Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Ġunju 2023 – Athenian Brewery SA, Heineken NV vs Macedonian Thrace Brewery SA

(Kawża C-393/23, Athenian Brewery u Heineken)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Athenian Brewery SA, Heineken NV

Konvenut: Macedonian Thrace Brewery SA

Domandi preliminari

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tad-domiċilju tal-kumpannija omm għandha, sabiex tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem ir-Regolament Brussell Ia) 1 , fir-rigward tas-sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, tibbaża ruħha, fil-kuntest tar-rekwiżit ta’ rabta stretta msemmi f’din id-dispożizzjoni, fuq il-preżunzjoni, ammessa fil-qasam tad-dritt sostantiv tal-kompetizzjoni, ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja li hija s-suġġett tat-tilwima?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, kif għandu jiġi interpretat il-kriterju stabbilit fis-sentenzi Kolassa 1 u Universal Music 2 ? Huwa suffiċjenti f’dan il-każ, meta l-influwenza determinanti tal-kumpannija omm fuq l-attività ekonomika tas-sussidjarja tiġi kkontestata, li ma jiġix eskluż a priori li tali influwenza determinanti kienet eżistiet sabiex il-qorti tiddikjara li jkollha ġurisdizzjoni fir-rigward tas-sussidjarja kkonċernata skont il-punt 1 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell Ia?

____________

1     ĠU 2012, L 351, p. 1.

1     C-375/13.

1     C-12/15.