Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Diċembru 2021 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-22 ta’ Settembru 2021 fil-Kawżi magħquda T-639/14 RENV, Τ-352/15 u Τ-740/17, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) vs Il-Kummissjoni Ewropea sostnuta minn Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon

(Kawża C-739/21 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Antonios Bouchagiar u Paul-John Loewenthal)

Partijiet oħra fil-proċedura: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) (rikorrenti fl-ewwel istanza)

Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon (intervenjenti fl-ewwel istanza)

Talbiet

Insostenn tal-appell tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-22 ta’ Settembru 2021, fil-Kawżi magħquda T-639/14 RENV, T-352/15 u T-740/17, DEI vs Il-Kummissjoni;

taqta’ u tiddeċiedi b’mod definittiv fuq ir-rikors propost fl-ewwel istanza fil-Kawża T-740/17 u tiċħad dan ir-rikors (inkella tiddeċiedi b’mod definittiv fuq it-tielet u r-raba’ motiv, billi tiċħad dawn, kif ukoll dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-ħames motiv; u tibgħat lura l-Kawża T-740/17 quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi l-oħra), u fl-istess waqt tiddeċiedi li r-rikors fil-Kawżi T-639/14 RENV u T-352/15 ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni; kif ukoll

tikkundanna lill-appellata u rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka aggravju wieħed:

Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 107(1) TFUE billi qieset li l-Kummissjoni ma setgħatx teskludi l-eżistenza ta’ vantaġġ ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq fir-rikors ta’ DEI għall-arbitraġġ ma’ Mytilineos, iżda kellha teżamina jekk it-tariffa ffissata mit-tribunal ta’ arbitraġġ jikkorrispondi fil-fatt mal-prezz tax-xiri, peress li t-tribunal ta’ arbitraġġ kellu jiġi ttrattat bl-istess mod bħal kwalunkwe qorti oħra tal-Istat.

Abbażi ta’ tali żball ta’ liġi, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji, fis-sens tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 1 , li fuq il-bażi tagħhom kellha tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE għal dak li jirrigwarda t-tariffa ffissata mit-tribunal ta’ arbitraġġ.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).