Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2023 minn Gennady Nikolayevich Timchenko mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-6 ta’ Settembru 2023 fil-Kawża T-252/22, Timchenko vs Il-Kunsill

(Kawża C-702/23 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Gennady Nikolayevich Timchenko (rappreżentanti: T. Bontinck u S. Bonifassi, avocats, u E. Fedorova, avocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) tas-6 ta’ Settembru 2023, T-252/22, inkluż sa fejn hija ordnat lill-appellant ibati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kunsill;

tilqa’ l-appell fuq il-mertu u tannulla l-atti kkontestati kif imsemmija fl-ewwel paragrafu tar-rikors, jiġifieri

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/337 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 59, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 112), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/336 tat-28 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 58, p. 1, rettifika fil-ĠU 2022, L 67, p. 113);

id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1530 tal-14 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 149), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1529 tal-14 ta’ Settembru 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 239, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawh, peress li dawn jinkludu u jżommu lill-appellant fil-listi annessi mal-imsemmija atti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

1) L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-att li persuni “jappoġġaw, b’mod materjali jew finanzjarju” li għalih jirreferi l-kriterju previst fl-Artikoli 1(1)(b) u 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK jista’ jintwera bl-assenza ta’ oppożizzjoni, min-naħa tal-persuna ssanzjonata, għad-deċiżjonijiet meħuda mill-entità kkunsidrata bħala direttament responsabbli għall-appoġġ finanzjarju lil persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq;

2) L-appellant iqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-att li persuni jappoġġaw “azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna” fis-sens tal-kriterju ta’ denominazzjoni previst fl-Artikolu 1(1)(a) u fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK jintwera minn assenza ta’ distanza, min-naħa tal-appellant, mill-politika u mid-deċiżjonijiet tal-entità li permezz tagħha ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ appoġġ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(d) tad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

____________