

49      F’dan il-każ, l-ewwel nett, l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019 obbligat lill-PMO jinnotifika l-Kunsill, sal‑31 ta’ Diċembru 2021, b’kull ilment irċevut u dirett kontra deċiżjoni li tikkonċerna membru tal-persunal tiegħu. L-istess dispożizzjoni tippreċiża li, “[j]ekk f’każ individwali l-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tal-Kunsill titlob hekk, il-PMO għandu jirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħat delegati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-awtorità tal-ħatra jew l-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti tal-Kunsill għandha teżerċita s-setgħat tagħha f’tali każ”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni kienet tawtorizza espliċitament lill-Kunsill jitlob lill-PMO jirrinunzja s-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra li kienu ġew iddelegati lilu, sabiex il-Kunsill jieħu lura l-eżerċizzju tagħhom.

50      Minn dan isegwi li l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019 kien jawtorizza espliċitament lill-Kunsill iwettaq teħid lura tas-setgħat iddelegati, preċiżament f’każijiet individwali u wara l-preżentata ta’ lment.

51      It-tieni nett, ma huwiex ikkontestat li d-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019 ġiet debitament ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

52      It-tielet nett, il-Kunsill eżerċita l-kompetenza tiegħu biss wara att espliċitu u minn qabel, li permezz tiegħu, fit‑23 ta’ April 2021, huwa talab lill-PMO jirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati f’dan il-każ, talba li kkonforma magħha fl‑10 ta’ Ġunju 2021 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

53      Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 49 sa 52 iktar ’il fuq jirriżulta li t-teħid lura tas-setgħat iddelegati osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’mod partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt b’mod partikolari li l-Artikolu 90c tar-Regolamenti tal-Persunal jindika li t-talbiet u l-ilmenti li jirrigwardaw is-setgħat iddelegati jitressqu quddiem l-Awtorità tal-Ħatra ddelegata ma jistax jiġi assimilat ma’ projbizzjoni leġiżlattiva ta’ teħid lura ta’ tali setgħat mill-proprjetarju tagħhom, kemm jekk tkun sħiħa jew individwali. L-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tipprojbixxi t-teħid lura tas-setgħat iddelegati matul il-proċedura prekontenzjuża, kif jallega r-rikorrent, fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura evoluttiva tagħha, kif imfakkar mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 17 iktar ’il fuq.

55      Għaldaqstant, l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jwettaq teħid lura tas-setgħat iddelegati f’każ individwali, għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lassenza ta’ pubblikazzjoni taddeċiżjoni individwali tatteħid lura tassetgħat iddelegati

56      Ir-rikorrent jilmenta li l-Kunsill ma ppubblikax id-deċiżjoni individwali ta’ teħid lura tal-kompetenza wara l-ilment tiegħu.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kif interpretati fil-kuntest ta’ ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors għandu jinkludi l-motivi u l-argumenti invokati, espressi b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob informazzjoni oħra. Fin-nuqqas ta’ dan, l-ilment mhux ċar jew vag huwa inammissibbli (ara s-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2022, ON vs Il‑Kummissjoni, T‑730/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:155, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill, billi ma ppubblikax id-deċiżjoni li jieħu lura d-delega ta’ setgħat, fir-rigward tal-ilment, kiser rekwiżit formali essenzjali. Madankollu, jonqos milli jindika l-bażi legali li tistabbilixxi xi obbligu ta’ pubblikazzjoni tad-deċiżjoni individwali jew li jiżviluppa iktar, u b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, l-argument tiegħu fir-rigward ta’ dan l-ilment.

59      Minn dan isegwi li t-tieni ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli fuq il-bażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

60      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, permezz tat-tieni lment tiegħu, ir-rikorrent għandu l-intenzjoni li jsostni l-assenza ta’ żvelar, fir-rigward tiegħu, tad-deċiżjoni individwali ta’ teħid lura ta’ setgħat iddelegati fir-rigward tal-ilment, għandu jiġi rrilevat li din ittieħdet fl‑10 ta’ Ġunju 2021, data tal-ittra tal-PMO li tikkomunika lill-Kunsill il-kunsens tiegħu li jirrinunzja għall-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati. Ċertament, din l-ittra ma ġietx innotifikata lir-rikorrent, u dan tal-aħħar ġie avżat biss fil-mument tan-notifika tad-deċiżjoni dwar l-ilment, fid‑19 ta’ Lulju 2021, jiġifieri ħames ġimgħat u nofs iktar tard (ara l-punti 9 u 10 iktar ’il fuq).

61      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dewmien fil-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni individwali lid-destinatarju tagħha ma jistax iwassal għall-annullament tagħha, peress li l-komunikazzjoni hija att sussegwenti għad-deċiżjoni u, għaldaqstant, ma teżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħha (sentenzi tad‑29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il‑Kummissjoni, 125/80, EU:C:1981:248, punt 9, u tas‑7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, EU:T:2007:37, punt 79).

62      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 8 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ressaq l-ilment tiegħu qabel kollox quddiem il-Kunsill u, biss tliet ġimgħat wara, lill-Kummissjoni, billi ppreżentalha kopja tal-ilment imressaq quddiem il-Kunsill.

63      Ulterjorment, ir-rikorrent ma jsostnix, u inqas u inqas ma juri, li l-fatt li d-deċiżjoni dwar l-ilment ġiet adottata mill-Kunsill u mhux mill-Kummissjoni seta’, fih innifsu, jippreġudika waħda mill-garanziji mogħtija lilu mir-Regolamenti tal-Persunal jew mir-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-persunal.

64      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li ebda irregolarità proċedurali ma tivvizzja t-teħid lura tas-setgħat iddelegati mill-Kunsill, b’tali mod li r-rikorrent ma huwiex iġġustifikat li jsostni li d-deċiżjoni dwar l-ilment ittieħdet minn awtorità li ma għandhiex kompetenza.

65      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 3(1) talAnness VII tarRegolamenti talPersunal

66      It-tielet motiv, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

67      Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrent isostni li, fis-sens tal-Konklużjoni Riveduta 237/05, il-kundizzjoni ta’ attendenza “full-time” ta’ stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla hija ssodisfatta, essenzjalment, biss meta l-istudji segwiti jikkorrispondu għal 30 kreditu ECTS. Għalhekk, l-imsemmija konklużjoni riveduta imponiet kundizzjoni addizzjonali illegali, billi llimitat l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal biss għall-programmi ta’ taħriġ akkademiku, bl-esklużjoni ta’ kull taħriġ professjonali li jagħti dritt għall-għoti ta’ unità ECVET.

68      Issa, kif jirriżulta mill-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill eskludiet kompletament il-Konklużjoni Riveduta 237/05 li kienet tikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjonijiet tal-PMO, b’tali mod li l-ewwel parti tat-tielet motiv relatata ma’ dawn tal-aħħar għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

69      Insostenn tat-tieni parti tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni dwar l-ilment kisret l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn hija introduċiet distinzjoni bejn l-edukazzjoni ogħla u l-edukazzjoni professjonali.

70      Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance għall-edukazzjoni hija dovuta għal kull wild dipendenti ta’ mill-inqas ħames snin, li jattendi regolarment u full-time stabbiliment tal-edukazzjoni primarja jew sekondarja li tieħu l-miżati, jew stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla.

72      Issa, fid-deċiżjoni dwar l-ilment, il-Kunsill sostna li l-allowance tal-edukazzjoni ma kinitx dovuta lir-rikorrent. Minn naħa, il-programm ta’ taħriġ kien ta’ natura professjonali u kien jagħti lok għall-kisba ta’ krediti ECVET, u mhux għal unità ECTS. Min-naħa l-oħra, dan ma kienx jagħti dritt għal diploma universitarja tat-tieni jew tat-tielet ċiklu u, għalhekk, ma kienx jaqa’ taħt l-edukazzjoni universitarja fis-sens tas-sistema edukattiva Griega. Minn dan il-Kunsill ikkonkluda li l-programm ta’ taħriġ ma setax jitqies bħala “edukazzjoni ogħla” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

73      Matul din il-proċedura, il-Kunsill sostna li l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li jagħti dritt għall-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 2(3)(b) tal-imsemmi anness, li jipprevedi l-għoti ta’ allowance għal wild dipendenti li jirċievi taħriġ edukattiv jew professjonali.

74      Skont il-Kunsill, il-fatt li l-kunċett ta’ “taħriġ professjonali” jinsab fl-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-allowance għall-ulied dipendenti, iżda huwa assenti mill-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar l-allowance tal-edukazzjoni, juri li l-kunċett ta’ “taħriġ professjonali” huwa kunċett awtonomu distint minn dak ta’ “edukazzjoni ogħla”, li għalih, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi anness jissuġġetta l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni. Għaldaqstant, l-edukazzjoni ogħla ma tistax tinkludi t-taħriġ professjonali, b’tali mod li l-allowance tal-edukazzjoni ma tkunx dovuta fil-każ fejn il-wild ikkonċernat isegwi tali taħriġ.

75      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirrileva li, kif jirriżulta mill-punt 71 iktar ’il fuq, l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi b’mod partikolari tliet kundizzjonijiet għall-għoti ta’ allowance tal-edukazzjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, l-attendenza fi stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla, it-tieni nett, in-natura regolari tal-imsemmija attendenza u, it-tielet nett, il-fatt li din l-attendenza tkun abbażi full-time. B’hekk, l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jsemmi n-natura tat-taħriġ bħala tali.

76      Issa, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, għalkemm il-leġiżlatur ma invokax in-natura tat-taħriġ mogħti minn stabbiliment tal-edukazzjoni ogħla fil-kuntest tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li għamel dan fil-kuntest tal-Artikolu 2(3)(b) tal-istess anness, la huwa l-Kunsill u lanqas il-Qorti Ġenerali li għandhom jistabbilixxuh bħala kundizzjoni addizzjonali.

77      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li, ċertament, id-distinzjoni bejn taħriġ edukattiv u taħriġ professjonali li tinsab fl-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet tippermetti li jiġi eskluż il-ħlas tal-allowance tal-edukazzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi anness meta l-wild dipendenti jsegwi taħriġ professjonali mingħajr ebda rabta ma’ stabbiliment tal-edukazzjoni. Min-naħa l-oħra, din id-distinzjoni ma tipprekludix il-ħlas tal-allowance tal-edukazzjoni meta wild dipendenti jirċievi taħriġ professjonali mogħti minn stabbiliment tal-edukazzjoni li huwa jattendi regolarment u abbażi full-time (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1993, Wery vs Il‑Parlament, T‑86/91, EU:T:1993:7, punti 44, 45, 50 u 51).

78      Konsegwentement, in-natura professjonali tat-taħriġ ma għandhiex effett fuq l-għoti tal-allowance għall-edukazzjoni skont l-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sakemm dan jingħata minn stabbiliment tal-edukazzjoni.

79      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessa 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 317/2013 tat‑8 ta’ April 2013 li temenda l-Annessi tar-Regolamenti (KE) Nru 1983/2003, (KE) Nru 1738/2005, (KE) Nru 698/2006, (KE) Nru 377/2008 u (UE) Nru 823/2010 fir-rigward tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni (ĠU 2013, L 99, p. 1), li tipprovdi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jużaw klassifikazzjonijiet tal-edukazzjoni kompatibbli mal-verżjoni riveduta tal-Klassifikazzjoni Standard Internazzjonali tal-Edukazzjoni 2011 (CITE). Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-punt 2 tal-Konklużjoni Riveduta 237/05 jirreferi għaċ-CITE għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ attendenza full-time ta’ stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

80      Issa, waqt is-seduta, il-Kunsill irrikonoxxa, minn naħa, li ċ-CITE tiddefinixxi l-edukazzjoni ogħla bħala li tinkludi kemm dak li huwa komunement mifhum bħala l-edukazzjoni akkademika kif ukoll dak li jikkorrispondi għall-edukazzjoni professjonali avvanzata u, min-naħa l-oħra, li l-Università tal-Eġew (il-Greċja), li fi ħdanha ngħata l-programm ta’ taħriġ, hija stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla.

81      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Kunsill ma setax jirrifjuta l-għoti tal-allowance tal-edukazzjoni lir-rikorrent minħabba li l-programm ta’ taħriġ ma setax jitqies bħala “edukazzjoni ogħla” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

82      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, minn naħa, għandha tintlaqa’ t-tieni parti tat-tielet motiv u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni dwar l-ilment u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.

IV.    Fuq lispejjeż

83      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

84      Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

85      F’dan il-każ, ir-rikorrent tilef fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjonijiet tal-PMO u, għaldaqstant, kontra l-Kummissjoni.

86      Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Mejju 2019, moqrija flimkien mal-Artikoli 90c u 91a tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 43 u 49 iktar ’il fuq), setgħet toħloq ċerta ambigwità fir-rigward tal-att li jikkawża preġudizzju f’dan il-każ.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk ir-rikorrent tilef it-talbiet tiegħu sa fejn huma diretti kontra l-Kummissjoni, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ jekk jiġi deċiż li din tal-aħħar għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

88      Peress li l-Kunsill tilef fuq il-mertu, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (Id‑Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat kontra l-Kummissjoni Ewropea.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad19 ta’ Lulju 2021 li tiċħad l-ilment ta’ Georgios Paraskevaidis introdott kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” tal-Kummissjoni tal4 ta’ Frar 2021, tal1 ta’ Marzu 2021 u tad9 ta’ Marzu 2021 hija annullata.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kunsill huwa kkundannat, minbarra għall-ispejjeż tiegħu stess, għall-ispejjeż ta’ G. Paraskevaidis.

5)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha stess.

Papasavvas

Truchot

Kanninen

Frendo

 

Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Ġunju 2024.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

V. Di Bucci


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.